Sunday, September 29, 2013

GĦANJIET IL-QALB ta’ Charles Mifsud

Espressjoni ta’ leħen sinċier imma qalbieni

Introduzzjoni:

Il-poeta huwa konxju ta’ dak kollu li jgħaddi minnu l-bniedem u li bosta lanqas biss jagħtu kasu. Mela l-poeta huwa dak li jara, jifli, jaħseb u jikteb dwar dawk il-ħwejjeġ jew tiġrib li lkoll kemm aħna ngħaddu minnhom mingħajr ma nindenjaw ruħna nieqfu u nagħtuhom ftit ħin. Charles Mifsud dan diġà għamlu f’ġabriet poetiċi bħal Tnejn Flimkien (2003), In-Nisġa tal-Għanja (2006), Mid-Djarju ta’ Ġensna (2007), U Ġejt Terġa’ Tħabbatli (2009), u Il-Blata Tiegħi (2011). Issa qed jagħmlu mill-ġdid f’dan il-ktieb li jiġbor fih mal-157 poeżija, iżda din id-darba jagħtiha dehra differenti ladarba ma jorbotx il-poeżiji magħżula ma’ tema waħda, imma jittratta temi differenti. Il-varjetà tispikka wkoll fil-fatt li dawk ta’ Mifsud huma poeżiji li jintrabtu ma’ spazji, ħinijiet tal-jum, staġuni, burdati, żminijiet tas-sena (il-Milied, l-aħħar u l-bidu tas-sena, l-Għid, Jum San Ġwann, u l-bqija) u anki lwien differenti. Hawn naraw lil Mifsud bħala dak li jidħol fi spazji – fuq kollox astratti u emozzjonali - fejn il-parti l-kbira tal-bnedmin ma jazzardawx jersqu. Huwa dak li jġorr il-piżijiet li ħadd ma jridhom, apparti dawk li nsiethom ix-xorti t-tajba.

Stil:

Dawk ta’ Charles Mifsud huma poeżiji li fil-maġġoranza tagħhom itulu bejn 20 u 30 vers. Fihom jiġbor jew irekken riflessjonijiet dwar aspetti differenti u anki veritajiet li mhux kulħadd kapaċi jinnota, iniżżel jew jammetti.

Charles Mifsud għandu l-għeruq tiegħu fl-ewwel nofs tas-seklu 20, mela ma setax jonqos li l-metrika u l-prosodija tradizzjonali jħallu l-marka tagħhom fil-versi tiegħu. Minkejja dan hemm bosta drabi meta l-poeta jħaddem il-vers ħieles.  Dan hu prova tal-fatt li Mifsud ma jiddejjaqx jesperimenta billi jlaqqa’ fuq livell ta’ prosodija u ta’ metru t-tradizzjoni mal-modern. Hemm darbi meta jħaddem l-għamla tas-saffika klassika (Mal-Milja ta’ Diċembru u Il-Ħuġġieġa), oħrajn meta jħaddem is-settenarju u l-kwartina bir-rima mqabbża biex jikteb taħnina (Ninni Katrina, Ninni). Drabi oħra l-poeżija tieħu l-għamla tal-ħrafa tal-Milied (Ejja Mmorru Naraw lill-Bambin), imma hemm poeżiji fejn fuq naħa jalterna b’versi tradizzjonali u regolari bħall-ottonarju u l-kwaternarju, fi strofi mhux regolari, u fuq l-oħra jinserixxi wkoll versi ta’ tulijiet oħra biex b’hekk il-poeżija la tissejjaħ tradizzjonali imma lanqas strettament moderna. Spiss Mifsud iħaddem ir-rima mqabbża, anki jekk l-istrofi jkunu miktubin bil-vers ħieles u ma jkunux kwartini. Drabi oħra jikteb poeżiji fejn jaħkmu versi bħas-settenarju, l-endekasillabu, jew kombinazzjoni ta’ senarji/novenarji/doppji-senarji (biex hawn joħloq ritmi mexxejja), għalkemm ma jkunux l-uniċi versi li jintużaw fil-poeżija. Rima oħra għal qalb ħafna Mifsud hija dik imbewsa, mela fejn insibu koppji ta’ versi wara xulxin li jaqblu flimkien (eż. fuqha/senduqha; nies/qjies; ħsieb/ħbieb; ħlewwa/dnewwa; iżuruni/ikellmuni; ġmielek/kliemek; kbir/tkissir; u bosta oħrajn). Għalkemm spiss dawn ir-rimi mhumiex regolari daqskemm fil-poeżija strettament tradizzjonali, xorta waħda jgħinu b'saħħa fir-ritmu u fil-mod kif il-poeżija ddoqq aħjar għall-widna, mela f’rabta mad-dimensjoni udittiva. Dan iseħħ anki permezz ta’ bosta rimi ġewwiena u alliterazzjonijiet.

L-appell għas-sens tas-smigħ jinħass qawwi f’poeżiji bħal It-Tfajla tal-Vjolin u Iddoqx Aktar Qanpiena. Fl-ewwel waħda poeżija u mużika jitwaħħdu b’sengħa kbira, filwaqt li fit-tieni poeżija l-ħoss tal-qanpiena jnissel sens ta’ ħtija fil-poeta. Fiż-żewġ poeżiji jitħaddem ritmu “ħarkien”. In-“noti mill-kampnar” nerġgħu nisimgħuhom fi Sbieħ il-Jum. Il-ħsejjes tad-dinja naturali (“tħaxwix”, “għana”, “ċenċil”, “tgelgil”) li minnha hija ispirata l-isbaħ poeżija jaħkmu f’Poeżija l-Isbaħ Sinfonija.
Hemm drabi meta Mifsud iħaddem mekkaniżmi bħalma huma l-antiteżi jew il-paradoss biex iwassal aħjar it-tifsira tal-ħajja (ara Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, fejn paradossalment Mejju jfakkru fil-mewt taż-żewġ ġenituri tiegħu).

Il-reġistru lessikali li spiss jaħkem hu dak naturali. Dak tiegħu hu lessiku li għandu kemm mill-Malti safi, imma fejn meħtieġ ma jiddejjaqx juża l-Malti Romanz. Il-lessiku sempliċi jirrifletti anki l-imħabba safja bejn il-missier u l-bint. Hemm drabi meta Mifsud juża saħansitra kliem li għandu iktar mill-proża milli mill-poeżija, anki biex jirrifletti l-ħajja ta’ kuljum bin-nuqqasijiet kollha tagħha.

Fil-versi tiegħu Mifsud juża toni differenti: pożittiv, dikjarattiv, drabi oħra anki ċelebrattiv (li jinħass spiss f’rabta mat-tema tal-mħabba, fejn il-poeta juri l-apprezzament tiegħu lejn żwieġ li rnexxa u li jifrex fuq medda ta’ 40 sena), assertiv (f’rabta mat-tema soċjali), drabi oħra gravi (meta jittratta l-agunija tal-bniedem minħabba mard gravi). Hemm drabi meta Mifsud inissel anki tbissima minkejja li jikteb dwar il-mewt: hekk f’L-Għolja tal-Ħorr jikteb li “min jorqod hawn, moħħu mistrieħ,/ li ebda sid il-kera ma jkeċċih.” Bosta drabi Mifsud juża t-ton ta’ protesta f’rabta mat-tema soċjali, drabi oħra jħaddem it-ton konfessjonali bħal f’Qabel Intemm il-Vjaġġ, u f’waqtiet oħrajn jitħaddem it-ton eleġijaku meta jikteb dwar persuni għeżież li m’għadhomx magħna.

Hemm versi li jfakkru f’poeżiji ta’ poeti Maltin oħra li jintrabtu fuq kollox mal-ewwel nofs tas-seklu 20. Charles Mifsud huwa wkoll poeta nostalġiku u spiss iħares lejn dak l-imgħoddi safi – anki t-tfulija - li llum għadda u ntesa. Hekk il-poeżija Dgħajjes tal-Karti tfakkar f’poeti bħal Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo u Marjanu Vella. Anki Mirkeb Tlettax, iddedikata lin-neputija Martina, tfakkar fil-versi Il-Ġerrejja u Jien ta’ Dun Karm, ladarba ż-żewġ poeti jiktbu dwar il-vjaġġ tal-ħajja matul il-fażijiet differenti tagħha. Wieħed Biss żgur li tfakkar fl-istess poeżija miktuba minn Rużar Briffa: hawn wieħed jistaqsi jekk il-leħen ewlieni fil-poeżija hux dak ta’ Kristu jew tal-mara midinba, imma mbagħad bħal iħoss li f’partijiet differenti tal-poeżija huma t-tnejn. Mifsud għandu poeżija mnebbħa mill-poeżija ta’ Briffa Il-Kotra u Jien: din hija Bl-Għanja Tiegħi, fejn jikteb dwar ir-relazzjoni poeta-poeta, imma anki dwar il-poeżija bħala rigal lill-batut. Hemm drabi meta l-versi tal-imħabba ta’ Mifsud jistgħu jfakkru fil-versi tal-poeta Cilen, Pablo Neruda (ara Estasi). Mifsud għandu wkoll eleġija ddedikata lill-għannej magħruf, il-Budaj: “Dabet il-kisra tal-leħen/ li għaxqet tant nies,/ ħemdet l-għanja minsuġa,/ mirquma b’tant qies.” Il-poeżija Sħabiet tinbena minn versi li jfakkru fis-safa, fis-sempliċità u fin-naturalezza tal-poeżiji ta’ Mary Meilaq.

