Saturday, June 18, 2011

LA JERĠA’ JASAL DIĊEMBRU ta’ Lina Brockdorff, KKM 2010.

Dan m’huwiex l-ewwel xogħol narrattiv ta’ Lina Brockdorff. L-ewwel rumanz tagħha kien Kien kwinta l-qamar li ħareġ fl-1974 u anki fl-2008. Xogħlijiet narrattivi oħra huma Sireni u Serenati (2004), Il-Bieb Numru Ħdax (2007) u Bellus u Bizzilla (2008). La jerġa’ jasal Diċembru huwa rumanz li jifrex fuq 225 paġna u jinqasam fi 23 kapitlu. Għandu “Merħba lill-qarrej” mill-pinna ta’ Brockdorff stess, u “Kelmtejn qabel” ta’ Ray Mahoney.

Personaġġi u tematika:

La jerġa’ jasal Diċembru jiftaħ b’żewġ żgħażagħ, Irlandiża u Malti, x’imkien fuq l-irdumijiet ta’ Cork, fl-Irlanda. Għalissa ma nafux min huma eżattament. Minn kapitlu 3 niltaqgħu ma’ Marina, protagonista f’dan ir-rumanz. Dik tagħha xejn ma hija ħajja faċli. Hija tiftakar fl-ewwel imħabba tagħha, li fil-preżent hija biss tifkira. Dawk ta’ Marina huma tifkiriet ta’ erba’ snin qabel, fi żmien il-Milied, meta hija u l-maħbub tagħha (“Dak”) jinħabbu. Ironikament, l-inkwiet għal Marina jibda meta tinqabad tqila. Għalhekk hija titlob l-għajnuna ta’ żijitha fl-Isla.

Personaġġ ieħor huwa s-saċerdot żagħżugħ li miegħu tiftaħ qalbha Marina, u li jwegħedha li jgħinha. Marina tgħaddi minn ħafna waqtiet diffiċli imma hemm oħrajn li fihom ix-xorti titbissmilha. Marina tiddeċiedi li tfittex xogħol u bis-saħħa ta’ Dun Ġużepp issib wieħed f’uffiċċju ta’ neguzjant fil-Marsa.

Inħoss li tema ewlenija fir-rumanz ta’ Brockdorff hija r-rikonċiljazzjoni. Bħal sajjetta fil-bnazzi Marina tisma’ li missierha ddaħħal l-isptar (kapitlu 12) b’attakk ta’ qalb u ftit wara miet. Ftit qabel mewtu talab lil martu biex taħfirlu u biex tgħid lil bintu li kien iħobbha u anki lil binha. Toħroġ l-umanità wara l-qoxra ta’ bniedem bla qalb. Id- demm ma jsirx semm. Minkejja li kien bniedem imqit, missier Marina jħalli bħal vojt warajh. U ommha tibqa’ miġbuda lejh. Jinstabu l-flus li kien iwarrab Vitor, u anki somma mdaqqsa għal Marina.

Tema oħra hija dik tal-ġirien li jridu jilħqu salib ħaddieħor. Dan narawh meta s-Sur Peter Portelli, l-imgħallem ta’ Marina, jitlobha biex teħodlu ħsieb lil bintu għal xi jiem waqt li jkun imsiefer ma’ martu marida u Marina taċċetta. L-ilsna ħżiena jerġgħu jidħlu f’kapitlu 18, u dan anki f’waqt ta’ ferħ bħalma huwa t-tieġ bejn Peter u Marina. Jissemma l-imgħoddi ta’ Marina u l-qlajja’ li daħħlet fin-nofs mill-ġdid lil Dun Renato.

Spazji u żmien:

Il-bidu tar-rumanz jitqiegħed fil-ftuħ tal-irdumijiet ta’ Cork, fl-Irlanda. Taħkem l-isbuħija tal-ambjent naturali u l-isfond huwa dak tal-leġġendi u tat-twemmin antik. It-tieni kapitlu joħodna f’nofs is-snin 60, din id-darba fil-Mellieħa. L-ispazju issa huwa wieħed magħluq, eżattament dak ta’ ħanut tax-xorb Malti tipiku: Brockdorff tagħtina deskrizzjoni dettaljata tal-irwejjaħ, x’jingħad, l-inkwatri, l-inbid u l-kafè, il-logħob tal-karti, u ximindaqqiet, il-ġlied u l-piki.

