Saturday, November 16, 2013

META JĦAMMAR IL-PEPRIN ta' Lina Brockdorff, KKM, 2013

Lina Brockdorff illum hija magħrufa sewwa f’rabta mal-kitba tal-proża. Għandha ppubblikati żewġ ġabriet ta’ novelli bl-isem ta’ Il-Bieb Numru Ħdax (2007) u Bellus u Bizzilla (2008), ktieb ta’ tifkiriet f’rabta mat-Tieni Gwerra Dinjija bl-isem ta’ Sireni u Serenati (2004), u anki żewġ rumanzi bl-isem ta’ Kien Kwinta l-Qamar (1974 u 2008) u La Jerġa’ Jasal Diċembru (2010).[i]

Meta Jħammar il-Pepprin mela huwa t-tielet rumanz ta’ Brockdorff li jinqasam f’ħamsa u għoxrin kapitlu. L-istil huwa wieħed mexxej u l-lingwa mħaddma hija dik ta’ kuljum, mingħajr l-esaġerazzjonijiet u l-bassezzi li qed jintużaw minn għadd ta’ kittieba żgħażagħ minħabba raġunijiet ta’ sensazzjonaliżmu. Dak li niltaqgħu miegħu hawn jaqbel ħafna ma’ dak li patri Henry Born O.P. kien kiteb fil-Kelmtejn Qabel għall-ewwel rumanz ta’ Brockdorff: “ġrajja ħelwa [...] bla ma titgħabba b’komplikazzjonijiet u intriċċi żejda, tibqa’ għaddejja”; u ftit aktar tard, “Lina Brockdorff hija mbierka minn fantasija ħajja [...] għandha tajjeb ħafna wkoll li ma tħallix lill-fantasija tagħha tiġri biha b’mod li taqlagħha barra minn triqtha. Bil-maqlub, Lina taf trażżan din il-fantasija u żżommha fit-triq dritta tar-realtà...”[ii]

Mekkaniżmi stilistiċi:

Meta Jħammar il-Pepprin jiftaħ b’data speċifika li hija l-ewwel Ġimgħa tax-xahar ta’ Diċembru: lejn l-aħħar tal-ewwel kapitlu Brockdorff tikteb hekk: “Kienet il-lejla tal-Ġimgħa, l-ewwel Ġimgħa tal-Avvent, il-5 ta’ Diċembru, 1975.” Din id-data nerġgħu mmorru lura għaliha fil-bidu ta’ Kapitlu 8 (wara flashback twila). Minn dawn ir-referenzi temporali għandna ħafna f’dan ir-rumanz ġdid ta’ Brockdorff, u dan huwa wieħed mill-mekkaniżmi li tuża l-awtriċi biex iżżommna marbutin mar-realtà. Hekk f’Kapitlu 2 tikteb “... dak in-nhar tat-8 ta’ Diċembru”, u “Kien wasal Frar”, “Fl-aħħar ta’ Frar” u “Frar ma damx u nbidel f’Marzu” (Kapitlu 3), “Wasal l-aħħar ta’ Lulju”, “kien jonqos jumejn għall-festa ta’ Santa Marija” (Kapitlu 5), “Bdiet il-ħarifa” u “Beda x-xahar ta’ Diċembru” (Kapitlu 6), “Konna f’nofs Diċembru”, “Kien qorob il-Milied”, “Wasal jum il-Milied” u “Għal nofs Frar” (Kapitlu 7), sakemm fl-aħħar kapitlu (25) naqraw, “kelli biċċa xogħol delikata li tfisser l-għeluq ta’ battalja ta’ kważi ħmistax-il sena”.  Daqshekk tifrex bħala żmien il-fabula (jew “id-damma tal-ġrajjiet fihom infushom, kif iseħħu bħala sensiela ta’ episodji marbutin ma’ xulxin u mnisslin minn xulxin.”[iii]). Hemm siltiet bħal dawn: “Lourdes u Laurie kienu rranġaw bejniethom [...] Iżżewġu għaxar snin ilu u mbierek Alla kellhom żewġt ibniet.” (Kapitlu 8), u “Kont ili ma nkellem lill-ġenituri aktar minn għaxar snin [...] għax qaluli ċar u tond biex lilhom ninsiehom.” (Kapitlu 10). Dawn jagħmlu parti min-nisġa tar-rakkont, jew “ir-rikostruzzjoni suġġettiva, letterarja li joħloq l-awtur.” [iv] Dan huwa tagħrif mogħti ħafna snin wara li l-fatt ikun seħħ.

Hemm imbagħad partijiet (aktar ’il quddiem fir-rakkont) fejn iż-żmien jibda miexi bil-mod. F’Kapitlu 16 naqraw hekk: “Kien għadhom għaddew sitt ijiem biss minn mindu telqu Daniel u Melanie. Mamma mia! Possibbli sitt ijiem biss?”; biex imbagħad kapitlu 17 jiftaħ hekk, “Kienu waslu l-aħħar erbat ijiem biex jiġu lura.” Dan jirrifletti l-qagħda psikoloġika li tinsab fiha Alexia, mikula mill-istennija. Iż-żmien bħal jimxi bil-mod anki lejn l-aħħar tar-rumanz meta jkunu qed isiru l-preparamenti għal jum għeluq snin Melanie.

Brockdorff tħaddem kemm il-flashforward (fejn tagħtina ħjiel ta’ dak li se jseħħ aktar tard fir-rakkont), imma iktar u iktar il-flashback (fejn in-narratriċi tieħu lill-qarrej lura fl-imgħoddi, mela ħarsa lejn dak li jkun diġà seħħ). Il-flashforward niltaqgħu magħha fi tmiem l-ewwel kapitlu: “Min kellu jgħidli li b’dik id-deċiżjoni li ħadet Madre Lyġia dik il-lejla, u li lili tant ħasditni u nkwetatni, li dik kellha tkun pedina deċissiva li tat bidu għall-proċess ta’ bidla kbira għalija? Kellha taqlibli ħajti ta’ taħt fuq!” Tip ta’ flashforward jinħass f’Kapitlu 12 meta l-qarrej bħal iħoss ħjiel ta’ dak li jista’ jseħħ fil-ġejjieni, mela aktar tard fir-rakkont: il-mistoqsija li tiġi f’moħħ il-qarrej hija, “Omm u bint għad jerġgħu jiltaqgħu?”. Is-suspetti li setgħu ġew lill-qarrej matul ir-rakkont jissaħħu f’Kapitlu 19. Huwa f’dan il-kapitlu fejn toħroġ il-verità u jibda jinstab it-tarf tal-kobba.

Il-flashback jiftaħ u jagħlaq f’partijiet differenti tar-rumanz: hemm il-preżent, meta l-protagonista narratriċi tinsab fil-kunvent bħala soru, u hekk il-passat meta Suor Alessia kienet għadha Alexia, studenta universitarja li tħobb lil student Ġermaniż, Werner Rechel. Parti minn dan il-passat huwa anki ż-żmien meta Alexia toħroġ tqila u tagħti t-tarbija tagħha għall-adozzjoni, u anki t-traġedja li tolqot lil Werner bil-konsegwenza li Alexia tidħol fil-kunvent. Hemm passat ieħor li jmur aktar lura: dak ta’ meta Alexia kienet għadha tifla u kienet tieħu ħsiebha “il-governanti” Liża. Dak huwa wkoll iż-żmien li fih twieldet relazzjoni ta’ antipatija bejn Alexia u Gustav (is-segretarju ta’ missierha), dak li n-narratriċi tgħid li qatlilha l-kelb li kien tant għal qalbha, Muċċu. Aktar ’il quddiem niltaqgħu ma’ preżent ieħor, jiġifieri meta Alexia tieħu deċiżjoni li ma tibqax għal soru u tmur lura d-dar tal-ġenituri tagħha u ssir tħobb lil Daniel Calleja.

Element narrattiv ieħor li jintrabat mal-immedjatezza li trid twasslilna l-awtriċi huwa l-indirizz dirett lill-qarrej biex b’hekk tagħmlu parti mir-realtà tal-istorja li qed tirrakkonta. Hekk insibu partijiet bħal “Tippretendix li għandha lesta għalik...”, “Nassigurak...”, “...stenna ftit għax għandu jkun insejt nintroduċik...”, “imma ladarba nixtieqek li tifhem”, “Għandek mnejn tistaqsini...”, “Ser nipprova ngħidlek...” u bosta oħrajn. Permezz ta’ dan Meta Jħammar il-Pepprin isir għamla ta’ qrara li permezz tagħha n-narratriċi tasal għat-tisfija jew katarsi finali.[v]

In-narrattiva ta’ Brockdorff hija magħmula wkoll minn deskrizzjonijiet dettaljati li jkopru ġesti u movimenti partikolari marbutin ma’ personaġġi partikolari. Għalhekk dawn jirriflettu sewwa l-karattri differenti. F’dan il-każ għandna aspett estern (il-ġest u l-moviment) li jirrifletti aspett ġewwieni (il-karattru). Hekk, per eżempju, diġà f’Kapitlu 1, Brockdorff tagħti titwila dettaljata lejn x’inhu għaddej ġo moħħ in-narratriċi, u anki lejn dak li saħansitra għaddej f’ruħha. Hawn jidħol l-aspett psikoloġiku, il-ħsieb li jitturmenta lill-bniedem, u dan kollu fis-siegħa tal-Adorazzjoni filgħaxija.[vi]

Brockdorff tħaddem ukoll għadd ta’ mistoqsijiet rettoriċi li jirriflettu l-inċertezzi li minnhom tgħaddi omm xebba li tiddeċiedi tagħti għall-adozzjoni lit-tarbija tagħha. Dan jitwassal ukoll permezz ta’ numru ta’ analoġiji meħudin mid-dinja naturali: “Imma għidli ftit, min jista’ jtawwal il-proċess tan-natura? Kif taqbad tipperswadiha lin-natura? Jista’ xi ħadd iwaqqaf iż-żmien minn fuq blanzun ta’ warda, lewn il-berquq, magħluq qalb il-weraq ħodor weqfin li jħaddnuh, bil-petali marsusin; tawwali, blanzun mimli wegħda ta’ fwieħa, lewn u sbuħija? Qed tgawdih żgur waqt li jdum magħluq. Tixtiequ ma jieqaf qatt. Imma, b’xorti ħażina, fi ftit jiem ser jiftaħ, jikber, jiċċattja, jitlef il-fwieħa, il-petali jimbarmu u minn lewn il-berquq isiru jagħtu fil-griż u l-kannella, il-weraq qishom tilfu l-ħeġġa u tbielu jħarsu ’l isfel, u int tirrealizza li dik il-warda tilfet il-gost tagħha.” (Kapitlu 6) F’Kapitlu 18 naqraw hekk: “Tlaqt il-kotba fuq mejda u ntfajt minn tuli fuq is-sodda nħares lejn dak is-sema ċar u sabiħ tal-aħħar siegħa tal-jum. Kien hemm is-sħab veru, sħab abjad bil-griż imlewwen f’xi bnadi bir-roża jagħti f’lewn dehbi”. Mill-ġdid l-elementi u l-ilwien naturali jirriflettu l-burdati u l-ħsus ġewwiena ta’ Alexia. Is-sħab jistgħu jkunu l-problemi, il-griż jirrifletti d-dubji, ir-roża l-imħabba ġdida għal Daniel u d-deheb forsi jirreferi għal ġejjieni pożittiv. L-importanza tax-xbihat naturali terġa’ tispikka fl-għeluq tar-rumanz fejn il-ħajja tiġi mqabbla ma’ waqtiet ta’ rwiefen u uragani u oħrajn fejn tonfoħ żiffa.

