Tuesday, May 22, 2012

CAST THE LONG SHADOW ta' Lou Drofenik


Cast the Long Shadow huwa r-raba’ rumanz ta’ Lou Drofenik, wara Birds of Passage (2005), In Search of Carmen Caruana (2007) u Of Cloves and Bitter Almonds (2008). Hu rumanz li jifrex fuq kważi 350 paġna, imma kif se naraw daqt, fl-ebda waqt ma jdejjaq bl-ebda mod lill-qarrej. Dan minħabba l-esperjenza ta’ Drofenik bħala kittieba tas-sengħa, kittieba li taf sewwa liema huma l-mekkaniżmi narrativi li għandha tħaddem biex iżżomm ħaj u frisk il-mod kif jiżvolġi r-rakkont tagħha.

Struttura u Stil:

Drofenik taqsam Cast the long shadow f’sitt partijiet ewlenin, u dawn taqsamhom f’taqsimiet iċken, biex dawn tal-aħħar jerġgħu jinqasmu f’partijiet iċken. Il-partijiet huma bħal ħarsa minn twieqi ċkejknin lejn kif qed tiżvolġi l-ħajja tal-persnaġġi li toħloq hija stess. Kollox huwa f’moviment kontinwu: l-azzjonijiet ta’ barra, dak li għaddej f’moħħ il-personaġġi, anki l-ispazji fejn iseħħu l-azzjonijiet differenti. Eventwalment jibda jinħass li xi darba jew oħra kollox se jsib postu, inklużi l-misteri tal-passat u l-problemi tal-preżent.
L-ewwel paġna taħkmek mill-ewwel: Drofenik tħaddem sentenzi qosra, u tuża żewġ elementi b’saħħithom li huma d-deskrizzjoni u l-appell għas-sensi. Fl-aħħar sentenza hemm ukoll qabża drastika fiż-żmien u b’hekk ħarsa lura lejn l-imgħoddi. In-narrattur jew il-leħen li qed jirrakkonta huwa onnixxenti.
L-appell għas-sensi, partikolarment għal dak tax-xamm, narawh diġà fil-parti intitolata “Edward Pisani”: ċerti rwejjaħ jintrabtu ma’ ambjent, ħajja, persuni u familja partikolari. Huma l-irwejjaħ li bniedem japprezza l-aktar meta jitbiegħed minnhom darba għal dejjem. Hemm ukoll riferenza għall-irwejjaħ li jintrabtu ma’ żmien ta’ mard: ir-riħa tal-Vicks jew tal-brodu tat-tiġieġa.
Drofenik tagħti ċerta attenzjoni lil ċerti ġesti, aspetti u mġiba partikolari, bħalma huma l-ilbies tal-popolin, l-idjoma u l-kliem li jingħad f’ċerti kuntesti, il-ġenerożità imma anki l-kelma li tiġri f’raħal ċkejken. Ġesti żgħar li Drofenik tiddeskrivi huma dawk li jintrabtu mal-breakfast jew mar-rit tat-tqegħid tal-oġġetti tal-ikel f’posthom wara x-xirja jew is-simmetrija li biha Lily tippakkja l-istess affarijiet fil-kċina. Anki f’affarijiet bħal dawn hemm ċerta sengħa jew arti, jew saħansitra pjaċir personali. Dan kollu jirrendi l-livel deskrittiv dejjem iktar b’saħħtu u fl-istess ħin jirrendi ħwejjeġ u azzjonijiet żgħar f’oħrajn importanti.
Dan jintrabat ukoll mal-kapaċità ta’ Drofenik li ġġiegħel lill-qarrej iħoss ċerti stati emozzjonali u psikoloġiċi li minnhom ikunu għaddejjin il-personaġġi tagħha. Aktar ’il quddiem Drofenik tidħol f’moħħ Charlie missier u tippreżentalna b’mod ħaj il-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar iben li tkeċċa mill-iskola minħabba mġiba ħażina u issa li beda jaħdem miegħu u kellu l-flus għażel kumpanija ħażina. Drofenik tidħol ukoll f’moħħ George Scicluna li jipprova jeħles mill-kaxxi tal-kartun imma minflok ikollu inċident ikrah. Aktar ’il quddiem Drofenik tidħol ukoll f’moħħ l-istess George li jinsab l-isptar barra minn sensih imqabbad mal-magni ġos-sala tal-kura intensiva. Nifhmu li subkonxjament huwa mqajjem.
Anki l-ħolma tista’ titqies bħala mekkaniżmu narrattiv. Drofenik tidħol f’moħħ Edward Pisani billi tiddeskrivi ħolma minn tiegħu, fejn niskopru li kunjomu fil-verità hu Sciberras. Ħolma oħra hija dik li jagħmel Charlie fuq l-ajruplan: fiha jara lil ħuh Johnny ġo għalqa taħt l-Imdina jiġbor il-ġebel. F’idu jkollu ġerħa li wara tkun ktieb ċkejken li fih hemm miktub dak kollu li għadda minnu f’ħajtu. Charlie jerġa’ jkollu ħolma oħra fis-sitt taqsima meta jaqbdu d-deni, ħolma li għandha mis-surreali.