Spazju magħluq ieħor huwa dak tad-dar ta’ Vitor u martu Tereż, flimkien ma’ binthom Marina. L-għeluq fiżiku jirrifletti b’xi mod il-ħajja miżera li kienet tgħix Marina f’dar missierha. Apparti l-Mellieħa hemm spazju ieħor li għandu rwol ewlieni fir-rumanz: l-Isla. Il-Mellieħa u l-Isla jistgħu jiftehmu bħala żewġ spazji opposti: tal-ewwel jintrabat ma’ passat mimli wġigħ, u l-ieħor ma’ preżent virtwalment stabbli.

F’rabta maż-żmien tas-sittinijiet jissemma xi inkwiet fit-Tarzna u anki l-involviment tal-union. Jissemma wkoll il-kappillan anzjan u l-biża’ mill-Infern. Aktar ’il quddiem naqraw bil-każ tal-ommijiet xebbiet, xi jħossu meta waqt il-ħlas ikunu waħedhom. Jissemmew il-festa tal-Bambina fl-Isla, imma anki l-problemi li ġabet magħha l-funzjoni tal-Magħmudija minħabba li t-tarbija kienet bla missier. Hawn wieħed jiftakar fiż-żewġ uċuħ ta’ Alla, li jaħfer skond xi wħud, u li jikkastiga skond oħrajn.

Spazju ieħor huwa l-gżira ta’ Għawdex. Marina tikkonvinċi lil ta’ madwarha jmorru jum f’din il-gżira. Kollox ikun sejjer tajjeb sakemm il-mawra tispiċċa ħesrem hekk kif Marina tilmaħ lil “Dak” fl-istess ristorant, u dan 10 snin wara li tkun ratu l-aħħar.

Stil:

Parti mill-istil hija l-lingwa li tuża Brockdorff. Interessanti hija l-espressjoni li tintrabat ma’ epoka partikolari, “Kienet taf ben tajjeb...” (kapitlu 4). Idjomi interessanti oħra huma “ma kellhiex ta’ uffu” (kapitlu 13), u “ma tvinċihiex” (kapitlu 14). Apparti d-deskrizzjonijiet ta’ ċerta qawwa ta’ Brockdorff, l-awtriċi jirnexxilha tidħol f’moħħ Marina u tiddeskrivi l-beżgħat li jaħkmuha - l-aktar kif hija taħseb f’missierha -, it-tamiet, it-tifkiriet, l-inċertezzi u s-sodisfazzjonijiet tagħha. Brockdorff tirrakkonta sal-iċken irqaqat, anki ċerti ħwejjeġ li nagħmlu ta’ kuljum bħax-xirja tas-Sibt u n-naxra. Wieħed jistaqsi jekk dawn humiex dettalji żejda jew għelm ta’ realiżmu fir-rumanz.

Hemm l-għadab tal-missier (deskritt b’mod tajjeb ferm) malli jsir jaf mingħand Dun Renato bl-inkwiet ta’ bintu. Marina titlaq minn dar il-ġenituri u ssib kenn fid-dar ta’ zijitha. Mill-ġdid niskopru li dan kollu hu flashback, mela diġà seħħ.

Il-flashback hija għaddejja matul parti kbira mir-rumanz. Anki f’kapitlu 11 Brockdorff tfakkarna li dak kollu li qed jiġi rrakkontat seħħ diġà. L-aħħar parti ta’ dan il-kapitlu bħal tintrabat temporalment mal-bidu tar-rumanz. Jingħad li issa Franco, bin Marina, għandu tliet snin.

Aktar ’il quddiem naqraw bil-ħsibijiet jew bit-thewdin ta’ omm li daqt waslet biex twelled. Mill-ġdid taħkem ċerta profondità psikoloġika.