Il-ħsus jew burdati ta’ Alexia jitwasslu wkoll permezz tal-mużika. Hekk f’kapitlu 15 naqraw: “Ħsibt li jekk ninsab tant kuntenta stajt inkompli nitla’ aktar fis-seba’ sema jekk indoqq ftit mużika favorita tiegħi. Soltu ferm għal qalbi Mozart, Bach, Chopin u Vivaldi. Xtaqt xi ħaġa aktar romantika... Ennio Morricone.”

Apparti n-narrazzjoni fl-ewwel persuna singular (xi ħaġa li Brockdorff għamlet sa mill-ewwel rumanz tagħha, stil li patri Henry Born O.P. isejjaħlu metodu “tqil u mimli diffikultajiet”[vii]) u l-partijiet deskrittivi jew introspettivi, Brockdorff tinkludi wkoll partijiet twal ta’ djalogu li jispikkaw l-iktar aktar ma wieħed jimxi ’l quddiem fil-qari tar-rumanz.

L-ispazji u l-personaġġi:

Dawk li tippreżentalna Brockdorff huma dejjem personaġġi umani, tad-demm u l-laħam, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom. Min qed jirrakkonta hija soru, eżattament Suor Alessia, li tinsab ġewwa kunvent Franġiskan. Għalkemm soru, u marbuta bil-vot tal-ubbidjenza, Suor Alessia tgħaddi minn bosta waqtiet ta’ dubji. Aktar tard matul ir-rakkont hija ssostni, “xtaqt lil Daniel b’ruħu u b’ġismu, xtaqt li b’xi mod jurini li jħobbni mqar b’ħarsa waħda biss [...] sibt ruħi mitlufa wara Daniel.”, u “Kont qisni f’limbu fejn jgħidu li m’hemm xejn...” (Kapitlu 14).

Hemm il-personaġġ snob ta’ omm Alexia (karattru li niltaqgħu miegħu anki fi Kien Kwinta l-Qamar) li aktar tard, wara l-marda li tgħaddi minnha, bħal tikkonverti u dan iwassal għal relazzjoni aħjar bejn omm u bint. Dan it-titjib fir-relazzjoni bejn Alexia u ommha jilħaq il-quċċata tiegħu fl-aħħar paġna fejn l-omm tistqarr quddiem bintha, “Kieku taf Alexia kemm-il darba ddispjaċini talli kont ġegħeltek tabbandunaha! Ħajti saret infern minn dak in-nhar ’l hawn. Għall-erwieħ! Sadattant... int taħseb li tista’ xi darba taħfirli, Alexia?” (Kapitlu 25).

L-atmosfera li wieħed isib f’kunvent hi mwassla b’mod effettiv tassew: naqraw dwar grupp ta’ nisa reliġjużi maqfulin f’ambjent limitat fejn jaħkmu skiet, dlam, u suġġezzjoni lejn il-Madre Superjura li fil-kunvent hija preżenza omnipreżenti, kważi prepotenti u żgur b’saħħitha.  L-ispazju tal-kunvent jintrabat ma’ sens ta’ sliem, ma’ “dak li jmiss lill-ispirtu”. Għal Suor Alessia dan hu l-ispazju fejn issib “il-familja li qatt ma kelli [...] ir-rokna li stajt insejħilha dari.” (Kapitlu 11)

Joħroġ mill-ewwel il-kuntrast bejn il-faqar tal-ħajja fil-kunvent (imma anki “is-sliem u sens ta’ kollox sew” li jaħkem fil-kappella) u s-sitwazzjoni li jgħixu fiha l-ġenituri ta’ min qed jirrakkonta: dan jinftiehem diġà mill-kunjom Cassia, u anki mill-post fejn jgħixu, jiġifieri l-villa fil-Wardija. Dan hu l-ispazju li Alexia tiddeskrivih bħala “id-dar kbira daqs ħabs, imma daqs ħabs vojt...”, u ftit aktar ’il quddiem terġa’ tikteb, “Indur fejn indur fid-dar tagħna bdejt insir konxja ta’ ċerta bruda jew nuqqas ta’ mħabba u attenzjoni.” (Kapitlu 7) Fl-istess kapitlu tqabbel lid-dar tal-ġenituri ma’ mużew tal-arti u ssostni, “Ma stajtx inħossni li jien nappartjeni għal dik id-dar, li dawk l-affarijiet kollha prezzjużi ser jibdlu dik ir-reżħa li kont inħoss ġo fija.” Mela l-bruda mhix biss dik marbuta mal-ambjent estern (il-villa), imma anki kundizzjoni ġewwiena (dak li tħoss ġo fiha Alexia). F’Kapitlu 11 terġa’ ssejjaħ lid-dar tal-ġenituri “dar bla ruħ [...] dar rieżħa u bla qalb...” Dan jitqiegħed f’kuntrast dirett kemm mal-flett ta’ Alexia f’Għawdex, kif ukoll mad-dar ta’ Lourdes fejn “kien hemm xi ħaġa li tiġbdek, li ssaħħnek u li tagħtik ċerta emozzjoni li inti tinsab tajba, li ma jonqsok xejn.” Ir-rabta bejn spazju estern u dak ġewwieni terġa’ tinħass f’Kapitlu 12 meta n-narratriċi u protagonista tidba tħares lejn id-dar tal-ġenituri f’dawl ieħor, dak pożittiv. U dan minħabba l-preżenza f’ħajjitha ta’ Daniel.

Għawdex jinftiehem bħala l-post tal-ħarba mir-realtà. Huwa l-imkien fejn Alexia u Werner jinħabbu, imma anki l-ispazju fejn isseħħ it-traġedja li ġġib tant niket u tbatija fil-ħajja tan-narratriċi. Huwa wkoll l-ispazju li jorbot lil Alexia ma’ Werner, anki wara l-għajbien tiegħu. Lil Għawdex Alexia ssejjaħlu “il-gżira li serqithuli […] sa dak in-nhar baqgħet dejjem għalija l-gżira tal-ħolm.” Wara l-ħlas, tixref ġewwa Alexia x-xewqa li taħrab minn din il-gżira. Għawdex huwa l-post fejn hemm l-akbar ħbieb sinċiera ta’ Alexia, jiġifieri Lourdes u l-familja tagħha. Għawdex jista’ jinftiehem ukoll bħala spazju li għadu lura soċjalment jew fejn ir-rispett lejn ċerti regoli prestabbiliti għadu b’saħħtu qatigħ: huwa diffiċli li l-ġenituri ta’ tfalja jaċċettaw li toħroġ ma’ ġuvni b’ġenituri separati. Hemm fost il-ġenerazzjonijiet il-kbar il-biża’ minn ilsien in-nies.

Hemm ukoll l-ispazju tal-klassi, rifless tas-snin li matulhom l-awtriċi ħadmet bħala għalliema. Hemm ukoll l-ispazju naturali (idilliku meta Werner ikun għadu ħaj), imqiegħed f’kuntrast ma’ dak intimu u ġewwieni (li jirrifletti waqtiet koroh li minnhom għaddiet Suor Alessia): “Madwari kien hemm siġar iħaddru u fjuri mlewna, sħana ħanina tax-xemx f’sema ikħal u kollox irranġat f’ordni perfetta, waqt li f’qalbi kien hemm reżħa, maltemp, sema griż u taħwid kbir.” (Kapitlu 11)

Xi elementi tematiċi:

L-element reliġjuż huwa qawwi ħafna fin-narrattiva ta’ Brockdorff. Apparti l-personaġġi ta’ Suor Alessia u ħbiebha tal-kunvent, hemm ukoll ir-rwol importanti tal-Kuxjenza li hawnhekk issir bħal personaġġ ieħor, indipendenti, li kull tant żmien jidħol fin-nofs u jkellem lin-narratriċi (biex iwiddibha kontra l-passjoni u ċerti deċiżjonijiet għaġġelija): “Il-kuxjenza tiegħi [...], li minn hawn ’il quddiem ser nittrattaha qisha personaġġ ewlieni f’dan ir-rakkont, għalhekk jixirqilha li niktibha b’ittra K kapitali. Hi u jien spiss nillitikaw. Hija gwerra kontinwa.” (Kapitlu 2)

Ma’ dan tintrabat it-tema morali. Kapitlu 2 jibda billi n-narratriċi ssostni hekk dwar xogħol l-għalliem: “Nemmen li l-ebda bniedem ma jista’ jgħallem, imqar jekk ikun l-aqwa professur tad-dinja, ukoll jekk ikollu għexieren ta’ diplomi u ċertifikati minn  universitajiet magħrufa, jekk f’qalbu ma jkollux doża kbira ta’ mħabba flimkien ma’ sabar u interess ġenwin f’dawk li ser jgħallem.” Aktar tard f’Kapitlu 8, Brockdorff tikteb, “Huma l-għalliema li jeħtieġu jkunu jafu kull iċken dettall li jista’ jgħinhom biex jifhmu lill-istudenti li jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum.” F’rabta ma’ dan jissemmew numru ta’ problemi bħal ġenituri separati, aħwa bi problemi fiżiċi, problemi ta’ smigħ, u ġenituri morda jew mejtin. F’Kapitlu 4 jingħad li tarbija trid titrabba minn ommha u minn ħadd iżjed. F’Kapitlu 15 naqraw, “... kemm hu isbaħ li tkun sinċiera u li tavda fil-ġenituri kif suppost.” Valuri pożittivi oħra ewlenin fir-rumanz huma l-ħniena u l-maħfra.

Hemm imbagħad it-tema tal-klassi soċjali. Fuq naħa l-klassi l-għolja,  irrappreżentata l-aktar minn omm Alexia (u l-ambjent fiżiku li tgħix fih, jiġifieri l-villa jew “palazz antik” fil-Wardija, mimlija għamara antika u fided – simboli ta’ dak kollu li hu artifiċjali u fieragħ - , imma anki l-komportamenti u l-ħbieb tagħha). Kif wieħed jista’ jinsa r-reazzjoni qalila ta’ omm Alexia malli ssir taf li bintha ħarġet tqila? (Kapitlu 4) Għal ommha l-ewwel jiġi l-isem u l-preġju tal-familja. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-klassi l-umli jew dik tan-nofs, irrappreżentati min-nies li jaħdmu fil-villa tal-ġenituri ta’ Alexia, imma anki mill-familja tal-ħabiba tagħha, Lourdes, li tgħix Għawdex. Huwa f’Kapitlu 2 fejn Alexia tiddikkjara, “Għalija dik kienet biss ħajja moħlija, ħajja vojta bla ebda skop.” Minħabba f’hekk Alexia tirribella u tirrifjuta l-kumdità u l-kondizzjoni kapriċċużi ta’ familtha u minflok issir soru u għalliema.
Tema oħra fir-rumanz hija t-tiftixa tal-jien f’rabta mal-protagonista. F’Kapitlu 15 hija tistqarr: “Kont għadni mdendla fin-nofs, qisni purċinell, bejn id-dinja tar-reliġjużi u dik tan-nies lajċi, mingħajr l-iċken idea lejn liema naħa ser inxaqleb.”

Il-baħar f’dan ir-rumanz mhux biss spazju imma anki preżenza jew tema rikurrenti. Hekk f’Kapitlu 2 Alexia tgħid lil Werner, “Jiġu waqtiet meta ma nistax nifhmek, drabi narak misterjuż daqs il-baħar li tant tħobb...” Dan jintrabat ma’ dak li naqraw f’Kapitlu 16: “Il-qabar tiegħu kien il-baħar enormi fil-wisgħa tiegħu, il-baħar fond li mhux għalkemm jitkejjel, il-baħar kiefer li miegħu ħadd ma jista’ jirraġuna, waqt li jista’ kultant jidher bħal baħar sielem, kif jaf ikun fis-sajf tagħna.” F’Kapitlu 18 il-baħar jiġi mill-ġdid ippreżentat bħala element ta’ biża’ u tifkiriet koroh: “Għerien ta’ qiegħ il-baħar [...] Le! Ma jmissnix insejjaħ lill-għerien sbieħ! Min jaf jekk Werner tiegħi inqabadx f’xi waħda minnhom fejn kien hemm taħt il-baħar? [...] Dawk l-għerien tal-biża’, dawk ikexkxuni!”