Fis-sempliċità tal-lingwaġġ ta’ Mifsud hemm imħaddma metafori effettivi: f’Dgħajjes tal-Karti d-dgħajsa li salvat hija l-poeżija. F’Jekk Ħajtek bħal Murtal... il-qosor tal-ħajja mhix rifless biss permezz tax-xbieha tal-murtal li hu sabiħ imma jispiċċa malajr, imma anki permezz tal-konċiżjoni li biha hija miktuba l-poezija (11-il vers kollox). Dan huma biss żewġ eżempji.

Dan ifakkarni wkoll fid-dimensjoni kromatika (dik tal-kuluri) fil-versi ta’ Mifsud. Hemm l-iswed li spiss jintrabat mal-lejl u mal-mewt, imma anki l-“Murtali kkuluriti,/ ħomor, koħol, ħodor, vjola,/ taħlita ta’ lwien sbieħ li jpaxxu l-għajn” (Jekk Ħajtek bħal Murtal...). Hemm l-ilwien tas-sardinella fejn l-aħmar ifakkru fid-demm tal-eroj Maltin u l-abjad fis-safa tat-tfulija (Sardinella). L-ilwien (l-aħmar, l-iswed, l-ikħal u l-abjad) jerġgħu jispikkaw f’Mera tal-Imgħoddi, fejn Mifsud jagħtina għadd ta’ ritratti mill-ħajja tal-imgħoddi li llum għebet totalment. F’Picasso jfakkarna fir-rabta bejn il-poeżija u l-pittura; isostni wkoll li anki Picasso pitter kwadri ta’ natura soċjali fejn pinġa l-ikrah, imma għenna wkoll naraw is-sabiħ tal-ħajja.

Dan kollu jgħin biex jagħmel mill-versi ta’ Mifsud huma poeżiji li jinqraw bla diffikultà u b’hekk jagħtu pjaċir. Dan jintrabat mal-idea tal-poeżija bħala terapija, serħan, u mhux uġigħ ta’ ras.

Tematika:

It-tema li taħkem f’din il-ġabra hija dik soċjali (b’31 poeżija li jittrattaw aspetti differenti tal-istess tema). Charles Mifsud jikteb dwar realtajiet familjari ġodda li tbiegħdu ħafna mill-mudelli tradizzjonali. Hawn m’għandux kantunieri u dak li jħoss ġewwa qalbu jgħidu bla tidwir mal-lewża. Hekk il-poeta jikteb kontra l-abort (hemm drabi meta jingħata leħen lill-istess tarbija li sfat vittma ta’ din l-atroċità), id-divorzju, u l-konkubinaġġ. Min-naħa l-oħra, f’Lill-Kelb, jikteb dwar il-lealtà li tista’ turi bhima lejn il-bniedem, lealtà li xi drabi lanqas il-bniedem mhuwa kapaċi jżomm. Mifsud jikteb ukoll kontra l-ħela tad-dinja sinjura (mela dwar il-faqar), kontra l-qirda ta’ ħlejjaq innoċenti li ġġib magħha l-kaċċa, kontra l-gwerra, l-anarkija u l-armamenti, ir-regħba, l-ipokrisija, l-isfruttament tal-ħaddiem (anki tat-tfal ħaddiema), il-ħitan ta’ firda u mibegħda li nbnew f’imkejjen differenti tad-dinja matul l-istorja tal-bniedem, imma anki dwar it-tradiment, dwar min jinħakem mid-disperazzjoni tanti li jikkommetti suwiċidju, dwar is-solitudni li jbatu ċerti anzjani u l-ingratitudni tal-ulied, dwar il-bniedem “marjunetta” li jiġi mmanipulat mill-politiċi, u dwar il-kożmetika qarrieqa tal-festi reliġjużi llum (Profanità). Id-dgħjufija tat-twemmin tagħna terġa’ tidher f’Illum il-Ġimgħa l-Kbira, fejn Mifsud jikteb:

“Illum qed jisgħobina, għax qtilna ’l Kristu,
għada x’aktarx ninsew, nerġgħu noqtluh.”

Mifsud hu konxju ta’ dawn ir-realtajiet x’uħud minnhom qodma u oħrajn ġodda li ma jagħmlu xejn ħlief inisslu tbatija fil-bniedem. F’Nota ta’ Qsim il-Qalb il-poeta jqiegħed lill-omm fiċ-ċentru tal-vers għax hija ċ-ċentru tal-familja, imma dan mhux aktar f’din id-dinja imperfetta, imma fil-ġenna: “Nittama li xi darba,/ għad nerġgħu niltaqgħu.../ fil-ġenna flimkien,/ int, ommok u jien.” Mifsud għandu wkoll versi kontra l-egoiżmu tal-bniedem, versi li żgur ifakkru fil-poeżija Ħbiebi ta’ Karmenu Vassallo: hekk jikteb fl-poeżija Egoiżmu:

“Il-bniedem li ġie mżejjen bl-altruwiżmu,
Ġie mxekkel bl-għerq spjetat tal-egoiżmu.”

F’rabta mat-tema soċjali Mifsud spiss jikteb dwar il-bidla li ġab miegħu ż-żmien. Hekk b’sens qawwi ta’ nostalġija għall-imgħoddi, il-poeta jqiegħed f’kuntrast il-passat u l-preżent, l-ambjent tar-raħal u dak tal-belt, filwaqt li jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet rettoriċi mmirati biex iġagħlu lill-qarrej jirrifletti dwar dan kollu (Tfajla Raħlija). Filwaqt li Mifsud jagħraf li kollox għandu tmiemu, f’Mera tal-Imgħoddi jistaqsi, “Imma tgħid liem żmien kien l-isbaħ,/ dak iż-żmien jew il-modern?”  Fit-tifkira hemm il-ferħ, u l-poeżija tgħin biex dan il-ferħ ma jintesiex. Fl-imħabba hemm is-soluzzjoni (li donnu ħadd ma jrid jaċċetta jew iħaddan) għall-mibegħda u l-għira li jaħkmu lill-bniedem (Bl-Imħabba Nibnu Pont). Fil-poeżija tat-twemmin, imbagħad, hemm il-kenn u d-duwa għal min hu mgħaffeġ bi problemi diversi (Jekk Trid). Hemm ukoll il-possibbiltà li l-poeta jerġa’ jgħix l-imħabba u l-valuri pożittivi li għaddietlu ommu. Valuri bħal dawn jissemmew f’Paċi?: huma l-verità, is-sinċerità, l-imħabba, it-tolleranza u l-maħfra, imma anki l-ħbiberija u l-irġulija (Stedina).

Tema oħra importanti hija dik tal-familja, u din titqiegħed f’oppożizzjoni tal-versi li jittrattaw il-problemi tal-familja tal-lum. Naqraw poeżiji li Charles Mifsud jiddedika lil ommu (5 b’kollox), lil missieru (4), imma anki lil uliedu, lin-neputijiet, u fuq kollox lil martu (21), ladarba l-ġabra Għanjiet il-Qalb hija ddedikata lil mart il-poeta f’għeluq l-40 sena minn żwieġhom. Dejjem f’rabta mal-poeżiji ddedikati lil martu, Mifsud iqiegħed f’kuntrast l-eternità tal-imħabba vera kontra s-sbuħija materjali għaddiena (Il-Ġmiel li Skoprejt). F’dawn il-poeżiji ddedikati lil martu Mifsud jikteb dwar l-imħabba mhix mittiefsa minn tendenzi moderni li kkorrompew dak li xi darba kien iktar safi. Il-missier huwa figura mudell li għadda lill-poeta l-valuri Nsara. L-omm tfisser għaqda, ġid, imħabba, ferħ u għaqal.

F’rabta mat-tema tal-mewt spiss tintrabat dik tat-twemmin (li hu ttrattat f’mill-inqas 15-il poeżija). Charles Mifsud huwa l-poeta Nisrani li ma jiddejjaqx iberraħ twemminu u jippreżentah bħala dik it-tarka kontra l-piżijiet u l-ostakli tal-ħajja. Żewġ versi li jispikkaw huma dawk li jtemmu l-poeżija Għada Niġi Narak, fejn Mifsud jikteb, “Il-lejla nieħu ħsieb nitlob lil Alla,/ ngħidlu x’irrid, għax miegħi qatt ma falla.” It-twemmin hu wkoll mifhum bħala l-unika duwa kontra l-kefrija tal-firda li ġġib magħha l-mewt, filwaqt li Kristu jinftiehem bħala d-dawl f’waqtiet ta’ dlam u qtigħ il-qalb. Hemm poeżiji, bħal Idden is-Serduq, li jieħdu l-forma ta’ stedina biex il-bniedem jindem billi jħares lejn “Kristu kurċifiss”. F’Agunija naraw lill-poeta osservatur quddiem bniedma li sfat vittma ta’ agunija minħabba marda terminali. Mifsud jirrifletti quddiem il-bidla li jġib miegħu l-mard fil-bniedem. Anki hawn l-uniku sabar hu t-twemmin.

