Sunday, October 30, 2011

ID-DEBĦA TAL-FEJQAN ta’ Maurice Mifsud Bonnici

Id-Debħa tal-Fejqan hu rumanz li jifrex fuq 398 paġna u jinqasam fi 18-il kapitlu. Jiftaħ b’tagħrif “Dwar l-Awtur” u b’“Kelmtejn qabel mill-Awtur”. Insibu wkoll introduzzjoni kritika mill-Prof. Charles Briffa bl-isem ta’ “It-Teknika tan-Narrattiva”.

Mill-perspettiva temporali u spazjali:

Dan huwa rumanz fejn Maurice Mifsud Bonnici jagħżel li jambjentah fi Sqallija tal-preżent. L-azzjoni ssir fi bliet bħal Katanja, Taormina, imma anki Napli. Spazju li jaħkem sewwa fir-rumanz preżenti huwa dak ġewwieni li jintrabat ma’ dak li jgħaddi minn moħħ il-protagonisti. Hemm drabi meta Mifsud Bonnici jidħol ’il ġewwa sewwa fil-psikoloġija (mela spazju intimu u privat) kemm tal-marid kif ukoll tal-qraba. Hemm ukoll l-ispazju tal-isptar sigriet fejn l-infermiera u t-tobba għandhom numru mhux isem. F’kapitlu 13 nidħlu fi spazju ieħor, dak tal-awla tal-Qorti.

F’kapitlu 17 l-awtur joħodna f’nofs laqgħa tal-Kumitat ta’ Azzjoni tal-Mafja biex jurina xi jkun qed jingħad. Dan jintrabat mal-omnipreżenza tan-narratur li spiss jiġri minn post għal ieħor biex nifhmu aħjar dak li jkun għaddej.

Personaġġi u tematika:

Sa mill-ewwel kapitlu niltaqgħu mal-familja Paolini fuq naħa, u fuq l-oħra ma’ temi bħalma huma t-theddida mill-Mafja (naqraw anki bl-użu tal-ittri anonimi) u mill-mard. Tiġi ttrattata l-kwistjoni tat-trapjanti tal-organi umani u l-ħtieġa tagħhom. F’sitwazzjoni diffiċli bħal din hemm il-ġlieda bejn is-sentimentaliżmu u r-raġuni. Tidħol ukoll il-kwistjoni etika, medika u legali; hemm ukoll elementi kuntrastanti bħalma huma l-ħajja u l-mewt, ix-xjenza u l-Fidi. Fil-fatt l-awtur jagħti bosta spazju lill-element tat-twemmin. Kontra l-vendetta, il-gideb u t-tnassis jispikkaw valuri bħalma huma l-ħbiberija, is-sinċerità, il-verità u l-maħfra. F’kapitlu 10, att estrem ta’ altruwiżmu u ġenerożità jitpatta b’att ieħor daqstant ġeneruż min-naħa tal-familja Paolini. Mifsud Bonnici jagħti importanza kbira lis-sentimenti umani: tispika l-imħabba bejn il-membri tal-familja Paolini.

L-awtur jittratta wkoll it-tema tas-sensazzjonaliżmu li jfittxu l-mezzi tax-xandir, bla ebda rispett lejn il-persuna umana. Tema oħra li tirrifletti l-attwalità tar-rumanz ta’ Maurice Mifsud Bonnici hija l-ġlieda bejn il-politiċi u l-ġudikatura Taljana, apparti l-organizzazzjoni kriminali tal-Mafja li għandha kuntatti ma’ kull qasam tas-soċjetà. Dan jintrabat ukoll mat-tema tal-ġustizzja fittizzja. Hemm il-poliitiċi li jinqdew bil-ġustizzja għall-ambizzjonijiet personali tagħhom.