Mekkaniżmu narrattiv ieħor li tuża Drofenk huwa l-metafora. Hemm waqt meta Lily Cassar titqabbel ma’ saċerdotessa. Il-kanzunetta ta’ Mario Lanza – Panis Angelicus – u kliem bħal “healing”, “benediction”, “oil”, “sacramental”, “grace” u “sanctifies”, jintrabtu max-xbieha ta’ Lily saċerdotessa. Tista’ tinħass l-idea tal-magħmudija u Lily tinftiehem kważi bħala Omm il-bniedem. Edward Pisani jitqabbel ma’ plumber li sa minn meta kellu 6 snin ma bekiex iktar għax qala’ kull konnessjoni bejn qalbu u l-kanali ta’ għajnejh (ara pp. 188-189).
Hu interessanti l-fatt li Drofenik tgħaddilna tagħrif dwar il-passat ta’ personaġġ partikolari (Zilka) wara mewtha, u dan tagħmlu permezz ta’ persuni li kienu jafuha. Drabi oħra tuża l-flashback biex insiru nafu x’ikun seħħ fl-imgħoddi: dan narawh waqt il-laqgħa mhix mistennija bejn Lily u l-ex-raġel tagħha Freddy Cassar (p. 98).
Hemm waqtiet meta naqraw dwar tifkira ġo tifkira, bħal meta Charlie jiftakar f’dak li qallu ħuh Johnny li kien qed jiftakar fiż-żmien meta mietet ommhom. Drofenik hawn bħal tiftaħ jew tbexxaq twieqi fil-memorja tal-personaġġi tagħha.
Iktar kemm il-qarrej jaqra mir-rumanz iktar jibda jinduna bis-sengħa ta’ Drofenik bħala kittieba kapaċi. Hija tibda tinseġ flimkien it-tqasimiet differenti tar-rumanz tagħha u dan permezz tal-laqgħat li jseħħu bejn il-personaġġi differenti li ġejjin minn spazji u ċirkostanzi differenti. Hemm per eżempju parti fejn tissemma Iris Novak, bint Anton, lil tilef lil martu, ħabiba ta’ Maisie, u din tal-aħħar oħt Mavis, il-ħabiba ta’ Angie Scicluna. U dan ifakkarna fix-xibka li torbot lill-Maltin ta’ familji differenti flimkien, fejn kulħadd jaf lil kulħadd.
Parti mill-mekkaniżmu narrattiv ta’ Drofenik huwa dak li talterna bejn preżent u passat. Eżempju huwa meta Charlie jiftakar fl-imgħoddi, meta ġie l-Awstralja u kien jaħdem ġo fabbrika u kixef is-sigriet tiegħu mal-kollegi, dak li jaqra l-imħuħ. Intant, fil-preżent, Charlie jħoss li se sseħħ daqt xi ħaġa kerha. Il-kapaċità jew don ta’ Charlie ma jħalluhx bi kwietu – jiftakar li kollox kien beda hekk kif Anton Novak kien daħal fil-kċina. Charlie hawn jinħakem minn serbut twil ta’ mistoqsijiet li fl-aħħar iwassluh biex jiskopri x’kien hemm moħbi fil-kaxxi tal-kartun imwarrbin f’rokna f’daru. Teknikament Drofenik jirnexxilha tibni ċerta tensjoni li twassal għal climax finali: ir-rabja ta’ Charlie missier lejn ibnu George li ħalla lil sieħbu jdaħħlu fl-inkwiet.
F’waqtiet oħrajn Drofenik taf tintroduċi elementi narrattivi ġodda fil-waqt adatt – bħall-envelop bil-bordura sewda li jirċievi Charlie (p. 172) – biex kważi taħsad lill-qarrej, bħalma jinħasdu l-personaġġi. U dan biex il-fluss narrattiv tar-rakkont ma jitlifx mis-saħħa tiegħu. Eżempju ieħor huwa meta Drofenik tintroduċi l-ossessjoni doppja f’rabta mar-relazzjoni Johnny Scicluna u Pawlina Buhagiar: tal-ewwel jiffissa li jkun jaf kollox dwar il-marda fil-famlja ta’ Pawlina; tat-tieni tiffissa li Johnny qed jibdilha ma’ mara oħra. Dan joħloq iktar tensjoni fuq livell narrattiv. Imbagħad, fl-aħħar parti tal-ħames taqsima, naqraw dwar ċirkostanzi kuntrastanti: il-mewt u l-funeral ta’ Pawlina Buhagiar, u wara l-aħbar tat-twelid ta’ bint Johnny u Stella. Ħajja u mewt jissawbu f’dan ir-rakkont twil ta’ Drofenik, rumanz li għandu ħafna mir-realiżmu. L-element ta’ sorpriża Drofenik terfgħu anki fl-aħħar paġni tar-rumanz fejn isseħħ laqgħa importanti waqt  il-festin tal-għerusija bejn Anton u Maisie.
