Friday, June 29, 2012

IMRAR ta' Sergio Grasso


Sergio Grasso huwa wieħed mill-kittieba żgħażagħ (għandu ftit iktar minn 20 sena) li għamel il-pass kuraġġuż li jippubblika r-rakkonti tiegħu f’ġabra bl-isem ta’ Imrar. Dan huwa ktieb ta’ 197 paġna u li fih Sergio Grasso (iben Anton) jalterna bejn versi u rakkonti. Fil-fatt wieħed isib 9 siltiet ta’ poeżija (miktubin bil-vers tal-ħdax) u 7 rakkonti. Insibu wkoll għadd ta’ skeċis marbutin mal-kontenut tar-rakkonti, magħmlin minn Maryanne Grasso, mart l-awtur.

Is-siltiet versifikati:

Grasso jagħżel li jiftaħ Imrar b’silta poetika bl-isem ta’ Jitbexxaq is-Siparju: isservi bħala tip ta’ daħla jew introduzzjoni fejn l-awtur jistqarr li dak li kiteb kien fuq kollox għalih u mhux għall-qarrej. Ix-xebh bejn is-siparju li jinfetaħ biex jibda dramm u l-bidu tal-qari ta’ dan il-ktieb hu evidenti. Dik tal-qarrej se tkun titwila bla dewmien.

Silta poetika oħra, dejjem magħmula bl-endekasillabu, hija Għeżież Ġenituri. Jinħass it-ton ċiniku, sarkastiku u pessimist, imma fl-istess ħin realist. Il-ħajja tinftiehem bħala mixja lejn il-mewt. Mela, Grasso jistaqsi, biex jifirħu l-ġenituri u l-qraba meta titwieled tarbija? Żgur li din hija kitba li ħtieġet ċertu kuraġġ biex rat id-dawl. Grasso hawn ileħħen dak li spiss naħsbu imma ftit għandna l-kuraġġ li nberrħuh.

Silta oħra ġġib l-isem ta’ Min hu miegħi u min mhux miegħi, kontra tiegħi. Jinħassu influwenzi ta’ kittieba bħal Edgar Allen Poe u l-letteratura gotika. Hemm ix-xbieha tal-ħassad bħala simbolu tal-mewt, u anki l-patibolu. Hemm ukoll il-bniedem li jitpaxxa jiġi ttorturat u jaqla’ s- swat. Jitħaddem lessiku li  jfakkar fit-torturi medjevali jew ta’ żmien l-Inkwiżizzjoni.

Min-naħa l-oħra Kelmet Ħoru għandha mit-talba, mir-rit u mill-indirizz lil dan l-alla li għandu mill-passat imbiegħed. L-ixbihat li Grasso jnissel għandhom mill-mitoloġiku u mis-surreali.  Imbagħad, Erba’ Bewsiet lil Marti Maryanne, jittrattaw kemm l-imħabba kif ukoll il-mewt. Dwar id-differenza bejn il-bniedem u l-annimal huma l-versi Kelmtejn liż-Żewġ Qtates Uliedi, Carvia u Craver. Il-kittieb jindirizza lil żewġ qtates li ġabar mit-triq biex jasal għal distinzjoni partikolari: il-bniedem jaf li xi darba jrid imut; l-annimal le.

Versi f’forma ta’ talba indirizzata lill-Mulej huma Għalija u Għal Min Hu Bħali. Anki hawn jispikkaw il-biża’, id-dlam u l-lejl li ma jħallikx tistrieħ. F’It-Tebgħa tal-Bniedem Grasso jikteb dwar il-bniedem li jmut, jindifen u ma jibqax ta’ did-dinja. Wieħed jistaqsi: liema hi t-tebgħa li jsemmi? Hija l-mewt li tibdel lil ġisem il-bniedem f’“moqżiżerija”? Anki f’Ir-Raqda Grasso jitlob lill-Mulej biex iqum mir-raqda u jisma’ talbu u jilqgħu f’waqt diffiċli. Huma versi li jesprimu inċertezza u twemmin fl-istess ħin, mela għajta minn qiegħ ir-ruħ.
Ġeneralment dawn il-partijiet versifikati (li f’ċerti każi jeħtieġu limatura fejn jidħlu aċċenti ritmiċi) jleħħnu l-ħsibijiet, it-thewdin u t-turmenti l-aktar profondi, mistura u mdallmin li spiss aħna lkoll ikollna maħżunin f’moħħna imma nibżgħu nberrħuhom. Għalhekk xi partijiet minnhom jistgħu jdarrsu lil dak li jkun.

