Wednesday, July 16, 2014

L-IRVELL TAL-QASSISIN ta' Karmenu Mallia, BDL 2012.

STRUTTURA U STIL

Dan huwa rumanz storiku ta’ 280 paġna u li jinqasam f’27 kapitlu. Huwa t-tieni wieħed minn triloġija bl-isem ta’ “Patrijotti u Ġakbini”. Bħal kull rumanz storiku hawn insibu taħlita bbilanċjata bejn fatti storiċi li seħħew fir-realtà (fejn jissemma fost l-oħrajn Dun Gejt Mannarinu, u anki Mattew Callus li sefa vittma ta’ La Vallette bosta snin qabel) u fatti mistħajlin. F’kapitlu 26 jissemma Napuljun, imma anki Mikiel Anton Vassalli bħala wieħed mill-Ġakbini li ħejjew it-triq għall-ġeneral Franċiż, u Bosredon, il-kmandant u ex-kavallier li ħalla warajh Napuljun. Hawn ningħataw tagħrif storiku dwar it-Terrur Franċiż, ir-Rivoluzzjoni, Robespierre u Nelson. Dan kollu biex Mallia jdaħħalna dejjem iktar fl-ispirtu taż-żmien.

Il-leħen narranti f’ċerti każijiet hu dak ta’ Pupull Barbone, iben familja ta’ barunijiet. Mallia jintroduċi l-idea tad-djarju li jikteb Pupull stess. Dan il-leħen narranti spiss jieqaf biex jirrifletti dwar aspetti differenti. Hemm drabi oħrajn meta l-awtur, permezz tal-vuċi narranti, jipprepara lill-qarrej għal dak li jista’ jseħħ fil-ġejjieni, fosthom f’rabta mal-persunaġġ ta’ Mannarinu. Dan in-narratur iħares lejn spazji u persunaġġi differenti biex fl-aħħar jerġa’ jorbot kollox ħaġa waħda. Intant, xejn ma jaħrab l-attenzjoni tiegħu - huwa narratur onnixxenti –, lanqas dak li qed iseħħ fuq livell ta’ mikrokożmu: hekk, per eżempju, waqt li Mina (bint il-baruni) u Kris (li jingħad għandu demmu Franċiż) jinħabbu għal waqtiet qosra fil-ġnien, il-ħarsa tan-narratur taqa’ fuq żewġ bebbuxiet li donnhom waqfu jaraw x’qed iseħħ (Kap. 3, p. 38). Hemm drabi meta n-narratur jipprova jidħol f’moħħ il-kavallieri preżenti (eż. Kap. 8, f’San Ġwann) u fl-istess ħin jiddeskrivi xi wħud mill-opri tal-arti li hemm fil-kattidral. Hawn jissemmew Mattia Preti u Giuseppe Mazziuoli.

Xi ħaġa simili ssir f’kapitlu 13 meta n-narratur onnixxenti jidħol f’moħħ l-Isqof Pellerano u anki f’moħħ Dun Gejt u l-vuċi narranti donnha ssir il-leħen tal-kuxjenza. Dan jinġieb permezz ta’ parti stampata fil-korsiv. Hija wkoll silta mimlija b’punti esklamattivi u interrogattivi, rifless tal-istat emozzjonali u psikoloġiku li fih jinsab Pellerano qabel ma jitlaq minn Malta għal Ruma. Il-korsiv jerġa’ jidher f’kapitlu 15: wieħed jistaqsi ta’ min huwa l-leħen? Huwa tan-narratur onnixxenti li jindirizza direttament lil dawk prezenti fil-knisja ta’ San Ġorġ? Hawn – waqt id-deskrizzjoni tal-purċissjoni tal-vari – is-sagru u l-profan jitħalltu flimkien. Dan kollu jagħti iktar ħajja lil dak li qed jiġi deskritt. Anki hawn però, dak li naqraw hu biss tal-wiċċ, u jservi bħala passatemp: fil-qiegħ jinħass dejjem iktar li daqt tinqala’ waħda kbira, mela hemm it-tensjoni drammatika. Anki l-istil kif inhu miktub kapitlu 16, minkejja li jispiċċa b’nota ta’ ottimiżmu, iġiegħel lill-qarrej iħoss ċerta tensjoni u biża’ minn dak li jista’ jġib miegħu l-jum ta’ wara, jum ir-rewwixta. Il-korsiv bħala leħen il-kuxjenza jerġa’ f’kapitlu 17: naqraw dwar l-umiljazzjoni tal-poplu fqir taħt il-Kavallieri.