Il-baħar għalhekk jintrabat ħafna mat-tema tat-tifkira u anki mal-personaġġ ta’ Werner li jispiċċa biex isir ħaġa waħda ma’ dan l-element naturali. F’Kapitlu 21 naqraw hekk: “... morna [il-post huwa Ħondoq ir-Rummien, fejn kien għeb Werner] u għal ftit minuti waqafna fis-skiet inħarsu lejn dik il-firxa baħar... baħar sieket ħlief li kultant iċafċaf max-xatt ta’ taħtna [...] Fil-ftit minuti li konna hemm poġġejna bilqiegħda fuq il-blat u kellimt f’qalbi lil Werner.”

It-tifkira mbagħad tintrabat mat-tema tal-imgħoddi (tema ewlenija). Hekk tikteb Brockdorff dwar dan: “Għax l-imgħoddi jgħix magħna, huwa biċċa minna. Fuq kollox, l-istess preżent tagħna hu magħmul kollu kemm hu mill-passat; ħaġa li ħadd ma jista’ jinnega. Huwa bħal dell li jimxi kontinwament magħna.” (Kapitlu 8) Il-motiv tat-tifkira b’xi mod jintrabat ukoll mal-proċess tal-maturazzjoni tal-istess Alexia: hekk, wara ħafna, f’Kapitlu 15 tistqarr, “Nibża’ li fantażma ta’ tifkira ma tantx tagħtik wens.” Huwa hawn meta tibda tifhem li trid tinqata’ mit-tifkira ta’ Werner li ladarba miet mhux se jerġa’ lura. U dan jintrabat ukoll ma’ kliem missierha ftit wara: “Eh! Dak kien żmien binti! Iż-żmien tal-ħrejjef! Prinċpijiet fuq iż-żwiemel ma tantx nara dil-ħabta, smajthom jgħidu fl-aħbarijiet li saru skarsi, skada ż-żmien tagħhom Alexia!”.

Għeluq:

Minkejja dak li jgħid missier Alexia, Meta Jħammar il-Pepprin jixbah lill-ħrafa għax għandu tmiem hieni. Brockdorff tagħlaq b’aspetti pożittivi[viii] bħalma huma l-għaqda, ir-rikonċiljazzjoni, il-familja, l-imħabba u l-maħfra, kollha elementi li l-awtriċi ttrattat fil-pubblikazzjonijiet preċedenti tagħha.



[i] Interessanti dak li jikteb il-Prof. Charles Briffa dwar il-kitba ta’ Lina Brockdorff f’Rhythmic Patterns in Maltese Literature (Midsea Books Ltd., 2001). Huwa jinserixxi lil Brockdorff f’dik it-taqsima tal-letteratura Maltija mistħajla li mis-snin sebgħin bdiet tesplora l-koxjenza (jew stat ta’ min jaf x’qed jaħseb u jħoss) tan-nisa u li rriflettiet il-pożizzjoni emanċipata tagħhom dejjem tissaħħaħ fis-soċjetà. Skond Briffa, Brockdorff kompliet fil-passi ta’ din it-tradizzjoni li ppruvat tkejjel il-profondità tal-moħħ u tal-qalb, imma hija għamlet dan mill-perspettiva ta’ mara. (p. 136)
[ii] BORN, H. “Kelmtejn Qabel għall-Ewwel Edizzjoni”, fir-rumanz Kien Kwinta l-Qamar, KKM, 2008, pp. 3-4.
[iii] FRIGGIERI, Oliver, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji – L-Edizzjoni l-Ġdida Mkabbra, PEG, 2000, p. 248.
[iv] Ibid.
[v] F’rabta ma’ dan tista’ tinqara l-osservazzjoni tal-Prof. Joe Friggieri fil-kumment kritiku tal-bidu għall-ġabra ta’ stejjer Bellus u Bizzilla: “... it-tiġrib tal-ħajja jservi biex id-dgħajjef jissaħħaħ, biex l-ilma mdardar isir trasparenti, u biex minn wara ċ-ċpar tad-dubju jfiġġ id-dawl taċ-ċertezza. Id-deheb jissaffa bin-nar, l-għarfien jiġi biż-żmien, u l-fidwa ma ssirx mingħajr tbatija. Jekk il-firda tfisser mewt, l-imħabba u l-maħfra jagħtu l-ħajja.” (p. viii)
[vi] Dwar l-aspett psikoloġiku Pawlu Mizzi jikteb hekk fid-Daħla għal Il-Bieb Numru 11 u Stejjer Oħra (KKM, 2007): “L-għan fl-istejjer ta’ Lina Brockdorff, imma, ma jidhirx li hu biss eżerċizzju psikoloġiku. Miegħu, għalkemm minsuġ fir-rakkont, hemm għan ‘missjunarju’. Trid donnha [...] tikxef ‘il-ħażen’ tas- soċjetà u tikkonvertih fi tjubija.” (p. ix) Ftit iktar ’l isfel Mizzi jikteb ukoll li Brockdorff “hija pittriċi ta’ ruħ il-bniedem. Mhix ir-ritrattista ta’ karattri li ma jeżistux.” (p. x)
[vii] BORN, H., “Kelmtejn Qabel għall-Ewwel Edizzjoni”, fir-rumanz Kien Kwinta l-Qamar, KKM, 1974, p. 4.
Dwar it-tħaddim tal-ewwel persuna singular u mekkaniżmi narrattivi oħra fil-kitba ta’ Brockdorff,  il-Prof. Charles Briffa jikteb hekk f’Rhythmic Patterns in Maltese Literature: “Her first person narrative often alternating between present-tense and past-tense transcription of thoughts and experiences; her musing interior monologue [...] her hesitations; her interrogatives and exclamations – all psychostylistically relevant features that produce a forthright prose echoing the natural rhythms of speech. It is a convenient style for the presentation of female lonliness and doubt.” (p. 139) Għalkemm dan kitbu f’rabta mar-rumanz Kien Kwinta il-Qamar, xorta nħoss li ħafna minnu għadu japplika fil-każ ta’ Meta Jħammar il-Pepprin.
[viii] Dan ifakkar f’dak li jikteb Raymond Mahoney fil-“Kelmtejn Qabel” għar-rumanz La Jerġa’ Jasal Diċembru (KKM, 2010): “...hemm ukoll forza ħellesija, qawwa ta’ kilba mħeġġa ta’ pożittiviżmu.” (p. 7); u lejn l-aħħar, “kitba li taf tissensitizza mhux daqskemm tissensazzjonalizza ġrajja mħawra li tressaq lejn xulxin karattri differenti, stili ta’ ħajja diversi u etajiet żlivellati iżda f’armonija ta’ aċċettazzjoni, kenn, wens, ħasra u fuq kollox u dejjem l-imħabba li ma tmut qatt...” (p. 9)
Dwar l-imħabba fil-kitba ta’ Brockdorff jikteb ukoll il-Prof. Charles Briffa f’Ir-Rumanz Malti fit-Tieni Nofs tas-Seklu Għoxrin (Kullana Kulturali, PIN, nu. 60, 2004): “L-imħabba, bil-forom kollha tagħha, tant tispikka li tinħass qisha karattru sieket li jiddomina u jikkontrolla lil kulħadd […] L-awtriċi donnha qiegħda tgħidilna li l-imħabba għandha bosta potenzjal biex tiġġenera aktar imħabba.” (pp. 55-56)

IRDIEDEN - ġabra ta' poeżiji ta' Jonathan Balzan (2013)

Irdieden hija l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Jonathan Balzan: ħaddiem f’wieħed mill-banek lokali, diplomat fil-Youth Studies, maratoneta magħruf u ppremjat, miżżewweġ u missier ta’ żewġ ulied, imma anki membru tal-Għaqda Poeti Maltin. Hawn insibu ġabra ta’ mitt poeżija li temporalment jifirxu bejn wieħed u ieħor fuq 14-il sena, miktubin eżattament bejn is-sena 1994 u s-sena 2012. Fost it-temi li jittratta naqraw dwar imħabba, familja, natura, twemmin, wirt artna, postijiet lil hinn minn xtutna, u futbol, imma anki dwar gwerra, terroriżmu, ċaħda tal-imħabba, vjolenza domestika, ġuħ u inugwaljanza, u l-bqija. Dik ta’ Balzan hija poeżija miktuba b’lingwa li tinftiehem bla ħafna diffikultajiet, għalkemm mhijiex nieqsa mill-idjosinkraziji u mill-isbuħija tagħha.

Tematika:

Kull bniedem huwa tad-demm u l-laħam, għandu qalb tħabbat, moħħ jaħseb u ruħ li spiss jew rarament tfakkru li huwa mhux etern. Il-poeta huwa bniedem b’dawn il-karatteristiċi wkoll imma jħoss il-bżonn li jesterna dak li jħoss ġewwa fih permezz tal-poeżija. F’waqtiet Balzan jinħass fi ġlieda ġewwiena u jfakkarna fil-kundizzjonijiet ta’ natura eżistenzjali li spiss ninqabdu fihom anki bla ma rridu. Hekk f’Aħna t-Tnejn jikteb, “Ninsabu msakkrin fiċ-ċella tad-destin.”

Mat-tema li tiddiskuti l-“jien”, mela l-kundizzjoni li jinsab fiha l-poeta bħala bniedem, tintrabat ukoll it-tema tal-poetika, mela l-kundizzjoni ta’ min qed jikteb bħala poeta. Hekk f’U Għax Jien Poeta... Balzan ifakkar li dik tal-poeta mhix kundizzjoni komda, għalkemm partikolari. Hawn wieħed jistaqsi jekk hux il-poeta li jikteb il-poeżija, jew jekk hix il-poeżija li ġġagħlu jikteb meta u fejn trid hi? Karatteristika importanti oħra li toħroġ f’dawn il-versi huwa l-fatt li l-poeżija tesprimi l-verità: “il-lapes u jdejja imwaħħdin fl-ispirtu/donnu ma jwaqqafhom ħadd,/jgħidu l-verità fuq karta silenzjuża b’kuxjenza.”

Balzan iqis il-poeżija bħala “furċina s-sena kollha”, u jkompli, “ma npartek qatt, għal dejjem dil-lealtà.” (Furċina) Il-poeżija takkwista t-tifsira ta’ qawmien mir-raqda u reazzjoni kontra l-istat ta’ waqfien; hija wkoll mezz kif jistgħu jinħallu ċerti għoqod. (Persjana)

Il-kundizzjoni ta’ skumdità li fiha jinsab il-poeta terġa’ tinħass fil-versi F’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, fejn Balzan jikteb “Jien xhud ta’ kollox”, u ftit qabel, “Fuq l-imħadda widnejja żżarżar bit-tnehid/ t’ilħna infantili nġazzati bla tort,/ isaħħnu l-kustilji b’subgħajhom xijplin.” Mela l-poeta mhux biss jikteb dwar ħwejjeġ li jweġġgħuh, imma jħossu parti mid-destin ta’ dawn il-“popli żvinturati” li jbatu l-ġuħ, u fl-istess ħin jaf li hu parti minn soċjetà differenti li tinħakem minn indifferenza totali quddiem din it-traġedja. Dan jesprimieh b’lingwaġġ mill-iktar b’saħħtu u  permezz ta’ xbieha effettiva: “Jien xhud ta’ kollox./ Xemgħa għassa b’żewġt uċuħ./ Fuq naħa qalbi xemgħa titbellah b’dal-frugħat./ Fuq naħa qalbi xemgħa tmajna hienja,/ għax midinba minn dat-tnawwir.”