Ir-rakkonti:

Is-seba’ rakkonti li jippreżentalna Grasso f’Imrar ivarjaw fit-tul: l-iqsar wieħed hu ta’ seba’ paġni bl-isem ta’ Ġawhra Mitlufa, filwaqt li l-itwal wieħed itul mat-38 paġna u jġib l-isem ta’ Id-Darsa. Huma rakkonti li spiss huma ispirati minn sitwazzjonijiet ta’ niket.

L-Ixkupa hu rakkont ta’ 15-il paġna fejn Grasso jittratta t-temi tax-xogħol u tal-imħabba, flimkien mat-tradiment. L-awtur jidħol f’moħħ il-protagonist, mela fil-psike tal-bniedem li jgħaddi minn waqtiet ta’ ċertezzi, imma anki minn oħrajn ta’ dubji u inċertezzi, ġenn u għira. Huma dawn tal-aħħar li jġagħluh jagħmel ħwejjeġ tal-waħx, anki jekk ikun l-iktar bniedem kwiet. Teknikament Grasso jħaddem id-djalogar u n-narrazzjoni fit-tielet persuna, flimkien mas-sempliċità u l-konċiżjoni. Huwa jirrakkonta b’ċerta impersonalità klinika. Naqraw dwar l-ipokrisija, id-dgħjufija tal-bniedem, il-ħabs, l-omiċidju u s-suwiċidju. Dan Grasso jirrakkuntah daqslikieku qiegħed josserva ħajjiet privati minn barra t-tieqa.

In-narrazzjoni fl-ewwel persuna titħaddem f’Ġawhra Mitlufa, fejn Grasso jalterna bejn il-ħolm u r-realtà. Huwa rakkont dwar persuna li m’għadhiex ħajja. Jalternaw it-tifkira pożittiva tagħha u n-niket tat-telfa tagħha minħabba l-mewt. Din hija wkoll kitba dwar ħbiberija ta’ veru, dwar it-twemmin li jsaħħaħ, dwar id-determinazzjoni u l-vokazzjoni, imma anki dwar it-timbru li jħallu fuqna nies tajbin. Il-qarrej jinduna li Sergio Grasso spiss iħobb jintroduċi dik it-twist tal-aħħar, li tista’ tkun kemm tajba kif ukoll ħażina.

Lil Sergio Grasso narawh bħala r-rakkontatur orali ta’ dak li jislet direttament minn fomm il-popolin fir-rakkont Id-Destin ma Tixtriehx b’Karlin (li jtul 17-il paġna). L-awtur joħodna lura fi żmien il-furbani, meta Malta kienet magħmula minn ftit irħula li kienu spiss taħt it-theddida tal-invażur. Naqraw dwar il-Maltija Katrin u Arif il-barrani. Hawn Grasso jmiss aspetti bħalma huma l-ilsien ħażin tan-nies tar-raħal rigward min jgħix fl-istess raħal, in-nuqqas ta’ karità, l-għira, id-disperazzjoni li titwieled min-nuqqas ta’ għajnuna li wieħed isib madwaru, l-istigma li ma taħrabx minnha, is-suwiċidju bħala s-soluzzjoni unika u finali li sserraħ minn kull tbatija, u, paradossalment, il-mewt bħala l-att estrem ta’ mħabba.

