Sunday, September 9, 2012

Id-Dar ta' Ħdejn il-Baħar ta' Salv Sammut


  1. Binja u Stil:
Strutturalment Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar hu rumanz ta’ 547 paġna li jinqasam f’41 parti: 6 partijiet għandhom l-azzjoni li sseħħ fil-preżent (rakkont ewlieni), u 35 parti huma ambjentati fl-imgħoddi (rakkont sekondarju). Hemm kapitli qosra magħmulin minn 5 paġni (Kapitli Tnejn u Tlieta); l-itwal kapitli għandhom 20 paġna jew ftit iktar (Kapitli Sebgħa, Tmienja, Disgħa, Sittax, Għoxrin, Tnejn u Għoxrin, u Sitta u Għoxrin). Il-bqija tal-kapitli jtulu bejn 6 u 19-il paġna.

Jispikka mill-ewwel il-livell deskrittiv. Sammut iwasslilna permezz tal-kitba l-ħsejjes, l-ilwien u l-emozzjonijiet marbutin mar-raħal ta’ Marsaxlokk. Id-deskrizzjoni u d-dettall jinkludu wkoll modi differenti kif jitkellmu u jaġixxu l-Maltin f’ċirkustanzi partikolari, imma anki ħsus u ħsibijiet ġewwiena tal-karattri. Naqraw xi deskrizzjonijiet li xi drabi jistgħu anki jnisslu tbissima.

Il-leħen ewlieni fil-bidu tar-rumanz, jew in-narratur, hu dak ta’ ġurnalist investigattiv, Ritchie Grech, li qed ifittex l-iscoop. In-narrazzjoni hija fl-ewwel persuna singular, mela titħaddem il- "jien”.  Fir-rakkont sekondarju n-narratur huwa onnixxenti, mela dak li jaf il-ħin kollu x’għaddej minn moħħ il-personaġġi kollha u jinsab kullimkien. Hawnhekk titħaddem it-tielet persuna singular.

L-element tad-djalogu jidħol iktar tard sa minn Kapitlu 1. Dan narawh fost l-oħrajn meta l-ġurnalist jiltaqa’ mal-eks-spettur Pawlu Borg. Partijiet djalogati bħal dawn ikomplu jikkargaw lill-qarrej bil-kurżità. Il-kurżità tissaħħaħ malli jissemma fajl partikolari li qiegħed x’imkien fid-Depot. Huwa hawn meta tgħaddi minn moħħ il-ġurnalist li jikteb il-ktieb tiegħu minn ġrajja marbuta ma’ indaġni li qed jagħmel. Huwa hawn fejn tidħol l-idea tal-metarumanz, jew aħjar fejn insibu rakkont ġewwa rakkont ieħor. Hekk Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar jinbena minn ftit kapitli li jintrabtu mal-preżent li fih qed jgħix Ritchie Grech, u ħamsa u tletin oħra li jwasslu r-rakkont li qed jikteb il-ġurnalist, rakkont li seħħ fl-imgħoddi.

Proprju fil-kapitli marbutin mar-rakkont ewlieni, mela fejn hemm Ritchie, in-narratur jitkellem dwar l-istess proċess li jwassal għall-ħolqien tal-letterartura. Partijiet bħal dawn iservu bħala pawża fir-ritmu tar-rakkont l-ieħor. Passat u preżent jiltaqgħu għal waqt wieħed meta il-ġurnalist Ritchie jiddeċiedi li jiltaqa’ (fil-preżent) ma’ George u Marianne. B’xorti ħażina Ritchie ma jakkwista xejn minn din il-laqgħa ladarba George jeċċita ruħu wisq meta l-ġurnalist isemmilu d-dar ta’ Dellimara. Anki hawn il-qarrej bħal jistaqsi, ”Għaliex dan?”

Permezz tal-laqgħa bejn in-narratur u r-raġel l-irqajjaq fid-dar abbandunata, imma anki permezz tat-tagħrif li l-ġurnalist jakkwista mingħand il-fattiga Jeannie, Sammut jaħdem sa mill-bidu nett biex l-istorja tiegħu tiġġenera interess fil-qarrej. Dawn l-ewwel kapitli jservi bħala aperittiv għal dak li se jsegwi.

Fir-rakkont sekondarju l-awtur jinkludi wkoll partijiet erotiċi: hekk, per eżempju, niltaqgħu ma’ deskrizzjoni fejn waħda mill-karattri timmasturba. Dan jagħmlu bla ebda tiġbid u tiżjin iżżejjed.  Darb’oħra waħda mill-personaġġi tisfa misruqa minn xi barranin, u saħansitra stuprata (minn mara oħra) u mwerwra minnhom.

Spiss Salv Sammut matul ir-rakkont jagħmel referenza għaż-żmien. Hemm drabi meta ma jsirux riferimenti konkreti għaż-żmien għalkemm jingħata ħjiel tal-istaġun (“Ix-xemx kienet dgħajfa fir-raġġi tagħha u donnu li dan il-fatt aktar żied id-dlik ta’ għaraq jeħel ma’ ġisem dak li jkun.”, p. 395). Drabi oħra jsiru riferimenti temporali konkreti (eż. p. 396 fejn jissemma l-aħħar ta’ Awwissu).

Hemm kapitli li strutturalment Sammut jaqsamhom f’aktar minn parti waħda. Kapitlu Tlettax jaqsmu fi tlieta: fit-tliet partijiet l-awtur jiddenunċja ħwejjeġ koroh f’pajjiżna. Fit-tielet parti naraw lil Stephanie li ssir ukoll prostituta skjava li tmur ma’ neguzjanti u politiċi influwenti, ħbieb ta’ Donald.

Hemm drabi meta Salv Sammut jibni klajmaks li fl-aħħar mill-aħħar ma jasalx apposta (f’każ wieħed dak li għall-ewwel jidher inċident tat-traffiku aktar ’il quddiem jinbidel f’theddida għal waħda mill-personaġġi). Dan żgur biex il-qarrej ikompli jaqra b’entużjażmu r-rumanz, kapitlu wara l-ieħor. Drabi oħra Sammut jibni tensjoni u sens qawwi ta’ stennija: hemm dik id-darba meta Stephanie tittieħed f’ċella għal xi sigħat, iżda aktar tard jiġi surġent biex jilliberaha. Hemm drabi meta l-awtur jintroduċi apposta telefonata proprju fl-aħħar ftit linji ta’ kapitlu mingħajr ma jgħidilna x’intqal: anki dan biex iġiegħel lill-qarrej jaqra mingħajr mistrieħ. Kapitli bħal dawn jgħaġġlu sewwa ritmikament fuq livell ta’ narrazzjoni.

Jinħass ukoll li bil-mod il-mod qed tinħadem xibka minn angoli differenti biex fl-aħħar jinqabad fiha Donald, iżda min-naħa l-oħra, jinħass ukoll li Donald hu makakk u korrott tassew. Aktar tard fir-rumanz Sammut jintroduċi element ieħor li jagħti spinta lir-rakkont: l-iskoperta mill-Ispettur ta’ raded f’għamla ta’ stilla. Hawn il-qarrej jistaqsi: iseħħu ritwali ta’ quddiesa sewda ħdejn id-dar ta’ ħdejn il-baħar? Tissemma wkoll kaxxa żgħira sigrieta li Donald iżomm magħluqa ġo kexxun bi stilla f’ċirku fuq l-għatu tagħha.

F’rabta ma’ din il-kaxxa misterjuża Sammut iżommna fuq ix-xwiek. Il-qarrej iħoss li tista’ sseħħ xi ħaġa li taħsad minn ħin għall-ieħor. Il-qarrej jinżamm fuq ix-xwiek anki permezz tad-deskrizzjoni tat-trattament speċjali li l-Għami jirċievi mingħand l-Ispettur Borg u s-Surġent Mangion f’xifer l-irdum ta’ Ħad-Dingli (Kapitlu Disgħa u Għoxrin).

L-awtur għandu wkoll ħabta jintroduċi elementi jew ħjiel fl-aħħar parti ta’ xi kapitli li jservu bħala ħolqa fil-katina tan-narrazzjoni sħiħa. Sammut jinkludi wkoll siltiet riflessivi u poetiċi. Dawn tal-aħħar iservu ta’ pawża min-narrazzjoni ewlenija (“Id-dinja tal-istħajjil xi drabi tista’ tnissel u titfisser bħala ħarba mir-realtà. F’dan ir-rumanz Salv Sammut jinkludi wkoll ħames poeżiji minn tiegħu: Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar; Spirtu; Iż-Żifna tad-Dellijiet; Il-Misteru Mifhum u Mirage.

L-istat fejn għal żmien definit wieħed jgħix ’il bogħod minn dak li jkun fil-preżent attwali. Hawn min jaħseb fl-imgħoddi u mill-ġdid jerġa’ jgħix biss il-waqtiet sbieħ u b’hekk iħossu jitleflef fis-sens tan-nostalġija u taħkmu x-xenqa għal dak il-waqt.”, p. 79).  L-aħħar parti ta’ Kapitlu sebgħa u għoxrin jieħu l-għamla ta’ resumè ta’ dak kollu li seħħ fl-aħħar ġimgħa u nofs. Dan Sammut jagħmlu biex il-qarrej ma jiflifx il-fil tar-rakkont f’waqt meta jseħħu bosta żviluppi f’daqqa.