Il-poeżija hija fuq kollox riflessjoni dwar il-ħajja li nġarrbu lkoll kemm aħna. Kontra dak li jaħsbu bosta, Mifsud poeta mhux xi ħalliem li jinqata’ mir-realtà tad-dinja, imma jżomm saqajh mal-art: quddiem kwadru vojt lewn iswed jikteb, “Dak il-kwadru jekk tixtarru fih tifsir,/ li trab kont u trab issir.” (Dendilt Kwadru mal-Ħajt). Minkejja dan, f’Żewġ Rigali, il-poeta jemmen li bħall-ħajja anki l-mewt hija rigal ladarba “tista’ tkun tieqa/ li tħares lejn il-ġenna.”

Qasam tematiku ieħor għal qalb il-poeta huwa dak tad-dinja naturali. Fil-versi ta’ Charles Mifsud jispikkaw l-istaġuni bil-burdati differenti marbutin magħhom, il-ħlejjaq ċkejknin, il-baħar. Hemm elementi li huma parti mid-dinja taċ-ċokon (il-mikrokożmu)  - bħal qatra nida, pitirross, sardinella, warda, naħla, farfett, sturnell, dielja, amorin, lellux, peprin, ġarġir – li jwasslu lill-poeta biex fl-aħħar mill-aħħar jirrifletti dwar il-kobor tal-ħallieq stess, imma anki dwar il-kenn mid-diżordni li ħoloq il-bniedem li toffri l-istess natura. Imbagħad, permezz tat-topografija naturali – magħmula minn widien u għaqbiet, fost oħrajn – il-poeta jikteb dwar tiġribu matul fażijiet differenti ta’ ħajtu (Minn Wied għall-Ieħor).

Hemm ukoll waqtiet meta Charles Mifsud jikteb dwar il-“jien”. Hawn il-versi jinftiehmu bħala awtodefinizzjoni min-naħa tal-poeta. Hekk f’Jien, Min Jien? Jikteb dwar tliet pedestalli li jsawruh: l-imħabba lejn art twelidu, it-twemmin u l-poeżija. Il-poeżiji patrijottiċi, fis-sens dejjaq tal-kelma, mhumiex ħafna hawn (ara l-aħħar poeżija Abjad u Aħmar Biss), imma l-kitba tal-poeżija bl-ilsien nattiv hija fiha nnifisha turija ta’ mħabba min-naħa tal-poeta lejn art twelidu. Hija mħabba li, kif rajna, toħroġ anki permezz ta’ lingwaġġ eleganti, magħżul, mirqum, u mżejjen ukoll minn kliem li għaddewlna missirijietna, u li lista tagħhom bit-tifsiriet rispettivi tinsab fl-aħħar parti tal-ktieb.

Bla poeżija Mifsud iħossu “bħal qisni pellegrin tilef it-triq” (Pellegrin Mitluf). Dwaru nnifsu bħala poeta jikteb hekk f’Min Jien?: “Jien għasfur tal-għana/ bi vrus is-sliem fuq fommi,/ nissieġ il-ħsieb fil-kelma/ bl-ilsien li tatni ommi”, imma anki, “Jien sieħeb in-natura, ninnamra mas-sbuħija,/ għassies ħerqan tal-Muża,/ ilsir tal-poeżija.” Ma’ dawn tintrabat sewwa l-poeżija L-Għanja tal-Btieti, li huma versi li jfakkru fi tradizzjoni partikolari għal qalb min kien jgħix fir-raħal: dik meta n-nisa tad-dar kienu jgħannu waqt il-faċendi tagħhom. Mifsud isostni li jista’ jkun li kienet din it-tradizzjoni li kebbset fih il-ġibda lejn il-poeżija. Dejjem f’rabta mat-tema tal-poetika, f’Min Hu Poeta?, Mifsud isostni li, “Poeta hu kull bniedem,/ li jinseġ tifħir ’l Alla,/ l-Awtur ta’ ġmiel il-ħajja.”

L-ispazji:

Matul il-poeżiji tiegħu l-poeta ma jimraħx biss fi spazji ġewwiena u b’hekk astratti (bħal dawk tal-qalb, tar-ruħ, tat-tifkira), imma anki fi spazji fiżiċi marbutin mar-realtà li nġarrbu bis-sensi. Hekk jissemmew iċ-ċimiterju (f’L-Għolja tal-Ħorr, f’rabta mat-tema eleġijaka, imma anki f’Sagħtejn l-Addolorata, fejn ras il-poeta tfur bil-ħsibijiet dwar dak li kien u dak li għad irid ikun), l-Imdina, il-kampnar tal-knisja ċkejkna, irkejjen naturali bħal Wied Għammieq u Wied il-Qlejgħa – fejn fuq il-passi tal-poeti Romantiċi jsib serħan mill-problemi tal-belt, kif jagħmel Ġorġ Zammit f’poeżija bħal Gelmus -, is-sala ta’ sptar, id-dar (fejn spiss jiddeskrivielna l-familja miġbura), is-suq, il-knisja, jew quddiem il-mafkar ta’ Dun Karm Psaila fil-Furjana. F’Fuq il-Kaptelli, f’San Ġwann Mifsud jikteb dwar il-Katidral ta’ San Ġwann bħala mafkar lil dawk kollha li wrew qlubija fl-imgħoddi. Fi Qniepen Karkariżi Mifsud joħodna dawra ma’ raħal twelidu billi jsemmagħalna l-qniepen tal-knejjes differenti li jinsabu f’dan l-imkien li hu ħaġa waħda mat-twemmin Nisrani. Għalhekk jissemmew is-Santwarju tal-Ħerba, il-Knisja Kolleġġjata, il-Kunvent ta’ Santa Tereża, San Ġużepp, Sant’Antnin, tal-Karmelitani u ta’ Santa Marija.

Konklużjoni:

Dik ta’ Charles Mifsud hija poeżija li fiha x’tixtarr, iġġegħlek tirrifletti dwar ħwejjeġ differenti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-qarrej fl-ebda waqt ma jħossu mitluf minħabba ċertu ermetiżmu li jħaddmu poeti kontemporanji oħrajn u li spiss jgħajja lil dak li jkun tant li jispiċċa jwarrab il-poeżija. Anzi s-sempliċità u l-kjarezza tal-versi ta’ Mifsud jistiednu lill-qarrej ikompli jaqra u jqalleb il-paġni. Waqt li kont qed naqra l-versi tiegħu jiena stħajjiltni ħiereġ minn kamra u dieħel f’oħra biex niskopri dejjem iktar dwar il-bniedem u d-dinja li jgħix fiha.

Ħafna mill-poeżiji ta’ Charles Mifsud jesprimu s-sodisfazzjon ta’ min matul ħajtu kien jaf jimxi ’l quddiem b’ottimiżmu, minkejja li l-ħajja ma kenitx faċli. Jinħass ukoll fil-versi ta’ Charles Mifsud il-fatt li l-poeta jaġixxi bħala l-leħen tal-kuxjenza. Fil-versi tiegħu Mifsud jistqarr għadd ta’ prinċipji sodi li llum qed jiddgħajfu. Wieħed jista’ jgħid, kulma huma dawn huma versi. Imma jinħass spiss li huma versi li kapaċi joħolqu eku li jtarrax u li jħarrek lill-ġewwieni tal-qarrej rieqed minħabba l-piż tal-indifferenza u l-apatija.


Patrick Sammut 

Monday, September 16, 2013

L-ALTRUWISTA ta’ Salv Sammut, Bronk Publications, 2012.

Dan ta’ Salv Sammut huwa rumanz ta’ 330 paġna li jinqasam fi 28 kapitlu. L-awtur, li huwa wkoll poeta, Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin u membru tal-Akkademja tal-Malti, jinkludi wkoll xi poeżiji minn tiegħu fl-istess ktieb.

Tematika:

Huwa interessanti l-fatt li Sammut jittratta fir-rumanz tiegħu l-kitba tal-poeżija u l-qari, mela permezz ta’ Roland l-awtur jikteb dwar attività għal qalbu. Jissemma  kittieb ta’ statura internazzjonali bħal Paulo Coelho. Aktar tard – f’kapitlu 12 – isseħħ it-tnedija tal-ktieb ta’ poeżiji ta’ Roland. Għall-okkażjoni jiġu ftit nies. Huwa hawn fejn Sammut jikteb dwar in-nuqqas ta’ apprezzament tal-poeżija f’pajjiżna u dwar l-imħabba finta tal-pubblikaturi lejn il-ktieb Malti. Naqraw ukoll dwar l-inġustizzja li sseħħ minn xi edituri letterarji li jagħtu prijorità lill-kittieba stabbiliti filwaqt li jitfgħu fil-ġenb oħrajn li mhumiex magħrufa, minkejja li jiktbu xogħol ta’ valur letterarju. Jissemma wkoll ir-rwol tal-edukazzjoni u tal-kurriklu li għandhom iqarrbu l-istudenti iktar lejn il-poeżija moderna u attwali. Wara kliem Roland dwar il-poeżija hemm l-istess awtur, Salv Sammut jittratta wkoll iċ-ċensura u l-poeżija bħala arti. F’kapitlu 15 jissemma l-fatt li hawn Malta ktieb jinxtara ħafna meta tinqala’ xi kontroversja taħraq dwar il-kontenut tiegħu.

