Sunday, April 14, 2013

Barney l-Ispiżjar ta' Carmel Scicluna


Struttura u mekkaniżmi stilistiċi:

Barney l-Ispiżjar hu rumanz ta’ ftit iktar minn 350 paġna li jinqasam fi tliet partijiet ewlenin. L-ewwel parti ttul mal-105 paġni, it-tieni parti għandha mal-203 paġni u t-tielet 55 paġna. Ġeneralment l-ewwel parti hija magħmula minn kapitli qosra – b’16-il kapitlu li jvarjaw minn 2 sa 9 paġni, bl-itwal tlieta li għandhom 11, 16 u 22 paġna - u b’ritmu mexxej. It-tieni taqsima, li hija l-itwal, hija iktar frammentarja: Scicluna jaqsamha fi 11-il parti, biex imbagħad 8 minn dawn jaqsamhom f’partijiet iċken li jtulu minn paġna sa 29. Żgur li din il-frammentarjetà trid tirrifletti l-fatt li f’kull wieħed u waħda minna hemm personalitajiet differenti, skont iċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom. It-tielet parti hija kapitlu uniku. Hemm drabi meta Barney l-Ispiżjar jista’ jinħass monotematiku (ladarba Scicluna jinsisti ħafna fuq l-aspett politiko-soċjo-morali), drabi oħra monoritmiku (l-aktar fil-partijiet it-twal).

Spiss in-narrazzjoni ssir fl-ewwel persuna, imma ma jonqsux ukoll partijiet miġjubin fid-diskors dirett. Jintuża l-Malti idjomatiku, u Scicluna juri ħakma tajba ferm tal-Malti, anki dak Semitiku u arkajku ("maħrab”, "milbes”, "nitħanxlu”, "miksaħ”, "midwal”, "ħemel”, "mtieraħ”). Lessikalment ninnotaw din it-taħlita ta’ elementi differenti, anki Anglo-Sassoni: "tredmil”, "rower”, "pulaps”, "bodibegs”, "ġankfud”, "konstant woċċ”, "xortofstaff”, u bosta oħrajn.  Iħaddem bosta tixbihat, anki idjosinkratiċi, oriġinali u effettivi. Ikun interessanti ferm studju speċifiku dwar l-għadd kbir ta’ similitudnijiet u metafori partikolari. Lejn tmiem ir-rumanz naqraw dwar is-siġra li kien jeħtieġ li titqaċċat għax ħonqot kullimkien u ma seta’ jikber xejn ġdid iżjed, u l-istess missier Barney li jmut xiħ għakka: it-tnejn huma simboli ta’ ideoloġiji, mexxejja, partiti politiċi, mentalitajiet u atteġġjamenti partikolari li jkabbru għeruq profondi tant li xejn ma jkun jista’ jeħdilhom posthom.

Hemm ukoll l-użu tal-kliem fid-diminuttiv min-naħa ta’ Scicluna f’dan ir-rumanz (eż. ”bqajqa”, ”sġajra”, ”tqajba”, "dħajka”, "ċkejkuna”, "qħajba”, u bosta oħrajn). Xi drabi d-diminuttivi jirrappreżentaw  it-trivjalità li fiha sabet ruħha d-dinja tal-lum, jew il-limitazzjonijiet tal-għarfien kulturali tagħna, limitazzjonijiet intellettwali. Drabi oħra jistgħu jirrappreżentaw ukoll dinja bla ruħ.

Isiru matul ir-rumanz kollu bosta referenzi ta’ natura kulturali, mela għad-dinja tal-letteratura (Harold Bloom, James Joyce, Kafka, Philip Larkin, Coetzee, Beckett, Eliot, Gunther Grass, Yukio Mishima, Federico Garcia Lorca, Pablo Neruda, Yasunari Kawabata, Paolo Coelho), għaċ-ċinema (Fellini, Totò, Giulietta Masina, Antonioni, Charles Chaplin, Mel Gibson, Polanski, Zeffirelli, Robert Bresson, Kurosawa, Tsai Ming-Liang), għall-arti (Pollock, de Kooning, Chagall, Botticelli), għall-filosofija (Wittgensein, Nietzsche, Shopenhauer), u l-bqija.