Il-poeta huwa dak li josserva dak kollu li għaddej madwaru u minn din l-osservazzjoni joħloq reazzjoni permezz tal-versi tiegħu. Balzan huwa attent għal dak li jiġri fl-ispazju fejn jgħix (mela l-Gżejjer Maltin) imma anki lil hinn minn xtutna fuq livell soċjo-politiko-ekonomiku. F’Bikja ta’ Mara Msawta jikteb dwar il-vjolenza domestika fuq naħa u l-imħabba tal-omm lejn uliedha.  Fil-Funeral hija wkoll riflessjoni dwar l-ipokrisija f’soċjetà li tippoża bħala Nisranija: “Mal-mewt ingħaqdu lkoll l-aħwa mifruda,/ taħt kappell nisrani”. Dan jidher ukoll fil-poeżija li minnha ħadet isimha din il-ġabra, Irdieden, - fejn Balzan osservatur jibqa’ sieket jipprova jifhem spettaklu tassew ambigwu: il-festa tal-patrun –, imma anki fi Kristu Rxoxt Ġerrej u Maskarati. F’Lotterija naqraw kif Balzan jara lil Alla: “Hekk narak, Alla, biljett tal-lotterija./ Nisolħok taqlagħli, l-iben il-ħali,/ mil-libsa nqattagħlek biċċa biżżejjed,/ refuġju mit-tempesti u l-kapriċċi.”

F’Fuq Xatt il-Baħar naraw lill-poeta mdawwar minn folla fejn jaħkmu l-opposti: fuq naħa tfal jilagħbu u fuq l-oħra ċorma żgħażagħ jidgħu li jkissru l-idillju u li jġagħlu lill-poeta jixtieq iktar is-“siegħa tat-tfal tal-kastelli reqdin/ u l-umbrelel fil-karozzi għadhom miġburin.” Balzan jikteb dwar il-mentalità parrokkjali u limitata tan-nies tar-raħal f’Battibekk fil-Pjazza tar-Raħal: “Pjazza għanqbuta tilħaq salib in-nies”. Hawn id-diskors dirett jew saħansitra l-iktar ħsibijiet intimi – imma anki ta’ kuljum - ta’ persuni f’sitwazzjonijiet partikolari u differenti jieħdu l-forma ta’ versi miktubin minn Balzan li jġarrab mhux minn distanza imma minn qrubija li ftit ħafna jindunaw biha. F’poeżiji bħal 26 ta’ Settembru 2003 u U r-Rota Tbqa’ Ddur, joħroġ ’il barra mill-fruntieri nazzjonali. Minkejja li spiss il-versi tal-poeta jesprimu t-tbatija tiegħu quddiem il-ħażen tal-bniedem u l-konsegwenzi li jġibu miegħu, xorta waħda Balzan jibqa’ ottimist u jixtieq il-paċi. Huwa hawn fejn il-poeżija ssir ukoll talba: “Onfħu n-nifsijiet sħan baqra u ħmara/ forsi tmissu qlub dal-bnedmin kefrija/ u fil-Milied l-awguri ta’ paċi, sliem,/ jerġa’ jkun sinċier u għal kull żmien dejjiem.” (Din Xitwa Bard Mod Ieħor). Fil-Vaguni ta’ Madrid tieħu forma ta’ talba kontra t-terroriżmu u l-ħerba li jħalli warajh. Fuq Catra naraw lill-poeta li jiftakar fil-vjaġġ ta’ periklu u fid-destin inċert tal-immigranti rregolari u jitlob: “Nitlob għalik, ħabib,/ li għada x’ħin jisbaħ/ ismek ma jkunx intilef/ f’ħalq kelb l-baħar jew wisq agħar/ f’ilsien in-nies isallbuk bla qies.”

L-“għajta tal-protesta” naqraw dwarha anki f’Fuq Ħaġar u Barrieri li tieħu s-sura ta’ protesta ambjentali: “Fommok baqa’ sieket u fl-irdumijiet/ l-iskandlu kompla jiżżewwaq: skart f’widien,/ borok u tajr itturufnati, żjut fuq xtajtiet.” Quddiem dawn l-iskandli l-poeta bis-saħħa ta’ vrusu jassumi r-rwol ta’ suldat, mela gwardjan ta’ wirt artna: “waħdi suldat kontra riġment armat./ La tħallunix: dan wirtna tagħna lkoll.” Il-protesta ambjentali tinħass sewwa f’Il-Palma: “Il-palma/ fil-ġnien tas-sagħtar daħkan/ issa biss eku u misteru ħares/ f’ort ta’ pavimenti u kruha bla kuluri.” Fejn hemm il-ħolqien naturali hemm il-kuluri; fejn hemm l-għelm tal-progress hekk l-assenza tal-kuluri. Natura u wirt storiku jintrabtu flimkien f’Minn Fuq il-Victoria Lines, b’Balzan itemm din il-poeżija bi twissija-stedina: “Mhux il-konkos irid iżommok ħaj Victoria,/ ’mma għemilna u r-rispett/ jiddakkar minn fjura għal oħra bla stennejt.” Bħal kif jgħid Balzan f’Ritratt taċ-Ċittadella, wara dak li jista’ jinxtara bil-flus hemm wirt iktar rikk li jista’ jiġi akkwistat biss permezz tal-imħabba u tat-tagħlim.

Hemm ukoll poeżiji fejn Balzan jesprimi r-reazzjonijiet tiegħu quddiem il-kobor u l-isbuħija tal-univers naturali bħal f’Xewqa, Baħar (Ħdejn Għajn Tuffieħa), Bejn Sema, Sħaba u Ilma u bosta oħrajn. Hawn jispikkaw elementi naturali kemm tal-makrokożmu (il-ħolqien il-kbir) bħall-baħar, l-irdum, il-wied u x-xemx, kif ukoll tal-mikrokożmu (il-ħlejjaq iż-żgħar) abitat minn kreaturi varji li jintrabtu mal-gżejjer tagħna bħas-sagħtar, il-ħarrub, u l-Ingliża. Proprju mdawwar minn din is-sbuħija naturali Balzan jilmaħ il-preżenza divina: “Kollox f’ċirku ikkulurit/ jħares lejH, din ħolmietu mibdula f’realtà.” Żgur li versi bħal dawn ifakkru fil-poeżija ta’ Anton Buttigieg Il-Ħolma t’Alla. Il-qamar, bħal fil-każ tal-poeti Romantiċi, għadu jħalli l-benefiċċji tiegħu fuq il-poeta kontemporanju: “Fid-dawl ta’ qamar ta’ dal-lejl/ mexxejtni mid-dlam ċappa/ u mlejt qalbi b’kuraġġ/ int tiegħi l-ħolqa favorita tal-ħolqien.” (Dal-Lejl ta’ Bjuda)

Mal-idea tal-poeta bħala osservatur tal-univers naturali hemm marbutin ukoll dawk il-poeżiji li jiddeskrivu mkejjen partikolari u b’hekk it-titlu tagħhom jintrabat ma’ toponimi speċifiċi. F’din il-ġabra ta’ poeżiji Balzan isib il-wens f’postijiet bħal Għajn Tuffieħa, is-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi (is-salib mifhum bħala “l-istilla”, fis-sens ta’ direzzjoni, u “raħli l-maxtura”, kif jikteb f’Fejjaqtni Għuda f’Grigalatek), il-Ġnejna (fejn wara l-isbuħija naturali, bħal Anton Buttigieg f’Il-Ħolma t’Alla, Balzan jara “Alla l-pittur”), Lapsi (fejn il-poeta jifhem li ż-żmien ma jbiddilx biss lill-bniedem, imma anki wiċċ in-natura), id-Dwejra, iċ-Ċittadella, u Wied il-Mielaħ f’Għawdex, il-Victoria Lines, u Marsaxlokk.

Hemm toponimi li jmorru lil hinn mil-limiti nazzjonali u huwa hawn fejn għalija tidħol kategorija oħra ta’ poeżiji fejn naraw lill-poeta vjaġġjatur jew pellegrin. Fil-poeżija F’Assisi dan il-post fl-Italja jinftiehem bħala mkien spiritwali kontra t-theddida tad-dinja konsumerista u materjalistika, issimbolizzata mill-“vetrini”. Postijiet oħra li Balzan iżur u li jħallu marka fih huma Delphi, “sit ta’ qima lil Alla Apollo”, kif jikteb fis-sottotitlu għall-poeżija F’Delphi; Lourdes (“Mulej, Mulej, fakkarni f’dar-riflessi/ meta l-fidi tibda tirtogħod” – Fis-Sajf Ġewwa Lourdes); San Siro f’Milan; jinżel saħansitra Fl-Underground; jasal sa Krakovja; Kairouan; Praga; u Ruma. Waqt dawn il-vjaġġi lil hinn minn xtutna l-poeta jibqa’ jiftakar uċuħ partikolari li għad-dinja materjalista ma jfissru xejn, imma li għalih ifissru “mudell/ ta’ perseveranza/ fit-trab ta’ dinjieti vista sfukata.” (Kairouan)

Il-wens għal dan il-poeta ma jinsabx biss fin-natura imma anki fit-twemmin. Huwa twemmin li jintrabat ma’ mkejjen partikolari bħal Assisi u Delphi, u anki s-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi. Kemm is-Salib – “Għuda ta’ tjieba, ħarsien, stilla ta’ direzzjoni” - kif ukoll l-ispazju fiżiku naturali fih innifsu – magħmul minn “medda t’art maħduma, taflija,/ saqwija, għammiela, mdemma bis-silla,/ milqugħa bil-ġebel tal-ħajt tas-sejjieħ” - hawn jinftehmu bħala fejqan (Fejjaqtni Għuda b’Grigalatek).

It-twemmin fil-versi ta’ Balzan jinftiehem ukoll fuq livell temporali, proprju għax naqraw numru ta’ poeżiji li jintrabtu ma’ żminijiet partikolari matul is-sena: F’Ħamis ix-Xirka kull Sena, Fil-31 ta’ Diċembru 2000, F’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, u l-Milied

Kif wieħed jara tajjeb hawn it-twemmin jippermea sewwa parti sostanzjali mill-versi ta’ Balzan. Il-kelma “Nixtieq” fil-poeżija Fil-Presepju tiftaħ kull waħda mis-sitt kwartini li fuqhom tinbena u tenfasizza l-fatt li l-poeta hu idealist, mela dak li jixtieq verament ibiddel ir-realtà umana kif inhi. B’xi mod jew ieħor din ir-ripetizzjoni fuq “Nixtieq” tfakkarni fid-diskors “I Have a Dream...” li Martin Luther King kien għamel proprju 50 sena ilu fil-Lincoln Memorial f’Washington. Hawn Balzan jikteb: “ħa nkun jien l-ewwel xhud li nwassal l-aħbar,/ fl-għerien, fil-presepji u f’qalb il-bnedmin!”

Hemm ukoll il-versi fejn naraw lil Balzan missier li jilmaħ il-poeżija f’ibnu tarbija (F’Nofs ta’ Lejl x’Ħin Ittawwaltlek jew Stennija). Versi oħra huma ddedikati lill-imħabba kif se naraw fit-taqsima li jmiss ta’ din l-introduzzjoni.

Jonathan Balzan kiteb ukoll l-eleġija, mela versi li jreġġgħu lura għall-ħajja persuni li m’għadhomx magħna, bħal meta tħares f’mera u tara preżenzi li m’għadhomx fid-dinja tal-ħajjin imma qed jgħixu fil-poeżija, fil-kelma u fix-xbieha tagħha. Dan jidher fil-poeżija Għalxejn Ittamajt.