Hemm drabi meta titħaddem il-parodija. Din titħaddem fil-ħames taqsima meta naraw sitwazzjoni fejn qed jingħad ir-rużarju li waqtu Johnny jorqod u missier Pawlina (li għebet) jitlagħlu u jgħajjat, “Qalleċ!”, filwaqt li oħtu Ġużeppina tara kif ittawwal il-litanija.
Fil-ħames taqsima Drofenik tuża mekkaniżmu ieħor: hija talterna bejn il-korsiv (f’rabta mal-personaġġ ta’ Pawlina Buhaġiar) u l-kitba normali (f’rabta mal-personaġġ Johnny Scicluna).
Lingwistikament Drofenik tinkludi partijiet bl-ilsien Malti bħal kwartini magħmulin bl-ottonarji, frott l-immaġinazzjoni u l-għana popolari. Tinkludi wkoll kelmiet jew frażijiet bil-Malti bħalma huma “ross il-forn”, “mqaret”, “bragioli”, “Dun”, u “tal-Birgu”. L-awtriċi tinkludi wkoll kliem u espressjonijiet mis-Sloven, u dan f’kuntesti familjari u intimi.

Żmien u Spazji:

Data li niltaqgħu magħha fil-bidu hija l-1939. L-ispazju huwa dak magħluq tar-raħal, bil-pulizija, il-qassis, it-tabib u l-mara tad-dar. L-ambjent huwa dak ta’ L-Isla, u wara B’Kara. Naqraw dwar il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, ir-rifuġjati li jfittxu post ’il bogħod mill-port. L-ispazju tar-raħal jerġa’ fil-ħames taqsima meta tidħol fir-rakkont Pawlina Buhagiar. F’rabta ma’ dan l-ispazju tar-raħal naqraw dwar żmien meta n-nisa kienu għadhom jilbsu l-għonnella, u jemmnu fl-għajn u s-saħta, żmien meta ċertu mard kien għadu mhux magħruf u minħabba f’hekk kienu jbatu bosta individwi u anki familji; żmien meta l-Knisja kienet twissi kontra l-fornikazzjoni u b’hekk f’bosta kien jinħoloq sens qawwi ta’ ħtija (snin 60). Kien żmien meta r-raħal kien jieħu l-identità tiegħu permezz tal-knisja mibnija fiċ-ċentru tiegħu, bil-qniepen jistiednu lill-fidili għall-quddiesa. L-ispazji tar-raħal u ta’ Malta jintrabtu ma’ ċerti tradizzjonijiet u passatempi bħat-trobbija tal-ħamiem u t-twemmin fil-wegħdi li jsiru lill-Madonna ta’ Lourdes jew tal-Mellieħa meta jaqa’ fuq il-familja l-għawġ. It-talb huwa rifless ta’ kultura kattolika, anki Mediterranja.
Sena oħra hija l-1946 (p. 27). Mela għaddew seba’ snin mill-bidu tar-rumanz. L-ewwel taqsima tar-rumanz tagħlaq bis-sena 1947.
Is-sena 1961 tintrabat mhux iktar mal-ispazju Malti, imma dak fl-Awstralja, eżattament f’Melbourne. Spazji differenti jintrabtu ma’ modi ta’ komportament differenti: mentalità u anki ċerti kumditajiet li jinsabu fil-kontinent imma mhux f’Malta. Iż-żewġ dinjiet jitqiegħdu f’kuntrast permezz ta’ Anġelina: Malta kontra l-Awstralja, B’Kara kontra Melbourne (ara p. 154). Matul il-bidla bejn iż-żewġ spazji sseħħ bidla fil-mentalità u anki fl-imġiba ta’ dak li jkun. Ma’ dan però hemm l-idea li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, f’għajnejn l-emigranti Maltin li jgħixu fl-Awstralja, Malta ftit tinbidel: f’moħħhom jibqgħu stampati aspetti bħalma huma l-karozzi tal-linja, it-toqob fit-toroq u l-festi sajfija.
Hemm differenza anki fit-topografija tal-bliet: f’Melbourne t-toroq huma kollha l-istess; m’hemm l-ebda marki familjari jew knejjes li jindikaw direzzjoni jew pożizzjoni. Taħkem it-toponimija Awstraljana matul ir-rumanz: jissemmew postijiet bħal Heywood, Port Fairy, The Ninety Mile Beach, Wilson’s Prom, Echusca, Mount Gambier, The South Australian border, Torquay, Brunswick, Great Ocean Road, Dandenongs, Mount Buffalo, Kinglake, Yea, Alexandra, New South Wales, Canberra u Yarra Bend.
