Sunday, May 15, 2011

Quest for Identity – the mellieħa experience ta’ Paul P. Borg

Kif kelli l-okkażjoni ngħid iktar minn darba qabel, illum is-suq tal-ktieb lokali mhux nieqes minn pubblikazzjonijiet li jintrabtu ma’ riċerki varji f’rabta ma’ aspetti differenti tal-kultura Maltija. Minkejja li pajjiżna huwa fiżikament ċkejken, nafu li huwa sinjur ħafna f’oqsma oħra bħalma huma l-Istorja, ir-riżorsi umani, il-letteratura u l-bqija.

Quddiemi għandi pubblikazzjoniji interessanti li rat id-dawl fl-2010. Volum imdaqqas ta’ kważi 500 paġna jġib l-isem ta’ Quest for Identity – the mellieħa experience, ta’ Paul P. Borg. Huwa xogħol ippubblikat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, it-tieni wieħed fis sensiela Ħannieqa Kotba Melleħin. Dan mhux l-ewwel ktieb tal-awtur f’relazzjoni mal-etnografija u lanqas l-ewwel f’rabta mal-inħawi tal-Mellieħa. Fis-sena 1989 Paul P. Borg kien ippubblika Selmun u l-Inħawi, fl-1996 Selmun – A story of love, fl-2000 u 2002 iż-żewġ volumi Snajja’ u Xogħol il-Maltin, u fl-2007 l-ewwel volum Nismagħhem jgħidu.

Quest for Identity – the mellieħa experience huwa maqsum f’erba’ taqsimiet ewlenin li jġibu l-isem ta’ “What man lives by”; “The environment”; “National memory”; u “Quest for identity”. Fl-ewwel taqsima Paul P. Borg jgħaddilna 21 esperjenza differenti marbutin ma’ daqstant individwi li għexu fl-inħawi tal-Mellieħa. Fost dawn naqraw it-tiġrib ta’ bdiewa nisa u rġiel, għannejja, mużiċisti, rgħajja, eremiti, pitturi u anki l-Prof. Godfrey Wettinger, li anki huwa għadda parti kbira minn tfulitu u rġulitu fil-Mellieħa. Interessanti huma l-laqmijiet tal-persuni intervistati li kollha kemm huma b’xi mod jew ieħor jirriflettu kemm epoka kif ukoll l-ambjent fejn għexu: ta’ Pawlu tal-Qantara, tan-Nezz, tal-Blaj, ta’ Salvu taz-Zomblu, ta’ Pirrex, l-Għawdxi, ta’ Żamżam, il-Pajż(an), ta’ Vanġiela, ta’ Vestru, il-Kaptin u oħrajn.

F’din l-ewwel taqsima (li ttul mal-225 paġna) naqraw dwar il-ħrejjef, il-biżgħat, it-tbatija, is-superstizzjonijiet, l-ikel u l-ħxejjex, l-għerusija, iż-żwieġ, l-esplojtazzjoni tal-ħaddiem, il-mewt , l-għeruq, is-siġar, żmien il-gwerra, l-imħabba, il-qiegħa, ix-xogħol fl-għelieqi u fil-barriera, il-banda tar-raħal, il-ħajja fil-ħabs u fir-raħal, ir-razzett, it-trobbija tal-bhejjem, l-għerien, l-imġiebaħ u l-produzzjoni tal-għasel, il-ħdim tal-qoton, is-sajd, it-tunnara, l-għana u l-mużika ta’ dari, u mitt ħaġa oħra.

Fit-tieni taqsima (86 paġna) Paul P. Borg jiddeskrivi fid-dettall l-ambjent fiżiku u naturali li minnu huma magħmula dawn l-inħawi. Hawn naqraw fost ħwejjeġ oħra dwar Wied Mistra, il-Gżejjer ta’ San Pawl, il-ħitan tas-sejjieħ, is-salini, is-sigrieti tal-ħamrija, l-għerien, il-binjiet tad-difiża, il-barriera antiki u s-sienja.