Xbieha:

Sa mill-bidu nett jinħass li fil-versi ta’ Balzan hemm ċertu fond jew spessur anki fuq livell figurattiv-metaforiku. Dan jitwassal permezz tald-dimensjoni kromatika (kuluri), imma anki permezz ta’ lingwaġġ ġdid. F’Baħar (Ħdejn Għajn Tuffieħa) jikteb, “Baħar blu/ baħar isfar/ baħar aħdar./ Anke baħar iswed jitqawwa”. Hawn il-baħar jiġi mogħti karatteristiċi umani (“jitfissed”, “jitmiegħek”, “jerġa’ jibdielu”, “jsabbat bir-rabja”), filwaqt li xbihat antiki jiġu mogħtija libsa ġdida minn dan il-poeta tal-ġenerazzjoni ’72: “Mill-pern irid jaqla’/ u jilgħab nintendo tal-metejoriti/ mal-blat, bil-blat.” F’Bejn Sema, Sħaba u Ilma naqraw dwar “il-ħdura tal-għelieqi”, “ix-xemx dehbiena”, il-“wied fiddien” u d-“dellijiet fuq l-irdum sonżi, issa oskur”. F’Din Xitwa Bard Mod Ieħor naqraw b’“Xemx tisreġ fuq kowtijiet vetrinati”, filwaqt li f’Facelift naqraw dwar dan it-“trapjant tal-vanità”. Fil-poeżija Fil-31 ta’ Diċembru 2000 jikteb versi ta’ twemmin mill-isbaħ permezz tas-similitudni: “Bħal demgħat tax-xita mdendla ma’ travu/ b’kejl joqtru muti fuq l-art kollha passi,/ b’tama nistenna sena wara oħra/ ħajti tinbidel”. F’rabta mat-tema tal-poetika Balzan juża din ix-xbieha f’Fit-Tlieta ta’ Filgħodu: “Bdilt stokk il-ħolm fil-kitba/ għax vrusi telqu lsienhom/ u tkellmu fuq elf ispirazzjoni.” Fil-versi ta’ mħabba bl-isem ta’ Fir-Raġġ tax-Xemx naqraw, “ġismi bħal dixx il-forn jikwi nar.” F’imkien ieħor jikteb, “Nħartet qalbi, felli bħal patata/ tintradam minsija fil-ħamrija.” (Ħarbana Qalbek); f’Ja Tulipana jikteb, “qalbi pallida tokrob,/ għalik ixxerred minaretti ta’ dmugħ./ Minn idejk arkett jinbtu ċrieki ħelwin/ jittajru fl-arja u jinfetħu jferrxu/ mużika tixxeblek ma’ ġismi”; u f’Kien Miktub naqraw, “Id-dijanjosi li ħallejna fil-fliegu/ ddub bħas-silġ skopert taħt xemx tirranka./ U jifdal... jibqa’ biss,/ Għall-klieb il-baħar, għadam l-ebusija ta’ qlubna fatat.” F’wieħed mill-ħajku jikteb: “Waqt li kont naqra/ nemus daħal bejn il-paġni/ jerda’ demm l-għerf”. F’Ġa l-Ħdax jikteb dwar “vrus mill-garigori ta’ ħajti”. Dawn kollha huma eżempji (marbutin l-aktar mat-tema tal-imħabba) ta’ lingwaġġ poetiku frisk li għandu mid-dinamiżmu ta’ min jaf iħaddem sew l-ilsien Malti u anki dak tal-poeżija. L-imħabba takkwista dimensjoni senswali f’Meta Jkollok: “U ngħawwar/ f’tanbur widnejk b’ilsieni/ immellsek trapan/ u nifsi jonfoħ/ fil-garigori/ ta’ ġismek għatxan.” Min-naħa l-oħra, kemm huma sbieħ u profondi versi bħal dawn li naqraw fi Kbir il-Baħħ ta’ Ftit Sekondi Bejn: “Kbir il-baħħ ta’ ftit sekondi, tqil is-silenzju/ nagħfasx enter, telqet u tirċievi l-emejl/ u l-baħħ ta’ ftit sekondi jinbidel f’baħħ ta’ dejjem.”

Aktar dwar l-aspett kromatiku. F’Camera 19: Qed Nistennik naqraw, “xbihatek quddiemi:/ liebsa l-oranġjo u l-iswed”. Il-kulur aħdar f’Din Xitwa Bard Mod Ieħor jakkwista tifsiriet figurattivi negattivi: “riesaq Milied ieħor jitlef sensu/ fejn il-ħdura, vendetta u għira/ saru r-rigali tal-Maġi tas-seklu għoxrin.” L-aspett kromatiku jerġa’ jaħkem fi Ġnejna: “oranġjo tal-Kolorado”, “blu l-ibħra oċeaniċi”, “roża taż-żigarelli”, “griż is-sema f’taqlib it-temp”. Din hija poeżija kwadrett (u li lili tfakkarni f’Selmun ta’ Daniel Massa) li faċilment tista’ tiġi tradotta f’arti viżiva. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-versi u kuluri li jiddeskrivu t-traġedja tal-kaċċa: “Rajt rmiedkom, ġwenħajkom/ qalb l-ingliża ħamra fl-għelieqi.” (Tliftek Għasfur Ċkejken)

Teknika:


Il-vers li jħaddem l-aktar Jonathan Balzan huwa dak ħieles, mela nsibu l-parti l-kbira tal-poeżiji tiegħu li jissejsu fuq versi ta’ tulijiet differenti. Anki bħala tul ta’ strofi ġeneralment mhemmx regolarità, għalkemm wieħed jiltaqa’ ma’ poeżiji magħmula minn kwartini bħal Wied il-Mielaħ (bir-rima mbewsa, AABB), Talba ta’ Mara Msawta, Għalxejn Ittamajt, Siġra u Lotterija. Ftit oħrajn jissejsu fuq it-terzina bħal Fakkartni, Kieku Llum ma Ġejtx Narak...,  u Kliemi. Hemm xi drabi meta Balzan jibni poeżija fuq strofi ta’ żewġ versi bħal Ħarbana Qalbek u Jekk Qalbek... F’din il-ġabra hemm ukoll waqt meta l-poeta jesperimenta bil-ħajku.

Minħabba l-fatt li strutturalment l-għażla ta’ Balzan ixxaqleb iktar lejn il-modern (għalkemm ma jonqsux l-influwenzi tal-poeżija tradizzjonali), wieħed jiltaqa’ ma’ ħafna waqtiet meta tispikka l-poeżija fuq livell udittiv, mela anki bħala kreazzjoni li tħalli effett fuq il-widna. Dan iseħħ permezz tat-tħaddim ta’ mekkaniżmi bħar-rima ġewwiena, jew imbewsa, l-alliterazzjonijiet konsonantali u vokaliċi (li jaħkmu b’saħħa f’Monti Marsaxlokk), u l-onomatopea.

Lessikalment – mela rigward it-tħaddim tal-kelma – Balzan juża lingwaġġ li jinftiehem, ibbażat fuq taħlita bbilanċjata bejn il-Malti Semitiku (li ġej mill-Għarbi) u dak Romanz (il-Malti modern li ġej mit-Taljan). Ma jonqosx lanqas, fejn tinħass il-ħtieġa, kliem Anglo-Sassonu bħal “facelift”, “out of bounds”, “integer”, “T Bone”, “Ticket booths” u oħrajn. F’Bħal Ħrafa Balzan jirrakkonta tiġrib l-imħabba fiż-żmien modern permezz tal-lingwaġġ tal-ħrafa tradizzjonali: “Mela bħal ħrafa, prinċipessa tiegħi,/ la l-mostru, il-maltemp, il-magħmul,/ la l-għadu bil-lanza, l-iħirsa miċ-ċelel,/ ma nħallu jmissulna xagħarna.”

Hemm drabi meta taħkem il-konċiżjoni fl-aqwa tagħha u li ssir l-aqwa espressjoni tal-poeta bħala osservatur attent. Dan joħroġ sewwa f’poeżiji bħal Għoġġiela (disa’ versi b’kollox), Hemm Biss Ankri Rumani (fejn it-tingiża soċjali kontra mentalitajiet qodma fi gżiritna tiġi ppakkjata fi tmien versi), u anki f’Naqtgħu t-Tokk (tmien versi dwar il-vjaġġ fuq il-baħar tal-immigranti irregolari).

Titħaddem ukoll it-teknika tal-kwadrett f’rabta ma’ spazji rurali fir-rebbiegħa (Qabel il-Breakfast), imwassal lilna permezz tas-sensi: ix-xamm – “b’riħet il-bukketti/ tan-narċis fix-xagħri u l-ġiżi fil-btieħi”; is-smigħ – “tħaxwix fis-siġar” jew “nisma’ ż-żunżan ħabrieki”; il-viżjoni – “Mill-ibgħad xefaq ballun jogħla ’l fuq/ ibiddel kuluru”; u l-ħass – “Mis-siġar laħqet żiffa/ taħsilli għadmi”.

Għeluq:

Kif il-qarrej se jara huwa nnifsu f’din il-ġabra poetika, Jonathan Balzan, ġenerazzjoni ’72, għandu ħafna kwalitajiet li jippromwovuh bħala bniedem sensittiv, osservatur attent, kapaċi jieqaf u jirrifletti dwar oqsma differenti mill-ħajja tal-bniedem, mela anki bħala poeta. Favurih għandu wkoll l-għarfien tas-sengħa tat-tħaddim tal-ilsien Malti li permezz tiegħu jinseġ versi li għandhom kemm mill-imgħoddi u mit-tradizzjoni imma anki mill-preżent u mill-modern. Nistieden lill-qarrej ta’ Rdieden jaqra ftit poeżiji kuljum u jgawdihom bil-mod il-mod daqslikieku kienu tazza ta’ nbid mqaddem kif suppost u tajjeb.


Monday, October 28, 2013

Il-ĦTIF - Rumanz ta’ Ronald Camilleri (2013)

Bejn ir-rumanz popolari u dak polizjesk

IL-ĠENERU LETTERARJU IN KWISTJONI:


Oliver Friggieri jiddeskrivi r-rumanz popolari bħala “rakkont aktarx nieqes mill-valuri letterarji tar-rumanz kolt, li jagħti l-akbar importanza lin-nisġa tal-istorja, u li jolqot il-gosti tal-kotra.”[i] Għal Charles Briffa r-rumanz popolari huwa għall-gosti tal-maġġoranza u jagħfas aktar fuq il-ġrajja, aktar milli jfittex il-letterarjetà. Briffa jikteb ukoll li tematikament ir-rumanz popolari “jikkonċentra l-aktar fuq kundizzjonijiet familjari b’impenn sensazzjonali li jqanqal il-ħrara biex wieħed jara kif se jkun it-tmiem.”[ii] Aktar tard Briffa jikteb li fid-diskussjoni tiegħu “popolari” għandu jinftiehem bħala “dak li jinftiehem mill-massa, jolqot il-gosti tal-massa, jadotta l-lingwa tal-massa, u jassumi l-attitudni tal-massa.”[iii] Biex ir-rumanz popolari jintogħġob mill-qarrejja ta’ ftit skola u għalhekk ikun faċli tifhmu jrid ikollu dawn l-elementi: m’għandux ikun ikkumplikat jew profond, ma jitlobx qari speċjalizzat, u tinħass fih l-artifiċjalità. Minkejja dan xorta huwa rilevanti għal taqsima ta’ qarrejja, l-aktar dawk li jħobbu s-sensazzjonaliżmu.[iv] Dan ir-rumanz popolari jinkludi fih ġrajja ta’ azzjoni u tensjoni. Kif se naraw aktar ’il quddiem dawn huma kollha elementi li Ronald Camilleri jinkludi fir-rumanz tiegħu IL-ĦTIF.

