Sunday, November 6, 2011

Aktar ġabriet ta' poeżija ġodda

  • Meta tkellimni hi... ta’ Therese Pace hija ġabra poetika li għadha ħierġa mill-forn. L-ewwel ġabra poetika ta’ Pace kienet Arpeġġi (2003) li kienet rebħet l-ewwel premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għas-sena 2004. Fl-2009 ħarġet il-ktejjeb ta’ poeżiji bit-Taljan, Sfumature. Meta tkellimni hi... għandu daħla kritika mill-Prof. Charles Briffa. Therese Pace hija waħda mill-vuċijiet poetiċi femminili ewlenin fil-preżent. Favurha għandha t-tħaddim ta’ Malti mirqum, inkluż Malti arkajk u anki Malti aktar modern, flimkien ma’ xbihat mill-isbaħ u oriġinali għall-aħħar, u ritmi mexxejja u naturali. Fil-“Kelmtejn Qabel” Pace tikteb: “It-tema prinċipali f’din il-ġabra hija r-relazzjoni fid-diversità tagħha, dik tal-poeta miegħu nnifsu, dik intima ta’ bejn il-koppja, dik bejn ġenituri u wlied, bejn iċ-ċittadin u l-patrija, ir-relazzjoni tal-preżent mal-passat u mal-futur kif ukoll tal-poeta man-natura u l-ambjent.” Apparti dan hemm temi sekondarji oħra bħat-tama, il-protesta, id-diżillużjoni, l-ambizzjoni, l-umiltà, is-senswaliżmu u l-imħabba. Il-versi ta’ Therese Pace huma garanzija ta’ poeżija awtentika.

  • Spiral ta’ Joe Saliba hija t-tieni ġabra poetika tiegħu wara Vjaġġ (1995). Dan huwa ktieb ta’ 170 paġna li jiġbor fih mal-133 poeżija u mitejn ħajku li l-poeta kiteb mill-1995 ’l hawn. Il-ġabra għandha wkoll żewġ daħliet kritiċi, waħda tal-Prof. Joe Friggieri u l-oħra tar-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott. Joe Saliba għażel li jaqsam din il-ġabra f’erba’ partijiet ewlenija: 1. “Passejn lejn il-Pietà u lura”; 2. “Passejn fil-ġnien tal-Mulej”; 3. “Spiral”; u 4. “Ħajku u mitejn oħra”. Il-qarrej ta’ SPIRAL mill-ewwel jinnota li fil-versi tiegħu Saliba jorbot l-aspetti tradizzjonali ma’ oħrajn moderni. Il-poeżiji tiegħu huma ta’ tulijiet u forom varji, skond il-lehma tal-waqt. Tonalment m’hemmx rabja fil-versi tiegħu. Naraw lill-poeta osservatur tad-dinja umana u anki tal-kożmos li jdawwarha, u dan f’ambjent fejn spiss jaħkem is-skiet. Temi ewlenin fil-poeżiji ta’ Saliba huma l-imħabba, il-familja, ir-relazzjonijiet differenti, il-poetika, it-twemmin, u preżenzi rikorrenti huma l-baħar u anki x-xbieha tal-ispiral. Hija xbieha li tispiċċa biex kważi tistordi lill-qarrej attent, titilfu minn sensih biex tieħdu fuq vjaġġ lil hinn mid-dinja tal-konxju u tħallih jimraħ waħdu f’labirinti li jkexkxuh xi drabi, imma drabi oħra jgħinuh jagħraf aktar lilu nnifsu, min hu, l-għeruq tiegħu. L-ispiral li jikteb dwaru Saliba huwa anki dak li jitfa’ lill-qarrej fih ladarba jibda jaqra u jifli l-versi tiegħu, versi li għandhom kemm mill-utli, kif ukoll mill-pjaċevoli. Quddiem dan l-ispiral m’għandniex ninħakmu mill-biża’, kif bosta jagħmlu malli jilmħu ġabra ta’ poeżiji. F’dan l-ispiral magħmul minn paġni u kliem wieħed għandu jogħdos bil-garanzija li kif jiftaħ għajnejh għandu jsib baħar ta’ għarfien li għandu jagħmlu iktar għani bħala bniedem bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu.
  • Katarsi ta’ Andrew Sciberras hu ktieb li jiġbor fih 50 poeżija ġdida ta’ dan il-poeta żagħżugħ illum stabbilit. Għandu “Daħla” mill-poeta Achille Mizzi. Dik ta’ Andrew Sciberras mhix poeżija li tpaxxik u sserħek. Anzi hija poeżija li tittikak, tisfidak, twasslek għal uġigħ ta’ ras jekk verament tħalliha ssir ħaġa waħda miegħek u tinħakem mir-ritmi daqqiet ta’ martell tagħha. Huma ritmi li jmorru lura fiż-żmien u jfakkru fit-tnabar tribali, fil-gladjaturi jew fil-ħajja iebsa tal-qaddiefa fuq ix-xwieni tal-Ordni. Sciberras iħaddem ritmi mexxejja u rimi interni u dan jikkontribwixxi biex il-poeżija tiegħu ma tinftiehemx biss imma anki tinstema’. Dawk ta’ Sciberras huma wkoll poeżiji li jissejsu fuq xbihat numerużi li jsegwu waħda lill-oħra. Tinħass ħakma eċċellenti tal-ilsien Malti, anki dak ta’ nisel Semitiku. Min-naħa l-oħra huwa ma jiddejjaqx jesperimenta bi kliem ta’ nisel aktar modern. Anki hawn Sciberras jikteb dwar it-twemmin, dwar kwestjonijiet politiko-soċjali, anki internazzjonali, jipprova jagħti awto-definizzjoni permezz tal-versi tiegħu. Il-poeżija hija wkoll vjaġġ fiżiku, vjaġġ ġewwieni u anki vjaġġ fl-istħajjil. Spazjalment Sciberras jimraħ spiss fl-irkejjen tal-moħħ u tar-ruħ, tal-“jien” (spazji ġewwiena), imma anki f’irkejjen marbutin mal-ġejografija tad-dinja. Achille Mizzi fid-Daħla jikteb hekk: “Kollox ma’ kollox meta wieħed jaqra x-xogħol tal-poeti kontemporanji wieħed ma jistax ma jasalx għall-konklużjoni li l-poeżija Maltija issa tbiegħdet ħafna mill-kitba tal-poeti li faqqsu taħt id-dell ta’ Dun Karm - il-poeti tal-erbgħinijiet u l-ħamsinijiet. Bla dubju ta’ xejn li l-Qawmien Moviment Letterarju tas-Sittinijiet u l-esponenti tiegħu ħallew impatt enormi fuq il-poeti ta’ żmienna, impatt li l-kittieba tal-lum qajla jistgħu jinfatmu minnu. Tisma’ ’l hinn u ’l hawn diwi ta’ motivi, tixbihat, espressjonijiet kif ukoll tagħqid ta’ kliem li mid-dehra daħal fis-subkonxju tal-poeti ta’ żmienna u sar parti mill-wirt letterarju Malti. Ta’ dan Sciberras huwa, flimkien ma’ xi oħrajn minn sħabu, eżempju ċar.”