Xi drabi wkoll, ir-rakkont jinftiehem bħala ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, ġlieda li waqtha daqqa wieħed ikun fuq quddiem u daqqa l-ieħor, ġlieda li tkompli għaddejja sal-aħħar nett.  Hawn ir-rakkont isir jixbah lil logħba taċ-ċess: hemm il-ħsieb u l-istrateġija min-naħa ta’ min qed jilgħab, qabel ma jagħmel il-pass li jmiss.

Hemm ukoll għadd ta’ flasbacks. Permezz t’hekk insiru nafu kif bdiet il-ħbiberija bejn Madeleine u l-maħbub tagħha Ġanni; insiru nafu anki dwar il-karattru manipulattiv ta’ Donald sa minn żmien l-Università. Kontra l-flashback hemm dawk il-waqtiet meta Sammut jagħti ħjiel ta’ dak li jkun se jseħħ aktar ’il quddiem, ħjiel li jinftiehem biss mill-qarrej attent. Huwa f’Kapitlu Ħamsa u Tletin fejn Sammut joħroġ b’għadd ta’ sorpriżi li għall-qarrej attent diġà kienu mħabbra qabel permezz ta’ ċerti dettalji. Kollox bħal jidħol f’postu lejn l-aħħar ta’ dan ir-rumanz.

Lejn l-aħħar parti tar-rumanz Sammut iżid fir-ritmu u fil-qawwa tat-tensjoni. Donald ma jibqax daqstant b’saħħtu u jsir xi ftit jew wisq vulnerabbli. Hawn joħroġ l-aspett uman ta’ dan il-personaġġ korrott. Hawn Sammut jintroduċi r-rit tal-quddiesa s-sewda, element li tradizzjonalment huwa meqjus bħala tabù fil-letteratura Maltija, għalkemm ġie ttrattat minn ftit kittieba oħra. Jingħata tagħrif estensiv dwar rit bħal dan permezz ta’ Donald stess, tagħrif li jwaħħax lil martu Madeleine. Partijiet mill-quddiesa s-sewda Sammut jagħtihom bil-Latin biex jilħaq effetti ogħla, u għal dan kollu tassisti mwerwra martu li l-awtur jifli sewwa mil-lat psikoloġiku. Huwa hawn ukoll fejn Sammut jintroduċi bħal apoloġija għal dan (“Issoktat tħares biswitha, tara kif it-twemmin u d-din tagħha kienu qed jiġu mżebilħa bl-aktar mod baxx u moqżież. Ma setgħetx temmen, li Maltin bħalha, kienu lesti jaslu s’hawn u jinsew il-valuri li kibru fihom u jpartuhom ma’ din il-profanazzjoni.”,  p. 539).

It-tmiem huwa wieħed hieni ladarba jirbaħ it-tajjeb (kontra t-tmiem li kien jagħżel għar-rumanzi tiegħu Leonardo Sciascia), minkejja li jinkixfu bosta ħwejjeġ u persuni ta’ pożizzjoni importanti fil-pajjiż. It-tmiem tar-rakkont sekondarju huwa verament effettiv. Fl-Għeluq, imbagħad, Sammut joħodna lura għall-preżent u għar-rakkont ewlieni, mela għall-ġurnalist Ritchie Grech.

  1. Spazji:
L-azzjonijiet li jseħħu f’Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar huma bosta, bħalma bosta huma l-irkejjen li fihom Sammut jambjenta dawn l-azzjonijiet. Dan dejjem biex jibdel ir-rumanz tiegħu f’wieħed dinamiku u mexxej. Wieħed mill-postijiet huwa Tas-Silġ, imma anki l-baħar u s-sajjieda ta’ Marsaxlokk. Jissemmew it-tempji l-qodma, il-knisja tal-Madonna ta’ Pompei u anki t-Torri ta’ San Luċjan. Il-baħar jinftiehem bħala għajn li minnu x-Xlukkajri qalgħu l-għajxien, imma anki bħala spazju li fih seħħew bosta traġedji. Huwa post fejn hemm "l-Istorja minsija u s-sbuħija naturali”, fejn  "fuq iż-żewġ naħat, il-Qadim kien jitwennes mill-Ġdid”. (p. 11) L-imgħoddi jintrabat mal-preżent bħal, per eżempju, fil-każ tat-Tempju ta’ Ġuno. Jissemmew aktar tard il-power station u l-Għarix. Dawn u iktar (il-Kalanga f’Dellimara, tal-Fanal, il-Port Ħieles, Birżebbuġa, ix-Xemxija, Kemmuna, il-Mellieħa, il-bajja tal-Għadira) jintrabtu mal-element toponimiku. Aktar tard Salv Sammut joħodna Buġibba. Fid-deskrizzjoni ta’ dil-belt l-awtur juri kapaċità ta’ osservazzjoni dettaljata u b’saħħitha.

Spiss Sammut jenfasizza l-fatt li l-"jien” isib wens u serħan proprju fl-ispazji naturali. Huwa ma’ dawn l-ispazji (eż. Il-Manikata/il-Pwales) fejn isseħħ ir-relazzjoni ta’ mħabba ġenwina bejn Madeleine u Ġanni. Huwa hawn fejn iseħħu attivitajiet sempliċi li jnisslu hena, bħall-ġbir tal-bebbux wara x-xita u ġirja fix-xita. Mad-dawra hemm l-isbuħija naturali u fin-nofs id-Dwejra fejn jiltaqgħu il-maħbubin.  Hawn issir referenza għall-ktieb ta’ Thomas Hardy, Far from the Maddening Crowd. Fil-kampanja, ’il bogħod mill-belt, “il-qalb tistejqer u r-ruħ tfiq!” (p. 172) Hemm ċertu ordni fin-natura, “ħaġa tmur mal-oħra f’regola stabbilita minn żmien il-qedem għax mhux imbagħbsa minn idejn il-bniedem.” (pp. 175-176) Mela d-diżordni jinsab fil-belt, fejn hemm il-bniedem.  

Spazju simili huwa l-Imġarr: minn hawn il-problemi li jaħkmu lis-soċjetà avvanzata jidhru mbiegħda tassew. Dan huwa spazju ppreżentat idillikament: is-sagħtar ifewwaħ, bdiewa jaħdmu u jsellmu, siġar tal-ħarrub u tal-lewż, twapet kbar lewn kannella, aħdar u isfar, il-qargħ’aħmar fuq il-bjut tal-irziezet, għasafar itiru f’beraħ kaħlani. Żgur li l-qarrej attent jinnota l-importanza tal-element kromatiku (il-kuluri) f’rabta mad-deskrizzjonijiet li jridu jwasslulna l-isbuħija tal-kampanja (ara wkoll p. 333). Kollox huwa mqiegħed f’kuntrast nett mal-ispazju belti mimli “dħaħen tal-exhaust” (p. 256). Salv Sammut jgħinna nifhmu “li wieħed irid ikollu moħħu f’siktu u trankwill biex jista’ jifhem is-seħer tal-ħolqien.” (p. 258)

Xi drabi però hemm spazji naturali li għandhom funzjoni differenti. L-ispettur Borg u s-surġent Mangion jieħdu lill-Għami arrestat f’Ħad-Dingli biex irattbuh u jnisslu fih ċerta biża’. Mill-ġdid il-kuntrast bejn il-ħajja mimlija nkwiet ta’ nies bħall-Għami u l-ħajja trankwilla tal-bdiewa (“Ċensu l-Għami, dak il-ħin, għamel riflessjoni waħda. Kemm kienet aktar ħafifa li tgħixha l-ħajja ta’ dawn in-nies. Mhux bħal tiegħu mimlija intriċċi biex issa jinsab marbut minn idejh minn żewġ manetti tal-metall, ma jistax jitħarrek u ma jafx sewwa sew x’kien ġej għalih.”, p. 464).

Ma’ dan jintrabtu wkoll spazji bħal Għajn Tuffieħa, il-Manikata, ix-Xemxija, il-Pwales (dan huwa l-post fejn għal xi żmien Stephanie ssib rifuġju wara li tgħaddi minn esperjenza kerha tassew) u l-Għadira. Mhux l-ewwel darba li Sammut jagħtina ħarsa panoramika tal-pajsaġġ naturali Malti minn post fil-għoli. Fid-deskrizzjonijiet tal-kampanja Maltija Sammut joqgħod attent għal kull dettall: ilwien, ħsejjes, siġar, pjanti, insetti, uċuħ u għelejjel tar-raba’ differenti.

Preżenza rikurrenti hija wkoll il-baħar; dan huwa element li għandu setgħa partikolari f’dan ir-rumanz (ara r-riflessjoni tal-Ispettur Borg: “F’dak il-ftuħ kollu ta’ ilma kaħlani u xi drabi ħadrani, l-Ispettur Pawlu Borg hewden kemm ġrajjiet kien jostor fih dak il-baħar. Battalji u negozji. Ġarr ta’ iġfna għal gwerra u mriekeb ta’ merkanzija bejn pajjiż u ieħor biex il-ħajja tissokta tixxettel u titkattar...”, p. 408). Hemm ukoll spazji fejn iseħħu xeni drammatiċi bħal dak li jseħħ f’Ħ’Attard, meta Ġanni jisfa msawwat.

Sa mill-bidu l-qarrej jittieħed fl-ispazju tad-dar abbandunata qrib il-baħar: hawn issir il-laqgħa mhix mistennija bejn il-ġurnalist narratur u r-raġel irqajjaq u twil (u dan fil-preżent) li jnissel kurżità kbira f’tal-ewwel. Proprju din id-dar ħdejn il-baħar tibqa’ ċ-ċentru tal-interess għal matul parti kbira ta’ dan ir-rumanz, anki għax fir-rakkont sekondarju Salv Sammut joħodna fl-imgħoddi meta d-dar kienet abitata u armata b’kull kumdità imma marbuta ma’ attivitajiet dubbjużi u misterjużi.