Borg isemmi t-tielet parti “National Memory” (54 paġna). Hawn l-awtur jiftaħ b’kitba bl-isem ta’ “National unconsciousness?” biex ifakkarna li parti kbira mit-tort għall-fatt li nsejna min aħna bħala poplu – u b’konsegwenza għat-tkissir tal-ambjent naturali mill-isbaħ li għandna fi gżiritna u dak kollu (tanġibbli u intanġibbli) li jintrabat miegħu - huwa tagħna minħabba l-apatija u l-indifferenza, jew anki “injuranza”, tagħna bħala poplu fi kwistjonijiet bħal dawn, kwistjonijiet li jintrabtu wkoll mal-Identità li tagħmilna Maltin. Sa minn ħafna snin ilu Paul P. Borg ħadem biex l-għerf tax-xjuħ tagħna ma jintilifx fix-xejn ladarba huma jmutu. Tkellem magħhom wiċċ imb wiċċ għal sigħat twal dwar aspetti differenti tal-ħajja tagħhom, irrekordjahom u ttraskriva dan it-tagħrif kollu bla ma qalgħu mill-kuntest li fih twieled. Dan l-għerf u dan it-taħrif kollu jagħmel parti minn dik li tissejjaħ “Memorja Nazzjonali”, dik li lilna tal-lum tgħinna nifhmu aħjar minn fejn ġejjin u b’hekk inkunu individwi u soċjetà aħjar u aktar konxja ta’ dak li verament jagħmilna Maltin.

F’dan ir-rigward jikteb ukoll dwar ir-rwol tal-letteratura: “...I also beleive in the functionality of literature: it reflects brightly and documents perfectly the little details and nuances of the national character. Literature is the manner in which one can document facts and feelings and the resulting emotions that are experienced through the writer-reader relationship. I have therefore attempted this method in this section as a means to exteriorize individual feelings as the real pinnacle od a social conscience hidden in a collective unconsciousness.”

Fir-raba’ taqsima (54 paġni) naqraw dwar aspetti oħra bħall-bidwi matul is-snin, l-importanza tal-ħamrija u r-rabta tal-individwu mal-ispazju u l-ambjent li jgħix fih, is-soċjetà li warrbet kull tip ta’ sensittività, ix-xogħol tal-etnografu, l-importanza tas-snajja’, il-kliem u l-ilsien, u ħwejjeġ oħrajn.

Quest for Identity – the mellieħa experience huwa ktieb kollu kemm hu ħiereġ mill-qalb ta’ bniedem li verament iħobb lil pajjiżu u lil ġensu. Wara kull taqsima nsibu numru ta’ ritratti bil-kulur li jkomplu jagħtuna stampa ċara tal-inħawi li Paul P. Borg jikteb dwarhom. Jinkludi fih partijiet miġjuba bid-djalett u siltiet minn għanjiet li missirijietna kienu jkantaw f’okkażjonijiet differenti. Importanti wkoll huwa l-fatt li din id-darba Paul P. Borg għażel li jgħaddilna dan it-tagħrif kollu bl-Ingliż, mela b’ilsien li jista’ jinftiehem anki minn miljuni ta’ barranin li jistgħu jaqraw u jgawdu parti mis-sabiħ ta’ dik il-kultura li tagħmilna Maltin bl-ilsien internazzjonali.

PATRICK SAMMUT

San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna ta' Pawlu Mifsud

San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna (2010) ta’ Pawlu Mifsud, awtur u pubblikatur, hija pubblikazzjoni ta’ 133 paġna, u li ħarġet fl-okkażjoni ta’ Għeluq il-50 Sena mill-Miġja tal-M.U.S.E.U.M. tas-Subien fil-Fgura. Dan il-ktieb għandu erba’ messaġġi: mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona; mill-Isqof t’Għawdex, Mons. Mario Grech; mis-Superjur u mis-Superjura Ġenerali tal-M.U.S.E.U.M. Victor Delicata u Phyllis Falzon, rispettivament.