Fuq in-naħa l-oħra hemm ir-rumanz polizjesk. Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu hija s-sentiment tal-biża’. Charles Briffa jikteb hekk: “Il-ġrajja misterjuża tilgħab bis-sentiment tal-qarrej u l-biża’ hi l-aktar frekwenti, partikolarment il-biża’ ta’ dak li mhux magħruf, biża’ mnissla mill-inċertezza wkoll.”[v] F’IL-ĦTIF il-biża’ ma titwilidx minħabba elementi supernaturali. IL-ĦTIF jista’ jinftiehem bħala ġrajja misterjuża għax “jostor xi ħaġa mill-fehma tal-qarrej jew jaħbi l-ispjegazzjoni tagħha biex iqanqal xi suspetti jew kurżità; dak li jkun sigriet jista’ jitlob stħarriġ.”[vi] Għalhekk il-ġrajja tieħu l-għamla ta’ taħbila, ingredjent li bih jintisġu stejjer anki tad-ditektivs, tal-ħallelin u tad-delitti. Fir-rumanz ditektiv hemm l-elementi tal-istħarriġ, tat-tiftix, u l-mistoqsijiet investigattivi tad-ditektiv li jirnexxilu jħoll il-kobba mħabbla li l-awtur jirnexxilu joħloq. F’IL-ĦTIF se naraw li wieħed mill-personaġġi jingħata r-rwol tad-ditektiv, imma dan għandu ħajtu qasira fin-nisġa tar-rumanz. Minkejja dan xorta waħda l-elementi tar-rakkont detektiv jibqgħu jinħassu sal-aħħar f’dan ir-rumanz ta’ Ronald Camilleri.

MEKKANIŻMI STILISTIĊI MĦADDMIN MILL-AWTUR:

IL-ĦTIF huwa rumanz ta’ 278 paġna u jinqasam fi 28 kapitlu. Huwa rakkont kontemporanju, b’bosta dettalji marbutin mal-ħwejjeg żgħar li l-bniedem medju jagħmel jew jisma’ jew jaqra dwarhom ta’ kuljum bla ma jagħti ħafna kashom. Għalhekk Camilleri jirnexxilu jibni rakkont fuq ħwejjeg bħalma huma l-imħabba, it-tradiment, il-gideb, iż-żwieġ, il-ġlied, u l-qtil. Dak tiegħu hu rakkont li żgur iżomm attent u fuq ix-xwiek lill-qarrej li jrid jistrieħ waqt li jaqra bla ma joqgħod iħabbel rasu żżejjed.
Bosta drabi l-awtur iħaddem ritmu narrattiv mexxej, mela ritmu li jgħaġġel. Hemm l-alternanza bejn leħen in-narratur onnixxenti, mela l-użu tat-tielet persuna singular, u d-diskors dirett. Il-kapitli jorbtu tajjeb wieħed mal-ieħor. Hemm saħansitra kapitli li għalkemm mhumiex eżattament wara xulxin jillinkjaw tajjeb flimkien. Hemm kapitli fejn lejn tmiemhom jinbena sens qawwi ta' stennija u tensjoni. Huwa hawn meta l-qarrej, bħal ċerti personaġġi fir-rakkont, iħoss li se sseħħ xi ħaġa kbira u kerha.

Spiss Camilleri jagħti iktar saħħa lir-rakkont tiegħu billi jdaħħal elementi ġodda bħalma huma t-tqala, l-possibiltà ta' abort, id-deċiżjoni li t-tarbija tgħix, u anki l-marda tal-kanċer. Hija effettiva l-parti fejn wieħed mill-aħwa Magri rrabjat jhedded b'ħajjitha lil Sharon. Huwa hawnhekk ukoll fejn il-qarrej jistaqsi kif se tiżvolġi l-kura ta’ min hu maħkum mill-kanċer, jekk hux għat-tajjeb jew għall-ħażin?

Ma jonqsux dawk li se nsejħilhom scoops, jew sorpriżi fl-iżvilupp tar-rakkont, li jintrabtu mal-element tas-sensazzjonaliżmu li semmejt fil-bidu. L-azzjoni tkompli tikkomplika ruħha u tikkarga aktar ma wieħed ikompli jaqra u dan inissel dejjem iktar kurżità fil-qarrej ħa jara kif se jiżvolgi r-rakkont. Iż-żewġ każi ta' qtil (il-mara ta’ Jonathan u d-detektiv) jintrabtu flimkien permezz tal-kunjom Magri u r-rakkont jieħu dejjem iktar l-għamla ta' detective story. L-investigazzjonijiet isiru anki mill-Pulizija u jiżvolġu tajjeb matul ir-rakkont. Scoop ieħor hu meta nassistu għal attakk fuq il-pulizija (fejn jinqatlu sitt uffiċċjali tal-ordni pubblika) biex jiġu meħlusin l-aħwa kriminali waqt trasferiment bil-vann mid-Depot sal-ħabs. Fin-nofs hu involut pulizija korrott.

L-awtur jiftaħ jew iwessa’ wkoll l-ispazju tal-azzjoni tar-rakkont meta jittrasferixxi parti minnha fil-gżira ta’ Sqallija, b’wieħed mill-kriminali protagonisti jsir saħansitra kap tal-Mafja. Tidħol anki l-idea tal-“familja” permezz tal-pjan ta' wieħed mill-aħwa kriminali biex ħuh jivvendika ruħu minn min fl-imgħoddi m’għamilx kif qallu dan tal-aħħar. U dan permezz ta’ Kevin, iben u neputi. Camilleri jurina li għall-kriminal mhemmx limiti: il-ħażin jirnexxilu jippermea ruħu anki f’festa tal-Ewwel Tqarbina. Anki dan – flimkien ma’ ingredjenti bħalma huma telefonati u noti ta’ theddid, il-ħtif u l-istupru tal-innoċenti, korruzzjoni, u sensiela ta’ avvenimenti sfortunati li jwasslu sal-mewt, frott il-pjan kiefer tal-kriminali antagonisti - jgħin biex jiżdied il-livell tat-tensjoni u jiftaħ tieqa oħra fuq il-potenzjal tar-rakkont. Dan kollu jorbot mar-rumanz tal-Mafja.

IL-ĦTIF hu anki rumanz li jissejjes fuq aktar minn rakkont wieħed, però li kollha kemm huma jintrabtu flimkien jew jidħlu wieħed fl-ieħor. Hemm ir-rakkont li jiżvolġi madwar il-ħajja ta’ Sharon u l-familja Borg; rakkont ieħor huwa dak li jdur madwar il-kriminali u aħwa Magri.

Hemm ukoll it-tħaddim tal-flashback jew analessi, meta l-awtur joħodna lura fiż-żmien biex nifhmu aħjar dak li jkun seħħ u x’wassal eżattament għall-ġrajjiet fil-preżent. Insibu wkoll bosta riferimenti temporali u dan jgħin biex il-qarrej ikollu idea tajba taż-żmien li għaddej. L-azzjoni tar-rumanz tifrex fuq mill-inqas medda ta’ 18 jew 19-il sena.

F’IL-ĦTIF insibu inklużjoni u varjetà  tajba ta' personaġġi li jidħlu fin-nisġa tar-rakkont f'waqthom. Il-karatterizzazzjoni spiss hija tajba, imma l-iktar li tispikka hija l-krudeltà bla limiti tal-aħwa Magri. Minkejja li taħkem il-vjolenza, ingredient narrattiv tajjeb biex iżomm l-attenzjoni tal-qarrej, Camilleri ma jesaġerax bid-dettalji żejda u moqżieża. Il-mewt ta' waħda mill-protagonisti żgur tmiss qalb il-qarrej. Dan filwaqt li jkompli jispikka l-karattru kiefer tal-aħwa kriminali.

Lejn l-aħħar kapitli tar-rumanz kollox jieħu postu tajjeb narrattivament. Hu adatt l-istil użat - id-djalogu - għax iżomm il-qarrej attent il-ħin kollu. Imma proprju meta l-qarrej jaħseb li l-kobba se tinħall u l-ħżiena jinqabdu l-aħwa kriminali jerġgħu jaħarbu mill-Pulizija lejn Sqallija.

Huwa lejn l-aħħar parti tar-rumanz fejn bħal donnu  jibda rakkont (li jdur madwar il-persunaġġ ta’ Kevin) ieħor fir-rakkont ewlieni, u dan wara li sseħħ qabża temporali ta’ 10 jew 11-il sena. Isseħħ laqgha bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-“ħaruf” (moralment rett) u l-“lupu” (il-kriminal). Din hija xena effettiva u bżonnjuża li wasslet biex fl-aħħar Kevin (l-iben) isir jaf bl-imgħoddi tiegħu u bil-verità. Tmiem il-kapitlu jħalli lill-qarrej jaħseb dwar x'se jseħħ bejn l-iben u l-missier li bħala demm huma qraba sew imma moralment huma kilometri ’l bogħod minn xulxin.

Lejn tmiemu IL-ĦTIF jipprometti ħafna, anki permezz tal-isem tal-kapitlu, Ġustizzja. Il-ħażen tal-karattri tal-aħwa Magri jittieħed sal-estrem. L-awtur jinkludi doża qawwija ta' vjolenza anki f’dan l-aħħar kapitlu - dan jista' jogħġob lil ċerti qarrejja; għal oħrajn jista' jidher żejjed. Però wisq probabbli t-tmiem pożittiv jogħġob lil bosta wara l-ħafna tbatija li għaddew minnha nies innocenti.

Fl-aħħar tar-rumanz wieħed jistaqi x'seħħ minn Brian wara li Pietru talbu biex ikompli hu x-xogħol li kienu bdew l-aħwa Magri u biex jivvendika ruħu minn Kevin u mill-Pulizija? Jista' jkun dan bieb miftuħ għal sequel għal dan ir-rumanz?

Patrick Sammut (Ottubru 2013)

[i] Friggieri, Oliver, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji, PEG, 200, p. 685.
[ii] Briffa, Charles, Il-Letteratura Maltija – L-istorja tan-Narrattiva, Malta University Publishing, 2008, p. 609.
[iii] Ibid., p. 611.
[iv] Ibidem.
[v] Ibid. p. 623.
[vi] Ibid., p. 624

Sunday, September 29, 2013

GĦANJIET IL-QALB ta’ Charles Mifsud

Espressjoni ta’ leħen sinċier imma qalbieni

Introduzzjoni:

Il-poeta huwa konxju ta’ dak kollu li jgħaddi minnu l-bniedem u li bosta lanqas biss jagħtu kasu. Mela l-poeta huwa dak li jara, jifli, jaħseb u jikteb dwar dawk il-ħwejjeġ jew tiġrib li lkoll kemm aħna ngħaddu minnhom mingħajr ma nindenjaw ruħna nieqfu u nagħtuhom ftit ħin. Charles Mifsud dan diġà għamlu f’ġabriet poetiċi bħal Tnejn Flimkien (2003), In-Nisġa tal-Għanja (2006), Mid-Djarju ta’ Ġensna (2007), U Ġejt Terġa’ Tħabbatli (2009), u Il-Blata Tiegħi (2011). Issa qed jagħmlu mill-ġdid f’dan il-ktieb li jiġbor fih mal-157 poeżija, iżda din id-darba jagħtiha dehra differenti ladarba ma jorbotx il-poeżiji magħżula ma’ tema waħda, imma jittratta temi differenti. Il-varjetà tispikka wkoll fil-fatt li dawk ta’ Mifsud huma poeżiji li jintrabtu ma’ spazji, ħinijiet tal-jum, staġuni, burdati, żminijiet tas-sena (il-Milied, l-aħħar u l-bidu tas-sena, l-Għid, Jum San Ġwann, u l-bqija) u anki lwien differenti. Hawn naraw lil Mifsud bħala dak li jidħol fi spazji – fuq kollox astratti u emozzjonali - fejn il-parti l-kbira tal-bnedmin ma jazzardawx jersqu. Huwa dak li jġorr il-piżijiet li ħadd ma jridhom, apparti dawk li nsiethom ix-xorti t-tajba.

Stil:

Dawk ta’ Charles Mifsud huma poeżiji li fil-maġġoranza tagħhom itulu bejn 20 u 30 vers. Fihom jiġbor jew irekken riflessjonijiet dwar aspetti differenti u anki veritajiet li mhux kulħadd kapaċi jinnota, iniżżel jew jammetti.