Aspetti ieħor importanti hija l-ħakma tal-baħar għal min jgħix fiż-żona tal-Port il-Kbir. Fil-ħames taqsima l-aħwa Charlie u Johnny Scicluna jgħaddu xi ħin fil-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt Valletta: hemm jispikkaw il-veduta u l-ħsejjes tal-port, fosthom tat-Tarzna, u dan fi żmien meta spazju bħal dan kien bieżel tassew. Dan l-element jaħkem bħala spazju aktar ’il quddiem fir-rumanz, din id-darba f’Torquay, fl-Awstralja, fejn naqraw dwar il-baħar, ir-ramel, ir-ragħwa u r-riħ li jaf ikun kiesaħ tassew. Il-baħar jispikka wkoll fis-sitt taqsima meta naraw lil Ange u Edward jitkellmu qrib l-oċean.
Permezz tal-persunaġġ ta’ Anton Novak, Drofenik toħodna s-Slovenja. Anton li jitlaq lill-Awstralja biex imur lura f’pajjiżu jħoss sens qawwi ta’ klawstrofobija. Spazju ieħor li jissemma huwa l-Eġittu u l-belt ta’ Alessandrija (li tintrabat ma’ episodju traġiku) f’rabta mal-persunaġġ Sam Smith. U dan jintrabat ma’ flashback li tgħinna nifhmu eżattament x’inhi l-istorja misterjuża ta’ Sam u x’wasslu biex jiltaqa’ ma’ Cassandra. Jissemmew Nasser, l-eluf ta’ Ewropej li sfaw imkeċċija minnu: dan kollu jqiegħed ir-rakkont f’kuntest temporali u soċjali partikolari u b’hekk jorbtu iktar mar-realtà.
Spazji oħrajn huma Vjenna, fejn tittieħed Pawlina Buhagiar biex jarawha psikjatri u tobba esperti f’rabta mal-marda tagħha, u Għawdex, fejn il-maħbuba ta’ Johnny, Stella Portelli, tittieħed wara li toħroġ tqila minnu. It-tqala barra miż-żwieġ kienet dnub li kellu jinħeba minn għajn u lsien in-nies.
Fost l-ispazji li naqraw dwarhom fir-rumanz ta’ Drofenik hemm il-manikomju fejn isib ruħu Anton Novak. Hemm ukoll l-ispazju tal-kafetterija - li fiha taħdem Lily- qrib l-isptar: dan jagħtiha l-opportunità tiltaqa’ ma’ nies differenti, minn postijiet u bi stejjer differenti. L-ispazju tal-isptar iħaddan fih il-pazjenti anki barra minn sensihom, imma wkoll il-qraba tagħhom imnikktin u mgħobbijin bl-inkwiet. L-isptar hu wkoll post fejn iseħħu laqgħat ġodda, anki mhux mistennija: Ange, in-neputija ta’ Lily Cassar, tiltaqa’ mal-kumpanja tar-raġel ta’ nannitha (Freddy), Kate Burnett. L-isptar huwa l-post li jqarreb mill-ġdid lin-nies lejn xulxin. George jiġi f’tiegħu wara l-inċident li jkollu u jinsab qrib is-sodda ta’ Chris, iben Kate Burnett. Lily issir taf lil Chris ladarba kuljum tkun ħdejn George konvalexxenti. Jgħaddu erba’ ġimgħat, forsi, minn żmien l-inċident, jew mill-wasla ta’ Edward fl-Awstralja.
Fit-taqsima bl-isem ta’ “Edward Pisani” sseħħ qabża ta’ 14-il sena fi spazju ta’ paġna. Filli naraw lil Edward ta’ 6 snin, u filli narawh ta’ 20 sena meta jħares ’il quddiem u jiddeċiedi li jitlaq lejn l-Awstralja. Qabża temporali oħra sseħħ fit-taqsima bl-isem ta’ “Charlie Scicluna”. Hawn niltaqgħu ma’ Angie Scicluna, bint il-kuġini Charlie u Angelina. Mela Drofenik tmexxina sewwa fiż-żmien bejn l-ewwel paġni tar-rumanz (1939) u din-il-parti (snin 60). Hawn naraw lil Charlie u Angelina fuq l-ajruplan lura lejn l-Awstralja wara btala ta’ sitt ġimgħat f’Malta. L-ajruplan jerġa’ jidher fil-ħames taqsima meta Charlie jinsab fi triqtu lejn Malta.
Spazju rikurrenti ieħor huwa l-kċina. Fiha jseħħu ġesti ta’ kuljum li nagħmluhom bla ma nagħtu kashom, imma li għal Drofenik huma importanti proprju minħabba f’hekk. Il-kċina hija l-post li fih, waqt li Lily Cassar qed taħdem l-għaġina, Edward bħal iġarrab katarsi u jibki wara tant snin ta’ nixfa, jerġa’ lura għal żmien tfulitu, filwaqt li Lily tgħannqu maternalment. Mela fil-kċina jseħħu wkoll dawn il-ġesti ta’ tenerezza kbira.