Is-sabiħ ta’ ktieb bħal San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna hu li jinqasam f’124 taqsima, kollha qosra apposta biex ma jgħajjewx lil dan li jkun. Fihom Pawlu Mifsud jittratta aspetti varji bħall-isem ta’ Dun Ġorġ, it-tfulija tiegħu, l-ewwel tagħlim, il-mard li kellu jħabbat wiċċu miegħu, ir-relazzjoni tiegħu maċ-ċkejknin u ma’ Patri Piju, l-umiltà tiegħu, il-figura tal-Madonna u tal-Kurċifiss f’ħajtu, missieru, il-funeral tal-qaddis, il-mirakli li wasslu għall-kanonizzazzjoni u wara għall-beatifikazzjoni tiegħu, kliem il-Papa Benedettu XVI dwaru, u bosta iktar. Huma taqsimiet li wieħed jista’ jaqra faċilment u jillimitahom għal waħda sa tlieta kuljum, biex b’hekk ikollu anki ħin għar-riflessjoni dwar il-ħajja siewja ta’ bniedem mudell bħalma kien San Ġorġ Preca.

Pawlu Mifsud għalhekk jurina fil-qosor il-ħajja ta’ Dun Ġorġ, il-qdusija u t-tjieba tiegħu, it-tagħlim tiegħu, u kif Alla nqeda bih biex ixandar il-Kelma tiegħu. Dak tiegħu hu ktieb li jfakkarna fi kliem Dun Ġorġ stess: “Immela meta tisma’ xi ħaġa, ieqaf bil-ħsieb tiegħek fuqha u erda’ u iġbed minnha skond il-forzi tiegħek il-ġid li tista’.” Għalhekk San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna huwa ktieb li jgħinna biex inkunu mhux biss Insara, imma anki bnedmin aħjar.

Il-ktieb huwa don fih innifsu, u l-awtur-kittieb jagħmel bosta sagrifiċċji biex jipproduċih. Jonqos biss lilna li nuru r-rikonoxximent tagħna ta’ dawn ix-xogħlijiet fejjieda billi nixtru, naqraw u ngawdu mill-benna li jafu joffrulna.

PATRICK SAMMUT

Paul’s Churches and Chapels on Malta and Gozo/ Il-Knejjes u l-Kappelli ta’ San Pawl f’Malta u Għawdex ta' Victor Mallia Milanes

Ktieb ieħor ferm interessanti jġib l-isem ta’ Paul’s Churches and Chapels on Malta and Gozo/ Il-Knejjes u l-Kappelli ta’ San Pawl f’Malta u Għawdex tal-Professur Victor Mallia-Milanes, u bi preżentazzjoni ta’ Mgr Alfred Xuereb, mis-Segreterija Partikolari tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI. Anki dan ħareġ fl-2010 u huwa ktieb bilingwali, din id-darba bl-Ingliż u bil-Malti. Anki hawnhekk it-traduttur huwa Dr Joseph Axiaq u d-dar tal-pubblikazzjoni hija l-Libreria Editrice Vaticana, flimkien ma’ Reliġjon u Ħajja (ĊAK). Din hija pubblikazzjoni ta’ 153 paġna, megħjuna minn Biblijografija u Indiċi dettaljati, flimkien ma’ numru ta’ ritratti bil-kulur marbutin mal-kult Pawlin fil-gżejjer tagħna.

Dan hu ktieb li jorbot flimkien l-Istorja mal-Arti. Hekk jikteb l-awtur fid-Daħla: “L-istorja u l-arti huma żewġ attributi li f’dan il-każ huma interdipendenti, wieħed jirrifletti lill-ieħor. Kollox ma’ kollox, il-viżjoni artistika hija estensjoni tal-imgħoddi kollettiv tal-gżejjer. Kull żmien, bid-diversità tiegħu, ħalla l-wirt tiegħu kemm fil-qasam kulturali kif ukoll f’dak artistiku. Dan il-fenomenu huwa muri b’mod ċar ħafna fil-knejjes u l-kappelli li nsibu mifruxa kullimkien fil-gżejjer, fiċ-ċentri urbani u fil-kampanja. Għar-raġuni ewlenija ta’ dan ix-xogħol, sa niffoka biss fuq dawk is-santwarji, kbar u żgħar, li huma ddedikati lil San Pawl li maż-żmien, forsi qatt ma aħna se nkunu nafu bl-eżatt meta, inħatar ukoll Qaddis Patrun tal-Istat Malti.