Rakkont twil f’dil-ġabra huwa dak li jġib l-isem tal-ktieb, mela Imrar (35 paġna). Naqraw dwar żmien meta kienet moda l-familja estiża u l-figura tat-tabib kienet waħda ewlenija. Min qed jirrakkonta hawn huwa l-iben, li qed jiftakar. Grasso jittratta r-relazzjoni missier-iben u anki t-tema tal-mard. Fuq naħa hemm il-missier li jaf li ma fadallux wisq ħajja u li qed jipprova jgħaddi t-tagħlim lil ibnu (tagħlim li jgħid li trid tapprezza kull ħlejqa ħajja); fuq l-oħra hemm l-iben li għadu ma fehemx il-gravità tas-sitwazzjoni. Kontra dan kollu hemm il-leħen sarkastiku tal-mara li jilqgħu d-dar. Hawn jidħlu aspetti oħra bħaż-żwieġ fi kriżi u l-problema tax-xorb, in-nuqqas ta’ korteżija mal-klijenti min-naħa ta’ ċerti ħaddiema taċ-ċivil (xi ħaġa li toħroġ ukoll f’Id-Destin ma Tixtrihx b’Karlin), l-għażż, l-indifferenza, u mill-ġdid is-suwiċidju. Imrar hu wkoll rakkont dwar theddid, inkwiet bejn il-miżżewġin, omm possessiva u vjolenti, ipokrisija, u anki dulur ta’ min tilef lil missieru u ma fadallu lil ħadd lil min iħobb ħlief lil annimal ċkejken. Grasso jikteb kemm dwar waqtiet ta’ disperazzjoni, kif ukoll oħrajn ta’ sopravivenza. Teknikament hawn, Grasso jagħti kas ta’ ċerti dettalji li jirrendu lill-persunaġġi verament ħajjin: ġestwalità, mod kif jitkellmu u jilbsu. U dan jagħmlu kemm permezz tad-djalogi kif ukoll bis-saħħa tad-deskrizzjonijiet li jinfilza bejn djalogu u ieħor. Jispikkaw il-laqmjiet bħal il-Flifloppuwa, Ċettina ż-Żebbuġija, Franġisku l-Kallu u Wenzi l-Pompi, li jkomplu jagħtu lewn partikolari lir-rakkont. Parti mit-teknika narrattiva huwa anki l-ħolm sabiħ u anki l-inkubi li jkollu l-iben. Anki hawn bħala tmiem Grasso jagħżel twist li taħsad, tixxokkja, għalkemm tiġi rrakkontata b’mod normali, daqslikieku xejn ma kien xejn. Grasso jagħti laqta makabra lit-tmiem ta’ Imrar, tmiem tassew effettiv.

Ostji Misruqa huwa wieħed mir-rakkonti l-qosra (10 paġni). Spazjalment Grasso jqiegħed l-azzjoni l-ewwel ġewwa dar, imbagħad ġewwa knisja, biex fl-aħħar joħodna ġo masġar mudlam fejn isseħħ quddiesa sewda. Dan tal-aħħar huwa spazju fejn isseħħ il-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb. Did-darba Grasso jerfagħalna tmiem kemxejn enigmatku. Jerġa’ jidher element rikurrenti bħalma hu l-biża’ fuq naħa u fuq l-oħra l-kuraġġ li jixref f’persuna f’ċerti ċirkustanzi.

Rakkont mill-qosra ieħor huwa Żewġ Ċrieket (14-il paġna). L-ispazji fejn isseħħ l-azzjoni huma fittizzji għalkemm għandhom mir-realtà tar-raħal Malti. Jissemmew problemi soċjali bħal żwiġijiet imkissrin, omosesswalità u tqala qabel iż-żwieġ, imma anki l-faqar. Mill-ġdid niltaqgħu mal-figura tal-mara possessiva. Hemm ukoll l-ispazju taċ-ċimiterju. Bħala rakkont għall-ewwel jidher bla sorpriżi, imma lejn l-aħħar bħal jaħsdek. Mir-reali Grasso jgħaddi għas-surreali, il-fantastiku u s-seħer. Terġa’ tinħass sewwa influwenza minn kittieb bħal Edgar Allan Poe. Mill-ġdid jiġu ttrattati temi bħall-mewt u l-ħajja, il-flus u l-imħabba. Ir-rakkontar isir bla ħafna patos u għalhekk b’ċertu distakk emozzjonali.