Kull kitba għandha r-ritmi u t-tonalità jew tonalitajiet tagħha. Brockdorff tgħaddina minn estrem għal ieħor apposta: mill-qilla tal-missier, il-malafama u t-theddid tiegħu, għall-imħabba taz-zijiet, Ċikka u Toni fl-Isla. Minn waqtiet ta’ tensjoni għal oħrajn ta’ sliem u mistrieħ. Anki f’kapitlu 15 isseħħ traġedja li bħal tibdel id-destin ta’ Marina: tmut mart is-Sur Portelli barra minn Malta.

Ma jonqsux lanqas ir-riferimenti għaż-żmien għaddej. Naqraw ukoll dwar l-ewwel ċaqliq tat-tarbija. Nafu li f’kapitlu 8 diġà għaddew ħames xhur minn mindu Marina telqet minn dar missierha. F’kapitlu 13 għaddew 8 snin minn mindu Marina ħabbet lil “Dak”. Aktar referenzi temporali jinsabu f’kapitlu 18: meta Peter u Marina jiżżewġu, Juliette (bint Peter) ikollha 5 snin, u issa għaddew 5 snin oħra. Franco għandu 17-il sena. F’temp ta’ kapitlu wieħed jgħaddu wkoll 7 snin oħra li Franco jgħaddihom fl-Università biex jilħaq tabib. Mela sal-kapitlu 18 l-azzjoni tar-rumanz tifrex fuq bejn wieħed u ieħor 25 sena. F’kapitlu 19 tissemma sena partikolari, Diċembru tal-1999. Jissemmew ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-bidu tal-millennju l-ġdid.

Lanqas jonqsu partijiet li għandhom mill-poeżija, fejn jaħkmu wkoll xbihat u analoġiji mill-isbaħ.

Il-patos huwa element ieħor li Brockdorff spiss tirrikorri għalih. Hawn l-awtriċi tipprova tmiss il-qlub tal-qarrejja billi tirreferi għal ħsus qawwija bħall-ħniena, il-ħasra u l-bqija. Dun Renato jmur iżur lil Marina għand zijietha. Jistqarr l-inkwiet li missierha u ġara tagħhom tefgħuh fih u jitlob l-għajnuna ta’ Marina. L-inkwiet ma jehdiex: Marina titla’ quddiem l-arċisqof biex tiddefendi lil Dun Renato, imma ma tisma’ bl-ebda aħbar. Missierha jhedded liz-ziju Toni.

Aktar qsim il-qalb jasal mal-mewt taz-ziju Toni. Franco, iben Marina, jibqa’ jistaqsi ċerti mistoqsijiet dwar il-mewt u dwar missieru.

Jitħaddem ukoll l-istil tal-ittra: fiha omm Marina twissiha kontra missierha u turi x-xewqa li tisma’ b’aħbarha.

Huwa f’kapitlu 16 meta l-qarrej jibda jħoss kif se jispiċċa r-rumanz jew kif se tiżvolġi l-azzjoni. Wieħed jistaqsi jekk kollox hux se joqgħod u jsib postu fl-aħħar. Madankollu f’kapitlu 17 Brockdorff terfagħlna bħal climax u ftit wara anti-climax. Dak tagħha hu rumanz li jimxi ’l quddiem permezz ta’ nżul u tlajja’, b’alternanza bejn waqtiet sbieħ u oħrajn koroh.

Kapitlu 20 hu wieħed li bħal jerġa’ jqajjem il-fantażmi tal-imgħoddi: Marina, Dun Renato u “Dak” (Michael, li hu wkoll missier Franco) jerġgħu jiltaqgħu, u dan 26 sena wara li seħħew ħwejjeġ li biddlu l-ħajja ta’ Marina minn lejl għal nhar. Stilistikament dan iservi biex jinxteħet dawl fuq avvenimenti li fil-passat jew f’kapitli bikrija kienu tħallew bħal mhux mitmuma. Hemm ukoll skoperta li taħsad lill-qarrej. Il-wasla ta’ Franco tispjega ’l għaliex ta’ din iż-żjara misterjuża. Hemm l-ironija tad-destin – dak li xi darba ried joqtol lil Franco, ibnu, billi ma jħallihx jitwieled (l-abort), jiġi salvat minn ibnu stess wara inċident tat-traffiku, u dan bla ma Franco jaf li dak li salva hu l-veru missieru.

