Monday, March 21, 2011

IL-LEJL TAL-IRĠULIJA ta’ Sergio Grech, Horizons Publications, 2010.

Lil Sergio Grech bosta jafuh f’rabta mal-qasam tal-ktieb u tax-xandir, l-iktar in relazjoni ma’ programmi għar-radju dwar il-letteratura, il-kultura u l-wirt Malti. Huwa wkoll l-awtur tal-bijografija Patri Feliċjan Bilocca – Ħajtu u Żminijietu 1914-1987 li ħareġ fl-2004. Il-poeżiji tiegħu dehru f’bosta antolġiji poetiċi u letterarji lokali (fosthom VERSI tal-Għaqda Poeti Maltin) ppubblikati minn diversi għaqdiet tal-Malti. Illum huwa wkoll impenjat fil-Kunsill tal-Ktieb. Il-Lejl tal-Irġulija huwa l-ewwel rumanz tal-kittieb żagħżugħ Sergio Grech. Huwa xogħol li jifrex fuq ftit inqas minn 140 paġna u jinqasam f’25 kapitlu.

Xi temi ttrattati fir-rumanz:

Fost it-temi ttrattati hemm il-kritika kontra sistema edukattiva li tnissel biss mibegħda lejn il-ktieb. Hemm il-motiv tal-“babbu”: Robert iħossu dgħajjef quddiem personalitajiet b’saħħithom u ribelli jew ġellieda bħal zitu Lina (impenjata b’ruħha u ġisimha fl-Azzjoni Kattolika), u missieru (wieħed mis-“suldati tal-azzar”). Dan hu rumanz li jirrakkonta l-bidla, it-triq lejn il-maturità ta’ dan iż-żagħżugħ, Robert. Dan tal-aħħar jista’ jinftiehem bħala l-antieroj “mans” tas-snin 80.

Grech jagħtina wkoll stampa vera ta’ minn xiex għaddew il-familji Maltin matul is-snin, fosthom is-snin 80 u l-firda bejn il-Partit tal-Ħaddiema u l-Knisja.

Hemm ukoll it-tema ambjentalistika (mill-ġdid f’kapitlu 21), din id-darba mhux dwar il-kaċċa, imma dwar il-qirda tar-raba’ saqwi.

Żewġ personaġġi nisa importanti fil-ħajja tal-protagonist huma z-zija Lina u martu Angele, anki simboli ta’ dinja li temmen fit-tradizzjonali kontra dinja moderna u emanċipata. Il-ħelsien totali mill-“gaġġa” li kien trabba fiha Robert iseħħ biss mad-difna ta’ zitu Lina. Huwa hawn meta ddoqq is-siegħa tal-irġulija.

Ir-rumanz mill-perspettiva stilistika u temporali:

Jolqot mill-ewwel ir-ritmu mexxej tan-narrazzjoni u anki l-lingwaġġ figurattiv li juża Grech regolarment magħmul minn xbihat li għalkemm sempliċi jirriflettu bniedem li mhux nieqes mir-riflessjoni. Dawn huma xbihat li Grech iħaddem anki biex jiddeskrivi stati ġewwiena u għalhekk astratti li l-protagonist Robert jgħaddi minnhom waqt il-proċess ta’ maturazzjoni tiegħu.

Il-qarrej ta’ dan ir-rumanz qasir jaffaċċja saffi temporali u ġenerazzjonijiet differenti. Hemm il-bużnannu tan-narratur, Ġamri; in-nannu, Stejfen; il-missier, Ġakbu (li ’l quddiem isir James), li jintrabat mas-snin 50. Hawnhekk jissemmew Elvis, James Dean, ir-Rediffusion, Fred Buscaglione, Norman Hamilton, Carmen Carbonaro, Papa Pawlu VI, il-kuntrast jaħraq bejn Mintoff u l-Isqof Gonzi, l-Interdett, u Dun Ġorġ Preca. Hemm imbagħad in-narratur stess, Robert iż-Żebedew, li jintrabat maż-żmien tal-preżent li jifrex mis-snin 80 (Charles Arrigo, L’Uomo Tigre, L’Italia Sette, Papa Luciani, Umberto Smaglia u Colpo Grosso, it-telenovela Messikana Anche i ricchi piangono, Marco Masini, Telemike u Mike Bongiorno, il-Canale 5, Sabrina Salerno, it-Tv Sorrisi e Canzoni, it-Tutto, Hazard, u Antonello Venditti, is-Sibtijiet mużikali ta’ Twanny Scerri u l-marċi ta’ Anthony Aquilina, Hector Dalli, Vincenzo Ciappara, Antonio Miruzzi u Andrew Coleiro), sal-bidu tat-tielet millennju. F’rabta mas-snin 80 min ma jiftakarx sitwazzjonijiet bħal din: “Kien għadu l-ajruport l-antik, Ħal Luqa, bis-suldati mqiti jħarsu suppervi u għajjura lejn il-passiġġieri li se joħorġu mqar għal ftit ’il barra minn dan il-pajjiż.” Jissemmew ukoll l-inċidenti li seħħew f’Tal-Barrani f’nofs is-snin 80, il-qtil politiku fil-Gudja, u l-liberalizzazzjoni fil-qasam tax-xandir.