Sergio Grasso jagħlaq bl-itwal rakkont tal-ġabra, Id-Darsa. Min qed jirrakkonta huwa żagħżugħ. L-ambjent huwa dak tal-famlja. L-awtur jinkludi parenteżi dwar ċerti preġudizzji li l-Maltin ibatu minnhom rigward nies ta’ ġilda sewda. Mill-ġdid niltaqgħu mal-omm goffa fi kliemha. Kontra l-omm, il-figura tal-missier hija inqas awtoritarja u tifhem iktar lill-iben li qed jirrakkonta. Kontra l-kliem niggieżi tal-omma hemm l-umoriżmu tal-missier li f’ħin minnhom jgħid, “Qed tagħmlu qisu leħaq is-sema. Qisux l-ewwel wieħed li ggradwa! Daħħalha f’moħħok li llum issib aktar gradwati minn pastizzara.” (p. 171) Dawk tal-omm u tal-missier jirriflettu żewġ tipi ta’ attitudnijiet opposti kif wieħed iħares lejn il-ħajja: wieħed joħodha biċ-ċajt u l-oħra kollha pjanijiet u serjetà. Teknikament insibu partijiet twal djalogati li jagħtu l-ħajja lir-rakkont. Id-diskors hu dak ta’ kuljum. Bil-mod il-mod Grasso jintroduċi ċerti dettalji li jindikaw sinjali ta’ ossessjoni jew komportamenti abnormali fil-protagonist li jsir dentist u li jibda jsejjaħ lid-dras “għeżież tiegħi”. Dan xi ftit jew wisq jista’ jfakkar f’Gollum u ċ-ċurkett tiegħu li kien isejjaħlu “My prescious”, f’Lord of the Rings ta’ J.R. Tolkien. Hawn jiġi ttrattat każ ta’ skiżofrenija, u ta’ bniedem mimli kunflitti ġewwiena. Hemm ukoll il-parodija meta Gelotte, il-protagonist, jitkellem u jittratta lid-dras daqslikieku kienu l-familja tiegħu. Din il-fissazzjoni ta’ Gelotte bil-mod il-mod twassal għall-climax li għalkemm jinħass li qed joqrob bil-mod, il-qarrej ma jobsorx kif se jkun eżattament. Min-normalità ta’ tliet kwarti tar-rakkont ngħaddu għax-xokk tal-paġni aħħarija.

Għeluq:

Inħoss li dan huwa bidu tajjeb u soddisfaċenti għal Sergio Grasso fil-qasam tan-narrattiva lokali. Wieħed ma jistax ma jiftakarx fil-kitbiet ta’ missieru, Anton, li huwa wkoll ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu meta kellu bejn wieħed u ieħor l-istess età, fl-1974. Nemmen li Sergio Grasso bil-kitba tal-waħx imma anki b’xejriet soċjo-eżistenzjali jista’ jappella sewwa għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li dejjem tfittex l-alternattiv f’kull qasam. Dan huwa ġeneru li ġie żviluppat sewwa minn Anton Grasso matul dawn l-aħħar 38 sena, imma żgur li jista’ jkollna aktar sorpriżi min-naħa ta’ ibnu jekk jibqa’ jieħu l-kitba bis-serjetà. Nemmen ukoll li jekk din id-darba l-pubblikatur ta’ Imrar kien l-awtur stess, darb’oħra għandu jagħmel il-kuraġġ u jfittex pubblikatur li jgħinu jberraħ aktar minn kitbietu. Milli qrajt Sergio Grasso bħala kittieb jipprometti tassew.

Patrick Sammut

Monday, June 18, 2012

ĦAJKU TAL-PUNENT – WESTERN HAIKU ta’ Maurice Mifsud Bonnici (2011)