Charles Mifsud għandu l-għeruq tiegħu fl-ewwel nofs tas-seklu 20, mela ma setax jonqos li l-metrika u l-prosodija tradizzjonali jħallu l-marka tagħhom fil-versi tiegħu. Minkejja dan hemm bosta drabi meta l-poeta jħaddem il-vers ħieles.  Dan hu prova tal-fatt li Mifsud ma jiddejjaqx jesperimenta billi jlaqqa’ fuq livell ta’ prosodija u ta’ metru t-tradizzjoni mal-modern. Hemm darbi meta jħaddem l-għamla tas-saffika klassika (Mal-Milja ta’ Diċembru u Il-Ħuġġieġa), oħrajn meta jħaddem is-settenarju u l-kwartina bir-rima mqabbża biex jikteb taħnina (Ninni Katrina, Ninni). Drabi oħra l-poeżija tieħu l-għamla tal-ħrafa tal-Milied (Ejja Mmorru Naraw lill-Bambin), imma hemm poeżiji fejn fuq naħa jalterna b’versi tradizzjonali u regolari bħall-ottonarju u l-kwaternarju, fi strofi mhux regolari, u fuq l-oħra jinserixxi wkoll versi ta’ tulijiet oħra biex b’hekk il-poeżija la tissejjaħ tradizzjonali imma lanqas strettament moderna. Spiss Mifsud iħaddem ir-rima mqabbża, anki jekk l-istrofi jkunu miktubin bil-vers ħieles u ma jkunux kwartini. Drabi oħra jikteb poeżiji fejn jaħkmu versi bħas-settenarju, l-endekasillabu, jew kombinazzjoni ta’ senarji/novenarji/doppji-senarji (biex hawn joħloq ritmi mexxejja), għalkemm ma jkunux l-uniċi versi li jintużaw fil-poeżija. Rima oħra għal qalb ħafna Mifsud hija dik imbewsa, mela fejn insibu koppji ta’ versi wara xulxin li jaqblu flimkien (eż. fuqha/senduqha; nies/qjies; ħsieb/ħbieb; ħlewwa/dnewwa; iżuruni/ikellmuni; ġmielek/kliemek; kbir/tkissir; u bosta oħrajn). Għalkemm spiss dawn ir-rimi mhumiex regolari daqskemm fil-poeżija strettament tradizzjonali, xorta waħda jgħinu b'saħħa fir-ritmu u fil-mod kif il-poeżija ddoqq aħjar għall-widna, mela f’rabta mad-dimensjoni udittiva. Dan iseħħ anki permezz ta’ bosta rimi ġewwiena u alliterazzjonijiet.

L-appell għas-sens tas-smigħ jinħass qawwi f’poeżiji bħal It-Tfajla tal-Vjolin u Iddoqx Aktar Qanpiena. Fl-ewwel waħda poeżija u mużika jitwaħħdu b’sengħa kbira, filwaqt li fit-tieni poeżija l-ħoss tal-qanpiena jnissel sens ta’ ħtija fil-poeta. Fiż-żewġ poeżiji jitħaddem ritmu “ħarkien”. In-“noti mill-kampnar” nerġgħu nisimgħuhom fi Sbieħ il-Jum. Il-ħsejjes tad-dinja naturali (“tħaxwix”, “għana”, “ċenċil”, “tgelgil”) li minnha hija ispirata l-isbaħ poeżija jaħkmu f’Poeżija l-Isbaħ Sinfonija.
Hemm drabi meta Mifsud iħaddem mekkaniżmi bħalma huma l-antiteżi jew il-paradoss biex iwassal aħjar it-tifsira tal-ħajja (ara Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, fejn paradossalment Mejju jfakkru fil-mewt taż-żewġ ġenituri tiegħu).

Il-reġistru lessikali li spiss jaħkem hu dak naturali. Dak tiegħu hu lessiku li għandu kemm mill-Malti safi, imma fejn meħtieġ ma jiddejjaqx juża l-Malti Romanz. Il-lessiku sempliċi jirrifletti anki l-imħabba safja bejn il-missier u l-bint. Hemm drabi meta Mifsud juża saħansitra kliem li għandu iktar mill-proża milli mill-poeżija, anki biex jirrifletti l-ħajja ta’ kuljum bin-nuqqasijiet kollha tagħha.

Fil-versi tiegħu Mifsud juża toni differenti: pożittiv, dikjarattiv, drabi oħra anki ċelebrattiv (li jinħass spiss f’rabta mat-tema tal-mħabba, fejn il-poeta juri l-apprezzament tiegħu lejn żwieġ li rnexxa u li jifrex fuq medda ta’ 40 sena), assertiv (f’rabta mat-tema soċjali), drabi oħra gravi (meta jittratta l-agunija tal-bniedem minħabba mard gravi). Hemm drabi meta Mifsud inissel anki tbissima minkejja li jikteb dwar il-mewt: hekk f’L-Għolja tal-Ħorr jikteb li “min jorqod hawn, moħħu mistrieħ,/ li ebda sid il-kera ma jkeċċih.” Bosta drabi Mifsud juża t-ton ta’ protesta f’rabta mat-tema soċjali, drabi oħra jħaddem it-ton konfessjonali bħal f’Qabel Intemm il-Vjaġġ, u f’waqtiet oħrajn jitħaddem it-ton eleġijaku meta jikteb dwar persuni għeżież li m’għadhomx magħna.

Hemm versi li jfakkru f’poeżiji ta’ poeti Maltin oħra li jintrabtu fuq kollox mal-ewwel nofs tas-seklu 20. Charles Mifsud huwa wkoll poeta nostalġiku u spiss iħares lejn dak l-imgħoddi safi – anki t-tfulija - li llum għadda u ntesa. Hekk il-poeżija Dgħajjes tal-Karti tfakkar f’poeti bħal Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo u Marjanu Vella. Anki Mirkeb Tlettax, iddedikata lin-neputija Martina, tfakkar fil-versi Il-Ġerrejja u Jien ta’ Dun Karm, ladarba ż-żewġ poeti jiktbu dwar il-vjaġġ tal-ħajja matul il-fażijiet differenti tagħha. Wieħed Biss żgur li tfakkar fl-istess poeżija miktuba minn Rużar Briffa: hawn wieħed jistaqsi jekk il-leħen ewlieni fil-poeżija hux dak ta’ Kristu jew tal-mara midinba, imma mbagħad bħal iħoss li f’partijiet differenti tal-poeżija huma t-tnejn. Mifsud għandu poeżija mnebbħa mill-poeżija ta’ Briffa Il-Kotra u Jien: din hija Bl-Għanja Tiegħi, fejn jikteb dwar ir-relazzjoni poeta-poeta, imma anki dwar il-poeżija bħala rigal lill-batut. Hemm drabi meta l-versi tal-imħabba ta’ Mifsud jistgħu jfakkru fil-versi tal-poeta Cilen, Pablo Neruda (ara Estasi). Mifsud għandu wkoll eleġija ddedikata lill-għannej magħruf, il-Budaj: “Dabet il-kisra tal-leħen/ li għaxqet tant nies,/ ħemdet l-għanja minsuġa,/ mirquma b’tant qies.” Il-poeżija Sħabiet tinbena minn versi li jfakkru fis-safa, fis-sempliċità u fin-naturalezza tal-poeżiji ta’ Mary Meilaq.

Fis-sempliċità tal-lingwaġġ ta’ Mifsud hemm imħaddma metafori effettivi: f’Dgħajjes tal-Karti d-dgħajsa li salvat hija l-poeżija. F’Jekk Ħajtek bħal Murtal... il-qosor tal-ħajja mhix rifless biss permezz tax-xbieha tal-murtal li hu sabiħ imma jispiċċa malajr, imma anki permezz tal-konċiżjoni li biha hija miktuba l-poezija (11-il vers kollox). Dan huma biss żewġ eżempji.

Dan ifakkarni wkoll fid-dimensjoni kromatika (dik tal-kuluri) fil-versi ta’ Mifsud. Hemm l-iswed li spiss jintrabat mal-lejl u mal-mewt, imma anki l-“Murtali kkuluriti,/ ħomor, koħol, ħodor, vjola,/ taħlita ta’ lwien sbieħ li jpaxxu l-għajn” (Jekk Ħajtek bħal Murtal...). Hemm l-ilwien tas-sardinella fejn l-aħmar ifakkru fid-demm tal-eroj Maltin u l-abjad fis-safa tat-tfulija (Sardinella). L-ilwien (l-aħmar, l-iswed, l-ikħal u l-abjad) jerġgħu jispikkaw f’Mera tal-Imgħoddi, fejn Mifsud jagħtina għadd ta’ ritratti mill-ħajja tal-imgħoddi li llum għebet totalment. F’Picasso jfakkarna fir-rabta bejn il-poeżija u l-pittura; isostni wkoll li anki Picasso pitter kwadri ta’ natura soċjali fejn pinġa l-ikrah, imma għenna wkoll naraw is-sabiħ tal-ħajja.

Dan kollu jgħin biex jagħmel mill-versi ta’ Mifsud huma poeżiji li jinqraw bla diffikultà u b’hekk jagħtu pjaċir. Dan jintrabat mal-idea tal-poeżija bħala terapija, serħan, u mhux uġigħ ta’ ras.

Tematika:

It-tema li taħkem f’din il-ġabra hija dik soċjali (b’31 poeżija li jittrattaw aspetti differenti tal-istess tema). Charles Mifsud jikteb dwar realtajiet familjari ġodda li tbiegħdu ħafna mill-mudelli tradizzjonali. Hawn m’għandux kantunieri u dak li jħoss ġewwa qalbu jgħidu bla tidwir mal-lewża. Hekk il-poeta jikteb kontra l-abort (hemm drabi meta jingħata leħen lill-istess tarbija li sfat vittma ta’ din l-atroċità), id-divorzju, u l-konkubinaġġ. Min-naħa l-oħra, f’Lill-Kelb, jikteb dwar il-lealtà li tista’ turi bhima lejn il-bniedem, lealtà li xi drabi lanqas il-bniedem mhuwa kapaċi jżomm. Mifsud jikteb ukoll kontra l-ħela tad-dinja sinjura (mela dwar il-faqar), kontra l-qirda ta’ ħlejjaq innoċenti li ġġib magħha l-kaċċa, kontra l-gwerra, l-anarkija u l-armamenti, ir-regħba, l-ipokrisija, l-isfruttament tal-ħaddiem (anki tat-tfal ħaddiema), il-ħitan ta’ firda u mibegħda li nbnew f’imkejjen differenti tad-dinja matul l-istorja tal-bniedem, imma anki dwar it-tradiment, dwar min jinħakem mid-disperazzjoni tanti li jikkommetti suwiċidju, dwar is-solitudni li jbatu ċerti anzjani u l-ingratitudni tal-ulied, dwar il-bniedem “marjunetta” li jiġi mmanipulat mill-politiċi, u dwar il-kożmetika qarrieqa tal-festi reliġjużi llum (Profanità). Id-dgħjufija tat-twemmin tagħna terġa’ tidher f’Illum il-Ġimgħa l-Kbira, fejn Mifsud jikteb:

“Illum qed jisgħobina, għax qtilna ’l Kristu,
għada x’aktarx ninsew, nerġgħu noqtluh.”