Dawn huma kollha riferimenti konkreti u spissi li jorbtu l-azzjoni tar-rumanz ma’ żmien jew żminijiet partikulari. Hekk riferimenti għal elementi bħalma huma “blogg”, “Xarabank”, “Favourite Channel”, “e-bay”, “wine bars”, “Paceville”, “Internet Explorer”, “YouTube”, “speed cameras”, “limewire.com”, “web page”, imma anki l-problemi li laqtu lill-Knisja (bħall-pedofilija), jintrabtu direttament maż-żmien tal-preżent.

L-awtur żagħżugħ jagħti ħarsa lejn epoki differenti permezz ta’ personaġġi (mela perspettivi jew punti di vista) differenti: Robert; il-ġenituri tiegħu, iz-zija Lina. Hekk jissemmew il-bidliet li ġabu magħhom is-snin 60, ir-rigorożità fejn jidħlu valuri u twemmin kontra l-mentalità permissiva li bdiet tissaħħaħ aktar maż-żmien beda jgħaddi.

Apparti dawn, hemm riferimenti oħrajn li jikxfu ċerta bagalja kulturali li jġorr miegħu kull kittieb: matul il-qari ta’ Il-Lejl tal-Irġulija jissemmew Mozart, Pavarotti, Garcia Marquez, Shakespeare, Patri Born, Monteverdi, Domenico Caprile, Dun Karm Psaila, Dante u Beatrice, Il Postino, Pablo Neruda, Antonio del Pollaiolo, Federico Fellini u Pier Paolo Pasolini. Mela fost oqsma oħrajn, Sergio Grech jislet mill-istorja tal-mużika, taċ-ċinema, tal-letteratura, tat-televiżjoni u tal-leġġendi. Ma jonqsux ukoll bosta riferimenti għal episodji u personaġġi bibliċi.

Il-kapitli huma qosra u dan jgħin biex il-qarrej jgħaddi minn wieħed għall-ieħor bla tbatija ta’ xejn. Fir-rumanz tiegħu Grech ma jużax mezzi termini: hekk isejjaħ b’isimhom lil Mintoff, lil Gonzi, lill-Partit Nazzjonalista u Laburista, lill-Brigata, l-In-...Tagħna u lil Karmenu. Grech jalterna bejn kapitli fejn naraw il-protagonist, Robert, għadu student jew ftit ikbar, u Robert iktar matur u miżżewweġ.

Hemm imbagħad il-waqtiet meta Grech jifqgħek bid-daħk, anki permezz tal-parodija, bħal meta jiddeskrivi r-rit tat-tindif tal-airgun minn missieru James (f’kapitlu 16).

Lingwistikament Sergio Grech iħaddem taħlita ta’ Malti Semitiku u modern (mela Taljan u xi drabi Ingliż), imma korretta u meqjusa. Xi minn daqqiet juża anki frażijiet idjomatiċi direttament mit-Taljan. Min-naħa l-oħra Grech għażel li jżomm ’il bogħod mil-lingwaġġ irħis, sensazzjonali u vulgari li jitħaddem apposta minn awturi żgħażagħ u kontemporanji oħrajn bil-għan li jagħmlu ħoss u jilħqu udjenzi ikbar. Anki fid-deskrizzjonijiet mill-aktar intimi, Grech jagħżel li jżomm ’il bogħod mill-moqżież. Ħasra li llum min jagħżel din it-triq ironikament ma jkollux daqstant pubbliċità daqs min jagħżel li jissagrifika l-vera letteratura minħabba kwistjonijiet ta’ ambizzjoni u profitt (anki jekk minimi).