L-isem ta’ Maurice Mifsud Bonnici (Inġinier, minn Ħal Lija) illum mhux wieħed ġdid fil-qasam tal-letteratura lokali. Illum għandu aktar minn 85 sena imma l-pinna tiegħu għadha prolifika tassew. Mifsud Bonnici huwa l-awtur ta’ rumanzi (Gwerra ta’ Mħabba, 2005; Id-Debħa tal-Fejqan, 2020), ta’ ġabriet ta’ novelli (Il-Ħares taz-Ziju Daddu, 2007), ta’ poeżiji bl-Ingliż (In a Nutshell, 1980/1987; Zoomery, 1998) u bil-Malti (Mill-Bikri għall-Imwaħħar, 1996; L-Għanja tal-Limerikki, 2007; Weraq Sfajjar fix-Xagħri, 2009) , ta’ ġabriet ta’ esejs (Kassjopea, 2006), anki ta’ ġabriet bil-Malti u bilingwali ta’ ħajku (Bushido, 2002; Ħajkumanija, 2006) u ta’ riflessjonijiet ivversifikati (Ħsibijiet Ħarkiena/Ardent Pondering, 2011). Huwa fil-fatt membru tal-Għaqda Poeti Maltin u mhux l-ewwel darba li Mifsud Bonnici ġie ppremjat anki fuq livell nazzjonali għal pubblikazzjonijiet bħal dawn. L-iktar pubblikazzjoni reċenti tiegħu ġġib l-isem ta’ Ħajku tal-Punent-Western Haiku li ħarġet fl-2011 u li tiġbor fiha 501 ħajku bil-Malti, maqlub ukoll għall-Ingliż (mill-awtur stess).

Maurice Mifsud Bonnici jammetti li ħafna mill-ħsibijiet għall-ħajku jiġuh matul il-ħemda tal-lejl u għalhekk ma jħalluhx jorqod qabel ma jniżżilhom fuq karta li jkollu qribu biex meta jisbaħ imbagħad jirfinahom fejn ikun hemm bżonn. Kif bosta jafu l-ħajku klassiku-tradizzjonali huwa magħmul minn 17-il sillaba li jitqassmu fuq tliet versi (5-7-5). Mifsud Bonnici, membru tal-British Haiku Society, jgħid li llum qed jinkiteb ħajku differenti minn dan f’bosta pajjiżi tal-Punent. Dan jissejjaħ Western Haiku u huwa ħajku bla regola stretta ta’ rimi u ta’ għadd ta’ vrus, għalkemm l-iktar wieħed komuni huwa dak ta’ tliet versi. Ir-regoli li jiġi osservati regolarment huma dawn: li l-ħajku jkun ta’ stil sempliċi, ta’ suġġett wieħed u bl-inqas kliem possibbli, bla metafori jew figuri oħra tad-diskors u preferibblilment jitkellem fil-preżent. Tematikament mhux marbut man-natura, bħalma jobbliga l-ħajku klassiku-tradizzjonali, u lanqas mal-ħajja tal-bniedem tas-senrju. Il-ħajku tal-Punent huwa miftuħ għal kollox u ammissiv. Dan jgħidu Mifsud Bonnici fil-Kelmtejn Qabel.

Meta wieħed jibda jaqra Ħajku tal-Punent-Western Haiku ta’ Maurice Mifsud Bonnici jinduna minnufih li dak tiegħu hu ħajku magħmul minn ftit kelmiet li jiftħu tieqa fuq orizzont illimitat ta’ għarfien u tiġrib, sensazzjonijiet u perċezzjonijiet. Huwa ħajku li jinkiteb orizzontalment fuq żewġ dimensjonijiet, imma jakkwista profondità multidimensjonali. Jitwieled fi ftit sekondi, imma jħallik tirrifletti għal sigħat twal. Dan iseħħ għax hu frott il-pinna ta’ min għex ħajja twila, u minkejja li hu misjur fiż-żmien hu frisk fi ħsiebu, jaqta’ daqs sikkina misnuna fl-osservazzjonijiet u fl-analiżi tiegħu. Minkejja dan kollu l-lingwa li juża hija sempliiċi, meħuda mill-ħajja ta’ kuljum, dik tal-belt u tal-kampanja, tal-jum u tal-lejl, tal-ħsejjes u tas-skiet, u l-bqija.
Il-ħajku tal-Punent ta’ Maurice Mifsud Bonnici jispira ruħu mill-ħlejjaq iċ-ċkejknin (il-mikrokożmu) u mill-ħolqien bla tarf (il-makrokożmu). Il-poeta jissaħħar u jispira ruħu l-iktar min-natura: tjur, siġar, pjanti, insetti, baħar, sħab, xemx, qamar u l-bqija. Id-dinja tal-bniedem tixxebbah ma’ dik tal-ħlejjaq naturali, u drabi oħra l-ħlejjaq naturali jingħataw karatteristiċi umani. Mifsud Bonniici għalhekk jikteb dwar l-għabex u l-mewt, imma element b’saħħtu tassew huwa l-Fidi. Naqraw fil-ħajku stess li l-kitba tiegħu sseħħ anki matul is-sigħat bikrija tal-lejl u b’hekk isservi bħala kumpanija. Il-ħajku b’hekk jinftiehem bħala ħsieb għammiel li jferra’ frott mill-itjeb (dawn it-tliet versi, ulied il-konċiżjoni pura).