Spazju ieħor huwa l-għassa tal-pulizija f’Raħal Ġdid. Anki hawn preżent jiltaqa’ mal-imgħoddi. Hawnhekk l-Ispettur Pawlu Borg kien interroga lil Stephanie fl-imgħoddi. L-ispazju magħluq u klawstrofobiku fejn issir l-interrogazzjoni nerġgħu narawh aktar ’il quddiem meta l-Ispettur jinterroga lil Wiġi Werwer u Wenzu Gerfex. L-Ispettur iħaddem tattiki li jdaħħal lill-interrogati f’nassa, anki din tal-aħħar marbuta mal-idea ta’ għeluq u klawstrofobija.

Spazju ieħor fejn isseħħ l-azzjoni fil-preżent huwa dak tal-belt Valletta: jissemmew Pjazza Reġina, Triq ir-Repubblika, Triq il-Merkanti u l-Monti. Dan huwa l-post ideali għal min irid jistudja l-bniedem. Jissemmew ukoll il-Ġnien tal-Mall fil-Furjana, u, ironikament, anki l-monument tal-Prim-Imħallef, Sir Adrian Dingli. Dan jissemma proprju fil-waqt meta lill-Ispettur Borg jittiħidlu l-każ minħabba l-influwenza korrotta li għandu Donald fuq membri tal-ġustizzja jew tal-poter.


Spazju magħluq ieħor huwa l-uffiċċju tal-Ministru (Kapitlu Wieħed u Tletin): dan hu spazju aristokratiku li jfakkar fis-setgħa u l-pompożità tal-Kavallieri.

Hemm ukoll spazji indeterminati, bħad-dar misterjuża li fiha tinqafel Madeleine wara li tiġi maħtufa (l-aħħar kapitli). L-inċetezza tal-post jirrifletti l-inċertezzi li jifnu lil  Madeleine stess f’dak il-waqt.

  1. Personaġġi:
Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar għandu żewġ gruppi ta’ personaġġi. Hemm dawk li jintrabtu mal-preżent u mar-rakkont ewlieni: il-personaġġ prinċipali hawn hu l-ġurnalist Ritchie Grech, imma hemm ukoll l-Ispettur Pawlu Borġ, Frans, ir-raġel l-irqajjaq, u Jeannie, il-fattiga. Ritchie Grech u l-Ispettur Pawlu Borg jagħmlu minn kollox biex joħorġu fil-miftuħ in-nuqqasijiet tal-klassi tal-poter, dik borgiża. Fir-rakkont sekondarju (imma dak li jieħu l-iktar spazju) nsibu tliet koppji żgħażagħ: Arthur (kompożitur tal-mużika) u martu Stephanie (karattru dgħajjef), Donald (avukat) u martu Madelaine (dawn marbutin mal-klassi borgiża u jgħixu żwieġ ta’ konvenjenza), u George (uffiċċjal tat-taxxi) u martu Marianne. Bejn dawn it-tliet koppji Salv Sammut jirnexxilu joħloq xibka ta’ relazzjonijiet xejn faċli, imma minħabba f’hekk interessanti tassew.

F’dan ir-rakkont sekondarju hemm ukoll tliet karattri ta’ reputazzjoni dubbjuża: Wiġi Werwer, Wenzu Gerfex u Ċensu l-Għama. B’xi mod jew ieħor laqamhom jindika diġà ma’ xiex nistgħu niltaqgħu. Dawn iservu ta’ suldati f’id manipulatriċi bħalma hi dik ta’ Donald. Jiġu mqabbda minnu biex imexxu d-droga, il-prostituzzjoni ta’ tfajliet minorenni u anki biex jeħilsu minn min ikun ta’ theddida għal Donald stess. Personaġġi bħal dawn żgur li jfakkru f’personaġġi ta’ rumanzi tal-mafja ta’ Leonardo Sciascia bħall-avukat Rosello jew Don Mariano Arena (in-nies tal-poter), u Raganà, Zicchinetta, Parrineddu, Marchica u Pizzuco (is-suldati u qattiela), f’rumanzi bħal Il giorno della civetta (1961) u A ciascuno il suo (1966). L-Ispettur Borg jista’ jitqabbel mal-Kaptan Bellodi fir-rumanz ta’ Sciascia tal-1961. Min-naħa l-oħra t-tattiċi mhux tas-soltu li juża l-Ispettur Borg jistgħu jfakkru fil-kummissarju Montalbano, il-protagonist fir-rumanzi detektiv ta’ Andrea Camilleri.

Interessanti tassew huma l-partijiet meta naraw liż-żewġ  naħat (it-tajjeb u l-ħażin, il-ġustizzja u l-korruzzjoni inkarnata, mela l-Ispettur Pawlu Borg u l-avukat Donald) jikkonfrontaw lil xulxin wiċċ imb wiċċ. Huwa hawn fejn isseħħ logħba psikoloġika iebsa bejn it-tnejn (ara Kapitlu Dsatax).

Salv Sammut jidħol sewwa fil-psikoloġija tal-personaġġi; jiddeskrivi saħansitra ġestwalità speċifika, apparti aspetti oħra li joħorġu sewwa l-karattru u l-apparenza fiżika ta’ dak li jkun.

  1. Tematika:
Waħda mit-temi li jispikkaw f’Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar hija dik ambjentalistika. Salv Sammut spiss jistaqsi x’ġab miegħu l-progress. Tissemma’ t-traskuraġni tal-ġens Malti fejn tidħol l-indafa u r-rispett lejn in-natura.
Hemm ukoll it-tema soċjali: Sammut jirreferi għall-fatt li ċ-ċittadin ordinarju jħallas dejjem vis-a-vis iċ-ċittadin għani u b’saħħtu li jħaxxen dejjem iktar butu. Aktar ’il quddiem Sammut ifakkarna fil-fatt li hemm industrijalisti li ma jħallsux it-taxxi dovuti minnhom.  Dik tat-taxxa hija sistema inġusta ladarba iż-żgħir iħallas ħafna u l-għani ftit. Hemm ukoll l-element tal-ispekulazzjoni fil-qasam tal-bini, flimkien mal-korruzzjoni. Dan joħroġ anki permezz tal-kliem tas-surġent fl-għassa ta’ Raħal Ġdid li lil Stephanie jgħidilha hekk: "Sibt qaddis kbir jaqbeż għalik illum! Mhux sewwa hekk! Għalhekk ma nimxux ’il quddiem f’dan il-pajjiż!” Il-korruzzjoni tintrabat anki mal-qasam tal-Ġustizzja.

Kontra dan hemm is-saħħa tal-bidwi li jaqla’ ħobżu b’mod onest, anki jekk taħt il-ħakma tax-xemx taqli l-ankri. Salv Sammut ma jħallix barra t-tema tad-droga: hemm min jistagħna minnha u min jirrovina ħajtu minħabba fiha. Ma’ dan jintrabtu temi bħall-kuntrabandu, l-importar tad-droga u l-prostituzzjoni. Kapitlu Tnax jaħsad lill-qarrej anki għax jittratta r-rabta bejn id-droga u ż-żgħażagħ: jissemmew il-pushers ta’ bla skrupli u l-vittmi ta’ ovedose. It-tema tad-droga tkompli anki f’Kapitlu Tlettax: jingħad li f’Malta hawn min ma jridx li problema bħal din tispiċċa, anki għax fost dawn hemm nies ta’ poter u ta’ influwenza kbira. Jissemmew għalhekk il-“barunijiet” u anki l-politiċi li spiss ipoġġu l-bsaten fir-roti fejn jidħol xogħol il-pulizija. Hawn tidħol ukoll it-tema tal-ipokrisija fost il-politiċi u l-kbarat li jridu jidhru mod imma fil-fatt iġibu ruħhom mod ieħor (it-tema tal-perverżjoni u s-sess). Huwa hawn fejn bil-mod il-mod Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar jieħu l-għamla ta’ rumanz ta’ denunċja, bħalma kienu r-rumanzi tal-kittieb u ġurnalist Sqalli Leonardo Sciascia. Bħal Sciascia anki Salv Sammut jinkludu t-tema tad-diċeriji jew tal-ilsna ħżiena li jxerrdu l-gideb fuq dak li jkun, nuqqas ieħor li joħnoq is-soċjetà Maltija. Ma’ dan tintrabat it-tema tal-ispekulazzjoni min-naħa tal-ġurnali.

Spiss Sammut jikkritika l-klassi tal-politiċi (ara pp. 492; 496 u 497). Hemm ministri li għalihom l-ewwel jiġu l-interessi politiko-personali u wara dawk ċiviċi. Huwa dan li ma jħallix lill-Pulizija u l-forzi tal-Ġustizzja jagħmlu xogħolhom kif suppost. Ma’ dan tista’ tiżdied l-iskumdità tal-Ispettur Borg quddiem il-lingwa burokratika li juża l-Ministru f’Kaptilu Wieħed u Tletin. Hemm anti-klajmakx f’dan il-kapitlu: waqt li ħiereġ mill-uffiċċju tal-Ministru l-Ispettur Borg jilmaħ lill-Avukat Donald Grech fl-istess bini. Anki xena bħal din tfakkar f’xena oħra mir-rumanz A ciascuno il suo ta’ Sciascia: dik meta l-protagonist, il-Professur Paolo Laurana, jilmaħ lill-Avukat Rosello u l-Onorevoli Abello ħerġin mill-Palazz tal-Ġustizzja akkumpanjati minn sikarju mħallas u magħruf.