Bħal dejjem ma jonqosx l-aspett soċjali fir-rumanzi ta’ Sammut. Jissemmew is-soap-operas u l-influwenza negattiva liberali li jistgħu jħallu fuq it-telespettatur. Is-soċjetà tiġi deskritta bħala waħda mimlija preġudizzji mibnija fuq prekunċetti, u tiġi riflessa anki fil-lingwaġġ dispreġjattiv li juża Gordon fil-konfront tal-omosesswali u n-nies b’diżabiltà. Sammut ifakkarna li għandna nifhmu sewwa l-isfond familjari, emozzjonali u psikoloġiku ta’ dak li jkun qabel ma naslu għal konklużjonijiet li jweġġgħu. F’kapitlu 20 nassistu għal konferenza internazzjonali fil-Latvja dwar id-diskriminazzjoni. Hawn Sammut jiddeskrivi minn ġewwa l-atmosfera ta’ okkażjoni li taħkem: jikkritika s-superfiċjalità tad-diskorsi u l-monotonija waqt okkażjonijiet bħal dawn.

Is-sess huwa motiv ewlieni, bħalma hija l-omosesswalità, li hawn tfisser orjentazzjoni sesswali iktar milli difett jew marda. Dan b’xi mod jintrabat mal-ġlieda bejn il-ġenerazzjonijiet (li toħroġ l-aktar permezz ta’ Gordon u bintu Mandy), bejn ideat tradizzjonali u oħrajn moderni. It-tema tal-ipokrisija toħroġ bis-saħħa ta’ Gordon li filwaqt li jikkundanna l-omosesswalità ta’ ibnu Norman, iħossu komdu jiffrekwenta prostituta minkejja li miżżewweġ. Min-naħa l-oħra Mandy ma tiddejjaqx turih li taf bil-verità kollha u li tħoss li ħuha Norman hu iktar onest ladarba ma jibżax jikxef l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Quddiem l-isfida u l-ironija ta’ bintu Mandy, Gordon ma jista’ jagħmel xejn. Aktar ’il quddiem fir-rumanz naraw lil Gordon ibatti mir-rabja tiegħu lejn ibnu hekk kif il-kundizzjoni medika tiegħu teħżien. Gordon il-missier, li sa ftit qabel kien jiffrekwenta prostituta, bħal jifhem ftit is-sitwazzjoni ta’ ibnu omosesswali u jagħraf li s-sitwazzjoni tagħhom tixxiebah. Ironikament, Gordon kellu jitlef id-dawl t’għajnejh biex jifhem il-kundizzjoni jew orjentazzjoni ta’ ibnu. Huwa hawn (kapitlu 21) fejn jaħkem spirtu ta’ rikonċiljazzjoni: iben u missier jiżvugaw u joħorġu x’hemm f’qalbhom u fl-aħħar bħal jintlaħaq stat ta’ ftehim u paċi.

Kontra l-mibegħda li Gordon juri lejn l-omosesswali, hemm l-imħabba ta’ Norman li tibqa’ kostanti lejn missieru u li tilħaq il-quċċata tagħha fi tmiem ir-rumanz. Din l-imħabba – li hi wkoll rispett - tidher ukoll bejn l-aħwa Mandy u Norman. L-imħabba tispikka wkoll bejn Tessie bħala omm u bintha Gabby li tinsab f’siġġu tar-roti.

Matul ir-rumanz wieħed jibda regolarment jistaqsi min hu l-altruwista? Hemm Mandy li qed tistudja għal social worker, mela hi persuna li tiddedika bosta ħin biex tgħin lil min hu fil-bżonn. Hija hi li aktar tard titlob lil missierha biex jgħin lil Tessie u bintha Gabby. Aktar tard għalhekk l-altruwista jsir Gordon stess. Lejn tmiem ir-rumanz naraw li l-altruwista jsir Norman stess.

Bil-mod il-mod tissaħħaħ ukoll it-tema tal-mard. Għall-ewwel nassoċjawha ma’ Gabby imma eventwalment tintrabat ukoll ma’ Gordon li jibda jitlef id-dawl t’għajnejh u aktar tard ma’ Norman stess (kapitlu 22). Huwa hawn fejn Sammut jipprova joqrob kemm jista’ jkun lejn dak li jkun għaddej minnu l-pazjent kemm emozzjonalment kif ukoll psikoloġikament. Bis-saħħa ta’ Norman, Sammut jittratta wkoll it-tema tal-mewt u lil hinn minnha. Tissaħħaħ l-idea li anki l-omosesswali (u m’hu jingħad xejn ġdid) huma Nsara u jemmnu, kontra dak li jaħsbu bosta.

Personaġġi:

Fl-ewwel kapitlu niltaqgħu ma’ Roland li jikteb il-poeżiji u jgħix waħdu għalkemm iħobb lil xi ħadd li jismu Norma. Jinħass diġà li wara din ir-relazzjoni ta’ mħabba hemm xi ħaġa diversa. Norma hu fil-fatt Norman, iben Gordon, bankier, u martu, Grace, it-tnejn fuq il-50 sena, u ħu Mandy. Norman jaħdem bħala traduttur u interpretu fil-Lussumburgu u bniedem ta’ sinċerità u sensittività kbar. Gordon mhuwiex sesswalment kuntent minħabba martu, u dan minkejja li jgħix ħajja li f’fil-wiċċ tidher normali u timxi mar-regoli soċjali aċċettati. Jiftakar fiż-żminijiet hienja u attivi ma’ Evelyn, huwa kontra l-omosesswali, u jfittex il-kenn fis-servizzi mħallsa tal-prostituta Tessie. Aktar tard nifhmu għaliex Tessie għażlet din it-triq. Dan jintrabat mal-aspett soċjali. Għall-bidu nassistu għall-għadab ta’ Gordon lejn l-orjentazzjoni sesswali ta’ ibnu Norman, għadab li jesprimih quddiem Tessie. Minkejja l-firda bejniethom, inħossu li hemm xebh bejn ir-ras iebsa ta’ Gordon u l-biża’ tiegħu mill-operazzjoni li xi darba jrid jagħmel, u l-orjentazzjoni (iktar milli kundizzjoni) ta’ ibnu Norman: it-tnejn huma ħwejjeġ diffiċli biex teħles minnhom. Min-naħa l-oħra nassistu għal djalogu ċivili bejn Mandy u Tessie - konfront li seta’ kien iktar storbjuż - li jiftiehmu bejniethom bħala żewġ nisa ċivili.

Stil:

Ir-rumanz jibda bit-tħaddim tat-tielet persuna, mela “hu”. Leħen in-narratur mill-ewwel jieħu n-naħa ta’ min jinsab fil-marġini tas-soċjetà bħall-prostituti, l-omosesswali, il-persuni b’disabbiltà jew affettwati b’mard partikolari bħall-kanċer. Ma jonqos lanqas it-tħaddim tad-diskors dirett.

Hemm bosta waqtiet meta Sammut joħloq sens ta’ misteru bħal meta jġiegħel lill-qarrej jistaqsi fejn imur darba fil-ġimgħa wara li jqatta’ biss ftit ħin fil-klabb taċ-ċess? Naraw li din hija teknika narrattiva li tgħin lill-qarrej ikompli jaqra b’interess matul ir-rumanz kollu. Dan jintrabat mal-fatt li strutturalment L-Altruwista għandu nisġa narrattiva magħmula minn għadd ta’ ħoloq (li jistgħu jkunu l-istess personaġġi u r-relazzjonijiet bejniethom) li jorbtu kapitlu ma’ ieħor, kapitli li mhux bilfors ikunu eżatt wara xulxin. Eżempji ta’ ħoloq bħal dawn hemm bosta: waħda minnhom tinsab lejn tmien kapitlu 26 fejn il-qarrej attent iħoss li wara t-tbissima ta’ Norman batut indirizzata lejn missieru hemm xi ħaġa mistura li tista’ tiżviluppa wara.