PATRICK SAMMUT

4 ġabriet ta' poeżija

· 24, Triq Ħad-Dwieli hija t-tieni ġabra ta’ poeżiji tal-poeta żagħżugħ Omar Seguna, wara li fl-2001 kien ippubblika l-ġabra Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad. 24, Triq Ħad-Dwieli jifrex fuq 111 paġna u jiġbor fih mal-81 poeżija ta’ temi u stili differenti. Il-ktieb għandu wkoll introduzzjoni minn Mario Azzopardi bl-isem ta’ “L-ekwivoċità ta’ Omar Seguna”. Fid-daħla għal din il-ġabra Seguna mill-ewwel jiddikjara l-importanza li se jagħti lit-temi soċjali, fosthom il-gwerra u l-qerda tal-ħajja, filwaqt li jfakkar li fil-poeżija dejjem issib element awtobijografiku. Matul din il-ġabra ta’ poeżiji toħroġ evidenti wkoll ir-rabta ta’ Seguna mad-dinja tat-teknoloġija informatika. Hawnhekk għandna poeta li qed jipproduċi fit-tielet millennju, imma dan ma jfissirx li m’hemmx fil li jorbtu mal-poeżija preċedenti, kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni nofs tas-seklu 20. Il-ktieb huwa akkumpanjat ukoll minn cd interattiva.