Grech ma jiddejjaq xejn jislet anki partijiet liriċi ta’ kanzunetti Taljani jew Ingliżi magħrufa. B’hekk iħajrek tmur tfittex tifkiriet marbutin ma’ epoka bħas-snin 80 fuq il-You Tube biex terġa’ ġġedded it-tifkiriet tiegħek.

F’kapitlu 22 Grech jesperimenta bl-istil taċ-chat fejn Robert u martu jgħaddu ftit ħin jikkomunikaw. L-awtur juża wkoll il-lingwaġġ tekniku taċ-chat: “LOL”, “TTIL”, “GL”, “YL”, “BFN”, “GTG”, u “X”.

Għeluq:

Dan ta’ Sergio Grech hu rumanz li għandu jintogħġob żgur minn min twieled lejn l-aħħar tas-snin 60, nofs is-snin 70 ladarba jerġa’ jixħet lill-qarrej lura lejn żgħożitu u jqanqal fih bħal sens qawwi ta’ nostalġija. Dik li jagħtina Sergio Grech f’Il-Lejl tal-Irġulija mhix biss storja ta’ individwu, imma anki storja politiko-soċjo-kulturali ta’ pajjiż sħiħ. Huwa wkoll rumanz li jħallik b’togħma tajba, b’sens ta’ trankwillità u soddisfazzjon, daqslikieku kien flixkun inbid mill-ifjen. Ta’ min wieħed ifaħħar l-għażla ta’ Sergio Grech li jkun differenti mill-kurrent ewlieni tal-kittieba żgħażagħ tal-proża billi għażel stil u kitba nadifa imma interessanti u pjaċevoli tassew.

Patrick Sammut

Tuesday, March 8, 2011

Kumewawa, iben il-ġungla ta’ Tibor Sekelj, maqlub għall-Malti minn Karmenu Mallia, Wise Owl Publications, 2010.

Lejn l-aħħar tal-2010 il-Wise Publications ħarġu ktejjeb interessanti ferm bl-isem ta’ Kumewawa, iben il-ġungla, tal-kittieb Slovakk, Tibor Sekelj. Dan huwa rumanz ta’ 72 paġna, oriġinarjament miktub bl-Esperanto u ra d-dawl fl-1979. Jirrakkonta l-avventura ta’ grupp ta’ persuni li minħabba li l-vapur tagħhom jinkalja fi xmara f’nofs il-ġungla tal-Amażonja, ikollhom jgħaddu xi żmien f’nofs din id-dinja kompletament differenti minn dik li huma mdorrija jħabbtu wiċċhom magħha. Sekelj ilaqqagħna ma’ tfajjel Indjan li jgħin lil dan il-grupp ikampa f’nofs dan l-ambjent affaxxinanti imma fl-istess ħin perikoluż u ta’ theddida kbira u kontinwa.

Minkejja li huwa tfajjel, Kumewawa huwa meqjus bħala raġel mit-tribù tiegħu ladarba rnexxielu jitgħallem jgħix waħdu fil-ġungla. Il-qarrej jinduna li l-ġungla hija fiha nnifisha l-ikbar skola għan-nies li jgħixu fiha, l-ikbar għajn ta’ għerf. Hemmhekk jgħixu l-bhejjem ta’ natura u daqs differenti, fejn mhux bilfors li l-ikbar annimal huwa tal-akbar theddida. Hemmhekk l-ikbar bniedem jinduna kemm huwa fil-fatt ċkejken quddiem il-misteri u l-forzi tan-natura. Fil-ġungla l-bniedem jitgħallem ikun attent għal kull dettall, ħoss jew moviment, għax inkellha jispiċċa ħażin fi żmien qasir. Fil-ġungla l-bniedem matur jaf kif iqabbad in-nar mingħajr sulfarini, jikkaċċja, jagħraf il-pjanti ta’ ġid għalih minn dawk li huma ta’ deni, jafda lil jew jaħrab minn bhejjem differenti. Kumewawa huwa t-tfajjel li jgħix f’armonija sħiħa mal-ġungla ta’ madwaru u dan anki billi jirrispetta dak kollu li hemm ġewwa fiha. Hemm ukoll Nikuċap, id-”daqni”, jew in-narratur tar-rakkont, li f’dan ir-rakkont huwa wkoll l-alljev ta’ Kumewawa, minkejja li huwa ikbar fl-età mit-tfajjel Indjan.