Waħda mill-protagonisti hi Marija Paolini, mara b’saħħitha, bniedma ta’ azzjoni u determinata li tirbaħ l-ostaklu li hemm quddiemha b’kull mezz. Hija tasal fejn il-liġi u l-etika ma jwasslux, u dan għall-imħabba lejn bintha. F’kapitlu 9 wieħed jiftakar fil-qawl li jgħid li dak li hu tajjeb għal wieħed hu ħażin għall-ieħor. Bħalma d-destin ta’ Grazzjella jinbidel għall-aħjar, dak tal-umli Feliċjana u bintha Fiorella jinbidel drastikament. Hawn jibda bħal donnu jidwi iktar l-eku tat-tifla tibki li nstema’ fl-isptar sigriet. Jidħol l-element tas-sekwestru ta’ persuna, l-għajbien ta’ minorenni u l-attività illegali tal-organi għat-trapjanti.

Tema oħra fir-rumanz hija l-Ġustizzja. Fit-tieni parti tar-rumanz, mela meta Mifsud Bonnici joħodna fl-awla tal-Qorti, huwa jfakkarna spiss fil-frażi li biha x-xhieda jieħdu l-ġurament li jgħidu l-verità. Il-mod kif tiġi ppreżentata grafikament juri l-fatt kemm dan il-waqt hu biss formalità u xejn aktar, li jseħħ b’għaġla kbira u awtomatikament. Hawn wieħed jistaqsi kemm għandhom valur il-ġurament u l-verità fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-bniedem? Dan jintrabat ma’ dak li jgħid il-maġistrat Pippo Paolini waqt il-proċess tiegħu: il-bniedem lest iktar li jemmen lill-kriminal u l-giddieb milli lill-bniedem rett u li ħadem ħajtu kollha kontra l-korruzzjoni (p. 319). Quddiem il-gideb u l-omertà Pippo Paolini, issa avukat, eks-maġistrat, iktar juri determinazzjoni li jiġġieled u jeqred l-għadu tiegħu. F’waqt minnhom hu jgħid, “Il-mewt m’hi xejn fejn il-Ġustizzja” (p. 324). Jgħid ukoll li l-“Mafja trid tinqered minn pajjiżna, u l-Mafja ma tinqeridx sakemm hemm l-omertà.” (p. 359) Tinħass ċerta titubanza u biża’ min-naħa tal-kummissarji tal-pulizija ta’ Katanja u ta’ Napli li jerfgħu ċerta responsabbiltà waħedhom. Anki hawn biża’ mill-vendetta tal-Mafja?

Joħroġ ukoll il-fatt li l-Ministru, rappreżentant tal-qasam politiku, hu dak li jiddeċiedi x’għandu jsir u mhux il-Ġustizzja. Dan jirrifletti kif inhuma l-fatti fil-verità, u dan mhux biss fl-Italja kontemporanja. Il-politiku għandu saħħa iktar mill-maġistrat u mill-avukat. Maurice Mifsud Bonnici jirnexxilu joħroġ sewwa l-atmosfera ta’ suspett (tema ewlenija oħra) li taħkem f’soċjetà bħal din, fejn kulħadd jista’ jkun spija tal-Mafja u jwasslilha dak li jkun sema’.

Stil:

Strutturalment dan ir-rumanz jissejjes fuq siltiet twal ta’ deskrizzjojni u oħrajn iqsar ta’ narrazzjoni. Hemm ukoll partijiet djalogati. Il-qarrej mill-ewwel iħoss li d-deskrizzjoni mħaddma minn Mifsud Bonnici hija b’saħħitha, kemm dik tal-ambjenti esterni, u iktar u iktar dik li tintrabat ma’ dak li jkun għaddej ġo moħħ u qalb il-bniedem imġarrab. Is-saff introspettiv huwa b’saħħtu: l-awtur jurina tajjeb x’jgħaddi minn moħħ omm li tara lil bintha sejra lura f’saħħitha jum wara jum, u anki ta’ mara miżżewġa li taf li żewġha qiegħed fil-mira tal-Mafja. Xi drabi jinħass li ċerti partijiet setgħu kienu iktar konċiżi jew ma ġewx ripetuti. Ma ninsewx però li dawn huma l-mekkaniżmi narrattivi li jlaħħmu rumanz twil bħal dan u li jgħinu lill-qarrej jidħol iktar fl-istorja. Għalhekk hemm partijiet fir-rumanz li narrattivament jimxu ftit ’il quddiem minħabba d-dimensjoni deskrittiva; oħrajn (bħal Kapitli 7 u 8) jimxu sewwa ’l quddiem mil-lat ta’ narrazzjoni/azzjoni. Dawn huma kollha xejriet li jagħmlu lil dan ir-rumanz adattat saħansitra biex jinqara fuq ir-radju, jew, min jaf, jiġi addattat għat-televiżjoni. Ximindaqqiet Mifsud Bonnici jagħti ħjiel ta’ malajr ta’ x’jista’ jiġri fil-ġejjieni qrib f’rabta mad-donatur sigriet. Dan jinduna bih biss il-qarrej attent.