Nuqqas ieħor li jiġi msemmi minn Sammut huwa n-nuqqas ta’ etiketta fis-sewqan, sewqan sfrenat u bla rispett lejn ir-regoli tat-traffiku. Fuq in-naħa l-oħra però Sammut isemmi wkoll il-qalb tajba tal-Maltin meta wieħed jiġi fil-bżonn.

Hemm ukoll it-tema taż-żwieġ fallut. Ironikament, imbagħad, fejn hemm iż-żwieġ leċtu mhemmx imħabba (eż. Donald-Madeleine) u fejn hemm relazzjoni illeċita (Madeleine-Ġanni) hemm l-imħabba.

Fl-Għeluq Sammut  jinkludi aktar kummenti ta’ natura kritika u soċjali. Jittratta t-tema tal-letteratura u l-bejgħ tagħha. Jgħid li ktieb jew rumanz ibigħ anki bis-saħħa tal-promozzjoni li jingħata, anki mill-istess ġurnali, jew għax ikollu doża qawwija ta’ sensazzjonaliżmu. Jgħid li dan tagħna mhux verament pajjiż fejn jaħkmu l-veri demokrazija u l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni. L-awtur ma jiddejjaqx jikkritika l-operat ta’ ċerti Ministri u xandara. Hemm il-mottiv tal-promozzjonijiet li jingħataw kif ġie ġie, jew minħabba ċerti favuri jew ċirkustanzi partikolari. Jissemmew l-omertà, u t-trattamenti differenti li jingħataw il-ħabsin, skond min ikun l-individwu u liema “ħbieb” fil-għoli jkollu. Issir ukoll kritika dwar l-istess rakkont fir-rakkont min-naħa tal-Ispettur Borg, mela fil-preżent. Permezz ta’ dan il-personaġġ (fil-preżent) insiru nafu wkoll kif kompliet l-aħħar xena tar-rakkont sekondarju. Fl-aħħar paġna tar-rumanz joħroġ sew il-kuntrast bejn id-Dwejra fil-Pwales u d-dar ta’ ħdejn il-baħar f’Dellimara.

  1. Konklużjoni:
Il-qarrej jinduna kemm Salv Sammut kien jaf jiżviluppa sewwa r-rakkont tiegħu: minn bidu limitat wasal għal ftuħ ta’ natura tematika u narrattiva li jgħinu biex ir-rakkont ma jitlef qatt mis-saħħa tiegħu. Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar  hu rumanz li iktar kemm taqra iktar jaħfnek u jġagħlek taqra iktar, iżżid fin-numru ta’ paġni moqrija kuljum. Huwa rumanz li jtul iktar minn 500 paġna imma li jagħtik gost mill-bidu sal-aħħar ladarba Sammut kien jaf jibnih fuq varjetà ta’ elementi narrattivi u stilistiċi.

Patrick Sammut (Settembru 2012)

Sunday, September 2, 2012

KWADRI TAL-IMGĦODDI (2012) ta’ Charles Bezzina


Kienet ix-xewqa tal-kittieb u poeta Charles Bezzina li mal-għeluq tal-ħamsin sena tiegħu jippubblika tliet kotba. Din ix-xewqa saret realtà bil-pubblikazzjoni tal-ġabra ta’ poeżiji RAXX TAS-SILENZJU, bil-ktieb dwar Għawdex u t-Tieni Gwerra Dinjija WHEN THE SIREN WAILED, u issa bil-ktieb KWADRI TAL-IMGĦODDI, li kollha ħarġu fl-2012. Dan tal-aħħar għandu dedika li tgħid hekk: “biex nixgħel xrara mħabba għal dawn l-Għawdxin minsija”.

Id-daħla:

Kwadri tal-Imgħoddi hu ktieb ta’ 123 paġna. Għandu “Daħla” mill-Professur Oliver Friggieri u “Kelmtejn lill-Qarrejja” minn Charles Bezzina stess. Hawn Bezzina jgħid li l-ġenesi ta’ dan il-ktieb kienu 20 poeżija (miktubin fi kwartini, bir-rima mqabbża u f’versi settenarji jew ottonarji) li hu kiteb u li jitkellmu dwar Għawdxin tal-imgħoddi, “tifkiriet ta’ karattri li b’xi mod jew ieħor laqtuni u ħallewli impressjonijiet qawwija.” Bezzina jikteb ukoll hekk: “Il-karattri msemmija f’dan il-ktieb huma nies komuni, iżda li bil-fattizzi, il-manjieri u l-ġentilezza partikulari tagħhom, ħolqu ħafna pinzellati fit-toroq u l-pjazez. Fl-album qadim ta’ dawn in-nies joħroġ l-ambjent Għawdxi ta’ dawk is-snin; stampi ta’ Għawdex ieħor kif kien bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu.”

Dawk li jikteb dwarhom (21 b’kollox) Bezzina sar jafhom f’nofs is-snin sittin u l-aħħar tagħhom, mela meta kellu biss minn erba’ sa disa’ snin. Kwadri tal-Imgħoddi għandu wkoll introduzzjoni dettaljata bl-isem ta’ “Għawdex f’nofs is-snin sittin”: hawn Bezzina jagħti ħarsa wiesgħa lejn Għawdex ta’ tfulitu, Għawdex b’ambjent sempliċi, rustiku u kampanjol,  li kien differenti ħafna minn dak tal-lum u li fih kienu jaħkmu x-xogħlijiet tas-snajja’. Kien żmien meta l-ħajja kienet timxi bis-slow motion, u ma kienx hemm l-għaġla tal-lum. B’hekk bosta kienu iktar hienja minkejja li l-ħajja kienet inqas komda.

Fl-Introduzzjoni naqraw dwar it-toroq u l-pjazez, il-logħob tat-tfal, il-Knisja, tal-ħwienet (tal-landier, tal-iskarpan, tal-ħaddied, tal-ħajjat, tal-furnar, tar-regettier, tal-barbier u tal-inbid), ix-xogħol u l-klassijiet soċjali, l-emigrazzjoni lejn l-Awstralja, il-Kanada, l-Amerka u l-Ingilterra, it-tallaba, il-mewt, l-ilbies, id-delizzji u l-passatempi (il-kaċċa, l-nsib, il-futbol, il-brilli, il-boċċi, it-tombla, il-maskaruni, il-pasturi tat-tafal u l-festi popolari), l-edukazzjoni (bis-sinjuri mrobbijin f’kultura Taljana) u r-Rediffusion. Ta’ min jgħid li fi Kwadri tal-Imgħoddi hemm episodji li jorbtu mal-ktieb l-ieħor ta’ Bezzina, When the Siren Wailed. Fit-tnejn jispikkaw il-laqmijiet: hawn insibu bosta, fosthom Is-Sufi, Ta’ Frellilu, Ta’ Luċċi, In-Nonu, Ta’ Awrenju, Tal-Bellusa, Taċ-Ċagħki, Ta’ Ċirnienu, u bosta oħrajn.

Fil-parti ċentrali tal-ktieb insibu numru ta’ritratti b/w, kemm tal-awtur stess meta kien għadu tifel, kif ukoll tal-personaġġi li hu jitkellem dwarhom.

 Spazji u attivitajiet partikulari:

Naqraw dwar l-għeluq u l-parrokkjaliżmu f’Għawdex tas-snin sittin, dwar ir-rwol tal-mara u l-ħdim tal-bizzilla, dwar spazji u attivitajiet partikulari.  Hekk għas-sinjuri kien hemm il-Każin tas-Sinjuri, u anki ċ-“Circolo Gozitano”. Pjazza Savina kienet il-post fejn jarma l-Monti. Il-Pjazza tat-Tokk, ir-Rabat, kienet il-milja tal-ħajja Rabtija. It-Telgħa tal-Belt, lejn il-Katidral,  kienet il-post fejn in-nassaba setgħu jbigħu u jpartu l-għasafar. Is-Silver Jubilee Sports Ground kien il-lok fej tintlagħab xi partita futbol. L-Oratorju Don Bosco kien jiġbor ħafna żgħażagħ mir-Rabat. Is-Central Office of Information kien ċentru edukattiv għall-poplu Għawdxi. Hu lok li jintrabat mal-poeta Ġorġ Pisani li kien il-kap tal-uffiċċju f’Għawdex u li dejjem kellu l-għan li jgħallem lill-Għawdxin. Spazji oħra huma l-Każin “Tal-Ljun” il-qadim – L-Aurora – fejn mhux ’il bogħod minnu kienu jiltaqgħu għarajjes u namrati, it-Teatru Astra (Tal-Istilla) fejn kienu jintwerew films u tittella’ xi operetta. Bezzina jsemmi ukoll l-ispazju taċ-ċimiterju: rigward dan jikteb, “Għad jasal żmien, jekk Alla ħanin jislifni l-għomor, li aktar inkun naf nies mejtin milli ħajjin.” Hemm ukoll Triq Palma, il-lok fejn twieled, trabba u għadu jgħix l-istess awtur. Il-ħanut tal-barbier jinftiehem bħala ċentru fejn jiltaqgħu bosta nies minn irħula differenti u jaqsmu aħbarijiet differenti. Jissemmew iktar minn darba n-niċeċ reliġjużi. Ix-Xwejni ta’ Għawdex u l-imkejjen tal-madwar jintrabtu mas-salini u l-produzzjoni tal-melħ.