Għall-ewwel Scicluna juża lingwaġġ naturali, mhux oxxen. L-oxxenità jeħdulha postha deskrizzjonijiet imlewnin, analoġiji li ma jdarrsux, anzi li juri s-sengħa tal-kittieb li jaf iwassal sew dak li għandu jgħid bla ma jaqa’ fil-baxx. Imma dan biss għall-ewwel. Aktar tard il-lingwaġġ oxxen jintuża anki biex naraw f’liema abissi ta’ immoralità waqgħet is-soċjetà Maltija tal-preżent. Hemm partijiet fejn Scicluna jħallat il-lingwaġġ sagru ma’ dak profan:
“U hemm għalfejn ngħid min kien il-qażquż reliġjuż l-ieħor li jien fula maqsuma miegħu? Dak li ma kienx joqgħod b’sabru jekk ma jinvistax kull kappella li jxomm imbexxqa u mrejħa bl-inċens sesswali!” (p. 279)

F’waqt ieħor prostituta Ukraina titqabbel ma’ relikwa, filwaqt li l-burdell hu mqabbel ma’ knisja. Fuq naħa naqraw b’diskors li xi drabi jmiss livelli għolja ta’ għerf; drabi oħra jitħaddem diskors li jintuża kuljum, anki klixes: “u laħaq mexxej ta’ kovin – jew x’jgħidulu” (p. 287); “dak hu l-poeta, sieħbi -” (p. 285); “Isma... ma rridx nisa Maltin, ta!” (p. 289); “ma rridx niddevja, ħi, x’kont qiegħed ngħid...” (p. 300)

Hemm drabi meta n-narrazzjoni tieħu l-għamla ta’ monologu, drabi oħra bħal donnu n-narratur jindirizza lill-istess qarrej, fejn juża l-“ħi”. Drabi oħra jindirizza lil xi ħadd fit-tielet persuna singular femminil permezz ta’ “għażiża” (p. 315). Din tista’ tkun l-istess Muża (“għażiża muża tiegħi”, p. 316). Mekkaniżmu li jħobb juża Scicluna hija l-ironija taqta’ li permezz tagħha jikkritika dak li ma jogħġbux. Fost l-oħrajn din tinħass sewwa diġà fl-għażla tal-ismijiet għall-personaġġi tiegħu: Adam, Eva, Barney, Speditu, Empedokle, Purpettu, u bosta oħrajn. Scicluna jagħti lill-persunaġġi tiegħu anki laqmijiet imlewnin, rifless ta’ soċjetà li għadha tgħix fl-imgħoddi, fid-dlam u fl-injoranza. Parti mill-mekkaniżmu ironiku ta’ Scicluna hu dak li jikkunsidra t-tajjeb bħala ħażin (eż. dak li jintqal dwar Dun Ġorġ Preca f’paġna 293), u l-ħażin bħala tajjeb (eż. meta l-qaħbu jitqies bħala “bniedem mistku”, p. 294). Ironikament jingħad li l-qaħbu għandu punt pożittiv ieħor favuru: mhux razzist ladarba l-prostituti li jħaddem huma suwed u bojod, bla distinzjoni. Jingħad li, “Id-drittijiet umani jiġu qabel dawk individwali... in-nisa suwed għandhom jaħdmu magħkom il-bojod bħall-aħwa...” (p. 295) Jekk il-qarrej ma jifhimx mekkaniżmi bħal dawn żgur li xi drabi kapaċi jiddarras sew, anki għax Scicluna jattakka spiss wkoll l-integraliżmi reliġjużi tal-poplu Malti.