Kapitlu 21 jixħet dawl fuq l-imgħoddi ta’ Dun Renato. Imma fl-istess ħin jerġa’ jorbot flimkien żewġt itruf li kienu ilhom mifrudin 26 sena. Imbagħad kapitlu 23 jintrabat strutturalment mal-ewwel kapitlu. Insiru nafu eżattament x’rabta kellhom u min huma dawk iż-żewġ żgħażagħ li fetħu r-rumanz. Il-bikja aħħarija ta’ Michael bħal issaffih u tgħinu jaċċetta r-realtà u jimmatura biex fl-aħħar jibni ġejjieni sod. U dan jagħmel minn La jerġa’ jasal Diċembru rumanz bi tmiem pożittiv.

Għeluq:

F’kapitlu 21 naqraw hekk: “Kemm taf tkun stramba u misterjuża n-nisġa tal-ħajja tal-bniedem!” Huwa proprju dan dak li r-rumanz ta’ Lina Brockdorff juri. Naqraw ukoll li, “Fuq kollox huwa l-passat dak li jagħmilna aħna llum.” Il-ħajja tiġi ppreżentata bħala konkatenazzjoni ta’ kawża u effett, ta’ avvenimenti li spiss il-bniedem m’għandux kontroll fuqhom. La jerġa’ jasal Diċembru ta’ Lina Brockdorff għandu jintlaqa’ tajjeb minn min iħobb jaqra storja interessanti msejsa fuq ħsus u tiġrib pożittivi mingħajr ma jirrikorri għal ċerti bassezzi li donnhom illum saru moda għal ċerti kittieba emerġenti. Inħoss li, apparti struttura tajba, dan ta’ Brockdorff jibbaża fuq l-aspett uman, aktar milli l-aspett tas-sensazzjonaliżmu rħis, u dan għandu jkun l-element li jagħmel minn dan ir-rumanz apprezzat minn min iħobb letteratura ġenwina.

PATRICK SAMMUT

Saturday, June 4, 2011

Kitbiet dwar it-Teatrin – Testimonjanzi, Intervisti u Analiżi ta' Mario Azzopardi (ed.)

Ktieb li għaddewli ftit xhur ilu huwa Kitbiet dwar it-Teatrin – Testimonjanzi, Intervisti u Analiżi, ippubblikat mill-Malta Drama Centre u l-Ministeru tal-Edukazzjoni (2010), u editjat minn Mario Azzopardi. Din hija pubblikazzjoni li tifrex fuq 134 paġna u hija ddedikata “Lil dawk kollha li ħabbew u għadhom iħobbu t-teatru, kemm bħala sfog kif ukoll għal raġunijiet aktar sottili”. Il-ktieb għandu Introduzzjoni tal-Ministru Dolores Cristina. Fost affarijiet oħra Cristina tikteb li “hawn se jkollna dokumentazzjoni aġġornata dwar ġeneru ta’ divertiment li ta’ spiss hu miżinterpretat jew denigrat.” Aktar ’il quddiem tfakkarna li “t-teatrin għad għandu reżonanzi ċari sal-lum għax l-idjoma tat-teatrin għadha preżenti fostna llum ukoll, anki fi nħawi bħall-Istitut Kattoliku jew fuq il-mezzi televiżivi, fejn il-forma tintuża saħansitra għall-pubbliċità ta’ prodotti jew ditti magħrufin”.

Kitbiet dwar it-Teatrin – Testimonjanzi, Intervisti u Analiżi għandu għaxar taqsimiet u żewġ appendiċi. Il-Prof. Oliver Friggieri jikteb dwar “Aspetti tat-Teatrin”, li jikteb hekk: “Bħalma l-opra u l-operetta kellhom xorti kbira fi ħdan klassi soċjali waħda, hekk ukoll it-teatrin kellu l-qawwa li jaqdi l-ħtiġiet ta’ firxa kbira ta’ Maltin, dejjem bil-malti u skont damma ta’ sitwazzjonijiet li jingħarfu mill-ewwel, imqar jekk huma mwasslin b’xogħol maqlub minn ilsien ieħor. Kull meta t-traduzzjoni mhix biżżejjed biex tilħaq il-grad għoli ta’ appell immedjat mal-udjenza, jidħol l-hekk imsejjaħ ‘adattament’; it-traduttur iħossu ħieles biżżejjed li jitbiegħed mill-oriġinal u jqarreb kollox lejn in-nies tiegħu.”