Data oħra li tidher hija dik li tiftaħ ir-raba’ taqsima tar-rumanz: 1967. Anki l-aħħar parti (is-sitt waħda) tintrabat ma’ din is-sena partikulari: tiftaħ bid-data ta’ Novembru u tkompli b’Diċembru 1967. Bħala spazju nerġgħu lura lejn l-Awstralja, wara l-parentesi ta’ Charlie f’Malta u l-imgħoddi ta’ ħuh Johnny.

Tematika:

Mill-ewwel tinħass l-importanza tat-tfulija. Dan narawh fir-rwol ta’ Iris, bint Anton Novak. Narawh ukoll fil-bidu tat-taqsima intitolata “Edward Pisani” li tibda b’dan il-persunaġġ ta’ sitt snin ipinġi lill-famlja tiegħu. Din tintrabat mat-temi tal-vjolenza fuq it-tfal u tal-adozzjoni. Tingħata importanza lill-psikoloġija tat-tfal quddiem każijiet bħal dawn. Aktar ’il quddiem naraw lil Iris Novak (ta’ 7 snin) tpinġi kastell bis-sema u l-ħaxix mad-dawra. Din tfakkar fix-xena ta’ Edward Pisani jpinġi lill-familja tiegħu l-iskola meta kien żgħir. Iż-żewġt itfal għandhom sfond familjari diffiċli. Lil Iris tifla tpinġi nerġgħu narawha fis-sitt taqsima, din id-darba tpinġi bil-kuluri t-tieġ ta’ missierha Anton ma’ Maisie (mela okkażjoni ta’ ferħ).
Tema oħra hija dik tat-tluq li tintrabat mat-tema tal-emigrazzjoni. Freddy Cassar ilaqqa’ lil Charlie mal-idea tal-Awstralja għall-ewwel mifhuma bħala spazju vast fejn iseħħu ħwejjeġ tal-biża’. Ironikament kien f’Malta fejn kienu qed iseħħu ħwejjeġ tal-biża’: il-ħerba li kienet qed tħalli warajha l-Gwerra. Aktar tard fir-rumanz l-Awstralja tinftiehem bħala dik l-art barranija li ttrattat tajjeb lill-Maltin bieżla, minkejja l-fatt li hemm nies li wiċċhom u għajnejhom jirrakkontaw stejjer ta’ tbatija. Apparti l-Maltin jissemmew ukoll emigranti mis-Slovenja, il-Greċja u l-Italja. Ta’ min ngħidu bħala parenteżi qasira li Cast the Long Shadow huwa wkoll rumanz li jittratta l-element tal-multikulturaliżmu li huwa realtà tanġibbli fis-soċjetà Awstraljana. Deskrizzjoni tajba ta’ min iħossu aljen jew barrani fil-post fejn jinsab insibuha f’paġna 218, f’rabta ma’ Edward: “How could he tell them about the utter feeling of displacement he felt every time he opened his eyes in the morning? A feeling that crept upon him as soon as he woke and stayed with him all day. A feeling that he didn’t  fit, that he was in an alien place, a place where he’d never capture the harmony of his other life? Seasons that didn’t synchronize with the months he knew, fickle weather that disarmed him by the absence of familiar landmarks. The loss of friends and familiar faces he had grown up with, the neighbours, shopkeepers, bus drivers, school-teachers, priests and nuns who had peopled his life?”
It-tema tat-tluq tintrabat max-xbieha tal-ħamiema li niltaqgħu magħha diġà f’paġna 2. Il-motiv tal-ħamiem li jtellqu hu mbagħad rikurrenti fis-sitt taqsima, mela lejn tmiem ir-rumanz . Xi jfisser dan eżattament? Forsi ħelsien, jew ħarba mill-għeluq u fl-istess ħin riskju? Dan għaddew minnu wkoll l-emigranti Maltin. Ma ninsewx però li l-ħamiem jivvjaġġja mijiet ta’ kilometri biex jerġa’ jsib it-triq lura d-dar.
Tema oħra hija l-mara. Naraw il-mara b’saħħitha li trabbi żewġ ulied, bla raġel, għax dan hu baħħar man-Navy Ingliża. Għal qalb ħafna ta’ Drofenik huwa s-suġġett tal-mara u l-emigrazzjoni: dan jintrabat mal-fatt li fis-snin 60 l-Awstralja offriet emanċipazzjoni u indipendenza lil bosta nisa Maltin.