Kapitlu 8 huwa wieħed mill-itwal tliet kapitli tar-rumanz (41 paġna). Hawn l-istorja timxi ’l quddiem sewwa. Hemm dettall kemm vertikali (u dan meta nerġgħu naqraw deskrizzjonijiet tal-kuraġġ u tal-qtigħ il-qalb li jgħaddi minnhom il-bniedem imġarrab), kif ukoll orizzontali (il-wasla fl-isptar sigriet u t-tama li fl-aħħar it-trapjant se jsir).

Il-bniedem iserraħ rasu dwar ċerti ħwejjeġ u jibda jinkwieta dwar oħrajn ġodda. Ladarba l-ostaklu tal-marda jintrebaħ, il-familja Paolini jkollha taffronta ostaklu ieħor daqstant diffiċli. U dan żgur jgħin biex l-enerġija narrattiva tar-rumanz tinżamm b’saħħitha u b’hekk il-qarrej ikompli jaqra b’ċertu entużjażmu.

Anki l-ironija hija mekkaniżmu narrattiv ta’ ċerta saħħa. Wieħed jistaqsi kif min tant nies Mifsud Bonnici għażel lil mart maġistrat biex tirrikorri għal modi illegali biex tfejjaq lil bintha. Ironikament hija hi wkoll li tbaxxi rasha quddiem il-liġi mafjuża tal-omertà, aspett li l-maġistrat Paolini tant iġġieled kontrieh. Hemm ukoll l-ironija drammatika (Kap. 9), mela dik is-sitwazzjoni meta l-qarrej ikun jaf iktar mill-istess protagonisti tal-ġrajja. B’mod effettiv ħafna u permezz tat-teknika tal-gradazzjoni Maurice Mifsud Bonnici jwassal għal wieħed mill-climaxes tar-rumanz. Is-suspetti li l-qarrej diġà kellu issa jsiru fatt u ċertezza. Id-destin tal-maġistrat jiġi kompromess. Anki hawn terġa’ tispikka s-saħħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni li kapaċi jagħmlu ħsara kbira lil min hu integru.