Dr Marco Galea jikteb dwar “It-teatrin: Bejn il-Protesta u l-Biża’”, fejn jittratta minn lenti storika t-tentattivi tat-teatrin li jkun proġett sovversiv u l-kundizzjonijiet politiċi u soċjali li llimitaw dan il-proġett. Definizzjoni utli hija din: “Bil-kelma teatrin nifhmu dak it-tip ta’ teatru popolari magħmul mid-dilettanti, ħafna drabi fi strutturi żgħar jew improvvizzati u marbutin mal-komunità li toħloqhom. Hu teatru li jiffunzjona bi ftit riżorsi u ħafna drabi hu assoċjat mal-klassijiet il-baxxi tas-soċjetà, għalkemm ma kienx dejjem hekk. F’ħafna sensi kien fenomenu ddeterminat mill-iżviluppi politiċi u kulturali li seħħew f’Malta mal-bidu tal-ħakma Ingliża f’Malta.”

Taqsima oħra ġġib l-isem ta’ “Erba’ intervisti dwar it-teatrin fil-Ħamrun”. Hawnhekk Mario Azzopardi jintervista lil erba’ personalitajiet marbutin mat-teatrin: Pawlu Camilleri (maniġer tal-palk għal qabel u waqt l-ispettaklu); Emanuel Grima (Il-Baħri), imdaħħal fil-kumpanija Sons of Malta. Parti minn xogħlu kien dak li josserva sewwa x’kien qed iseħħ fil-films u jitgħallem mill-mod ta’ kif kienu jinterpretaw il-parti l-atturi. Mario Azzopardi jintervista wkoll lil Maria Azzopardi xebba Bottiglieri, miżżewġa lil Karmenu (Ta’ Tusè) li f’żgħożitu kien jirreċta u jkanta f’teatrin żgħir. Ir-raba’ intervista ssir lil Franz Spiteri (it-Taljan), involut l-aktar mal-Ħamrun Dramatic Company. Interessanti f’din it-taqsima huwa wkoll in-numru mdaqqas ta’ teatri li jissemmew u li kienu jeżistu fl-imgħoddi fosthom it-Teatro Melita, it-Teatro Eldorado, it-Teatro Reale aktar tard mibdul fl-Odeon Theatre, ir-Radio City Opera House, it-Teatru Conquerer, it-Teatru Baden Powell, it-Teatru Paolino Vassallo, it-Teatru Bellini li wara sar Forum Theatre, it-Teatru Buckingham, it-Teatro de Paula, it-Teatru Sliema, it-Teatru Crystal Palace, l-Oratoru Sagra Familja u bosta oħrajn. Jissemmew ukoll bosta kumpaniji , xogħlijiet u personalitajiet marbutin mal-qasam tat-teatrin.

Il-Prof. Charles Briffa jikteb dwar “Tifkiriet dwar it-Teatrin f’Birkirkara”. Hawn naqraw dwar l-udjenza, il-provi, id-differenza bejn ir-reċta u r-realtà, it-teatrin li jdaħħaq, it-teatrin traġiku, u r-rwol tat-teatrin fil-kultura tar-raħal. Dwar dan Briffa jgħid hekk: “It-teatrin, attività ta’ mistrieħ, kien effettiv fil-ħajja tar-raħal għax daqqa kien ħarba u daqqa kien element li jappella għas-sentimenti bażiċi. Iżda dejjem kien forza attiva: jirrifletti u jinfluwenza l-kultura tar-raħal. Kien jimpressjona l-moħħ u l-qalb tan-nies.”