Il-personaġġi:

Il-karattri Għawdxin li jagħżel Bezzina huma varji: hemm l-għalliem tal-mużika, il-barbier, tal-ħelu, l-għalliema, il-ħajjat, l-iskarpan, tal-karawett, il-landier, tal-pitrolju, tal-melħ u s-surmast. Hemm imbagħad oħrajn li jibqgħu miftakra b’laqamhom bħal Ġakki l-Mutu, Peppu n-Nagħġa, Ġużeppi ta’ Bolom, Ġanni tat-Talent, Mariġwann ta’ Għar Ilma, Pawlu tal-Peċċa, tal-Ixkora, Ġorġ Bżaru u Ġorġ il-Ġurdien. Bosta drabi Bezzina jidħol fl-irkejjen profondi u misturin ta’ kull karattru li jiddeskrivi. Konċa tirrappreżenta l-figura tal-mara determnata u b’saħħitha li taf tfendi għal rasha, anki jekk bi tbatija. Bolom jirrappreżenta kull bniedem li jinkwieta u jirrifletti fil-fond.

Illum Bezzina jimmaġina lil dawn il-karattri f’post speċjali fis-sema fejn huma apprezzati qatigħ, ladarba fil-preżent fid-dinja tagħna m’għadx hemm post għalihom.

Bezzina moralista:

Bezzina jipprova jiġġieled kontra l-kesħa u l-baħħ ġewwa qalbu billi jikteb dawn it-tifkiriet. Kontra l-baħħ hemm it-tifkira li tingħata laħam u sura permezz tal-kitba. L-għajn tal-ilma għal Bezzina (bniedem ta’ moralità soda) isir simbolu ta’ dak kollu li kien tajjeb u warrabnieh. F’dan ir-rigward jikteb, “B’xorti ħażina aħna qtajna sinjal li fired l-imgħoddi mill-preżent u qridna kull tifkira li tfakkarna fil-passat. Ridna nkunu moderni aktar minn ħaddieħor u b’hekk ma tgħallimniex sewwa l-lezzjoni. Inħoss li llum qegħdin inpattu qares għaliha.” Aktar ’l isfel jikteb, “Għawdex kien għadu l-gżira tal-ħolm, gżira kwieta b’nies sempliċi li ħallew ħafna kulur... Għawdex qered il-fiżjonomija tiegħu, tkabbar, u libes libsa moderna ġdida, iżda li ma tixraqlux daqs dik ta’ qabel.” Dwar id-dixxiplina fl-iskola jikteb, “dak li kien neċessarju fi żmien tfuliti llum ġie pprojbit.”

Bezzina mill-ewwel jinftiehem ukoll bħala kittieb ambjentalist, mela favur is-safa tal-imgħoddi. Huwa dirett f’dak li għandu jgħid rigward il-progress u l-prezz qares li qed inħallsu għalih. Dan il-progress iqabblu ma’ “malarja” fil-poeżija li tiddeskrivi lil Ġorġ Gauci u Karistu Sultana. Huwa preżenti l-ħin kollu l-konfront jew paragun bejn l-imgħoddi u l-preżent.

Laqtiet awtobijografiċi:

L-awtur jagħti wkoll l-ewwel lemħiet tiegħu u b’hekk jikteb dwar il-Pjazza tat-Tokk, il-ħajja ħdejn il-Każin tal-Ljun il-Qadim, Pjazza San Ġorġ, it-tifkiriet tiegħu fi Triq Palma (fejn għadu joqgħod sal-lum), l-iskola elementari, il-preċett u l-karattri ta’ tfulitu. Bezzina jammetti li fil-ktieb hemm xi episodji awtobijografiċi: dan bl-iskop li jdaħħal lill-qarrejja f’xi kmamar tiegħu u jurihom kwadri jew l-ewwel lemħiet personali mill-ħajja ta’ dik l-epoka.

L-istil:

Stilistikament Kwadri tal-Imgħoddi hu miktub bi stil mexxej u jaħkmek minnufih u jġagħlek tgħix dak li l-awtur qed jikteb dwaru. Tingħata importanza lill-ħsejjes (il-qanpiena, l-għana tal-għasafar, it-tpaċpiċ tan-nies, il-ħoss tat-tuning fork tal-għalliem tal-mużika, l-għajta tal-bejjiegħ, l-għagħa tax-xerrejja, il-qxur tal-karawett ifaqqa’ taħt is-saqajn) u lill-irwejjaħ  (tal-kafè ħierġa mill-ħwienet) tal-epoka deskritta minn Bezzina. L-awtur hawn jinftiehem minnufih bħala osservatur prim u akut, kapaċi jikteb deskrizzjonijiet mill-aqwa ta’ ambjenti u personaġġi diversi. Dawk tiegħu huma ritratti umani mill-isbaħ ta’ bnedmin normali li għexu ħajjithom b’mod sempliċi, umli u tajjeb. Kwadri tal-Imgħoddi għandu laqtiet poetiċi anki fil-partijiet ta’ proża. Eżempju ta’ dan hu meta Bezzina jikteb dwar Ġorġ Gauci u Karistu Sultana: “Id-dinja kienet il-ġenb u t-tnejn li huma għexu u mietu fix-xifer tagħha.”

Għajnejn Bezzina jgħarrxu kull rokna tal-ispazji u tal-karattri li jiddeskrivi, u dan b’dettall kbir. Id-deskrizzjonijiet jirrendu l-kitba ta’ Bezzina pitturi mill-isbaħ, pitturi ħajjin. Dak li għarrex fis-snin sittin meta kien għadu tifel bidlu f’kitbiet ta’ tifkira fil-preżent, ħamsin sena wara.

Konklużjoni:

Dan hu ktieb li żgur joħloq pont bejn il-kittieb sensittiv u l-qarrej daqstant sensittiv: lili qanqalli bosta tifkiriet marbutin mas-snin sebgħin u tmenin, tifkiriet marbutin ma’ persuni għeżież qatigħ għalija u li llum m’għadhomx magħna. Mhux biss persuni, imma wkoll xbihat, irwejjaħ, ħsejjes, uċuħ, togħmiet, ilwien, materjali differenti, kollha marbutin ma’ imgħoddi sabiħ.

Il-bniedem imut u anki t-tifkira tiegħu xi darba tispiċċa fix-xejn. Imma kif jgħid il-qawl Latin, Verba volant, scripta manent (il-kelma ttir imma l-kitba tibqa’). Kwadri tal-Imgħoddi ta’ Charles Bezzina huwa ktieb li jagħmel ġieħ kemm lil dan l-awtur ta’ sensibbiltà straordinarja, kif ukoll lill-persunaġġi li jiġu mfakkra u deskritti b’tant ħajja. Huwa studju antropoloġiku interessanti ferm f’rabta ma’ Għawdex tas-snin sittin. Ikun interessanti kieku jsir studju komparattiv bejn kitba bħal din u xogħlijiet tal-kittieb u ġurnalista Leonardo Sciascia li jagħtina stampa ta’ Sqallija tas-snin sittin bħal kif għamel f’rumanzi bħal Il giorno della civetta (1961) u A ciascuno il suo (1966). Anki f’Sciascia joħorġu d-differenzi bejn il-professjonisti u n-nies komuni, u nsibu deskrizzjonijiet marbutin mal-mara, mal-ilbies, il-kappillan, ir-raħal, il-ħanut tax-xorb jew iċ-ċirklu fejn jiltaqgħu l-professjonisti, u l-bqija.

Kotba bħal dan ta’ Bezzina għandhom ikunu parti mill-kurrikulu tal-istudenti. Hemm bżonn li nkunu nafu minn xiex għaddew u min kienu missirijietna, biex nagħarfu aktar lilna nfusna u ma nistħux quddiem popli ta’ artijiet ħafna ikbar minna. Illum sirna nafu iktar fuq dak li mhux tagħna milli dwar dak li hu tagħna; illum mhix skuża li hemm nuqqas tal-ktieb Malti. Kwadri tal-Imgħoddi huwa prova oħra ħajja ta’ dak li qed insostni hawn.

Nixtieq nagħlaq bl-istess kliem li bihom Bezzina jagħlaq il-ktieb Kwadri tal-Imgħoddi: “Irrid quddiem dawn l-erwieħ twajba nixgħel il-lampa tal-imħabba, biex l-Għawdxin u l-Maltin tal-lum, barra n-nies magħrufa u famużi li qraw dwarhom, ikunu jistgħu jittawlu minn wara l-purtiera, u jaraw u jiltaqgħu ma’ dawn in-nies minsija li lewnu lil Għawdex bil-karatteristiċi partikulari tagħhom.”

Patrick Sammut 

Victor Fenech - Il-Poeżiji u Spring Rain/Winter Blues - Poems, Prosepoems


L-aktar żewġ ġabriet poetiċi reċenti ta’ Victor Fenech iġibu l-isem ta’ Victor Fenech - Il-Poeżiji (Klabb Kotba Maltin, 2011) u Spring Rain/Winter Blues – Poems, Prosepoems (Horizons, 2011).