Minn kapitlu 6 ’il quddiem it-tul tal-kapitli jibda jżid sewwa (Kap. 1, 10 paġni; Kap. 2, 5 paġni; Kap. 3, 13-il paġna; Kap. 4, 13-il paġna; Kap. 5, 5 paġni; Kap. 6, 22 paġna; Kap. 7, 28 paġna; Kap. 8, 41 paġna; Kap. 9, 30 paġna; Kap. 10, 21 paġna; Kap. 11, 22 paġna; Kap. 12, 19-il paġna; Kap. 13, 26 paġna; Kap. 14, 24 paġna; Kap. 15, 22 paġna; Kap. 16, 48 paġna; Kap. 17, 44 paġna; Kap. 18, paġna waħda). Dan jista’ jgħejja lill-qarrej, imma dan jintrabat mal-fatt li aktar kemm nimxu ’l quddiem fir-rakkont, aktar tikkomplika ruħha t-trama f’sens pożittiv. F’rabta ma’ dan f’korrispondenza personali Maurice Bonnici kitibli hekk: “Dawk it-taqsimiet tal-aħħar li int għaraft tant tajjeb li kienu twal iżżejjed, jien għamilthom hekk apposta għax ridt li l-qarrej iħoss ukoll dik l-għeja li kienet qed tħoss Marija meta kienet qed tgħix ħajja li f'dak l-istadju kienet ikkomplikatilha tant li filġitha. Ridt ukoll biha nfisser il-ħerqa u l-perseveranza li kellu Pippo biex jifli l-intriċċi tal-ġustizzja fid-difiża ta' martu Marija u tiegħu nnifsu, bla heda tul iż-żmien, biex dak li joħroġ wara b'dak li jkun kiseb, jispikka aktar fuq il-qarrej - ir-rebħa tal-ġustizzja u tal-fama tiegħu bħala avukat ta' stoffa. Iżda bil-ġustizzja tiegħu li wera b'tant ħila fil-Qorti u li biha ħareġ rebbieħ, ma setax jikseb il-ħelsien minn dak li d-destin fassallu."[i]

Għalkemm il-qarrej seta’ ssuspetta min seta’ kien id-donatur, huwa f’kapitlu 9 fejn l-awtur jurina li huwa fil-ħakma tal-iżvolġiment tar-rakkont tiegħu. Huwa hawn fejn Mifsud Bonnici jintroduċi żviluppi ġodda li jagħtu nifs u enerġija friski lir-rakkont. Il-qarrej issa jista’ biss jissoponi x’seta’ seħħ fir-realtà – hemm baħar jaqsam dwar dak li ntqal lil Marija Paolini u dak li seta’ ġara fil-fatt. Ir-rakkont jerġa’ jikseb aktar enerġija f’kapitlu 13 meta jibda l-proċess tal-familja Paolini, bil-Maġistrat bħala imputat! Maurice Mifsud Bonnici jżomm lill-qarrej attent u fuq ix-xwiek daqslikieku kien preżenti hu stess fl-awla tal-Qorti. Dan ikompli f’kapitlu 14: l-awtur jinseġ il-mixja tar-rakkont b’dettall kbir tant li s-sitwazzjoni deskritta anki permezz ta’ mistoqsijiet u tweġibiet taslilna b’mod ħaj ħafna u taħfen lil dak li jkun, tqabbdu kurżità kbira, tgħinu jidentiifika ruħu mat-tajbin filwaqt li jifhem dak li hemm f’moħħ (u x’ġie ppjanat) dawk li jixtiequ d-deni lill-familja Paolini. Taqsima bħal din żgur li tpaxxi lil dawk li għandhom għal qalbhom il-letteratura jew iċ-ċinema ambjentati fl-awla tal-Qorti. Hemm il-botta u r-risposta, waqtiet ta’ tensjoni, oħrajn fejn jaħkmu s-skiet kważi perfett, ir-riflessjoni jew l-emozzjoni.

Bħala lingwa użata, Maurice Mifsud Bonnici iħaddem lessiku mħallat li jieħu kemm mill-Malti safi u Semitiku, kif ukoll minn dak iktar modern, mela li jissellef ħafna mir-Rumanz (Taljan) u mill-Anglo-Sassonu (Ingliż) bħal “tissippja”, “stikk”, “allawdjalu” u “ġigsopażil”. Hemm ukoll espressjonijiet partikolari bħal “kienet tieklu bla katletti” jew “iħoss l-ingara ta’...”, li jolqtu lill-qarrej iktar żagħżugħ. Hemm familjarità mar-reġistru lessikali tal-mediċina, u minn kapitlu 10 ’il quddiem jissaħħaħ l-użu tar-reġistru lingwistiku marbut mal-liġi.