Deskrizzjoni ħajja u dettaljata oħra hija dik ta’ dak li kien qed iseħħ barra fi Pjazza S. Ġwann min-naħa tal-popolin waqt il-quddiesa fejn kellu jingħażel Gran Mastru ġdid. Nerġgħu naraw lil Mallia mgħarraf sewwa dwar l-isfond storiku u tradizzjonijiet partikolari. Huwa kontinwu l-appell għas-sens viżiv u udittiv. F’kapitlu 20 naqraw dwar it-traduzzjoni tan-newwieħa u fil-ħerba u d-diqa li kienu jħallu warajhom.

L-aspett deskrittiv jerġa’ jaħkem f’kapitlu 13 fejn naqraw dwar it-tieġ bejn Kris u Mina. Hawn Mallia jiddeskrivi f’dettall kbir kif kien iseħħ tieġ tas-sinjuri fis-seklu 18, u dan f’San Ġwann il-Belt. Kienet tkun okkażjoni ta’ ferħ fejn nies minn klassijiet soċjali differenti kienu jiltaqgħu u jifirħu flimkien.

Kapitlu 7 jserraħna mill-istorja ewlenija u jerġa’ joħodna għad-djarju ta’ Pupull Barbone, bin il-baruni. Pupull jgħix fuq il-baħar u għalhekk hu għatxan għal dak li jseħħ fuq l-art. Il-kapitlu jieħu l-għamla ta’ taqsira ta’ bosta ħwejjeġ li diġà qrajna fil-kapitli li għaddew. Anki f’kapitlu 18, permezz tad-djarju tiegħu Pupull Barbone jikkummenta dar ġrajjiet Malta, imma minn ċerta distanza, kemm fiżika kif ukoll temporali. Anki dan iservi bħala waqt ta’ mistrieħ mill-azzjoni ewlenija, imma fl-għeluq terġa’ tissemma r-ribelljoni li tinħass imminenti. Pupull u d-djarju tiegħu jidhru wkoll f’kapitlu 23: insiru nafu li għandu 35 sena u ilu 15-il sena fuq il-baħar. Hawn jikteb dwar il-bidla għall-aħjar li donnu qed iġib miegħu Rohan. Isemmi wkoll żewġ sunetti li nkitbu f’ismu biex ifaħħruh. Id-djarju ta’ Pupull jerġa’ f’kapitlu 26 fejn huwa jagħtina ħarsa retrospettiva tal-ġrajjiet li minnhom għaddiet Malta, fosthom id-9 ta’ Ġunju 1798 meta Napuljun resaq bil-flotta tiegħu qrib Malta.