Mas-sens ta’ misteru jew mistoqsija li spiss joħloq Sammut hemm ukoll il-mekkaniżmu tas-sorpriża li biha jaħsad lill-qarrej bla mistenni: dan iseħħ fl-aħħar tal-kapitlu 8 meta Gabby, bl-innoċenza ta’ tifla, tikxef verità li Gordon xejn ma jieħu gost biha. Sorpriża oħra – u anki sens qawwi ta’ stennija - jinsabu fl-aħħar ta’ kapitlu 20, imma anki f’kapitli 23 u 24 (hawn f’rabta mas-sitwazzjoni medika ta’ Norman). Kontra dan hemm ukoll il-mekkaniżmu tat-tensjoni li tinbena narrattivament bil-ftit il-ftit biex fl-aħħar tfaqqa’ sitwazzjoni taħraq. Eżempju ta’ dan jidher f’kapitlu 12 fejn Gordon jikkonfronta pubblikament u b’mod inaċċettabbli lil Roland. Dan jintrabat mal-kapitlu ta’ wara fejn Norman jaffronta lil missieru u jiddikkjara li se jmur jgħix ma’ Roland. Nassistu għal ġlieda fil-familja, mottiv li jħallik taqra bla ma tieqaf. It-tensjoni terġa’ fl-aħħar tal-kapitlu 22 meta Norman jibda jħoss uġigħ fl-istonku tiegħu, u dan paradossalment, wara waqtiet ta’ ferħ bħalma kienet il-festa fejn ġie ċċelebrat il-fejqan ta’ Gabby.

Spiss Sammut joħloq ukoll sens qawwi ta’ stennija: dan jispikka, fost oħrajn, f’kapitlu 17, meta l-qarrej jistaqsi x’se jsir eżattament minn Gabby u saħħitha. Ma’ dan jintrabtu numru ta’ kapitli relattivament qosra u li jippreparaw għal dak li jista’ jseħħ f’kapitli aktar ’il quddiem. Spiss dawn huma kapitli li ritmikament jgħaġġlu ħafna.

It-tensjoni u l-istennija lejn tmiem ir-rumanz jissaħħu u jieħdu l-għamla jew is-saħħa ta’ sitwazzjoni urġenti jew imminenti, u dan iseħħ anki billi Sammut jintroduċi doża qawwija ta’ patos li titwassal bis-saħħa ta’ taħlita ta’ emozzjonijiet imwassla sal-estrem: il-ferħ tal-ħbiberija, tal-imħabba u tal-lealtà bejn Norman u Roland; id-diqa u l-biki ta’ omm u oħt li jitilfu lil membru importanti fil-familja; is-sogħba ta’ missier li jara lil ibnu jmut quddiem għajnejh.

Mekkaniżmu narrattiv għal qalb Sammut hu dak li jikkonċentra fuq personaġġi partikolari f’kapitli speċifiċi. Hekk, per eżempju, kapitlu 3 jiffoka fuq Tessie l-prostituta, kapitlu 4 fuq Mandy, kapitlu 5 fuq Norman, kapitlu fuq Mandu u Gabby. Fl-istess waqt nassistu għat-tisħiħ regolari tan-nisġa tal-karattri.

Sammut ma jiddejjaqx juża kliem ikkunsidrat baxx fid-djalogi bejn Tessie u Gordon fil-waqtiet ta’ għadab tiegħu. Drabi oħra l-awtur juża lingwaġġ infantili bl-Ingliż biex jirrifletti l-lingwa tat-tfal: nassistu għalih meta Mandy tistieden lil Gabby d-dar u tuża kliem bħal “mummy”, “work” u “mannijiet”. Dan kollu jintuża biex jirrifletti r-realtà f’ċirkostanzi bħal dawn.

Hemm drabi meta taħkem id-deskrizzjoni li għalkemm hija miktuba fl-istil tal-proża għandha ħafna mill-poeżija. F’kapitlu 15 Sammut jiddeskrivi spazju naturali mill-isbaħ (l-Imġarr u l-baħar) mhux mittiefes mill-bniedem, isemmi l-ismijiet ta’ bosta pjanti u ħlejjaq li jgħixu f’dan l-abitat. Huwa f’dan l-ispazju fejn il-poeta jinħakem mill-ispirazzjoni. Parti bħal din tiġi segwita minn poeżija miktuba minn Roland: fiha d-deskrizzjoni tal-ambjent naturali titħallat mat-tiġrib u l-ħsus personali. Deskrizzjoni li m’għandha xejn mill-poeżija imma mill-kesħa tal-aħbar mhix mistennija nsibuha f’kapitlu 23 fejn naqraw dwar l-ambjent u s-sitwazzjoni fi klinika. Fil-kapitlu 24 Sammut jirnexxilu saħansitra jkessaħ minn ġewwa lill-qarrej, iktar u iktar jekk dan tal-aħħar ikun għadda mill-istess tiġrib deskritt mill-awtur, bħall-esperjenza diffiċli tal-kemjoterapija (ara wkoll kapitlu 25). Sammut jippreżenta b’mod effettiv it-tiġrib u l-uġigħ ta’ familja sħiħa li tintlaqat iktar minn darba mill-mard u jkollha saħansitra taffaċċja l-firda minħabba l-mewt.

Eżempju ta’ analessi (jew flashback) nsibuh f’kapitlu 7 fejn insiru nafu kif iltaqgħu Norman u Roland (lekċerer fl-Università ta’ Malta). L-istess teknika terġa’ titħaddem f’kapitlu 15 fejn naraw minn fejn twieled il-ħsieb li Mandy u ħuha Norman jitilgħu Kopenhagen biex ikellmu speċjalista.

Kapitlu 20 bħal jintroduċi aktar mekkaniżmi narrattivi. F’xi partijiet naqraw eżattament x’inhu għaddej minn moħħ il-personaġġ, bħal, per eżempju, x’jaħseb u xi jħoss Roland waqt li qed jistenna li  jaqra d-diskors tiegħu - huma partijiet miġjuba fil-korsiv – u r-reazzjoni tal-pubbliku li jisma’ attent id-diskors tiegħu. Hawn Sammut iżomm lill-qarrej aġġornat minn żewġ lati: dak li qed jgħid Roland, u kif qed jintlaqa’ d-diskors tiegħu mill-platea.

Spazju u żmien:

Għall-bidu l-azzjoni sseħħ f’villaġġ bla isem qrib il-baħar ikħal, imma jissemmew ukoll Brussell u l-Lussumburgu bħala btala, fejn hemm jaħdmu bosta ċittadini tal-istess pajjiż ta’ Roland. Mela mill-ewwel nindunaw li l-azzjoni ta’ L-Altruwista se sseħħ bejn it-territorju nazzjonali u lil hinn minnu. Fuq livell lokali jissemmew Ċentru Nazzjonali għal Persuni b'Diżabbiltà, il-ġnien ta’ Sant’Anton, l-Imġarr (il-villaġġ li jissemma fil-bidu), l-Auditorium tal-Università ta’ Malta, ġo bank fejn jaħdem Gordon, id-dar ta’ Gordon, ġo klinika, fl-Isptar Mater Dei u oħrajn. Fuq livell internazzjonali jissemmew ristorant fil-Lussumburgu u naqraw diversi deskrizzjonijiet ħajja tal-bliet Ewropej, tal-istazzjonijiet tal-ferrovija, tat-toroq differenti mimlijin nies mgħaġġla. Deskrizzjoni dettaljata ta’ mkejjen magħrufin tal-belt ta’ Trier tingħata f’kapitlu 7 fejn jiltaqgħu Norman u Roland, dan tal-aħħar minħabba konferenza tal-Akkademja tal-Kittieba Ewropew. Fi Trier Norman u Roland jidħlu ġo katidral: filwaqt li tal-ewwel jitlob, bejn it-tnejn jaqa’ s-skiet. Hawn bħal niftakru fir-relazzjoni attwali bejn il-Knisja Kattolika u l-omosesswali. Huwa f’partijiet bħal dawn ukoll fejn L-Altruwista jissellef mill-gwida turistika: tissemma d-dar ta’ Karl Marx u l-persekuzzjoni tal-Protestanti min-Nażi fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’kapitlu 16 imbagħad ningħataw deskrizzjoni tal-belt ta’ Kopenhagen. F’kapitlu 19 naraw lil Roland u Norman fl-ajruport ta’ Heathrow u wara f’Riga, il-Latvja. Hawn wieħed jiftakar fil-ħajja personali tal-awtur fil-qasam tal-unions, karriera li kienet iġġagħlu jivvjaġġja ħafna u jiltaqa’ ma’ nies u ambjenti differenti, anki fl-Ewropa tal-Lvant.

Anki ż-żmien huwa aspett importanti fin-nisġa ta’ rumanz. Huwa f’kapitlu 6 fejn jissemma l-istaġun tal-ħarifa, filwaqt li f’kapitlu 11 l-azzjoni sseħħ ftit jiem qabel il-festa ta’ San Martin. Kapitlu 18 jwassalna lejn l-aħħar tar-rebbiegħa, x’imkien ħdejn il-baħar. Għalkemm f’kapitlu 26 ma tissemma l-ebda data, nifhmu li għaddew bosta xhur. Il-marda terminali mxiet ’il quddiem, tant li l-personaġġ in kwestjoni fadallu xahar ħajja l-aktar. L-Epilogu jġib miegħu qabża temporali ta’ sena. F’dan il-perijodu, li Sammut jaqbeż apposta, nifhmu li seħħew bosta żviluppi li jagħtu laqta pożittiva lit-tmiem ta’ L-Altruwista: min inħakem mid-dlam jerġa’ jibda jara permezz tal-altruwiżmu ta’ personaġġ partikolari; ir-relazzjoni bejn iben u missier tissaħħaħ minkejja l-mewt; u jaħkem sens ta’ rikonċiljazzjoni bejn min qabel ma setax jissaporti l-preżenza ta’ ħaddieħor.