VICTOR FENECH – IL-POEŻIJI (Klabb Kotba Maltin 2011)

Victor Fenech - Il-Poeżiji (255 paġna) jiġbor fih il-poeżiji ta’ Victor Fenech sa mill-bidu. Hekk naqraw poeżiji mill-ġabriet poetiċi Kwartett (1965), Antenni (1968), Analiżi ’70 (1970), F’Altamira (1979), Sangraal (1987), L-Aħħar Rimi (1997), Sajonara (1999), u Għeluq (2005). L-ewwel tliet ġabriet kienu ko-awturati, filwaqt li l-bqija kienu magħmula minn versi ta’ Victor Fenech biss. Mela ġabra bħal din – li tiġbor mal-200 poeżija u iktar minn 300 ħajku - hija utli għax turi l-mixja poetika ta’ wieħed mill-poeti kontemporanji ewlenin li poetikament twieled fis-snin sittin, anki f’rabta mal-Moviment Qawmien Letterarju.
Daqqa t’għajn lill-Werrej jurina mill-ewwel x’temi ġew ittrattati minn Fenech matul il-karriera poetika tiegħu: fost dawn insibu s-soċjetà, il-mewt (mela l-eleġija), il-passat u n-nostalġija għal dak li ntilef darba għal dejjem, l-ambjent u l-qirda tiegħu, il-politika, l-istorja, u l-familja. Bosta titli ta’ poeżiji differenti jintrabtu ma’ postijiet u personaġġi varji.

Kwartett ra d-dawl meta Victor Fenech kellu 30 sena. F’dawn l-14-il poeżija narawh iħaddem kemm strutturi li għandhom mit-tradizzjonali kif ukoll mill-modern, u dan kemm fuq livell strutturali kif ukoll tematiku. Dan ma jistax jonqos f’poeta li twieled qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, imma għex ukoll il-bidliet li ġabu magħhom is-snin tal-Beatles, tal-Flower Power u l-bqija. Hekk naraw poeżiji bħal Fil-Mewt ta’ Nannti, Meta l-Allat Iħarsu ’l Isfel, L-Allat u l-Poeta u L-Aħħar Werqa li jħaddmu l-kwartini, ir-rima mqabbża u versi bħas-settenarju, l-ottonarju u l-endekasillabu. Hawn jiġu ttrattati temi bħal dik morali, dik tal-poetika (il-poeta li hu differenti mill-bqija) u l-mewt. Min-naħa l-oħra hemm poeżiji fejn Fenech iħaddem il-vers projettiv (fejn il-forma b’xi mod tirrifletti t-tema jew l-argument tal-poeżija) u l-vers ħieles bħal f’Bandalora għal Pajjiż Imjassar, Huma u l-Bqija, Xmara Ħamra, Bruka Xiħa u Kwadru mis-Seklu Għoxrin. Hawn il-poeta żagħżugħ jittratta temi politiko-soċjali bħat-tifsira vera tal-Indipendenza u l-ħelsien, il-klaxx li nħoloq fis-sittinijiet bejn soċjetà tradizzjonali u oħra li ddakkret minn modi ġodda u totalment differenti minn kif kien imdorri għalihom il-Malti li jgħix fir-raħal u r-raba’, u l-kontradizzjonijiet ħorox li ġab miegħu is-seklu li għadda.

F’Antenni, li ħareġ tliet snin wara Kwartett, naraw lil Victor Fenech jinqata’ dejjem iktar mill-element tradizzjonali. F’dawn l-20 poeżija l-poeta jittratta t-tema eżistenzjali (Diqa), it-twemmin u l-mewt (ittrattati b’mod differenti minn kif ittrattati mill-poeta tradizzjonali), l-imħabba lejn il-patrija fi żmien meta pajjiżna kiseb l-Indipendenza (L-Akbar Ġrajja), il-protesta (kontra l-burokrazija), il-politika, il-konfront bejn l-ispiritwalità fuq naħa, u l-materjaliżmu u s-sess fuq l-oħra (Soho ’67), imma anki l-poetika. Hekk f’Burokrazija Fenech jirribella u jaħrab ’il bogħod ġo għar; L-Iċken Ġrajja titqiegħed f’kuntest ta’ mass-meeting; u Poeti u Poeżija Poeżija u Poeti Hekk Ikun hija dwar il-mużika li ħadet poet il-poeżija (“l-poplu telaqkom għall-ħsejjes tal-pop?”), u dwar il-polemika bejn poeti tradizzjonali u dawk moderni. Hawn tinħass il-ħtieġa li l-poeżija taġġorna ruħha biex tikkompeti ma’ mezzi artistiċi oħra bħall-mużika. Hawn Fenech juża wkoll il-forom tat-tanka u tal-epigramma.

F’ Analiżi ’70 Victor Fenech kellu 24 poeżija. Jitħaddem fuq kollox il-vers ħieles, imma anki l-epigramma u lejn l-aħħar jinħass sewwa l-użu tal-poeproża (Illum l-Istabbiliment, Din l-Art Ħelwa, Din l-Art li Alla Tana u Diskors tal-Mexxej ta’ Maltopja fil-Ħam(e)s[in] Anniversarju tal-Għoti tal-Indipendenza Hip Hip Hurray!). Anki hawn jinħass b’saħħtu l-element politiku-soċjali (l-aljenazzjoni; mill-ġdid, il-qirda tal-ambjent mill-istess poplu Malti; il-gwerra u l-ġuħ li laqtu lil ċerti pajjiżi filwaqt li aħna ngħixu fil-ħela) u titħaddem ħafna t-teknika tal-parodija (li trid tattakka l-klassi tal-poter), għal qalb ħafna Victor Fenech u poeti oħra li ħarġu għad-dawl fis-snin sittin. F’Ritratt I u Ritratt II il-poeta josserva lil min qed josserva u anki lil min qed jiġi osservat. Hawn il-kwotidjan jingħata r-ritmi partikolari tal-vers ħieles u tal-poeproża. Jew viċi-versa.

B’Altamira (1979) jibdew il-ġabriet bix-xogħlijiet kollha kemm huma ta’ Victor Fenech, issa poeta stabbilit sewwa. Ġabra bħal din tiġbor mal-21 poeproża. Il-poeżroża hija dik il-kitba li tħaddem kemm elementi li għandhom mill-proża (versi mqegħdin f’forma ta’ paragrafi aktar milli ta’ strofi, ritmi partikolari, tħaddim ta’ kliem li għandu iktar mill-proża u mid-diskors ta’ kuljum, ritmu li, f’id min jaf iħaddmu, bħal Fenech, spiss ipaxxik), kif ukoll mill-poeżija (metafori, rimi interni, alliterazzjonijiet u assonanzi). Jispikkaw hawn kemm postijiet kif ukoll personaġġi partikolari. Hekk F’Altamira Żewġ Barrin naqraw dwar il-paradoss ħajja/mewt u l-poeta jirnexxilu jġiegħel lill-qarrej iħoss l-ambjent li fih ikun (hawnhekk Spanja). Chè (Guevara) hija ddedikata lil dan il-personaġġ revoluzzjonarju mill-Amerka t’Isfel. Fil-parodija Din l-Omm li Tatna Isimha Fenech jikteb “Ippruvajna d-demokrazija Nazzjonalista u l-libertà/ saret libertinaġġ. Ippruvajna s-soċjaliżmu Mintoffjan/ u s-serjetà saret sarima.” F’Erġajt fl-Għar Fenech jikteb dwar il-kastell ta’ Kafka, l-Istat bojja, iż-“żraben nażisti” u Belsen u Dachau. Pelè hija kitba oriġinali li biha Fenech jimmortalizza lil dan l-isportiv Brażiljan ta’ fama dinjija. Odissea hija stedina biex il-poplu dgħajjef iqum fuq tiegħu kontra l-aljenazzjoni li ilha taħkmu minn żmien qabel. Où Est Vincent? hija miktuba b’ritmu mexxej, ħafif u naturali, anki permezz ta’ lessiku mħallat; fiha nsibu waqtiet li jnisslu tbissima, filwaqt li l-poeta jidentifika ruħu ma’ dan il-pittur: “Jien bħalek, Vincent, mad-dehra tal-kwiekeb nishar fil-fantasija.” Pitirross tittratta l-bruda li waqa’ fiha l-poplu Malti mil-lat ta’ twemmin, filwaqt li Tradiment u Il-Lejl tal-Ħelikopter jistgħu jinftehmu bħala eleġiji ambjentali.

Aktar poeproża, imħallta ma’ poeżiji miktubin fil-vers ħieles u xi wħud bil-vers projettiv, jinsabu f’Sangraal (1987). Naqraw poeżiji dwar ir-relazzjoni bejn il-“jien” u l-“int” f’rabta mal-imħabba (Għajnejk u Għattini, Qaltli). F’Kemmuna – Epitalmju din il-gżira ma tibqax “gżira ta’ bajjiet imqammra/ gżira ta’ għoljiet imxemmxa/ gżira ta’ qamar il-għasel!”, imma takkwista dimensjoni li tmur lil hinn mill-fiżiku biex b’hekk il-poeta jikteb dwar u jfisser imħabba eterna.  Hemm poeżiji oħrajn li jippruvaw jagħtu definizzjoni tal-“jien” kumpless (Jien, Sangraal), oħrajn li jsellmu b’mod jew ieħor lil kittieba kbar bħal Rilke, Lorca, Yeats (Rilke, Omaġġ lil Lorca), imma fuq kollox jerġa’ jispikka l-element soċjali u ta’ protesta (Trittiku Nhar t’Erbgħa, Totalitarjaniżmu, Spe[k](t)tru[m] Politiku, Muu u l-Poter, Invit-Żball, Guernica II, Le! u Fewdaliżmu Snin Tmenin). Fenech hawn jikteb dwar il-gwerra fil-Vjetman, is-sitwazzjoni mwiegħra f’Iżrael u Gaża, il-klijenteliżmu, l-apartejd fl-Afrika t’Isfel, imma ma jinsiex is-sitwazzjoni politika nazzjonali attwali (is-snin tmenin) imwiegħra: “Qiegħed naqra qamar qilla/ f’sema Malti.// Qiegħed nara x-xafra mċappsa./ Qiegħed nara l-isdra mħaffra./Qiegħed nara s-sagħtar mgħaffeġ./ Qiegħed nara għadajjar demm./ Taħt qamar Malti jingħi” (Guernica II). Fenech hawn ifakkarna li kull poeta veru għandu d-dmir li jwissi lill-poplu, jiftaħlu għajnejh u joħorġu minn stat ta’ aljenazzjoni kollettiv. Il-mewt tinħass f’poeżiji bħal Iż-Żabra, Death Wish, u F’Ħajti Ħarifa. Stilistikament Fenech jagħmel bosta referenzi għad-dinja mitoloġika u  klassika, jislet mill-aħbarijiet kurrenti u mill-bjar tal-kultura, filwaqt li jħaddem ilsien li jissellef anki direttament minn ilsna varji (fosthom it-Taljan, l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Ispanjol).