Aspett narrattiv imħaddem regolarment minn Mifsud Bonnici huma r-riferimenti regolari għaż-żmien li għaddej il-ħin kollu (eż. referenza għall-fatt li waslet l-Ewwel Tqarbina ta’ Grazzjella). Il-qarrej jimmaġina quddiem għajnejh dik il-klessidra mimlija ramel li l-ħin kollu u bla ma jistenna lil ħadd jiżloq ’l isfel. Dan joħloq tensjoni u sens ta’ urġenza. Dan ifakkar fil-ġlieda kontinwa li għaddejja bejn il-ħajja u l-mewt. It-tensjoni terġa’ tinħass sewwa f’kapitlu 16 waqt l-interrogazzjoni tax-xhieda mill-prosekuzzjoni u mid-difiża. Għal min hu midħla tal-letteratura tal-Mafja, tipo dik miktuba mill-kittieb Sqalli Leonardo Sciascia, jaf li din l-organizzazzjoni kriminali ma taħfirhiex lil dawk li jkunu qed joqorbu wisq lejn il-verità. Dan hu dak li se jseħħ lill-familja Paolini?

Narrattivament hemm waqtiet fejn iseħħu passi ’l quddiem f’qasir żmien (kapitlu 15), u dan iseħħ biex il-qarrej jikseb spinta ġdida ħa jkompli jaqra bla ma jgħejja jew jiddejjaq. Lejn l- aħħar tar-rumanz (kapitlu 17) jaħkem il-paradoss: hemm il-ferħ tal-avukat Paolini li miexi fit-triq it-tajba biex jikxef l-ingann, u fuq l-oħra, id-diqa ta’ martu li taf li dan kollu se jwassalhom għall-kundanna tagħhom min-naħa tal-Mafja.

Kapitlu 17 jerfa’ sorpriża li taħsad sewwa lill-qarrej – u dan aktar minħabba l-ħeffa li biha tiġi ppreżentata fir-rakkont -, sorpriża li tagħmel parti mill-ġeneru tal-letteratura dwar il-Mafja u anki parti mill-aġir tal-istess Mafja. Fl-aħħar paġni tar-rumanz jaħkem il-patos, imma anki l-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ min ma jaqtax qalbu quddiem il-vjolenza tal-kriminalità.

Għeluq:

Dak li jirrakkonta Maurice Mifsud Bonnici f’Id-Debħa tal-Fejqan spiss rajnieh fiċ-ċinematografija tal-Mafja u anki fuq it-televiżjoni waqt il-bulettini tal-aħbarijiet. Minn dan kollu hu għaraf jinseġ rakkont oriġinali bil-Malti ħaj, b’saħħtu u li jaħkmek mill-bidu sal-aħħar. Dan hu xogħol li juri l-kruha tal-kriminalità fuq naħa, u l-ġenerożità u l-qalb tajba tal-parti l-kbira tan-nies fuq l-oħra. Id-Debħa tal-Fejqan hu titlu tassew adattat. Hemm l-imħabba tal-ġenituri li saħansitra waslu biex issagrifikaw ħajjithom biex tieħu l-ħajja binthom. Id-Debha tal-Fejqan hu anki prova tal-fatt li għad hemm spazju għall-kitba ta’ rumanzi ta’ ċertu tul li jekk miktubin minn id ta’ sengħa għandhom jintlaqgħu tajjeb mill-qarrejja.

Patrick Sammut


[i] E-mail datat 27 ta’ Ġunju 2011.

Saturday, October 1, 2011

Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura, miġbura minn Terence Portelli, 2011.