Dr Immanuel Mifsud jittratta “Il-proġett ta’ teatru popolari fir-Raħal Ġdid tas-snin sebgħin: il-farsa u t-traġedja tal-passjoni”. Mifsud isemmi fost oħrajn l-ewwel attivitajiet tat-teatrin f’Raħal Ġdid permezz ta’ inizjattiva magħrufa bħala t-Teatrin ta’ Żeppi, li kienet ittella’ wirjiet ta’fares. Jikteb li l-Knisja kienet l-uniku produttur tat-teatru f’Raħal Ġdid mis-snin ħamsin sa tmiem is-snin disgħin. Mifsud jikteb ukoll dwar is-Serata tal-Abbatini u d-Dramm tal-Passjoni.

Mario Azzopardi jikteb dwar aspetti oħra tat-teatrin. Taqsima oħra ġġib l-isem ta’ “Noti storiċi dwar l-attività teatrali fir-Rabat: Francis Ebejer u t-teatrin”. Interessanti dak li Francis Ebejer jikteb f’ittra (tal-1973) lil Mario Azzopardi dwar it-teatrin tal-Imnarja: “[Permezz ta’ L-Imnarja Żmien il-Qtil] tajt, sa fl-aħħar, omaġġ ċkejken, kif dejjem xtaqt nagħti, lit-teatrin, mhux għax irridu jerġa’ jqajjem rasu, iżda għax kien hu li rawwem fija l-imħabba lejn it-teatru; imlieli mnifsejja bir-riħa tiegħu li ma tmurli qatt – fis-swali ta’ Ħad-Dingli u tar-Rabat, il-Ħadd, għal xi ħames jew sitt sigħat kull darba, u jien kont żgħir ħafna u kont immur għalih... U kemm jista’ jkun aqwa l-kuntrast bejn l-isterilità ta’ dawn in-nies u l-kuntrarju fejn jidħlu l-fniek!”

F’taqsimiet oħra Mario Azzopardi jintervista lil Paul Xuereb (ara “Profil u “Prospetti” tat-Teatrin”), u jikteb ukoll dwar “It-teatru f’Għawdex u l-poter tradizzjonali”. Hawn jistqarr li l-ġrajja tat-teatru mtella’ f’Għawdex minn dejjem kellha, bħal f’malta, profil ekkleżjastiku qawwi. Żewġ taqsimiet oħra jġibu l-isem ta’ “Kemm nixtieq li s-suġġiera terġa’ tibda tfesfes” ta’ Albert Marshall, u “Sansun u t-teatrin” tal-Prof. Joe Friggieri. Is-“suġġiera” kienet bħal bokka-kaxxa li “waqt ir-reċta, l-atturi tat-teatrin kienu jduru magħha donnhom żunżan max-xehda, biex meta ma tagħtihomx il-memorja u jeħlu, is-suġġeritur fil-kaxxa tal-maġija kien jagħtihom il-battuta u qisu qatt ma ġara xejn”. Joe Friggieri jagħtina rakkont ħelu u mibni b’sengħa u b’sinċerità liema bħalhom dwar l-attur tat-teatrin Giovanni Maria Vincenzo Salvatore Meli, magħruf bħala Ġamri, u l-partijiet tiegħu bħala Ġuda, Barabba u Sansun.

Fl-aħħar parti ta’ Kitbiet dwar it-Teatrin – Testimonjanzi, Intervisti u Analiżi Mario Azzopardi jinkludi żewġ appendiċi, wieħed ittra mingħand Charles Clews fejn dan tal-aħħar iwieġeb diversi mistoqsijiet li sarulu minn Azzopardi dwar it-teatrin u materji relatati. Fl-appendiċi l-ieħor Mario Azzopardi jikteb dwar “Il-Kumpanija Siparju”, kitba fejn, fuq talba tal-persuni intervistati, l-ismijiet tar-raħal, tal-kumpanija, titli ta’ xogħlijiet u ta’ ċerti nħawi, jiġu mibdula. F’din l-aħħar kitba wieħed jaqra dwar l-evolviment relattiv tal-Grupp, xi kummidjanti Maltin, u dwar il-kumplessità tal-klawn.

Kitbiet dwar it-Teatrin – Testimonjanzi, Intervisti u Analiżi huwa pubblikazzjoni interessanti ferm, imsejsa fuq ir-riċerka u l-esperjenza diretta ta’ numru ta’ personalitajiet marbutin mad-dinja tat-teatrin.

PATRICK SAMMUT