Għeluq:

Fuq kollox L-Altruwista huwa rumanz li jagħlaq fuq nota tajba. Dan wara li Salv Sammut ilaqqagħna ma’ numru ta’ esperjenzi li għandhom kemm mill-ħelu kif ukoll mill-morr, kollha parti mit-tiġrib li minnu jgħaddu bosta fil-ħajja ta’ kuljum. L-Altruwista huwa wkoll, f’ċertu sens, rumanz ta’ impenn li jrid jinsisti fuq il-fatt li persuni ta’ tendenzi jew orjentazzjoni sesswali differenti min-norma – imma anki persuni b’diżabiltà jew b’mard speċifiku - huma bnedmin tad-demm u l-laħam bħal kulħadd, xi drabi iktar sensittivi. Hu rumanz li jsammar fuq l-għarfien u l-aċċettazzjoni tad-diversità. Dan huwa rumanz ieħor ta’ Salv Sammut – wara Fid-Dell tal-Pellikan (1982), Staqsi lir-Riħ (2010), Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar (2011) – li fih jittratta temi attwali li jorbtuh man-narrattiva Maltija kontemporanja u li għalhekk m’għandux jonqos fil-librerija ta’ kull min għandu għal qalbu l-letteratura ta’ pajjiżna.


Patrick Sammut (Settembru 2013)

Tuesday, September 10, 2013

TĦARBIX – Poeżiji ta’ Salv Sammut (2013)

Tematika:


F’din id-damma ta’ 34 poeżija wieħed jiltaqa’ ma’ varjetà sabiħa – anki mil-lat tematiku – li ma ddejqek xejn, anzi tistiednek tkompli taqra.

Frażi li tirrikorri fil-versi ta’ Salv Sammut hija “Kieku nista’...” Din tintrabat mhux biss mal-poeta ħalliem, imma anki mal-poeta li jixtieq jaġixxi, ibiddel, jirranġa dak li fid-dinja tal-bniedem hu żlugat. Hawn Sammut jinħass nostalġiku – bħal bosta poeti oħrajn, l-iktar dawk Romantiċi - għal żmien l-imgħoddi, żmien li jintrabat mat-tfulija li, flimkien mal-ispazju naturali, ukoll tfisser safa.  Il-ħolqien naturali (kemm il-mikro-, kif ukoll il-makrokożmu), bl-armonija u s-safa li fuqhom hu msejjes, inissel dawl u tama fil-poeta li bħala bniedem spiss jinħakem minn rabja u dlamijiet. F’dan id-dawl, l-illum, jinftiehem bħala kunċett temporali mhux stabbli, imma biss punt li jinsab imdendel x’imkien bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni, bejn “L-Alfa u l-Omega”, li huwa wkoll isem ta’ waħda mill-poeżiji li naqraw f’din id-damma. Li hu żgur hu li l-illum inissel bħal uġigħ fil-poeta li jiġi espress permezz tal-frażi “Kieku nista’...”

L-idea tal-“Kieku nista’...” tintrabat ukoll mat-tema politiko-soċjali. Bosta mill-poeżiji ta’ Sammut huma għajta ta’ protesta kontra l-manipolazzjoni fid-dinja tal-bniedem, l-ipokresija, l-emarġinazzjoni tad-dgħajjef, il-ġudizzji għaġġelija u żbaljati li spiss ngħaddu dwar ħaddieħor, l-individwaliżmu, in-nepotiżmu, l-oppotuniżmu, l-għaks u l-ħala, l-inugwaljanza bejn il-klassijiet soċjali, il-ġuħ u l-ġenoċidju. Dan kollu jfakkar fl-imgħoddi ta’ Sammut bħala uffiċjal fil-qasam tat-trejdjunjoniżmu, mela bniedem direttament involut fid-difiża tad-drittijiet umani.

Hemm imbagħad dawk li jiena nsejħilhom il-versi tad-“definizzjoni tal-jien”, fejn Sammut jixħet dawl fuq il-karattru tiegħu ta’ bniedem sensittiv u “sod daqs il-blat samm”. Hekk f’Riflessjoni quddiem il-mera (li lili b’xi mod tfakkarni fil-monologu ta’ Amletu, “To be or not to be...”) jikteb dwar, “bniedem solitarju.../ Vjaġġatur li terraq fis-solitudni/ Tal-kotra għaġġelija fit-triqat.” Anki f’Meta... jikteb, “Bħal stranġier, waħdu jterraq f’nofs il-kotra.” L-istess idea naqrawha f’Fl-ikħal t’univers infinit: “Hemm waħdi nintilef fil-baħħ/ Tal-kotra għaddejja mitlufa”. Huma versi li jfakkru fil-versi tal-vjaġġ li Salv Sammut spiss kiteb u ppubblika f’ġabriet poetiċi oħrajn.

F’L-Alfa u l-Omega jikteb, “Jien hu l-Alfa w l-Omega ta’ kull kejl/ L-eżistenza u l-eternità/...Għax minni jibda kollox/ U minni wkoll, kollox jintemm.” Huwa permezz tal-poeżija, jew tal-kelma, li l-poeta jħalli warajh kull limitazzjoni umana biex jakkwista kwalitajiet li jmorru lil hinn minn kull ilġim spazjo-temporali. Il-“jien” hawn jista’ jinftiehem bħala l-Verb, il-kelma, li hi s-sisien tal-istess ħolqien. Mela l-kelma – jew f’dan il-każ, il-poeżija – mhix biss espressjoni ta’ ħalliem, imma ta’ min irid fatti mhux kliem fieragħ. F’Meta... tidħol ukoll l-idea tal-poeta bħala “ħlejqa ta’ rieda/ Soda li lesta tirbaħ kull ostaklu.” Anki hawn jinħass li l-kelma hija setgħa, filwaqt li l-poeta huwa dak li jagħti għamla lill-verb, lill-kelma. Sammut huwa wkoll dak li jifhem il-vera natura tal-bniedem, u li permezz tal-kelma jipprova jwassalha lilna u saħansitra jbiddilha.

Ma’ din l-awtodefinizzjoni tal-jien tintrabat ir-realtà l-oħra ta’ Sammut bħala poeta. F’Bil-varloppa ninċana poeżija jikteb hekk: “Hekk il-poeżija!// Bil-varloppa ta’ ruħi ninċanaha/ biex id-dubji nillixxalha/ u bil-lostru tal-kelma mirquma/ intihielkom ħa taqrawha!”

Hemm ukoll il-versi familjari fejn Sammut jikteb dwar ir-rabta bejnu u missieru (It-tieni żjara), jew dwar ir-rabta tiegħu ma’ ommu (Lament lil Ommi), imma anki dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-maħbuba tiegħu (Dakinhar – tibqa’ tħobbni? u Deċennji).

Qasam tematiku ieħor huwa dak spiritwali. Paradossalment Sammut jilmaħ il-preżenza tal-Mulej fl-assenza tal-bniedem: “Fittixtek u sibtek/ Fl-aħħar fil-ħolqien/ L’int ħloqtu għalija.” (Fittixtek) Il-preżenza tal-Mulej Sammut isibha wkoll ġewwa fih, fejn jisimgħu isejjaħlu “Bil-leħen sottili fil-ħemda/ Ta’ ljieli bla ħolm.” (Ġewwa s-sikta ta’ ruħi sejjaħtli) Dawn kollha huma versi li jieħdu l-forma ta’ talba u dikjarazzjoni ta’ fidi. Huma wkoll versi li jfakkru fl-ispiritwalità ta’ poeti bħal Dun Karm Psaila, patri Marjanu Vella u anki Ġorġ Zammit.

Aspetti stilistiċi:

Għalkemm l-għażla ta’ Salv Sammut hija favur il-poeżija moderna, mela favur it-tħaddim tal-vers ħieles, xorta waħda nsibu waqtiet fejn dan il-poeta kontemporanju jħadem mekkaniżmi bħalma huma r-rima fl-aħħar tal-vrus imma anki r-rima ġewwiena, l-onomatopea u l-alliterazzjonijiet. Dawn kollha jikkontribwixxu biex il-poeżija tinstema’ aħjar mil-lat udittiv.

Anki lessikalment Sammut jingħaqad mal-poeti kontemporanji li ma jiddejqu xejn iħaddmu kemm il-Malti Semitiku kif ukoll dak Romanz.   Jaħkem spiss ir-reġistru naturali, proprju għax in-natura hija l-ispazju fejn il-poeta jilmaħ u jsib is-safa u l-armonija. Il-lessiku naturali spiss jintuża biex Sammut iwasslilna r-riflessjonijiet tiegħu ta’ natura soċjali. Ħlejqa ċkejkna bħalma hija werqa ġġiegħel lil Sammut jirrifletti dwar ħwejjeġ bil-bosta ikbar u usa’ bħall-impermanenza tal-bniedem fuq din id-dinja.