Min-naħa l-oħra f’Cast the Long Shadow Drofenik toħroġ spiss il-punti dgħajfa tar-raġel: huwa jaqa’ għall-provokazzjonijiet tal-mara sabiħa; iħebb għall-sieħbu kollega tax-xogħol wara li l-ħallelin jidħlulu d-dar u jġorru l-aktar ħwejjeġ għeżież għalih; hu jinħakem minn sens kbir ta’ inċertezza minkejja li jkun qagħad għal trattament speċjali (bħal Anton Novak); hu ħalliel, mela parassita, u miklub għall-flus (bħal Neville O’Shea).
Cast the Long Shadow huwa wkoll rumanz ta’ inizzjazzjoni: din tintrabat ma’ aspetti bħall-mewt, l-indipendenza, is-sess, id-deċiżjoni li tħalli ’l artek. Eżempju ta’ dan hu meta t-tifla Iris, bint Anton Novak, issir taf bit-tifsira ta’ mewt meta tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ annimal mejjet.
It-tema tal-previżjoni jew preveġġenza toħroġ permezz ta’ Charlie Scicluna. Diġà fl-ewwel parti jissemma l-laħam maħruq, il-ħmar il-lejl, il-ħolma fejn Charlie tifel jgħid li qed jibnu fran biex jixwu n-nies fihom, l-apparizzjoni tal-Ġermaniż fix-xelter, kollha xbihat li jintrabtu mat-Tieni Gwerra Dinjija. Apparizzjoni oħra ta’ Charlie hija dik li jara lilu nnifsu liebes stixxa sewda tal-luttu. Dawn iż-żewġ apparizzjonijiet isiru realtà ftit wara. Din il-kapaċità ta’ Charlie tagħti ċerta spinta narrattiva lir-rumanz anki billi tinħoloq aktar kurżità fil-qarrej. Il-kapaċità ta’ Charlie terġa’ tinħass aktar ’il quddiem fir-rumanz (hu u Anġelina issa ilhom 22 sena miżżewġin) meta jibda jħoss bħal ħtieġa ta’ sinjal li jista’ jkun marbut ma’ zijuh. Ftit wara Charlie jirċievi s-sinjal li kien qed ifittex u jiddeċiedi li jmur lura Malta għax ħuh jinsab fil-bżonn.
Dan b’xi mod jinrabat ukoll mat-tema tad-destin. Drofenik bħal temmen li d-destin huwa bbażat fuq numru illimitat ta’ ċirkustanzi li jwasslu lil kull wieħed u waħda minna fid-destinazzjoni. Imma l-pjan wara dan kollu mhux magħruf mill-bniedem.
Element ieħor hija t-tifkira u din tintrabat mat-tema tal-imgħoddi. Anton Novak jisma’ mingħand ħuh l-istorja ta’ Zilka, storja li ħu Anton ikun sema’ mingħand ħu Zilka. Toħroġ l-importanza ta’ dak li hemm mistur fl-imgħoddi u li jinfluwenza l-preżent, anki jekk dak li jkun ma jkunx jaf bih. L-imgħoddi hu preżenti anki permezz ta’ postijiet marbutin mas-Slovenja, bħall-muntanja Triglav u l-ilmijiet ta’ Bohinj. L-imgħoddi jintrabat ukoll ma’ Edward Pisani: fl-imgħoddi tiegħu hemm it-tbatija. Huwa għex f’familja kbira imma minnha kellu jinfired biex jgħix fid-dar ta’ ġenituri ġodda. It-tifkira tal-imgħoddi f’Malta u tal-Gwerra huma elementi li jirrikorru f’dawk li ħallew warajhom dawn il-gżejjer żgħar. Il-Gwerra kienet esperjenza li biddlet kompletament lil min għexha. L-imgħoddi l-ħin kollu jiġri wara l-preżent biex fl-aħħar mill-aħħar il-verità titla’ fil-wiċċ.
L-imgħoddi jerġa’ jispikka f’paġna 179: hawnhekk huwa dak li minnu bniedem jinqata’ imma fl-istess ħin jibqa’ marbut miegħu. U dan hu passat magħmul minn spazji, bini, ħsejjes, ilħna, irwejjaħ u ħwejjeġ oħra li wieħed ma jinsa qatt. Hekk, minkejja li Edward jinsab f’Melbourne, spiss jgħaddulu minn moħħu bosta xbihat, ħsejjes u rwejjaħ marbutin ma’ Malta, dik Kattolika: il-knejjes, id-damask, l-inċens, il-kant bil-Latin, u Tas-Sliema fejn hi midfuna ommu adottiva. L-imgħoddi bħala forza ħakkiema jinħass ukoll meta xi personaġġi jkantaw kanzunetti jew strofi minnhom minn passat imbiegħed bl-ilsien oriġinali.