· Santwarju hija ġabra ta’ poeżija ta’ Joe Saliba ġejja direttament mill-Awstralja. Joe Saliba twieled f’B’Kara fl-1941 u emigra ma’ familtu lejn l-Awstralja fl-1959. Fl-2009 kien ġa tana ġabra poetika reċenti oħra bl-isem ta’ Uluru. Did-darba Joe Saliba qed jagħtina 66 poeżija li nkitbu bejn l-1986 u l-2011. Jinkludi wkoll 45 ħajku u traduzzjoni għall-Malti tat-“Talba ta’ qabel it-twelid” ta’ Louis MacNeice. Saliba hawn iħaddem forom kemm tradizzjonali kif ukoll moderni. Insibu versi li jittrattaw temi bħalma huma n-nuqqasijiet differenti tas-soċjetà moderna, it-twemmin u l-ispiritwalità, ir-realtà fuq naħa u d-dinja surreali tal-ħolm fuq in-naħa l-oħra, il-politika u l-imħabba. Xi drabi Saliba huwa sardoniku fit-ton tiegħu, drabi oħra huwa umli u daqqiet oħra ironiku jew jassumi ton ta’ twissija. Minkejja li Joe Saliba ilu snin twal jgħix ’il bogħod minn art twelidu l-versi tiegħu jixhdu rabta qawwija bejn il-poeta u l-art u l-poplu minn fejn oriġina.


· Ħsibijiet Ħarkiena-Ardent Pondering ta’ Maurice Mifsud Bonnici hija ġabra bilingwali (Malti u Ingliż) ta’ 201 ħsibijiet konċiżi li għandhom kemm mill-poeżija, kif ukoll mir-riflessjoni profonda. Il-kittieb hawn jirrifletti dwar it-tajjeb u l-ħażin tad-dinja tal-bniedem. Maurice Mifsud Bonnici llum jgħodd sewwa ’l fuq minn 80 sena u dan jidher f’kitbietu li huma maħdumin b’sengħa kbira kemm fuq livell lingwistiku kif ukoll fuq livell tematiku. Huma versi li għandhom mill-filosofiku u mill-ispiritwali u li għalhekk jitkellmu spiss dwar iċ-ċokon tal-bniedem quddiem il-kobor tal-forzi sopranaturali. Mifsud Bonnici bħal jerġa’ joħodna lura għall-għeruq, meta aħna l-Maltin konna aktar qrib it-twemmin Nisrani tagħna. Dawk tiegħu huma versi li għandhom mit-ton u anki mill-konċiżjoni tat-talba. Laqatni dak li jikteb fil-“Kelmtejn Qabel”: “Dan il-ktieb tiegħi żewwaqtu b’daqs li wieħed jista’ jġorru miegħu – speċi ta’ vade mecum biex jinqara fejn wieħed isib post ta’ ġabra. Għax meta taqra Ħsibijiet Ħarkiena int ukoll trid taħseb – trid tħoss dak li tkun qed taqra, u tara kif jolqot lilek.”


· Il-Ballata ta’ Twanny Aquilina oriġinalment inkitbet minn Duminku Azzopardi. Hija ballata miktuba f’għamla ta’ sestini (li ttul mas-46 paġna) u li tirrakkonta d-delitt faħxi tat-tifel, Twannie Aquilina, li kien sar fit-23 ta’ Awwissu 1960. Dan huwa delitt li għadu sal-ġurnata tal-lum imdawwar bl-isħab tal-misteru u għalhekk għadu jixgħel il-kurżità u l-interess ta’ bosta, u dan 51 sena wara li seħħ. Iben Duminku Azzopardi, Richie, għadda dan ix-xogħol lill-poeta u traduttur prim, Alfred Palma, biex jorqom ix-xogħol ta’ missieru. Hekk jikteb Alfred Palma fil-“Kelmtejn Qabel”: “Richie talabni nara x’jidhirli minnha, u meta rajtha nistqarr li għad li l-kitba kienet forsi miktuba b’Malti qadim jew skorrett, ċerti ritmi ma kinux idoqqu tajjeb u xi rimi essenzjali kienu stunati, sfurzati jew ħżiena, b’danakollu l-ballata ta’ Duminku Azzopardi kienet miktuba mill-qalb, kien fiha l-ġmiel letterarju tad-dilettant li kulma ried kien biss li joħroġ minn ġo fih il-kilba għall-poeżija, li kienet sawret fih in-Natura! Kulma riedet din il-ballata kienet tirqima sewwa, u b’hekk seta’ joħroġ il-ġmiel kollu tagħha.” Xogħol bħal dan ifakkar f’dawk iż-żminijiet bikrin meta l-poplu mhux edukat għax bla skola kien jgħaddi ż-żmien tiegħu ikanta l-istejjer (li seħħew fir-realtà) li jkunu ħallew impatt fuqu, u dan waqt li jkun qed jaħdem fl-għelieqi. U huwa żgur li l-istorja ta’ Ġiġa Camilleri u l-qtil ta’ Twannie Aquilina hija episodju li ma jintesa qatt mill-poplu Malti.