“Il-ħajku hu poeżija qasira ta’ sbatax-il sillaba mifruxa fuq tliet versi li jaf il-bidu tiegħu fil-Ġappun. Ħafna drabi t-temi ewlenin tiegħu huma n-natura u l-bdil fil-ħajja mal-mogħdija tal-istaġuni.” Ftit ġimgħat ilu ħareġ Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura, ktejjeb ta’ 55 paġna li jiġbor fih ftit aktar minn mitejn ħajku miktubin minn 20 poeta Malti differenti. Dan ma jfissirx li ktieb bħal dan m’għandux il-piż tiegħu. Il-persuna li ħadet ħsieb din il-biċċa xogħol sabiħa u interessanti hija Terence Portelli, lecturer tal-Pedagoġija tal-Malti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta. Kif jikteb fid-Daħla għal dan il-ktieb, Portelli jgħid li bosta kittieba Maltin rabtu isimhom mal-kitba tal-ħajku f’dawn l-aħħar erbgħin sena, ibda minn Anton Buttigieg li twieled fl-1912, u spiċċa b’Sergio Grech li twieled fl-1975. Bejn dawn iż-żewġ estremi hemm poeti oħra bħal Carmel Attard, Louis Briffa, Manwel Cassar, Oliver u Joe Friggieri, Josette Attard, Maurice Mifsud Bonnici, Ġorġ Peresso, John u Joseph Scuberras, Lino Spiteri , Frank Zammit u oħrajn. Xi wħud minn dawn joqogħdu Malta, oħrajn jgħixu barra (fosthom fil-Kanada u fl-Awstralja), uħud ippubblikaw saħansitra ġabriet ta’ ħajku, oħrajn qrajna l-ħajku tagħhom fil-paġni letterarji jew rivisti lokali.

Terence Portelli jistqarr ukoll li Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura għandu l-għan li jilħaq żewġ objettivi: dak letterarju, imma anki dak filantropiku. Infatti pubblikazzjoni bħal din twieldet wara l-avvenimenti tal-11 ta’ Marzu 2011 li laqtu l-kosta tal-Grigal tal-Ġappun u li ħallew eluf kbar mejtin, oħrajn mitlufin u eluf oħra bla dar jew familja. Ma ninsewx lanqas li l-emerġenza nukleari għadha għaddejja sal-lum. Hekk jikteb Portelli: “Meta rajt dan kollu, l-idea li darba kelli li niġbor antoloġija ta’ ħajku bil-Malti reġgħet tkebbset fija. Din id-darba l-isforzi tiegħi setgħu jiksbu aktar sens għax minbarra l-għan letterarju, il-ġabra setgħet tilħaq għan ieħor, għan filantropiku. Infatti, il-qligħ kollu ta’ din il-pubblikazzjoni se jmur għas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.”

Il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktejjeb hija sempliċi imma moderna u li tiġbed l-għajn ukoll. Apparti l-għażla ta’ ħajku f’rabta mal-għoxrin kittieb Malti in kwestjoni, Portelli inkluda wkoll seba’ kummenti ta’ daqstant ħajkisti Maltin dwar dan l-istil ta’ kitba. Huma kummenti jew riflessjonijiet li jgħinu lill-qarrej jifhem aħjar x’inhu l-ħajku, kif jaħdem u kif jinħadem. Laqtuni kummenti bħal dak ta’ Victor Fenech: “Konċiżjoni, suġġettività, assoċjazzjoni u emozzjoni – dawn huma kollha karatteristiċi tal-ħajku u jagħmlu minnu poeżija ta’ stil u ħlewwa liema bħalha.” Oliver Friggieri jgħid li l-ħajku hu “poeżija speċjali [li] tagħlaq u trassas espressjoni qawwija.”, filwaqt li Maurice Mifsud Bonnici, kittieb imġarrab anki fil-kitba tal-ħajku, josserva li “l-ħajku bħal ħelu, meta dduqu jtik li tkompli tieklu u jħajrek biex ma tiqafx [...] jaħkmek taħt snienu sa tibda toħolmu billejl!”. Terence Portelli stess jikteb hekk: “Fiċ-ċokon djamantin tagħhom, il-ħajku jistgħu jitqiesu bħala kullana prezzjuża ta’ esperjenzi mġarrba b’intensità kbira.”