Fih innifsu dan ir-rumanz qasir jew rakkont twil jista’ jinftiehem bħala stedina biex il-bniedem ”modern” jirrispetta l-ambjent naturali li f’dawn l-aħħar snin tqiegħed taħt theddida kbira minħabba l-progress aggressiv li seħħ bla kontroll ta’ xejn. Huwa wkoll tfakkira li l-bniedem fl-aħħar mill-aħħar ġej min-natura; Sekelj bħal ifakkarna wkoll kemm tbegħedna bla ma nafu mill-oriġini tagħna bħala bnedmin. Il-qarrej bħal jistaqsi jekk il-ħajja moderna li drajna ngħixu fiha hix verament komda daqs kemm naħsbu. Ifakkarna li l-bosta kumditajiet artifiċjali li ngħixu id f’id magħhom huma biss tal-mument u li għalihom ħallasna u għadna nħallsu prezz għoli ferm, prezz li l-konsegwenzi tiegħu se jibqgħu jinħassu għal żmien twil fil-ġejjieni. Permezz ta’ Kumewawa l-awtur Slovakk ifakkarna kemm huma importanti r-rispett lejn ommna n-natura, l-armonija u l-ekwilibriju bejn dak li nieħdu mingħandha u dak li nagħtuha.

Hawnhekk irridu nagħtu ġieħ ukoll lix-xogħol tat-traduttur, Karmenu Mallia. Kien biss permezz tiegħu li stajna ngawdu xogħol letterarju bħal dan miktub bl-Esperanto. U r-rabta ta’ Karmenu Mallia mal-Esperanto hija b’saħħitha sewwa. Huwa president tal-Malta Esperanto-Societo, membru-fundatur tal-Għaqda Kittieba Esperantisti (Esperantista Verkista Asocio), membru tal-Universala Esperanto-Asocio u tal-Akkademja tal-Esperanto. Huwa wkoll l-awtur ta’ għadd ta’ ġabriet ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Esperanto, bil-Franċiż u bl-Ingliż, u anki ta’ rumanz bl-Esperanto bi sfond Malti. Ippubblika wkoll divesi artikli bl-Esperanto fuq l-istorja u l-letteratura ta’ Malta f’diversi rivisti barranin. Apparti Kumewawa, Mallia qaleb mill-Esperanto għall-Malti il-kors tal-Esperanto, magħruf bħala l-”Kors ta’ Zagreb”, u ppubblika wkoll Zamenhof, il-ħajja tal-awtur tal-Esperanto. Karmenu Mallia ttraduċa wkoll numru sabiħ ta’ poeżiji miktubin minn membri differenti tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ daħla kritika mill-pinna tal-Prof. Oliver Friggieri, miġburin fil-ktieb Malta Nuntempa Poezio, li ħareġ fl-2009.

Kumewawa, iben il-ġungla, kif miġjub fil-Malti minn Karmenu Mallia jinqara faċilment u bi pjaċir kbir. U dan huwa prova li t-traduttur tas-sengħa jrid ikun midħla sewwa kemm tal-lingwa li minnha qed jittraduċi (hawnhekk l-Esperanto), kif ukoll fil-lingwa li fiha qed jaqleb ix-xogħol oriġinali (f’dan il-każ il-Malti). Din il-pubblikazzjoni hija mżejna b’numru ta’ tpinġijiet ta’ Joanne Ellul Genovese li jgħinu lill-qarrej joqrob dejjem iktar lejn l-ambjent tal-ġungla.

Tibor Sekelj twieled fl-1912 u miet fl-1988. Studja l-liġi u tgħallem l-iskultura, il-pittura u aktar tard ir-reġija. Kien ġurnalist u traduttur ta’ djalogi ta’ films. Bejn l-1939 u l-1954 għex fl-Amerika t’Isfel fejn ħa sehem f’numru ta’ spedizzjonijiet. Studja l-etimoloġija u l-arkeoloġija. Fl-1988 Tibor Sekelj qatta’ wkoll xi jiem f’Malta fejn iltaqa’ ma’ diversi għaqdiet kulturali, fosthom il-Malta Esperanto-Societo.

Patrick Sammut