Fid-deskrizzjoni ta’ Speditu, Scicluna jibdel dak li jidher normali f’grottesk (p. 46). Il-grottesk jerġa’ jitħaddem fid-deskrizzjoni tal-omm waqt u wara l-ħlas (bidu tat-Tieni Parti). Hawn insibu wkoll il-parodija meta Scicluna jiddeskrivi l-inżul tal-Amerikani fuq il-qamar. Anki d-deskrizzjoni tal-festin – fit-taqsima IL-QUĊĊIJA – tilħaq livelli grotteski, bin-nies mistiedna joqorbu iktar kejn il-bhima milli lejn il-bniedem fil-komportament tagħhom. Scicluna jinnota dan kollu fid-dettall u jwassalulna b’mod divertenti tassew: permezz tal-punto di vista ta’ Barney tarbija narratur. Ritmikament din hija parti li tgħaġġel, biex imbagħad tbatti apposta, jinħoloq sens ta’ stennija u tensjoni waqt l-għażla tal-oġġett minn Barney tarbija. Ftit aktar tard in-narrazzjoni terġa’ takkwista ritmu sfrenat li jaqtagħlek nifsek u jħallik bla kliem.

Hija effettiva l-logħba bil-kliem jew PUN li naqraw f’paġna 192. Effettiva hija l-paġna fejn Scicluna jinsisti fuq il-kelma “qabża” u derivati minnha f’paġna 301, anki hawn f’sens ironiku u parodiku.

Paġna oħra effettiva hija fejn Barney jiddeskrivi l-ewwel esperjenza li għamlitu raġel permezz ta’ ħolma flimkien mal-attriċi Taljana Monika Vitti. Anki hawn Scicluna jwassal il-ħsus tal-konkupixxenza żagħżugħa permezz tal-parodija, din id-darba bis-saħħa ta’ lingwaġġ filosofiku u eżistenzjali. Hemm drabi meta l-lingwaġġ li jħaddem Scicluna jieħdu minn slogans politiċi magħrufa jew proverbji bil-Latin marbutin mal-qasam reliġjuż.

Hemm ukoll waqt (p. 151) fejn Carmel Scicluna l-awtur jissemma direttament min-narratur, jew parti minnu, Benedittu. Il-parodija terġa’ titħaddem f’paġna 161 meta tissemma data eżatta, it-12 ta’ Ġunju 2004. Ironikament fil-ġenn ta’ omm Barney fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha hemm ukoll kliem li jagħmel sens. Hemm ukoll il-parodija ta’ Malta Kattolika: Dun Karm hu dejjem akkumpajnat minn Noelene; Barney tarbija jaqbad il-Bibbja waqt il-quċċija biex ftit wara jqattagħha biċċiet – parti li tista’ tixxokkja -; iz-ziju Salv jirremetti u z-ziju Pawl jagħtih attakka ta’ qamar, filwaqt li missier Barney jinqata’ għalih fil-kamra l-baxxa jserraħ ix-xewqat bestjali tiegħu. Dawn huma partijiet verament krudi u raffi, tipiċi tal-letteratura kontemporanja. Il-krudezza tad-deskrizzjonijiet u tal-kliem uċat trid tirrifletti l-krudezza ta’ soċjetà li tippoża bħala waħda ċivili u Nisranija, imma fil-verità tbiegħdet kilometri sħaħ minn dan l-ideal.

Ir-realiżmu,  il-grottesk u l-parodija bħal isiru ħaġa waħda tant li żgur se jkun hemm min jiddarras meta jaqra dan ir-rumanz. Ma jiddarrassx biss min għandu għajnejh miftuħin u mhux maħkum mid-dlam li xeħtu fuqna għal sekli sħaħ il-klassijiet tal-poter, barranin u Maltin, inkluża l-Knisja.

Scicluna spiss jitlaq minn dak li mdorrijin inġarrbu ta’ kuljum – eż. il-qtugħ tal-provvista tal-elettriku – biex ftit wara jilħaq livelli aktar riflessivi u profondi – eż. il-vera tifsira tad-dlam u tad-dawl (p. 319). L-awtur jgħaddi biż-żmien l-istess ortografija Maltija billi jesaġera meta jikteb frażijiet u kliem Ingliż b’ittri Maltin jew fil-verżjoni Maltija: fost dawn insibu “Il-Ktieb tal-Uċuħ” (Facebook), “ajpods”, “plejstejxins”, “emme pe erbgħa”, u bosta oħrajn. Hemm ukoll bosta waqtiet komiċi, bħal meta jidħol fl-ispiżerija Grezzju l-Imgħawweġ – padrun tal-prostituti - isaqsi għall-“kniedem”, plural ta’ “kondow”.