L-imgħoddi, jew ir-rifjut jew ħelsien minnu, jispikka fl-aħħar parti tat-tielet taqsima: Cassandra taħraq dak kollu li kien ħalla warajh missierha u li kienet ilha marbuta miegħu għal snin twal. Tagħmel bħal kif kien għamel Sam wara li tilef traġikament lil martu u lil uliedu. L-imgħoddi jiġi mwarrab għax jinħass bħala piż kbir fuq l-individwu.
Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ Anton Novak, is-seħer tal-imgħoddi hu insistenti: apparti r-rabta ma’ martu u mal-fdalijiet tagħha wara li mietet, huwa jħossu ħati minħabba l-fatt li bosta snin qabel kien fost dawk li tturmentaw tifel b’difett fiżiku. L-importanza tal-imgħoddi terġa’ tinħass fil-ħames taqsima meta nsiru nafu dwar il-passat li jikkonċerna lill-personaġġi Johnny Scicluna u Pawlina Buhagiar.
It-tema tat-tifkira tintrabat ukoll ma’ dik tat-tiftix. Charlie Scicluna jdaħħalha f’rasu li jsib lil ħu missieru, Sammy, li ilu snin twal ma jara. Xena importanti marbuta ma’ dan hija dik li tagħlaq ir-rumanz.
Dan ta’ Drofenik huwa rumanz li jittratta ġenerazzjonijiet differenti, il-problemi fiż-żwieġ, it-tbatija u l-problemi li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal f’kuntesti bħal dawn. Tikteb dwar il-ħinijiet twal tax-xogħol u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-immigranti. Dan kollu juri wkoll kemm il-familja hija tema oħra ewlenja fir-rumanz preżenti. Matul il-mixja narrattiva tar-rumanz Drofenik tikteb ukoll dwar l-inkomunikazzjoni u l-vjolenza fil-kuntest taż-żwieġ, ir-relazzjonijiet extra-konjugali, l-omosesswalità – anki fost min jippoża bħala Kattoliku ferventi -, u t-tqasqis minn taħt, tqasqis li xi drabi jkollu wkoll mill-verità.
Tema oħra hija s-solidarjetà tal-Maltin ma’ min għandu bżonn. Din tidher meta Angelina fuq l-ajruplan tiltaqa’ maż-żagħżugħ Edward Pisani li sejjer għall-ewwel darba fil-kontinent il-kbir u titlob lil żewġha Charlie biex jgħinuh. Min-naħa l-oħra għandna lil Charlie li jagħraf li d-distanza temporali u spazjali (Malta-Awstralja; Slovenja-Awstralja) biddlet lill-aħwa f’barranin. Dan jintrabat mat-tema tad-dispjaċir min-naħa ta’ min emigra u ħalla l-għeżież tiegħu warajh fuq naħa, u r-rabja f’min baqa’ Malta (dan jidher fir-relazzjoni bejn Charlie u ħuh Johnny).
Aspett tematiku ieħor huwa l-kritika soċjali. Hemm dik li l-Maltin ma jaċettawx mill-emigranti Maltin li jżuru lil pajjiżhom: bħal per eżempju l-kritika tan-nuqqas ta’ edukazzjoni fil-ħwienet u l-banek Maltin, il-kritika kontra l-kaċċa li biegħdet lill-għasafar mill-bniedem, imma anki l-kritika kontra l-problema tal-mara li jkollha tħalli l-karriera meta toħroġ tqila.  Tissemma wkoll l-użanza tal-Malti li jagħti l-flus lill-Knisja għall-quddisiet u offerti oħra biex jiskonġra ruħu. Ma’ dan tintrabat it-tema tal-ipokrisija. F’waqt ieħor Sam Smith isejjaħ lil Malta l-gżira tal-intolleranza u tal-ħtija. Il-Maltin li baqgħu Malta jħarsu lejn l-emigranti Maltin li jirritornaw fuq btala bħala barranin jew saħansitra nemmiesa. Min-naħa l-oħra però hemm ukoll l-idea tad-distanza li ssaħħaħ l-imħabba tal-emigrant Malti għal dak kollu li hu Malti. Hawn bħal tinħass il-ħtieġa ta’ mistoqsija bħal din: Hu tajjeb li l-emigrant Malti jerġa’ lura lejn Malta wara tant snin, anki fuq btala? Il-kritika soċjali tintrabat ukoll mal-ispazju Awstraljan: Drofenik tagħmel referenza għall-mafja fl-Awstralja.

Personaġġi:

Cast the Long Shadow hu rumanz imsejjes fuq il-ħajja ta’ numru ta’ personaġġi li lkoll b’xi mod jew ieħor huma marbutin flimkien. Drofenik talterna billi taqbeż minn spazju għal ieħor, minn personaġġ għal ieħor, u dan matul il-jum waqt li jkunu qed jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom. Tingħata importanza kbira lil dak li jkunu qed iħossu u li jkun għaddej minn moħħhom.