Bħala tonalità niltaqgħu ma’ versi romantiċi u nostalġiċi fejn il-poeta jiddeskrivi spazji, sitwazzjonijiet u ambjenti li xi darba kienu imma llum għebu kważi kompletament. Ton ieħor li jiddomina huwa dak tal-protesta fejn il-poeta jirrabja kontra kull tip ta’ ipokresija u qerq f’rabta mad-dinja tal-bniedem. Ma’ dan jintrabat ukoll it-ton ta’ kundanna fejn Sammut ma jiddejjaqx jgħajjat “Boloh!” kontra min jidħol fil-qasam tal-politika biex jimmanipola u mhux biex iservi. Kontra dan hemm drabi meta Sammut jħaddem ton patetiku – minn patos, jew dik il-karatteristika li trid tqanqal sens ta’ ħasra, sogħba jew mogħdrija fil-qarrej – bħal kif naqraw f’Għasfur refuġjat.

Mekkaniżmi oħra li jħaddem Salv Sammut fil-versi tiegħu huma l-ossimoru (“d-dawl sewdien tal-ħajja”), il-binja simmetrika fi ħdan l-istess poezija (ara Dimensja ta’ konvenjenza). Hemm ukoll l-umanizzazzjoni ta’ elementi mhux umani (ir-riħ li jingħi f’Ir-riħ li jibqa’ jingħi), u min-naħa l-oħra d-diżumanizzazzjoni tal-bniedem, spiss imqabbel ma’ bhejjem differenti – bla ebda nuqqas ta’ rispett lejn id-dinja tal-bhejjem – minħabba li nħakem mill-ħażen. Hawn il-bniedem jitqabbel ma’ ħlejjaq bħall-kamaleonte, is-serp, il-far jew l-iskorpjun.

Konklużjoni:

Bħal bosta poeti oħrajn Salv Sammut jitlaq mill-personali biex imbagħad jilħaq livelli universali ladarba dak li jikteb jaf jolqot lil kull bniedem. Sammut hu dak li joħroġ saħansitra mill-parrokkjaliżmu ta’ gżirtu biex iħares lil hinn u jilmaħ aktar atroċitajiet “bla sens”. Dan jagħmlu billi jiddistakka ruħu u jżomm ċerta distanza bejnu u d-dinja bħal jkif jagħmel l-“[i]spirtu misterjuż” f’Minn fuq il-Pol tat-Tramuntana. Lura għall-idea tal-“Kieku nista’...”: il-poeżija tagħti lil Salv Sammut l-opportunità li jesprimi dak li qatt ma esprima fil-ħajja, imma li tant xtaq. Il-poeżija ta’ Sammut titwieled x’imkien bejn ir-realtà u spazju li jmur lil hinn minn din. Zġur, però, il-poeżija tiegħu hija ħafna iktar minn “tħarbix”, ladarba hija frott moħħ li jirrifletti bla heda. Jinħass li fis-solitudni, fin-natura (dak l-ispazju fejn ir-rabja li hemm fil-poeta kontra d-dinja umana “tisfuma fix-xejn”), fil-fidi u fir-riflessjoni hemm it-tweġiba siekta għal bosta “mistoqsijiet bla tweġiba”, imma anki soluzzjoni għal dik il-“Kieku nista’...” li tant iħobb jirrepeti Sammut fi vrusu.


Patrick Sammut (Ġunju 2013)

OSSESSJONI ta’ Carmel Scicluna

(Publikazzjoni Merlin Publishers Ltd, 2013)


Ossessjoni huwa rumanz ta’ 155 paġna li permezz tiegħu Carmel Scicluna rebaħ il-Konkors Letterarju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb/Aġenzija Żgħażagħ. Jinqasam f’erbatax-il kapitlu - uħud minnhom ta’ paġna jew ftit iktar, oħrajn ħafna itwal -, u żewġ epilogi li jieħdu l-forma ta’ ittra. L-ewwel impressjoni ta’ min jibda jaqra dan ir-rumanz hi li Scicluna b’xi mod jew ieħor telaq minn xogħol klassiku dinji bħalma huwa Lolita ta’ Nabakov (hemm din ir-relazzjoni ambigwa bejn raġel ta’ 40 sena u tifla ta’ 10 jew 11-il sena) u fakkar fil-ġrajja ta’ Salman Rushdie minħabba r-rumanz tiegħu The Satanic Verses (hemm il-plot sekondarju fejn ċellula Musulmana qed tippjana li toqtol kittieb – it-tema tal-Fatwa - li qed jittraduċi xogħol ewlieni biex tkun tista’ tapprezzah id-dinja anki mhix Musulmana), żewġ kittieba għal qalbu ħafna. Imma aktar ma wieħed jaqra aktar jinduna li Scicluna jirnexxilu jżid minn tiegħu u b’hekk jagħti lil dan xogħlu l-laqta oriġinali. Fil-fatt l-azzjoni sseħħ fiċ-ċokon tar-raħal ta’ Ħal Qormi.

Il-plott u t-tematika:

Fil-bidu l-leħen tan-narratur hu ta’ raġel li jirnexxilu jidħol ġo moħħ tifla Maltija, Amira, b’ġenituri Alġerin isseparati. Il-vuċi narranti maskili hija dik ta’ Uncle Charlie, eks-għalliem fi skola tal-bniet tas-sitt klassi li rtira. Fil-preżent xogħlu hu li jikteb, jittraduċi, u drabi oħra jagħti xi lezzjonijiet tal-privat. Jammetti li jeċċita ruħu “fil-kumpanija ta’ bniet żgħar”. Min-naħa l-oħra niltaqgħu ma’ Amira li qed tbati l-konsegwenzi kemm ta’ familtha mkissra, kif ukoll tal-għalliema tagħha, Miss Psaila, li hi razzista u kontra l-Għarab, u li għalhekk issib il-kenn fil-kumpanija u fl-“imħabba” ta’ Uncle Charlie. Dan jintrabat mat-tema tal-vjolenza fuq it-tfal min-naħa tal-adulti. Hemm missier Amira li jsawwatha spiss imma anki Uncle Charlie li aktar kemm jiżvolġi r-rumanz aktar jiżdied l-abbuż min-naħa tiegħu fuq Amira. Mela huwa hawn ukoll fejn Scicluna jittratta t-tema tal-pedofilija. Ma ninsewx però li Amira għandha ċertu poter fuq Uncle Charlie; turih saħansitra li taf bin-natura pedofilika tar-relazzjoni bejniethom u din taċċettaha, anki jekk lejn l-aħħar tar-rumanz it-tema tal-abbuż fuq il-minorenni tant tissaħħaħ li dik li xi darba kienet logħba għal Amira tinbidel f’disperazzjoni.

Scicluna jikteb ukoll dwar sistema edukattiva falluta, bħala waħda li għadha lura u li għalhekk trid taġġorna ruħha, b’ċerti għalliema li ma jafux x’inhi edukazzjoni ta’ vera u li lesti jiksru lil dak li jkun malli jistaqsi mistoqsija li ma togħġobhomx- it-tema tal-bullying. Kontra dan hemm l-għajta ta’ protesta ta’ Amira kontra dik li hi ssejjaħ “weakness” (dgħjufija ta’ min ma jafx jiġġieled kontra l-abbuż), portavoċe ta’ dawk it-tfal li ma jibżgħux iqumu kontra dak li ma jogħġobhomx. (ara pp. 119-120)

Jinħass ukoll il-konfront (jew djalettika) bejn il-kbar u ż-żgħar. Hemm Dwayne, in-neputi ta’ Uncle Charlie, li l-ħin kollu jilgħab bil-playstation, jispara u jibdel lin-nies f’“polpa demm”. Scicluna jitfa’ fuq quddiem kliem it-tfal – li għandhom x’jgħallmuna -, filwaqt li jinħass li l-kbar m’għandhom xejn rilevanti xi jgħidu. Infatti oħt Uncle Charlie “tbatbat” jew “twaqwaq”, filwaqt li Dwayne ta’ 9 snin jaf jaħsad lil zijuh bi kliemu u bis-sens ta’ osservazzjoni – kif taħsdu aktar tard Amira - tiegħu tant li Uncle Charlie jsejjaħlu “qarmuċ”, “dimonju żgħir”, “ġurdien xiħ” u “sananikk”. Fil-waqt tat-traġedja hi Amira li tieħu kontroll tas-sitwazzjoni: tordna lil Uncle Charlie, l-adult immobilizzat, kif għandu jaġixxi. Għalhekk dik ta’ bejn Uncle Charlie u Amira ssir logħba ta’ manipulazzjoni bejn l-adult u l-pubexxenti; imma wieħed jistaqsi min hu verament il-manipulatur minnhom it-tnejn?