Teknika moderna li jħaddem Scicluna hija l-iżdoppjament tal-personaġġi tiegħu. Mal-“pimp” Barney jammetti li ma jistax jiġi rrappreżentat minn isem wieħed biss imma minn bosta, skont iċ-ċirkustanzi; u dan ifakkarna fis-soċjetà ipokrita u mimlija maskri li ninsabu fiha. Otin jista’ jinftiehem bħala l-parti l-imqarba ta’ Barney. Min-naħa l-oħra Benedettu huwa l-parti t-tajba. Hawn niftakru fin-narrattiva ta’ Luigi Pirandello, ta’ Italo Calvino jew ta’ Robert Louis Stevenson f’Dr. Jekyll and Mr. Hyde.

Jinħass l-assurd fis-sitwazzjonijiet li jlaqqagħna magħhom Barney/Scicluna, bħall-episodju tal-prostituta minorenni u l-boċċa tal-“ger liver”. Hawn l-assurd jintrabat ma’ dak li fil-wiċċ idaħħaq, imma fil-qiegħ ibikki għax għandu mit-traġiku, mill-bniedem bhima u mis-sadiku. It-traġiku jitbiddel f’komiku anki matul il-laqgħa bejn Barney u l-prostituta Ukraina ddisprata li tixtieq taħrab minn destin kiefer. Barney jiddeċiedi saħansitra jiktbilha “ħajku fuq il-wajtbord ta’ warraniha”, b’dedika lil qaddis protettur partikolari!

Spazji:

Spazju li jispikka hija l-ispiżerija ta’ Speditu f’nofs Ħal Qormi li tinftiehem bħala ċ-ċentru li jiġbed lejh kull tip ta’ nies. Hija wkoll il-laboratorju li fih Barney l-Ispiżjar jifli, iqaxxar karattri differenti, reali u mistħajlin (ara p. 65). L-ispiżerija tinftiehem ukoll bħala konfessjonarju u l-ispiżjar bħala dak li tiftaħ qalbek miegħu ħa jagħtik il-mediċina li teħtieġ. Għalhekk il-klijenti tal-ispiżerija jinftehmu wkoll bħala skjavi li qed jgħixu ħajja gidba. L-ispiżerija hija s-soluzzjoni għal kull tip ta’ problema, u jekk din in-norma tiġi mhedda jinħoloq paniku fir-raħlin. L-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek hawn mhu xejn ħlief simbolu ta’ dak kollu fis-soċjetà “moderna” li jaljenana, li jbegħedna mill-verità, li ma jħalliniex nikbru u naħsbu b’moħħna, mela dak kollu li b’ironija kbira Scicluna jikkritika f’dan ir-rumanz tiegħu.

L-istess raħal ta’ Ħal Qormi huwa spazju ewlieni f’Barney l-Ispiżjar. Huwa fuq kollox simbolu ta’ għeluq, piki, parrokkjaliżmu, spazju fejn ir-raħlin jaħdmu s-sena kollha għall-festa tal-qaddis patrun, u fejn issib saħansitra “poeti” tal-fuljetti parrokkjali li jiktbu versi tal-okkażjoni u monotematiċi, iddedikati lill-qaddis patrun, u jqisu lilhom infushom aħjar minn poeti veri. Hawn festi, zalzett, kaċċa u reliġjon jinxteħtu f’borma waħda li tiġi msejħa identità Maltija (p. 202)

Tematika:

Jinħass mill-ewwel li dik ta’ Carmel Scicluna hija letteratura ta’ introspezzjoni – Scicluna-Barney jagħmel bosta mistoqsijiet ta’ natura eżistenzjali -, imma anki ta’ denunċja, mela impenjata. Fl-isfond hemm Malta tas-snin 80 tas-seklu 20. L-awtur jiddeskrivi anki l-esperjenzi tiegħu fil-Liceo Vassalli tal-Ħandaq, f’nofs dawn is-snin. It-tiġrib li jgħaddi minnu Barney hu l-istess tiġrib li għaddiet minnu ġenerazzjoni sħiħa.  Scicluna jiddenunċja l-wiċċ b’ieħor u l-maskra; jiddenunċja n-nuqqas ta’ libertà li l-individwu jitrabba fiha fis-soċjetà sa minn ċkunitu; jiddenunċja l-psewdo-edukazzjoni li tnissel robots mhux imħuħ kritiċi. Aktar tard fir-rumanz Scicluna jikteb dwar din is-“sistema edukattiva kolonjali – nistudja bl-amment dak li hu approvat minn fuq, u ma nafx nistudja għal rasi [...]  u naħseb b’moħħi.” (p. 242). Kontra din is-sistema hemm il-mudell tal-Kokka li jikteb in-narrattiva u jista’ jitqies bħala l-eroj. Dan hu l-istess karattru li jitkellem dwar l-anti-edukazzjoni u jorbotha mal-idea ta’ gideb, konformiżmu u platitudnijiet.

Scicluna jiddenunċja anki l-kattoliċeżmu ipokrita tal-poplu Malti, it-tqasqis, il-linġwaġġ oxxen “tal-awturi Maltin sekolari post post-moderni” (p. 180). L-istess Kokka fuq naħa  jgħid, “Il-letteratura hi taqbida kontinwa... għażla iebsa..” (p. 246); fuq in-naħa l-oħra jsostni, “Nistmerr il-pornografija għax hija ċ-ċaħda sfaċċata tal-arti.” (p. 242) Aktar tard fir-rumanz naqraw ukoll li “l-arti mis-sofferenza tiegħek biss titnissel” (p. 284); trid tkun verament ġarrabt dak li tikteb dwaru, inkella tkun biss poeżija tal-imposturi.

Bħal Scicluna stess, fil-kitba tiegħu il-Kokka jħaddem umoriżmu nebbiexi u sottili. Jiddenunċja anki l-konsumiżmu u jorbtu mal-gidba, ladarba l-konsumiżmu jiddependi fuq ir-riklam u r-riklam minnu nnifsu huwa gidba. Jiddenunċja anki s-superfiċjalità tas-seksik li daħal ġo djarna u ħa “xeħta sofistikata u moderna” permezz tat-televiżjoni. (p. 265) Dik tagħna hi soċjetà bbażata fuq “tlablib li ma jikkonnettjax” (p. 265). Għalhekk il-Kokka jesprimi l-ħtieġa għal “taħdit intelliġenti u sensittiv”, “komunikazzjoni tabilħaqq, l-ispiritwalità profonda.” (p. 266)

Dan kollu joħroġ permezz tal-varjetà tal-karattri li jintroduċi Scicluna fir-rumanz tiegħu. Kontra Speditu, li l-interess ewlieni tiegħu hu li jagħmel il-flus minn fuq dahar l-injurant, Barney l-Ispiżjar, fl-ewwel jiem ta’ taħriġ tiegħu jimmira lejn il-fejqan tal-marda tal-injuranza. F’paġna 47 naqraw id-diskors ta’ Speditu dwar il-poter u ż-żiemel tiegħu li jfakkar fil-ġrajja ta’ Don Qiuxote u Sancio Panza. L-għerf ta’ Speditu mhux wieħed li akkwista mill-bankijiet tal-Università, imma mill-esperjenza u mill-ħajja. Anki jekk hemm il-qerq wara dak li jgħid, hu diskors li jagħmel sens. Hawn issir referenza indiretta għal Il-Marid Immaġinarju ta’ Molière.