Dak li jħaddem Mallia huwa Malti idjomatiku u mexxej fl-istess ħin. Il-lingwa hija mexxejja, ħafifa, toħroġ l-isbuħija tal-Malti fis-sempliċità tiegħu, anki fl-użu tal-ixbihat: “telqet tgħaġġel qisha frilla” jew “ħmar taż-żurbett”. Naqraw ukoll bi frażijiet idjomatiċi bħal din: “ma riedx għad-dinja jaqla’ xi ċmoss.” (p. 120) Imlewnin huma wkoll il-laqmijiet: il-Pasass, il-Barżoqq, Sufarina. Jinħass li l-awtur għamel riċerki kbar rigward l-Ordni minħabba bosta dettalji, fosthom tipi differenti ta’ biċċiet tal-baħar. Jintużaw ukoll idjomi mil-Latin li tagħhom Mallia jagħtina tifsira f’tarf il-paġna. Interessanti s-snajja’ jew xogħlijiet li niltaqgħu magħhom fir-rumanz: il-pastaż, il-kjeriku (nies bħal dawn kienu ppatentati mill-Isqof, u ma kinux jistgħu jqaddsu), il-buttar (jagħmel il-btieti), il-barbier. Ningħataw tagħrif dwar il-kappella ta’ San Publiju tal-Furjana u r-rabta tagħha ma’ San Pawl tal-Belt u l-qrubija ma’ tad-Duluri Tal-Pietà, flimkien mal-bini ta’ knisja ġdida u ikbar. Naqraw anki dwar superstizzjonijiet u bosta qlajjiet min-naħa tal-popolin, bħal per eżempju dwar l-aħħar kliem li tenna Pinto qabel ma miet. F’kapitlu 22 ningħataw tagħrif storiko-artistiko-arkitettoniku dwar il-knisja ta’ S. Pawl tal-Belt: jissemmew il-pittur Mattew Perez d’Aleccio, il-koppla ta’ Gafà, u anki Gran Mastri bħal La Cassière u Gregorio Caraffa, flimkien mal-Isqof Gargallo, kollha nies li għexu fir-realtà. Hu f’dan il-kapitlu fejn isseħħ quddiesa solenni f’isem il-Gran Mastru l-ġdid, De Rohan.

Diġà mit-tieni kapitlu jidħol l-użu tad-diskors dirett. Hawn ximindaqqiet jidħol l-użu tad-djalett. Hemm ukoll il-mod partikolari jew idjosinkratiku li bih jitkellem in-Nutar li kellu difett f’ilsienu. Dan żgur joħloq tbissima fil-qarrej. Id-djalogar ukoll huwa mexxej u mill-iktar naturali, imżejjen b’Malti anki idjomatiku, b’xi laqtiet ironiċi ’l hawn u ’l hinn, u anki waqtiet komiċi. Fid-diskors djalogat Mallia jinkludi bosta frażijiet kemm mit-Taljan kif ukoll mil-Latin, rifless tal-influwenza tal-kultura Taljana li daħlet u ssaħħet f’Malta permezz tal-Kavallieri: eż. “ci vuole”, “Caro barone”, “Buon giorno”, “a distanza”, “maggiordomo”. Dawn huma wkoll rifless tal-klassi soċjali ta’ dak li jkun.

Matul ir-rumanz hemm ukoll bosta partijiet ta’ digressjoni u b’hekk għal waqtiet nitbiegħdu min-narrazzjoni biex taħkem id-deskrizzjoni. Per eżempju, kapitlu 11 iserraħ mir-ritmu mexxej tan-narrazzjoni ewlenija biex l-attenzjoni tinxteħet biss fuq it-taħdita bejn l-Isqof Pellerano u l-baruni. F’partijiet oħra tar-rumanz hemm ukoll inklużi siltiet f’għamla ta’ għana bil-vers ottonarju rrimat.

Hemm waqtiet meta tinħass distanza bejn żmien il-ġrajjiet li dwarhom in-narratur qed jirrakkonta, u ż-żmien li fih qed jikteb dan kollu: “Dik kollha kemm hi kienet l-arma ta’ Pinto, li llum tilmaħha fuq ħafna bini li kien ħalla warajh.” (p. 22)

Hemm dawk il-waqtiet matul il-ġrajja li wieħed jibqa’ jiftakar iktar minn oħrajn u li joħolqu ċerta tensjoni drammatika. Hekk f’kapitlu 6 wara l-funeral ta’ Pinto u waqt id-diżordni u l-maltempata li nqalgħu fuq barra, Dun Gejt u sħabu jitilgħu fuq nett tal-kampnari biex jibdlu l-mota ta’ diqa f’waħda ta’ ferħ bħala turija ta’ protesta kontra Pinto u l-Ordni. Huwa hawn fejn naraw lil Dun Gejt u Ximenes f’konfront silenzjuż fuq l-għatba ta’ San Ġwann huma u ħerġin.

Kontra d-deskrizzjonijiet fit-tul u d-dettall, f’kapitlu 19 Mallia jagħżel li proprju fil-jum tant mistenni tar-rewwixta jagħtina ftit siltiet ta’ azzjoni u deskrizzjonijiet imlewna ta’ taqbid. Forsi dan jagħmlu apposta biex jirrifletti l-fatt li r-ribelljoni ma kenitx daqstant b’saħħitha u effettiva daqkemm bosta xtaqu.