L-Aħħar Rimi (1997) għandu fih l-ikbar numru ta’ poeżiji (52). Anki hawn. Apparti l-vers ħieles u l-poeproża insibu l-esperimentazzjoni tal-vers projettiv (Difna tinkiteb f’għamla ta’ salib; Mustaxija tibda b’faxx iswed wiesa’ u twil; Kunċert għall-Ambjent tinsisti fuq ir-ritornell mhux tas-soltu “ra-ta-ta-ta ra-ta-ta ra-ta-ta-ta ra-ta-ta”, bħala parodija u tfakkira tal-istorbju li jaħkem fil-gżejjer Maltin). Fenech iħaddem mill-ġdid it-tanka f’xogħlijiet bħal Diqet l-Imperatriċi, Nukada-Kaġami, Tanka lil Kinashi, Tanka ta’ Saimei u oħrajn. Tematikament nerġgħu naqraw dwar il-qirda ambjentali (Foresti-Xita), imma anki dwar il-ġibda u t-tradiment fl-imħabba (Katakombi), is-separazzjoni fiż-żwieġ u l-kumplessità ta’ moħħ il-bniedem (Ħabibi), ir-relazzjoni tal-poeta mat-teknoloġija (Kompjuter), l-eżistenzja u t-tiftixa tal-‘jien’ (Meta Tfaqqa’ u L-Ispirti ta’ ġo Fija), il-patrijottiżmu u l-ħolma ta’ Vassalli (Vassalli), l-introspezzjoni u r-rabta bejn il-pittura u l-poeżija (L-Arloġġi ta’ Dalì u Skiet), u l-protesta (Diċembru 1981, U Meta?, u Malta Hi).
F’Kaċċa-Ġenn Fenech jikteb, “le le le m’għadnix/ niggosta l-qamar jilgħab noli mas-sejjieħ”, u għalhekk jinftiehem bħala bniedem skomdu b’dak li ma jogħġbux madwaru. F’Temporale Fenech mhuwiex biss turist f’Ruma, imma anki bniedem li jirrifletti u jirreaġixxi għal dak li jara. Cummings Revisited/ Sing of Olaf Glad and Big inkitbet waqt il-Gwerra tal-Golf (1991); dawn huma versi li jġagħluk tistaqsi dwar il-gwerra u dwar dawk li joġġezzjonaw li jsiru suldati biex joqtlu, u li b’hekk jintrabtu mal-versi li kiteb e.e. cummings snin qabel. Il-poeta impenjat jikteb ukoll dwar il-mibegħda etnika (Sarajevo), il-ħajt ta’ Berlin u t-twaqqigħ tiegħu (Berlin), l-Olokawst u s-sitwazzjoni simili fil-Palestina moderna (L-Aħħar Twerżiqa), imma anki dwar kif huma meqjusin il-poeti hawn Malta, “imwarrbin”, “minsijin”, “imsejknin”, “imħawdin” u “mħarbtin” (Aħna l-Poeti!) biex fl-aħħar jagħlaq il-ġabra L-Aħħar Rimi b’ton ftit rassenjat permezz ta’ p.s. Swiċċ, fejn Fenech iħoss li wasal iż-żmien li ma jiktibx iktar poeżiji.

Il-ġabra  Sajonara (1999) tiġbor fiha 184 ħajku, li mbagħad Victor Fenech ikompli jżid magħhom iktar tard, sa 322 ħajku, fil-ġabra Għeluq (2005). It-temi li Fenech ittratta fil-poeżiji tiegħu (imħabba, protesta, ambjent, eżistenzjaliżmu, twemmin, poplu Malti, problemi soċjali, u l-bqija) jiġu ttrattati kollha kemm huma fil-ħajku, bid-differenza li din id-darba kollox jiġi kkondensat fi tliet versi jew 17-il sillaba li jiffurmaw il-ħajku. Hemm min jgħid li s-saħħa tal-ħajku qiegħda fil-wara, jiġifieri huwa magħmul apposta biex iħallik taħseb, ittella’ u tniżżel dwar dak li jkun inkiteb fit-tliet versi.

Għeluq jiġbor fih 35 poeżija u 137 ħajku. Ġabra bħal din fakkret l-erbgħin sena mill-ewwel darba li Victor Fenech ippubblika l-poeżiji tiegħu fi Kwartett (1965) u s-sebgħin sena tal-istess awtur li issa mmatura sewwa. Baqgħu għal qalbu l-vers ħieles, il-poeżroża u l-ħajku. Jinħass sewwa l-fatt li l-poeta m’għadux żagħżugħ u li sar iktar konxju tal-waqt tat-tmiem (fi Qrobt jikteb, “Qrobt lejn l-għeluq -/ x’ilni li kont f’pont it-tluq!”). Fi Tluq (Insomma Saħħa!) l-mewt tiġi ttrattata bi tbissima, filwaqt li Ombra hija dwar il-bidla li jħalli fuq il-bniedem iż-żmien, u t-tifkira tal-enerġija taż-żgħożija. Il-mewt hi ttrattata wkoll f’Jekk, Wara Mewti (mibnija fuq poeżija tal-poeta Portugiż, Fernando Pessoa). F’Ħanina, Issammarx Ħarstek Fenech jammetti l-kumplessità ta’ moħħu u ta’ ruħu u jistieden biex ħadd ma jipprova jifhmu. Fi Kwiekeb/Verità nħossu li l-bniedem hu karikatura jew dell, u li l-bniedem sħiħ għad irid jitwieled.

L-Imdina tiġi mqabbla ma’ “ġebla/budda b’riġlejha msallbin” f’Ħalluha Torqod l-Imdina. Fi Vjaġġ il-gżira li trid tintlaħaq hija biss ħolma u l-vjaġġ hu wieħed interjuri. L-idea tal-vjaġġ nerġgħu naqraw dwarha f’Aridità, fejn għal darb’oħra Fenech jittratta t-tema tat-tiftix. Il-ħajja hi mifhuma bħala vjaġġ ta’ għarfien li jnissel dejjem iktar mistoqsijiet u misteri. Dan inissel sens ta’ vojt u waħx fil-poeta. Dwar il-fidi u l-enigmi tagħha hija l-poeproża Ix-Xwejjaħ tad-Daqna Bajda. Fenech hawn hu sinċier biżżejjed biex jammetti li fejn tidħol il-fidi għadu mitluf. Dwar il-patrija huma Mhux Iżjed Dan il-Pajjiż Tiegħi u Xi Mkien Trid Titwieled. F’din tal-aħħar Fenech jagħmel parodija tal-Innu Malti biex inissel talba patrijottika li tikkuntrastja sewwa poeżija li kien kiteb fis-snin 60 bl-isem ta’ L-Akbar Ġrajja. Il-poeżija mill-ġdid issir ħaġa waħda mal-pittura f’Luciano (“Bħal fewġa/ fraġli jinħassu l-kuluri;/ ġnejna serħan joħolqu,/ arkadja sfumaturi.”) u f’Pitrè. Ir-relazzjoni tal-poeta mat-tekoloġija nerġgħu naqraw dwarha f’Ikkraxxjali!: dak li fl-imgħoddi konna ngħaddu mingħajru llum tkun traġedja jekk ma jaħdimx. Fenech hawn jgħaddi biż-żmien sitwazzjoni bħal din.

L-element soċjali jinħass f’siltiet ta’ poeproża bħal F’Daqqa Qdiemet (poeżija twissija dwar l-ikrah li ġab miegħu is-seklu 20) u Srebenica (li tieħu l-forma ta’ paġna minn djarju ta’ suldat Serb u tittratta l-ħruxija tat-tindif etniku fil-Bosnija).

Lingwistikament jolqotni ħafna l-użu ta’ dawk li nsejħilhom doppjuni li huma numerużi fil-versi ta’ Victor Fenech u li jintużaw għall-enfasi, fost funzjonijiet oħrajn: “għaraq-demm”, “ħaġar-tafal”, “raħeb-skrib”, “bjuda-ragħwa”, “misjuq-mormi”, “statwi-lava, statwi-melħ”, “ċarrtulha/qaċċtulha”, “jiġbed-jagħfas”, “nishar-nistenna”, “tinkik/tifnik” u bosta oħrajn;  u ċerti neoloġiżmi bħal “luljan” (minn Lulju) u “skwalli l-baħar” (minn ‘squalo’).