Nassistu l-ħin kollu għal ġlieda interna li tifni lil Barney: fuq naħa hemm it-tiftixa biex ikun ħlejqa tajba, essri spiritwali; fuq l-oħra hemm il-ġibdiet sesswali u bla kontroll tiegħu. Dan jintrabat mat-teknika jew tema tal-iżdoppjament li b’xi mod tippreżenta lill-bniedem fi kriżi ladarba huwa l-ħin kollu f’tiftixa ġewwiena jipprova jifhem min hu verament. Naraw lil Barney l-ħin kollu mġebbed bejn żewġ estremi li jagħmluh wieħed: il-ħażin u t-tajjeb, l-iswed u l-abjad, il-virtù u l-vizzju, is-safi u l-imniġġeż. Scicluna jikteb dwar irġiel u nisa “tat-tiben” li huma lsira taż-żina, ta’ dinja trivjali u “glamorizzata”, ta’ gideb. Naqraw ukoll dwar ċerti ġibdiet omosesswali li xi drabi ngħaddu minnhom waqt il-fażi adoloxxenzjali.

Hemm ukoll l-ironija taqta’ f’rabta mat-tema ambjentali, imma anki fid-deskrizzjoni tal-isqaqien ta’ Ħal Qormi. Dan ifakkar fid-deskrizzjoni tal-Mandraġġ ta’ Ġużè Orlando (fir-rumanz L-Ibleh) tas-snin 30 u 40. Ifakkar ukoll fl-għeluq tar-raħal ta’ Fredu Gambin f’Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut, jew dak deskritt fir-rumanz L-Għar tax-Xitan ta’ J.J. Camilleri. L-aċċent li Scicluna jagħti lil Janika hu dak li Ġwann Mamo jqiegħed fuq fomm ulied in-Nanna Venut. L-imħabba tal-awtur għall-ambjent naturali toħroġ anki permezz tal-lista ta’ ħxejjex, fjuri u ħlejjaq naturali li jagħti biex juri li nqerdu mill-progress (ara kapitlu 8).

Dik li jiddeskrivi Scicluna realist hija soċjetà maqsuma f’żewġ partiti. Tiġi ttrattata għalhekk anki t-tema tal-partiġġjaniżmu, tal-qaddisin u s-suldati tagħhom. L-awtur ma jiddejjaq xejn jgħaddi passata żmien anki b’għadd ta’ politiċi u figuri pubbliċi oħra tal-preżent. Hemm id-dimitizzazzjoni ta’ figuri pubbliċi marbutin kemm mal-qasam politiku kif ukoll ma’ dak tal-media.

Scicluna ma jeħlishiex lanqas lill-psewdo-awturi, isejjaħ il-Premju Letterarju tal-Gvern falliment, u jikkritika lill-mezzi tax-xandir politiċi. Jgħaddi passata żmien b’dawk l-awturi li jridu jimpenjaw mhux jiddevertu lill-qarrej, bla ħadd ma jifhimhom (kapitlu 10).

Dan ta’ Carmel Scicluna hu rumanz li fih juri li jaf minn ġewwa sa barra l-karattru Malti, id-DNA tal-poplu tagħna bil-ħażin u t-tajjeb tiegħu, bil-paradossi kollha tiegħu: dak li jidgħi, jiffornika u jqaħħab, imma anki jisma’ l-quddies kull filgħodu. Scicluna jikteb ukoll dwar il-konsum tad-droga min-naħa taż-żgħażagħ iddisprati (kapitlu 14). Permezz ta’ Barney l-Ispiżjar Scicluna jfakkar li dak tagħna hu poplu li jeħtieġ jimmatura u ma jibqax tfal; jeħtieġ jifhem x’inhuma l-veri problemi tal-ħajja. Ħadd ma jrid iħares lejn il-“Mera tal-Verità”. Irridu l-ewwel nagħarfu n-nuqqasijiet tagħna bħala poplu (fosthom anki l-insularità u l-istażi li ninsabu mdawrin bihom) biex wara ngħaddu għall-bidla. Barney l-Ispiżjar hu b’hekk rumanz li jipprova jiftaħ għajnejn il-qarrej kontra l-aljenazzjoni. Dan kollu ġie ttrattat mill-kittieba post-Indipendenza. Issa però d-data tat-tluq hija l-2004, mhux l-1964. L-għajta ta’ Scicluna hija “Viva l-bnedmin” u jemmen li “l-imħabba, mhux Malta, tiġi l-ewwel u qabel kollox.” (p. 342)
Lejn tmiem ir-rumanz Scicluna jittratta d-dixxerniment: “Kieku kull Malti jaf jiddixxerni ma jibqa’ xejn pololari.” Ftit qabel jikkwota lil Nietzsche: “Kull ħaġa popolari għandha xi ħaġa tinten għax hemm involuti fiha nies b’moħħ żgħir.” (dan kollu f’paġna 342).