Jiena qattajt ftit ħin mhux ħażin naqra u ngawdi l-benna tal-għażla ta’ ħajku li tana Terence Portelli. Dawn huma ftit mill-ħsibijiet li għaddew minn moħħi matul dan il-proċess. Id-daqs tal-ħajku jfakkar f’ċokon il-bniedem, imma dak li jnissel ifakkar fil-kobor bla tarf ta’ ħsieb il-bniedem, u anki ta’ dak kollu li hemm quddiemu lest biex jiġi mġarrab. Fil-ħajku hemm il-mikrokożmu (il-ħolqien iċ-ċkejken) u l-makrokożmu (il-ħolqien il-kbir), l-atomu u l-big bang fl-istess ħin. Fih hemm ukoll impriġjonat kliem dak il-leħen li mhux kulħadd kapaċi jisma’ għax aljenat jew imħabbat, leħen li jsefsiflek f’waqtiet speċjali biex jurik dimensjonijiet u spazji oħra. Il-qarrej ta’ din il-ġabra jifhem li wara l-ħajku, miktub minn min hu miktub, hemm dejjem il-Bniedem, dak li jaf jieqaf għal ftit mill-ġirja sfrenata tal-ħajja, jirrifletti u joħloq cocktail effettiv ta’ 17-il sillaba, murtal, splużjoni li tħalli l-eku tagħha jirbombja fih għal ħin twil. Il-ħajku mela hu biss il-ġebla li titfa’ fil-baħar, imma mbagħad bħall-ġebla kif tolqot wiċċ l-ilma, inissel ċrieki u ċrieki ta’ riflessjonijiet u jiftaħ bibien fuq orizzonti ġodda.

U dan żgur jintrabat ma’ kliem il-poeta u ħajkista Malti-Awstrajlan, Frank Zammit, li għal intervista li għamiltlu jiena reċentement sostna hekk: “Għalija l-ħajku jiddifferixxi mill-biċċa l-kbira ta’ forom oħra ta’ poeżija billi jagħti aktar xogħol lill-qarrej; għaliex kull qarrej ikollu jfittex hu nnifsu x’hemm aktar wara dawk is-sbatax-il sillaba. L-awtur jagħti biss ħjiel. U aktar minn hekk, qarrejja diversi jistgħu jinterpretaw l-istess ħajku differenti minn xulxin, u kultant anki bil-maqlub ta’ dak li kellu f’moħħu l-awtur! [...] Iżda niddubita jekk il-ħajku hux għal kulħadd, għax jekk il-qarrej ma jkunx ippreparat jew kapaċi jipparteċipa attivament biex jimla l-vojt li ħalla l-awtur, ħafna drabi ma japprezzax il-valur tal-ħajku. Mela l-ħajku mhux għall-qarrej għażżien jew mgħaġġel.” Dan imur kontra dak li jaħsbu xi wħud li l-ħajku minħabba l-qosor tiegħu hu apposta għal dawk li m’għandhomx ħafna ħin x’jaħlu!

Inħoss li fl-għażla tiegħu tal-ħajku għal din il-ġabra Terence Portelli żamm l-aktar marbut mad-definizzjoni oriġinali ta’ dan l-istil ta’ kitba: l-għaqda tal-bniedem man-natura fil-preżent. Parti kbira mill-200 ħajku li naqraw f’Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura hija marbuta mad-dinja naturali, imma fuq in-naħa l-oħra jispikka wkoll it-tiġrib uman.

Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura huwa xogħol oriġinali, demokratiku u frott l-altruwiżmu. Huwa ktieb ċkejken li jinġarr bla ebda diffikultà, mimli b’għadd sabiħ ta’ poeżiji ċkejknin li jidhru innokwi imma li fil-verità joffru sfida lil dak li joħodhom bis-serjetà. Huwa ktejjeb li żgur għandu jifforma parti mill-librerija personali ta’ min għandu għal qalbu l-letteratura Maltija u anki l-qari. Ma ninsewx ukoll li kull min jixtri kopja tiegħu jkun qed jagħti daqqa t’id ukoll lis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar. Grazzi lil Terence Portelli għal din l-inizzjattiva sabiħa li torbot flimkien żewġ gżejjer daqstant imbegħdin u differenti, imma daqstant qrib xulxin.

Patrick Sammut