Victor Fenech – Il-Poeżiji għandu wkoll żewġ Appendiċijiet. Fl-ewwel wieħed Fenech jagħtina l-oriġinali ta’ xi poeżiji minn tiegħu bit-taħżiż u r-reviżjonijiet kollha sakemm il-poeżija tieħu s-sura aħħarija tagħha. It-tieni appendiċi jiġbor fih numru mdaqqas ta’ kummenti minn kritiċi u kittieba differenti dwar il-poeżiji u l-ġabriet poetiċi ta’ Victor Fenech li dehru mill-1965 sal-2008.

SPRING RAIN/WINTER BLUES (Horizons, 2011)

Victor Fenech hu wieħed minn dawk il-poeti li ħarsu lil hinn minn xtutna u xtaqu li l-poeżija Maltija tinqara wkoll mill-barranin. Huwa kien qatta’ sena jistudja f’Londra bejn l-1966 u l-1967, u dan kien proprju ż-żmien meta f’Malta twaqqaf il-Moviment Qawmien Letterarju li kellu l-għan li jagħti nifs ġdid lil-letteratura Maltija.

Spring Rain/Winter Blues – Poems, Prosepoems (64 paġna, u 300 kopja biss, iffirmati mill-istess awtur) jiġbor fih mat-52 poeżija u għażla ta’ tmien ħajku minn Sajonara. Jinqasam fi tliet taqsimiet: London Poems (miktubin bejn l-1966 u l-1967); Malta Suite (miktubin fl-aħħar parti tas-snin ’70 u bidu tas-snin ’80); u Spring Rain/Winter Blues (li, kif jgħid Victor Fenech stess, parti kbira minnhom huma ġodda, u oħrajn dehru f’rivisti u ġabriet differenti u ġew maqluba f’ilsna differenti). Numru mdaqqas mill-poeżiji li naqraw f’din il-ġabra għandhom il-verżjoni bil-Malti u jistgħu jinqraw f’Victor Fenech – Il-Poeżiji (KKM, 2011). Jaħkmu f’din il-ġabra l-vers ħieles, il-poeżroża u l-ħajku u din l-għażla ta’ forom torbot lil Fenech mal-poeti moderni.

Anki hawn naqraw dwar diversi temi. Tispikka dik politiko-soċjali, anki għax il-poeta veru – bniedem sensittiv għall-aħħar - ma jistax jinqata’ minn dak li qed iseħħ madwaru, kemm fil-qrib kif ukoll lil hinn minn xtut art twelidu. F’London Pictures il-poeta jinkludi nota sarkastika dwar il-massakru li f’dawk is-snin kien qed iseħħ fil-Vjetnam, filwaqt li f’Carnaby Street ifakkarna fis-snin tal-protesta u tal-moviment tal-Flower Power. Ma’ dan tintrabat ukoll Trafalgar Square fejn Fenech jikteb dwar il-marċi ta’ protesta min-naħa tal-istudenti, imma anki dwar l-ideat u l-modi anti-tradizzjonali u r-ribelljoni mill-ġenerazzjoni żagħżugħa tas-snin ’60. F’After the Crisis jikteb dwar il-kriżi bejn l-Iżrael u l-Eġittu, filwaqt li jistaqsi meta u minn min se tintemm il-kriżi tal-Palestina. Fil-qosor tagħha Ramallah tinbena fuq għadd ta’ kuntrasti u paradossi, fosthom dak bejn l-imħabba u l-mewt (il-gwerra).

Fid-dell ta’ Malta Indipendenti u Repubblika Fenech jesprimi relazzjoni ambivalenti bejnu u art twelidu f’Malta Sunflower. L-istess relazzjoni ambivalenti jesprimiha f’Malta Prosepoem: “On this terraced little island,/ a dry leaf upon the blue. My nemesis my/ beloved, my womb and my grave.” Malta Requiem hija eleġija ambjentali fejn Fenech iqiegħed f’kuntrast Malta pastorali tal-imgħoddi  ma’ dik tal-lum li tilfet il-karattru tagħha. Għalhekk jikteb li ma jiddispjaċihx jitbiegħed minn Malta moderna. Savonarola hija għajta ta’ protesta kontra min għandu f’idu l-poter (l-Establishment). Il-leħen ewlieni fil-poeżija (jew il-persona) hu dak ta’ Savonarola li sefa vittma tal-istess Establishment. F’I Remember Fenech jikteb: “The first light of dawn/ brought full knowledge of the holocaust-/ the city was gone.” Jista’ jkun li hawn qed ifakkar dak il-jum meta d-dinja saret taf bit-tfigħ tal-ewwel bomba atomika fuq il-belt ta’ Hiroshima (meta l-poeta kellu 10 snin). Il-kelma “holocaust” nerġgħu naqrawha f’Newsflash fejn Fenech jikteb dwar attakk terroristiku fuq skola li ħalla qirda, demm u miserja.

Jinħass sewwa f’din il-ġabra l-poeta pellegrin li jdur irkejjen differenti marbutin kemm ma’ art twelidu (l-aktar f’Malta Suite), kif ukoll lil hinn minn Malta (l-aktar f’London Poems). Postijiet  differenti jnisslu daqstant riflessjonijiet differenti min-naħa tal-poeta. F’London Pictures Fenech jerġa’ jżur irkejjen differenti ta’ Londra, belt li sfat vittma tan-nar, tal-bombi u tas-sess, imma li dejjem reġgħet qamet fuq sieqha. The Romantic Agony tintrabat ma’ Spanja, Faint Memories tfakkar fi żjara li l-poeta għamel fl-Isvizzera (biex fl-aħħar itemmha b’vers li jibqa’ jidwi f’moħħ il-qarrej: “Faint memories are as awkward/ as half-truths.”), filwaqt li Woman on Charles Bridge jikteb dwar wiċċ mara li ma jinsa qatt.

Malta tiftaħ it-taqsima Malta Suite: il-qosor tal-poeżija jirrifletti ċ-ċokon tal-gżira, imma hemm ċerta profondità bejn il-versi, l-istess profondità li hemm fl-istorja ta’ gżira ċkejkna bħal tagħna. F’poeżiji oħra Fenech jikteb dwar l-Imdina, Marsaxlokk, Ħal Tarxien, Ħal Millieri, u l-Birgu. F’versi bħal dawn naqraw ukoll dwar il-kuntrast bejn l-imgħoddi u l-preżent, il-ħajja kajmana fil-villaġġi u l-ħajja mgħaġġla fil-bliet, u dan fi żmien meta Malta kienet għaddejja minn bosta bidliet infrastrutturali, soċjali, u l-bqija.

Hemm ukoll versi fejn Victor Fenech jispira ruħu minn għadd ta’ personaġġi, fosthom Miguel Miguelin (torero Spanjol), Martine Carol (attriċi Franċiża, simbolu ta’ età ġdida u tal-emanċipazzjoni tal-mara), Marlon Brando (l-attur Amerikan), imma anki John Keats, Federico Garcia Lorca, Salvador Dalì, Gregory Corso u Fernando Pessoa.


Interessanti huma Christmas 1942 (li tieħu l-forma ta’ tifkira tat-Tieni Gwerra Dinjija u ta’ meta Victor Fenech kellu seba’ snin, filwaqt li jissemmew Dun Ġorġ, il-Milied u l-fidi tal-Maltin kontra t-theddid tal-għadu), u Half my Life-span gone (fejn ladarba l-poeta għadda n-nofs ta’ ħajtu jħares lura u jagħti lista ta’ dak li għamel u li għadda mingħalih. Hawn il-ġrajja personali tintrabat ma’ dik nazzjonali – Malta bejn l-1940 u l-1974 – u internazzjonali – ġrajjiet l-Ewropa fl-ewwel nofs tas-seklu 20).

Għeluq:

Huwa sabiħ li kull tant żmien poeta jippubblika l-aħħar poeżiji li jkun kiteb f’antoloġija għaliha. Hekk dawk li għandhom għal qalbhom il-poeżija (ftit ħafna b’xorti ħażina) jkunu jistgħu jgawdu l-ħsibijiet fini, jaqsmu mal-poeta s-sensittività tiegħu u jiflu l-mekkaniżmi stilistiċi flimkien mal-lingwaġġ li jħaddem b’sengħa kbira. Hija ħaġa iktar sabiħa meta, wara karriera twila bħala poeta, dak li jkun jiġbor il-produzzjoni poetika kollha tiegħu f’volum wieħed jew tnejn biex b’hekk il-qarrej ikun jista’ jara l-mixja poetika lejn il-maturità ta’ dak li jkun. Li nista’ ngħid hu li Victor Fenech – Il-Poeżiji u Spring Rain/Winter Blues joffru esperjenza rikka lill-qarrej li jaf japprezza l-poeżija vera fl-għamliet differenti tagħha u fil-mixja tagħha matul iż-żminijiet. Dik ta’ Victor Fenech hija poeżija li tiftaħ tieqa kemm fuq dak li jagħmel lill-bniedem minn ġewwa, kif ukoll fuq dak li jseħħ madwaru minn barra. Dawn ta’ Victor Fenech huma żewġ ġabriet ta’ poeżija li għandhom isibu posthom fuq l-ixkaffa ta’ kull min għandu għal qalbu l-letteratura Maltija u jinqraw ftit ftit bħalma ftit ftit wieħed jiggosta tazza inbid mill-itjeb.

Patrick Sammut