Kif naraw spiss l-element uman hu importanti fin-narrattiva ta’ Drofenik, bħalma huma importanti r-relazzjonijiet umani: per eżempju, bejn Anton u Maisie; Anton u bintu Iris; Anton u martu mejta. Drofenik tagħti lit-taqsimiet differenti tar-rumanz tagħha isem ta’ bniedem jew bniedma. Dan tagħmlu għax in-narrattiva tagħha ddur madwar il-bniedem, il-ġesti, l-imġiba, il-karattru tiegħu, il-mod kif jaħsibha, ir-rabtiet ma’ ta’ madwaru, u l-bqija.
Freddie Cassar hu dak li jiġi lura mill-Awstralja minħabba li ommu xtaqet li żżewġu tfajla Maltija; pjan li ma jseħħx. F’Lily naraw is-saħħa ta’ oħt li titlef lil żewġha, lil oħtha, id-dar u l-ħanut, u li trid tkompli żżomm lil familtha u wlied oħtha. Hija l-istess mara li tinduna bil-kapaċità ta’ Charlie Scicluna li jara minn qabel dak li jkun se jseħħ. Hija Lily li tiddeċiedi li titla’ bil-familja tagħha l-Awstralja biex jaħarbu minn passat ta’ traġedja (minħabba l-Gwerra), u dan flimkien ma’ Freddy Cassar. F’dan kollu Charlie Scicluna donnu l-uniku wieħed li jibqa’ sod, anki minħabba l-kapaċità speċjali tiegħu. Huwa jasal l-Awstralja ħdejn kuġintu Anġelina, u dan wara li missieru (maħsub mejjet) jasal Malta wara li jkun qatta’ xi żmien priġunier ġo kamp tal-konċentrament Ġappuniż.
Anton Novak u Zilka huma dawk li ż-żwieġ bejniethom mhux sejjer tajjeb. Kontra Charlie Scicluna, Anton Novak jagħżel li jmur lura lejn art twelidu, is-Slovenja, u dan wara  l-mewt ta’ martu. Minkejja dan, Anton u bintu Iris jirritornaw fl-Awstralja. Drofenik jirnexxilha tikxef il-vojt li hemm f’qalb u moħħ Anton wara l-mewt ta’ martu.
Fit-taqsima intitolata “The Wild Card” niltaqgħu ma’ żewġ personaġġi oħra: Cassandra Smith (mara li qrat bosta kotba) u Sam, ġardinar anzjan, bla skola. Anki hawn l-importanza tal-passat li jiġi mikxuf minnu ftit ftit minħabba li hu bniedem ta’ ftit kliem. Il-qarrej jistaqsi x’hemm wara l-kelma “katastrofi” li tirrikorri spiss f’rabta mal-imgħoddi ta’ Sam.
L-għanqbuta tar-relazzjonijiet tkompli tinħadem minn Drofenik: Anton Novak, waqt li qed jaħdem fuq xi manutensjoni fid-dar ta’ Maisie, jiltaqa’ mal-iSmiths li jafu lill-familja ta’ Maisie u Mavis Brown. Bħal f’kull rumanz tagħha Drofenik għalhekk tqarreb bil-mod il-mod lejn xulxin il-bosta trufijiet biex fl-aħħar torbothom f’għoqda waħda.
Personaġġ ieħor hu John Scicluna, ħu Charlie. Drofenik tikkonċentra fuqu fil-ħames taqsima: naqraw dwar il-ftit tifkiriet ta’ ommu ħajja, il-mewt tagħha, il-wasla ta’ missieru u d-dixxiplina stretta tiegħu, it-tluq ta’ ħuh Charlie lejn l-Awstralja. Dik ta’ Johnny hija sensiela ta’ waqtiet ta’ wġigħ u tbatija.

Għeluq:

Hi esperjenza ferm sabiħa dik li Malti li jgħix Malta jaqra rumanz miktub minn Maltija li tgħix fl-Awstralja: bħalma Drofenik tħares u tiddeskrivi lil Malta mill-bogħod, hekk il-qarrej Malti jaqra b’interess kbir dak li jseħħ fuq il-gżira-kontinent eluf ta’ mili ’l bogħod. Cast the Long Shadow hu rumanz ieħor ta’ Drofenik li jservi bħala pont bejn gżira ċkejkna (Malta) u oħra ġganta (l-Awstralja), pont spazjo-temporali, mela bejn imgħoddi u preżent, bejn popli, spazji u żminijiet differenti. Cast the Long Shadow huwa rumanz ieħor ta’ dik il-kittieba Maltija li tgħix fl-Awstralja u li llum akkwistat stabbiltà u isem fil-qasam tan-narrattiva. Il-lingwa li tuża tinftiehem bla diffikultà, mexxejja u dinamika. Dan hu rumanz li bih Drofenik rebħet l-ewwel premju fil-kategorija “Rumanzi u Novelli oħra b’Lingwa Oħra” tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kotba ppubblikati fl-2010.


Patrick Sammut