Dan kollu huwa mwassal bis-saħħa tal-appell għas-sensi – il-viżjoni, it-togħma, is-smigħ, il-mess u x-xamm -, imma anki permezz tar-referenzi kontinwi għad-dinja tal-ilwien u tal-ħsejjes naturali. Huwa ħajku li għandu ħafna mill-pittura.

Il-ħajku hawn jista’ jinftiehem ukoll bħala epifanija jew rivelazzjoni: jurina li dik li ngħixu fiha hi dinja meravilja, miraklu, don mill-isbaħ, minkejja li ftit minna jaslu biex jagħrfu dan. Permezz tal-ħajku tiegħu Mifsud Bonnici jġagħlek tħares f’kull rokna u f’kull direzzjoni, tqalleb sewwa dak kollu li hemm madwarek biex tagħraf dejjem iktar is-sabiħ li nqumu u norqdu mdawrin bih.

Hemm ukoll il-versi soċjali li jittrattaw aspetti bħall-abort, il-qirda tal-ambjent naturali, l-ispekulazzjoni fil-bini, il-qgħad, il-ġustizzja finta tal-bniedem, l-għaġla tal-ħajja. Interessanti wkoll tara d-data meta nkiteb kull ħajku li spiss jintrabat ma’ staġuni u żminijiet partikulari matul is-sena, bħalma huma l-Milied, ir-rebbiegħa u l-Għid. Mela data u tema spiss jintrabtu intimament flimkien.

Kienet idea oriġinali dik li Maurice Mifsud Bonnici din id-darba juża font li jimita l-kalligrafija: hekk bħal titnaqqas dik id-distanza bejn il-waqt u l-post meta nkiteb il-ħajku u l-waqt u l-ispazju meta l-qarrej qed jaqra dak li l-poeta kiteb. L-idea tal-tipa kalligrafika tagħti iktar sens ta’ ġenwinità u sinċerità li dak li wieħed qed jaqra f’ Ħajku tal-Punent-Western Haiku, sens li dak li nkiteb ħiereġ direttament mill-qalb jew mir-ruħ. Hemm ukoll l-idea tal-kitba-kalligrafija bħala arti – xi ħaġa li hija komuni fil-pajjizi tal-Lvant fejn twieled il-ħajku – bħalma arti huma l-ħsibijiet li fl-aħħar mill-aħħar isiru ħajku u poeżija. Hekk jikteb Mifsud Bonnici fuq il-qoxra ta’ wara tal-ktieb: “Il-Ġappuniżi antiki ppubblikaw l-ewwel ħajku tagħhom miktuba bl-idejn, u jien għamilt bħalhom għall-ħajku tiegħi.”

Xi ħaġa tal-aħħar: Ħajku tal-Punent-Western Haiku għandu l-istess format ta’ kotba ta’ Maurice Mifsud Bonnici li ġew qabel (bħal L-Għanja tal-Limerikki, Ħajkumanija, u Ħsibijiet Ħarkiena/Ardent Pondering), jiġifieri dak tal-pocket book biex dak li jkun ikun jista’ jġorru miegħu daqslikieku kien vademecum tal-poeżija. Prosit tassew Maurice anki għal din l-aħħar pubblikazzjoni.

Patrick Sammut