Għaldaqstant huwa l-għan ta’ dawn il-paġni li joffru ħarsa ħafifa lejn din il-konverżjoni gradwali, jew aħjar trasformazzjoni spiritwali, kif tidher fil-bosta knejjes u kappelli li l-Maltin u l-Għawdxin bnew matul is-sekli u b’devozzjoni sinċiera ddedikaw lill-Appostlu San Pawl. Kull binja hija dikjarazzjoni storika interessanti, kif ukoll espressjoni arkitettonika u artistika ta’ din id-devozzjoni”.

Paul’s Churches and Chapels on Malta and Gozo/ Il-Knejjes u l-Kappelli ta’ San Pawl f’Malta u Għawdex jinqasam fi tliet taqsimiet ewlenin. L-ewwel taqsima ġġib l-isem “Il-Kuntest Pawlin”, u fiha Mallia-Milanes jittratta l-Valur tat-Tradizzjoni, in-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u l-Knisja Primittiva f’Malta. Fit-tieni taqsima jiġu ttrattati “Il-Knejjes”: il-Katidral Metropolitan fl-Imdina; il-Knejjes Kolleġġjati ta’ San Pawl Nawfraġju fir-Rabat (Malta), u fil-Belt (Valletta); il-Knisja tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi; il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfraġju, fil-Munxar (Għawdex); u l-Bażilika tal-Martirji ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur (Għawdex). It-tielet taqsima mbagħad tittratta “Il-Kappelli”: tal-Miraklu tal-Lifgħa (San Pawl tal-Ħuġġieġa) f’San Pawl il-Baħar, u oħra f’Burmarrad; tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Bormla u f’Birkirkara; ta’ San Pawl Nawfraġju f’Marsalforn (Għawdex) u f’San Pawl tat-Tarġa; u kappelli oħra mxerrdin fil-kampanja.

Anki dan il-ktieb jimmira għal iktar minn objettiv wieħed: huwa frott ta’ riċerka fih innifsu; iħajjar lil aktar barranin biex joqorbu aktar lejn il-wirt artistiku u arkitettoniku Pawlin fil-gżejjer tagħna; u jagħti opportunità lill-qarrej barrani biex jagħti daqqa t’għajn lejn ilsienna, u dan bis-saħħa tas-sabar ta’ traduttur bħal Dr. Joseph Axiaq li għax xogħol tiegħu ħaqqu prosit.

PATRICK SAMMUT

L’amore di Dio è più grande delle tempeste e dei naufragi – Il viaggio a Malta ta' Papa Benedittu XVI

Ktieb interessanti ferm, għalkemm żgħir, iġib l-isem ta’ L’amore di Dio è più grande delle tempeste e dei naufragi – Il viaggio a Malta, tal-Papa Benedettu XVI. Huwa ktieb li ħareġ mil-Libreria Editrice Vaticana fl-2010 (is-sena meta fakkarna u ċċelebrajna l-1950 sena mill-miġja ta’ San Pawl f’Malta) u t-test huwa miġjub f’żewġ ilsna li huma t-Taljan u l-Malti. Mela dan il-ktejjeb ta’ 150 paġna jinqasam fi tnejn: il-parti oriġinali miġjuba bit-Taljan, u t-tieni parti hija t-traduzzjoni għall-Malti li saret minn Dr. Joseph Axiaq, prinċipal tal-Arti u l-Lingwi fi ħdan il-MATSEC (L-Università ta’ Malta) u għalliem tal-pedagoġija u l-metodoloġija tal-Malti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni (L-Università ta’ Malta).