Scicluna ma jiddejjaq xejn jinkludi esperjenzi tabù li jgħaddu minnhom it-tfal kemm id-dar (Amira li tissawwat minn missierha wara li jneżżagħha għarwiena u jorbotha mas-sodda) kif ukoll l-iskola (it-tfal u l-biċċa tal-“private parts” tagħhom). Ma’ dan b’xi mod tintrabat it-tema tas-solitudni li fiha jinsabu ċerti tfal, minkejja li jgħixu fil-kuntest ta’ soċjetà li tidher normali. Dan jintrabat ma’ dak li naqraw f’kapitlu 12: “Uncle Charlie jagħmel l-istess: in-nies jidħkilhom, jidħaq minn barram jibki minn ġewwa. Bħali: mhuwiex kuntent bid-dinja [...] Arah, bħali wkoll, jilbes maskra, ineħħiha, jilbes oħra. Biex ikun bħal ħaddieħor.” (p. 103) Apparti dwar is-sitwazzjoni edukattiva f’pajjiżna – bi skejjel fejn hemm bosta problemi ta’ natura soċjali, familjari u medika -, Scicluna jinkludi wkoll ċerti botti ta’ natura soċjali, bħal meta f’kapitlu 8 jikteb li l-Maltin aljenati bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u bil-Eurovision. Jissemma wkoll il-programm ta’ “Peppi-Bandi”.

L-istil:

Sa mill-bidu jitħaddem, fost oħrajn, stil li jixbah lil qrara, imma dak li naqraw hija wkoll ħarsa retrospettiva, mela lejn ħwejjeġ li diġà seħħew. Sintattikament għandna t-tħaddim ta’ sentenzi qosra u oħrajn itwal. Anki dan jgħin biex l-attenzjoni tal-qarrej ma tmajnax. Aktar kemm naqraw nindunaw li l-vuċi narranti (imwassla permezz tal-ewwel persuna singular) mhix dejjem l-istess: ċerti drabi hija ta’ Uncle Charlie (mela mill-punto di vista ta’ bniedem adult, però li f’ċertu sens għadu ma kibirx), u drabi oħra hija tal-protagonosta ċkejkna, Amira (mela mill-perspettiva ta’ tifla li dieħla fl-adoloxxenza, imma li hija iktar matura minn tfal tal-età tagħha minħabba l-isfond familjari tagħha u dak li ġarrbet).
L-istil tal-qrara joħroġ ukoll meta Amira tikxef dak li għandha f’moħħha u f’qalbha, tammetti li hi differenti minn tfal tal-età tagħha, iktar matura, u tixtieq lil min jismagħha u jħobbha ladarba dan ma jiġix mill-ġenituri tagħha. Permezz ta’ Amira nsiru nafu aktar dwar l-isfond familjari ta’ Uncle Charlie: iben businessman, u ironikament, b’omm stretta ħafna fi kwistjonijiet reliġjużi.

Il-ġibda li z-ziju Charlie għandu lejn Amira titwassal lilna b’lingwaġġ senswali (mill-ġdid Nabakov): “nersaq qrib widintha u nxomm għatxan l-arja ta’ madwarha, u fi mnifsejja, b’sodisfazzjon kbir għalija, naqbad ir-riħa żejtnija naturali ta’ xuxitha” u “Kemm nixtieq infaqqa’ bewsa bil-qalb fuq ix-xofftejn qrollin ta’ din in-ninfa ħelwa.” (pp. 32-33)

Lessikalment, Scicluna juża lingwa u reġistri familjari mal-kelliema tal-età ta’ Amira. Għalhekk Ossessjoni jiddokumenta sewwa lingwa ibrida jew taħlita ta’ elementi differenti: il-Malti Semitiku (dak i ġej mill-Għarbi), dak Romanz (b’influwenza mit-Taljan) u anki Malti b’influwenza qawwija mill-Ingliż. Dan l-element tal-aħħar narawh b’saħħtu permezz ta’ kliem bħal “promise”, “teacher”, “witness”, “rose-pink cheeks”, “parents”, “deep down”, “power”, “will”, “friendship”, “boring”, imma anki “fer”, “jiġġojnja”, “jixxerja” u ruxxmata oħrajn. Dawn huma kollha kliem li l-awtur iqiegħed fuq ilsien Amira apposta, proprju biex joħroġ aħjar u jagħti iktar ħajja l-karattru u l-personaġġ tagħha.

Jispikka f’Ossessjoni anki l-livell deskrittiv. Permezz ta’ Uncle Charlie Scicluna jirnexxilu jidħol sew fid-dinja tat-tfal billi jwasslilna l-ġesti, anki l-iċken minnhom, il-kliem u l-idjomi speċjali li jingħadu bejniethom, il-beżgħat u x-xewqat tagħhom, u l-bqija. F’waqt minnhom (Kapitlu 8) Scicluna jaħsad permezz tat-traġedja: hawn id-deskrizzjoni – viżiva u udittiva -  għanha mit-teknika tas-slow motion. Id-deskrizzjoni tispikka wkoll f’kapitlu 9 fejn waqt li Uncle Charlie jiftaħ il-bieb biex tidħol Amira tingħatalna stampa ta’ dak li għaddej barra f’nofs Ħal Qormi: huwa Ottubru, l-10.30 ta’ filgħodu; ħaddiema tal-Gvern ifarfru siġar taż-żebbuġ; żewġ suwed jaħdmu f’bini għoli żewġ sulari, karozza tgħaddi sparata; tismir, u min jiwweldja. Għandna żmien u ħin stipulati, ħsejjes u attivitajiet ta’ żona tipikament semi-industrijali. Id-deskrizzjoni terġa’ tispikka f’kapitlu 11 fejn Uncle Charlie jiddeskrivi b’mod dettaljat il-psikjatra u l-uffiċċju riħa t’għaraq jaqsam. Id-deskrizzjoni tispikka mill-ġdid f’kapitlu 14 meta għal darb’oħra Amira tiddeskrivi l-ħâra minn fuq il-bejt tad-dar ta’ Uncle Charlie, tosserva x’inhu għaddej madwarha, filwaqt li nafu wkoll x’inhu jseħħ ġewwa fiha.

Teknikament l-aħħar parti ta’ kapitlu 8 tinbena fuq alternanza bejn id-djalogu li jsir bejn missier Amira u min qed jipprepara l-attakk terroristiku, u l-ħsibijiet ta’ Amira li tissemma moħbija u mimlija biża’. Alternanza simili titħaddem f’kapitlu 9: hawn, filwaqt li għaddej id-djalogu bejn Uncle Charlie u Amira, hemm partijiet fil-korsiv li jwasslulna l-ħsibijiet ta’ Uncle Charlie. Partijiet oħrajn mhux fil-korsiv jiddeskrivu x’qed iseħħ fuq livell ta’ azzjoni u ġesti bejn it-tnejn (daqslikieku kienu didaskaliji fi dramm). Kapitlu 10 imbagħad bħal jagħtina ħarsa ’l quddiem – jew prolessi - billi jippreparana għal dak li ġej: jinkixfu l-veri interessi ta’ Uncle Charlie f’Amira, il-pedofilija.

Scicluna jħaddem ukoll it-teknika tad-deumanizzazzjoni f’kapitlu 14: biex takkwista mingħandu dak li trid Amira tħalli lil Uncle Charlie iżarmaha biċċa biċċa “bħalma darba [kien żarma] il-pupi [tagħha].” (p. 137) Dan kollu jnissel fit-tifla wġigħ espress permezz tal-krib silenzjuż tagħha fl-ewwel persuna.
Iż-żewġ Epilogi li jtemmu r-rumanz u li jieħdu l-forma ta’ ittri jagħmlu parti importanti mill-qafas sħiħ li fuqu jinbena r-rumanz. Hawn joħroġ il-fatt li l-ħwejjeġ bejn Uncle Charlie u Amira nkixfu u saru pubbliċi. Huwa hawn fejn Scicluna jikkritika l-etika falza ta’ ċerti ġurnalisti li ma jimpurtahomx mill-persuna umana imma mill-iscoop. Huwa hawn ukoll fejn Uncle Charlie fl-ittra tiegħu jistqarr lil Amira l-imħabba eterna tiegħu lejha filwaqt li jipprepara lilu nnifsu għal għażla: ħabs jew suwiċidju. Il-pedofilija hawn tinftiehem ukoll bħala orjentazzjoni sesswali.

Għeluq:

Ossessjoni huwa rumanz qasir li jista’ jinqara f’darba, għalkemm mhux se jinżel għasel ma’ kulħadd ladarba jista’ jdarras lil ċerti qarrejja. Però għal dan Carmel Scicluna jilqa’ sa mill-bidu nett billi jikteb fuq il-qoxra li r-rumanz fih kontenut espliċitu. Fl-aħħar mill-aħħar wieħed ta’ min jiftakar li hu rumanz li hu intiż biex jinqara miż-żgħażagħ. Dawn tal-aħħar għandhom jiftakru u jifhmu li din hija qabel xejn letteratura ta’ impenn u mhux kitba erotika bil-mira li teċċita u twaqqa’ din l-arti għaċ-ċajt. Scicluna jiddeskrivi sitwazzjonijiet reali permezz ta’ lingwaġġ reali u kontemporanju. Jibqa’ f’idejn il-qarrej matur biex jibbenefika bl-aħjar mod minn xogħol bħal dan.

Patrick Sammut (Settembru 2013)