Is-sess huwa tema ewlenija oħra fir-rumanz. Bosta minn dawk li jlaqqagħna magħhom Barney l-Ispiżjar huma bnedmin b’ġibdiet sesswali. Jinħassu għalhekk bosta influwenzi Freudjani: ir-relazzjoni kumplessa bejn Barney u missieru; il-ħakma tas-sess; l-ego mifhum bħala “duħħan ikkulurit” ġewwa fina, u l-bqija. Hemm it-tema tal-prostituzzjoni, anki tal-minorenni. Din tiġi ttrattata f’wieħed mill-itwal kapitli, kapitlu 16. Hawn Barney jħossu kompliiċi mal-ħażen ladarba mhux b’saħħtu biżżejjed biex jirrapporta dak li ma jogħġbux lill-Pulizija.

Barney l-Ispiżjar hu fuq kollox rumanz morali, mela jittratta l-ġlieda bejn it-tajjeb (Benedittu) u l-ħażin (Otin). Iżda minkejja li jemmnu fi ħwejjeġ opposti bejn Benedittu u Otin hemm ir-rispett reċiproku. Il-laqgħa bejn Barney (xi drabi Eros), il-Kokka u Benedittu (flimkien ma’ Otin huma dawk li Scicluna jsejħilhom l-erba’ kwadranti taċ-ċirku ta’ ħajjitna) fid-dar tal-Kokka ssir okkażjoni fejn dan tal-aħħar jesprimi l-iskuntentizza tiegħu b’dak kollu li qed jifni lill-bniedem proprju għax tbiegħed minn kull xatt morali u spiritwali. Il-bniedem hu mqabbel ma’ bram li jimxi mal-kurrent skont liema huwa l-iktar komdu. Issir ukoll distinzjoni bejn li tkun intellettwali – u għal Scicluna dan jista’ jkun “ipokrita, manipulattiv u brikkun” – u li tkun għaref – li m’hu l-ebda minn dawn. (p. 277)

Ir-rumanz ta’ Carmel Scicluna huwa riflessjoni dwar, imma anki tmellieħa ta’ dak kollu li jrid jidher jew jippoża bħala serju imma mhux, anzi huwa l-oppost, fis-soċjetà Maltija. Dan l-awtur jagħmlu bla ebda kantunieri u bla ma jaħfirha lil ħadd. Jittratta anki problemi soċjali bħall-pedofilija, il-qgħad fost it-tfajliet Maltin, u t-tħaddim ta’ bosta tfajliet suwed jew mill-Ewropa tal-Lvant bħala prostituti.

L-aħħar parti tar-rumanz tieħu l-forma ta’ trattat filosofiku–riflessiv, kważi monologu twil u uniku min-naħa ta’ Barney li jinżel ifittex fl-ibgħad irkejjen ta’ ruħu. Dan ġej ukoll mill-fatt li dak li jirrakkonta Scicluna hi storja ta’ “familja” fejn għalkemm kulħadd jgħix taħt l-istess saqaf jaħkem is-silenzju tal-inkomunikazzjoni. It-tmiem tar-rumanz hu fl-istess ħin miftuħ u enigmatiku: hemm il-bniedem li jipprova jifhem lilu nnifsu filwaqt li jaf li qatt ma jista’ jasal biex jagħmel dan.

Konklużjoni:

Inħoss li Barney l-Ispiżjar mhux rumanz għal kulħadd. Hu rumanz li jimmira biex jiddisturba lil dak li jkun, joħorġu apposta mis-sitwazzjoni komda (apparenti) u aljenata li dara jgħix fiha. Trid biss tiftħu, taqrah, tixtarru, biex tisma’ din l-għajta skomda tirbombja ġewwa moħħok.