L’amore di Dio è più grande delle tempeste e dei naufragi – Il viaggio a Malta jinkludi tmien diskorsi tal-Papa Benedettu XVI u intevista li saret lilu waqt il-laqgħa Tiegħu ma’ Mons. Alfred Xuereb tas-Segreterija Partikolari tal-Papa. Huma d-diskorsi li l-Papa għamel bejn is-17 u t-18 ta’ April tas-sena 2010, waqt iż-żjara Tiegħu f’Malta. L-ewwel diskors huwa dak li Benedettu XVI għamel lill-ġurnalisti waqt it-titjira, li jġib l-isem “Il-Vanġelu Forza ta’ Fejqan u ta’ Purifikazzjoni”. Hemm ukoll id-diskors li l-Papa għamel mal-wasla Tiegħu f’Malta fejn iħeġġeġ biex pajjiżna jibni pontijiet ta’ ħbiberija u ta’ komprensjoni, bl-isem ta’ “Rwol kruċjali biex isaħħaħ il-fiduċja u d-djalogu fil-Mediterran”. Diskors ieħor huwa dak li l-Papa għamel qrib il-Grotta ġewwa r-Rabat, fejn irringrazzja lill-missjunarji tax-xhieda evanġelika tagħhom, intitolat “Il-kelma divina hija sfida għalina għall-mod ta’ kif naħsbu u ngħixu”. Isegwi d-diskors li Benedettu XVI għamel matul il-quddiesa fil-Furjana fejn fakkar li Alla jistieden lil kull bniedem għal relazzjoni ta’ mħabba, “Il-ħniena ta’ Alla tfejjaq il-ġrieħi tad-dnub”.

Diskors ieħor hu dak li sar fir-Regina Caeli fil-Furjana, bl-isem ta’ “Grazzi għall-appoġġ lill-ministeru tal-Papa”. Fid-diskors “Alla jħobb lil kull bniedem u l-Knisja ma tiċħad lil ħadd”, Benedettu XVI isejjaħ liż-żgħażagħ għad-dover li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-foqra u lill-emigranti. L-aħħar diskors li l-Papa għamel waqt iż-żjara Tiegħu f’Malta seħħ f’Ħal Luqa fejn Huwa jitlob lil Malta biex tibqa’ taħżen l-identità Kristjana, intitolat “Lill-immigranti – għajnuna u rispett għad-drittijiet”. L-aħħar diskors inkluż f’dan il-ktieb huwa dak li l-Papa għamel nhar il-21 ta’ April 2010 fl-udjenza ġenerali fejn waqt li jiftakar fil-vjaġġ tiegħu f’Malta jenfasizza l-paċi bħala l-vokazzjoni vera tal-bniedem, “L-imħabba ta’ Alla hija aqwa mit-tempesti u nawfraġji”.

Interessanti ferm hija l-parti aħħarija fejn naqraw l-intervista ma’ Mons. Alfred Xuereb, bl-isem ta’ “Pawlu, Benedettu u r-rigal tal-Maltin”. Dan il-ktieb huwa mżejjen ukoll b’sett ta’ ritratti bil-kulur li jfakkru waqtiet differenti taż-żjara tal-Papa Benedettu XVI fil-gżejjer tagħna. Dan ix-xogħol seta’ jseħħ permezz tal-attenzjoni ta’ Patri Prof. Edmondo A. Caruana, O. Carm.

Dan huwa ktieb li għandu jinxtara u jinqara f’nifs wieħed: fih hemm il-kliem mimli għerf tal-Papa preżenti; hemm ukoll ittrattati bosta kwestjonijiet li qed jolqtu lid-dinja tal-lum; nifhmu aħjar ukoll x’inhu r-rwol ta’ Malta u tagħna l-Maltin u Nsara quddiem dan kollu. Dan huwa wkoll ktieb li żgur se jinbiegħ barra minn xtutna u għalhekk se jkun hemm l-opportunità għall-barrani biex joqrob ftit iktar lejn ilsienna, dan l-ilsien Ewropew b’influwenzi Semitiċi qawwijin.

PATRICK SAMMUT