Mifsud hu konxju ta’ dawn ir-realtajiet x’uħud minnhom qodma u oħrajn ġodda li ma jagħmlu xejn ħlief inisslu tbatija fil-bniedem. F’Nota ta’ Qsim il-Qalb il-poeta jqiegħed lill-omm fiċ-ċentru tal-vers għax hija ċ-ċentru tal-familja, imma dan mhux aktar f’din id-dinja imperfetta, imma fil-ġenna: “Nittama li xi darba,/ għad nerġgħu niltaqgħu.../ fil-ġenna flimkien,/ int, ommok u jien.” Mifsud għandu wkoll versi kontra l-egoiżmu tal-bniedem, versi li żgur ifakkru fil-poeżija Ħbiebi ta’ Karmenu Vassallo: hekk jikteb fl-poeżija Egoiżmu:

“Il-bniedem li ġie mżejjen bl-altruwiżmu,
Ġie mxekkel bl-għerq spjetat tal-egoiżmu.”

F’rabta mat-tema soċjali Mifsud spiss jikteb dwar il-bidla li ġab miegħu ż-żmien. Hekk b’sens qawwi ta’ nostalġija għall-imgħoddi, il-poeta jqiegħed f’kuntrast il-passat u l-preżent, l-ambjent tar-raħal u dak tal-belt, filwaqt li jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet rettoriċi mmirati biex iġagħlu lill-qarrej jirrifletti dwar dan kollu (Tfajla Raħlija). Filwaqt li Mifsud jagħraf li kollox għandu tmiemu, f’Mera tal-Imgħoddi jistaqsi, “Imma tgħid liem żmien kien l-isbaħ,/ dak iż-żmien jew il-modern?”  Fit-tifkira hemm il-ferħ, u l-poeżija tgħin biex dan il-ferħ ma jintesiex. Fl-imħabba hemm is-soluzzjoni (li donnu ħadd ma jrid jaċċetta jew iħaddan) għall-mibegħda u l-għira li jaħkmu lill-bniedem (Bl-Imħabba Nibnu Pont). Fil-poeżija tat-twemmin, imbagħad, hemm il-kenn u d-duwa għal min hu mgħaffeġ bi problemi diversi (Jekk Trid). Hemm ukoll il-possibbiltà li l-poeta jerġa’ jgħix l-imħabba u l-valuri pożittivi li għaddietlu ommu. Valuri bħal dawn jissemmew f’Paċi?: huma l-verità, is-sinċerità, l-imħabba, it-tolleranza u l-maħfra, imma anki l-ħbiberija u l-irġulija (Stedina).

Tema oħra importanti hija dik tal-familja, u din titqiegħed f’oppożizzjoni tal-versi li jittrattaw il-problemi tal-familja tal-lum. Naqraw poeżiji li Charles Mifsud jiddedika lil ommu (5 b’kollox), lil missieru (4), imma anki lil uliedu, lin-neputijiet, u fuq kollox lil martu (21), ladarba l-ġabra Għanjiet il-Qalb hija ddedikata lil mart il-poeta f’għeluq l-40 sena minn żwieġhom. Dejjem f’rabta mal-poeżiji ddedikati lil martu, Mifsud iqiegħed f’kuntrast l-eternità tal-imħabba vera kontra s-sbuħija materjali għaddiena (Il-Ġmiel li Skoprejt). F’dawn il-poeżiji ddedikati lil martu Mifsud jikteb dwar l-imħabba mhix mittiefsa minn tendenzi moderni li kkorrompew dak li xi darba kien iktar safi. Il-missier huwa figura mudell li għadda lill-poeta l-valuri Nsara. L-omm tfisser għaqda, ġid, imħabba, ferħ u għaqal.

F’rabta mat-tema tal-mewt spiss tintrabat dik tat-twemmin (li hu ttrattat f’mill-inqas 15-il poeżija). Charles Mifsud huwa l-poeta Nisrani li ma jiddejjaqx iberraħ twemminu u jippreżentah bħala dik it-tarka kontra l-piżijiet u l-ostakli tal-ħajja. Żewġ versi li jispikkaw huma dawk li jtemmu l-poeżija Għada Niġi Narak, fejn Mifsud jikteb, “Il-lejla nieħu ħsieb nitlob lil Alla,/ ngħidlu x’irrid, għax miegħi qatt ma falla.” It-twemmin hu wkoll mifhum bħala l-unika duwa kontra l-kefrija tal-firda li ġġib magħha l-mewt, filwaqt li Kristu jinftiehem bħala d-dawl f’waqtiet ta’ dlam u qtigħ il-qalb. Hemm poeżiji, bħal Idden is-Serduq, li jieħdu l-forma ta’ stedina biex il-bniedem jindem billi jħares lejn “Kristu kurċifiss”. F’Agunija naraw lill-poeta osservatur quddiem bniedma li sfat vittma ta’ agunija minħabba marda terminali. Mifsud jirrifletti quddiem il-bidla li jġib miegħu l-mard fil-bniedem. Anki hawn l-uniku sabar hu t-twemmin.

Il-poeżija hija fuq kollox riflessjoni dwar il-ħajja li nġarrbu lkoll kemm aħna. Kontra dak li jaħsbu bosta, Mifsud poeta mhux xi ħalliem li jinqata’ mir-realtà tad-dinja, imma jżomm saqajh mal-art: quddiem kwadru vojt lewn iswed jikteb, “Dak il-kwadru jekk tixtarru fih tifsir,/ li trab kont u trab issir.” (Dendilt Kwadru mal-Ħajt). Minkejja dan, f’Żewġ Rigali, il-poeta jemmen li bħall-ħajja anki l-mewt hija rigal ladarba “tista’ tkun tieqa/ li tħares lejn il-ġenna.”

Qasam tematiku ieħor għal qalb il-poeta huwa dak tad-dinja naturali. Fil-versi ta’ Charles Mifsud jispikkaw l-istaġuni bil-burdati differenti marbutin magħhom, il-ħlejjaq ċkejknin, il-baħar. Hemm elementi li huma parti mid-dinja taċ-ċokon (il-mikrokożmu)  - bħal qatra nida, pitirross, sardinella, warda, naħla, farfett, sturnell, dielja, amorin, lellux, peprin, ġarġir – li jwasslu lill-poeta biex fl-aħħar mill-aħħar jirrifletti dwar il-kobor tal-ħallieq stess, imma anki dwar il-kenn mid-diżordni li ħoloq il-bniedem li toffri l-istess natura. Imbagħad, permezz tat-topografija naturali – magħmula minn widien u għaqbiet, fost oħrajn – il-poeta jikteb dwar tiġribu matul fażijiet differenti ta’ ħajtu (Minn Wied għall-Ieħor).

Hemm ukoll waqtiet meta Charles Mifsud jikteb dwar il-“jien”. Hawn il-versi jinftiehmu bħala awtodefinizzjoni min-naħa tal-poeta. Hekk f’Jien, Min Jien? Jikteb dwar tliet pedestalli li jsawruh: l-imħabba lejn art twelidu, it-twemmin u l-poeżija. Il-poeżiji patrijottiċi, fis-sens dejjaq tal-kelma, mhumiex ħafna hawn (ara l-aħħar poeżija Abjad u Aħmar Biss), imma l-kitba tal-poeżija bl-ilsien nattiv hija fiha nnifisha turija ta’ mħabba min-naħa tal-poeta lejn art twelidu. Hija mħabba li, kif rajna, toħroġ anki permezz ta’ lingwaġġ eleganti, magħżul, mirqum, u mżejjen ukoll minn kliem li għaddewlna missirijietna, u li lista tagħhom bit-tifsiriet rispettivi tinsab fl-aħħar parti tal-ktieb.

Bla poeżija Mifsud iħossu “bħal qisni pellegrin tilef it-triq” (Pellegrin Mitluf). Dwaru nnifsu bħala poeta jikteb hekk f’Min Jien?: “Jien għasfur tal-għana/ bi vrus is-sliem fuq fommi,/ nissieġ il-ħsieb fil-kelma/ bl-ilsien li tatni ommi”, imma anki, “Jien sieħeb in-natura, ninnamra mas-sbuħija,/ għassies ħerqan tal-Muża,/ ilsir tal-poeżija.” Ma’ dawn tintrabat sewwa l-poeżija L-Għanja tal-Btieti, li huma versi li jfakkru fi tradizzjoni partikolari għal qalb min kien jgħix fir-raħal: dik meta n-nisa tad-dar kienu jgħannu waqt il-faċendi tagħhom. Mifsud isostni li jista’ jkun li kienet din it-tradizzjoni li kebbset fih il-ġibda lejn il-poeżija. Dejjem f’rabta mat-tema tal-poetika, f’Min Hu Poeta?, Mifsud isostni li, “Poeta hu kull bniedem,/ li jinseġ tifħir ’l Alla,/ l-Awtur ta’ ġmiel il-ħajja.”

L-ispazji:

Matul il-poeżiji tiegħu l-poeta ma jimraħx biss fi spazji ġewwiena u b’hekk astratti (bħal dawk tal-qalb, tar-ruħ, tat-tifkira), imma anki fi spazji fiżiċi marbutin mar-realtà li nġarrbu bis-sensi. Hekk jissemmew iċ-ċimiterju (f’L-Għolja tal-Ħorr, f’rabta mat-tema eleġijaka, imma anki f’Sagħtejn l-Addolorata, fejn ras il-poeta tfur bil-ħsibijiet dwar dak li kien u dak li għad irid ikun), l-Imdina, il-kampnar tal-knisja ċkejkna, irkejjen naturali bħal Wied Għammieq u Wied il-Qlejgħa – fejn fuq il-passi tal-poeti Romantiċi jsib serħan mill-problemi tal-belt, kif jagħmel Ġorġ Zammit f’poeżija bħal Gelmus -, is-sala ta’ sptar, id-dar (fejn spiss jiddeskrivielna l-familja miġbura), is-suq, il-knisja, jew quddiem il-mafkar ta’ Dun Karm Psaila fil-Furjana. F’Fuq il-Kaptelli, f’San Ġwann Mifsud jikteb dwar il-Katidral ta’ San Ġwann bħala mafkar lil dawk kollha li wrew qlubija fl-imgħoddi. Fi Qniepen Karkariżi Mifsud joħodna dawra ma’ raħal twelidu billi jsemmagħalna l-qniepen tal-knejjes differenti li jinsabu f’dan l-imkien li hu ħaġa waħda mat-twemmin Nisrani. Għalhekk jissemmew is-Santwarju tal-Ħerba, il-Knisja Kolleġġjata, il-Kunvent ta’ Santa Tereża, San Ġużepp, Sant’Antnin, tal-Karmelitani u ta’ Santa Marija.

Konklużjoni:

Dik ta’ Charles Mifsud hija poeżija li fiha x’tixtarr, iġġegħlek tirrifletti dwar ħwejjeġ differenti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-qarrej fl-ebda waqt ma jħossu mitluf minħabba ċertu ermetiżmu li jħaddmu poeti kontemporanji oħrajn u li spiss jgħajja lil dak li jkun tant li jispiċċa jwarrab il-poeżija. Anzi s-sempliċità u l-kjarezza tal-versi ta’ Mifsud jistiednu lill-qarrej ikompli jaqra u jqalleb il-paġni. Waqt li kont qed naqra l-versi tiegħu jiena stħajjiltni ħiereġ minn kamra u dieħel f’oħra biex niskopri dejjem iktar dwar il-bniedem u d-dinja li jgħix fiha.

Ħafna mill-poeżiji ta’ Charles Mifsud jesprimu s-sodisfazzjon ta’ min matul ħajtu kien jaf jimxi ’l quddiem b’ottimiżmu, minkejja li l-ħajja ma kenitx faċli. Jinħass ukoll fil-versi ta’ Charles Mifsud il-fatt li l-poeta jaġixxi bħala l-leħen tal-kuxjenza. Fil-versi tiegħu Mifsud jistqarr għadd ta’ prinċipji sodi li llum qed jiddgħajfu. Wieħed jista’ jgħid, kulma huma dawn huma versi. Imma jinħass spiss li huma versi li kapaċi joħolqu eku li jtarrax u li jħarrek lill-ġewwieni tal-qarrej rieqed minħabba l-piż tal-indifferenza u l-apatija.


Patrick Sammut