Hemm ukoll waqtiet meta l-livell figurattiv tal-lingwaġġ li juża Mallia jakkwista saħħa kbira: “Il-ħoss tal-ktajjen kien qisu ħoss il-ġwienaħ jinkisru tat-tfajla Ħelsien, kien qisu l-għajjat sfrenat ta’ ajkli milquta miċ-ċomb ta’ kaċċaturi bla qalb, kien qisu l-ħoss makabru taċ-ċuqlajta f’jum il-Ġimgħa Mqaddsa, kien qisu daqq il-qniepen jingħu għal xi ħadd fl-agunija.” (p. 230)

Interessanti wkoll is-silta qasira fejn Dun Gejt jirrakkonta lil Zanzu d-dehra li kellu waqt il-ġuri: hija bħal previżjoni tal-miġja ta’ Napuljun f’Malta biex ikeċċi lill-Kavallieri u jeħles lil Mannarinu stess. Din hija ħarsa lejn il-ġejjieni.

F’kapitlu 21 Mallia jirnexxilu jaħsad lill-qarrej: meta kollox ikun jidher sejjer għall-aħjar, isseħħ it-traġedja. Xi ħadd jitfa’ mit-tieqa għal isfel lil De Stef. Hawn jidħol il-korsiv mill-ġdid, imma din id-darba naqraw l-ittra li De Stef jikteb lil Liża. Fiha jikteb dwar l-ispirtu tal-Illuminiżmu u tar-Rivoluzzjoni Franċiża li qed jonfoħ fuq l-Ewropa kollha. F’din l-ittra De Stef iħalli wirt kemm lilha kif ukoll lil ibnu Kris. Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 24: Dun Mannarinu fil-ħabs tal-Gran Mastru jikteb biex iberraħ id-dwejjaq tiegħu kemm għas-sitwazzjoni li fiha tinsab Malta, kemm għas-sitwazzjoni tiegħu li tħalla maqful hemm isfel anki minn De Rohan. Din hija kitba testment ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u Mannarinu stess mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Dan it-testment jiġi afdat lill-baruni bis-saħħa ta’ patri Pupull Kapuċċin li jżur lil Mannarinu fil-ħabs.

Strutturalment l-aħħar kapitlu (kapitlu 27) għandu importanza kbira. L-azzjoni sseħħ quddiem il-Palazz fil-Belt fejn isseħħ iċ-ċerimonja li matulha n-nobbli kellhom jaħarqu d-diplomi kif ordna Napuljun. Hawn in-narratur onnixxenti jiddeskrivi mill-qrib u mill-bogħod x’jiġri matul ċelebrazzjoni bħal din. Il-kmandant Bosredon jagħti lill-baruni l-kaxxa tal-landa li fiha ibnu Pupull kien iżomm id-djarju tiegħu. Isalva d-djarju imma Pupull le: il-baħar żaqqu ratba imma rasu iebsa.

Minkejja kollox L-IRVELL TAL-QASSISIN huwa rumanz bi tmiem hieni u pożittiv.

SPAZJI

Spazju li fih titpoġġa l-azzjoni huwa Balzunetta, fil-Furjana. Il-kunvent u l-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana huma spazju li joffri kenn anki għal min irid jieħu deċiżjoni importanti.

Hemm ukoll il-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt, fejn tiġi ċċelebrata l-quddiesa funebri ta’ Pinto li kien ilu 30 sena Gran Mastru jaħkem b’id tal-ħadid.  Hawn ningħataw deskrizzjoni ħajja ta’ x’seħħ matul il-quddiesa min-naħa ta’ dawk preżenti, donnu l-istess awtur kien preżenti u osserva x’kien qed iseħħ. Hawn Mallia jiddeskrivi anki bawxati min-naħa tal-Kavallieri li wara l-quddiesa ħarġu jiżżuffjettaw b’Pinto mejjet, ferħanin li kienu ħelsu minnu. Kien proprju l-balliju Ximenes li reġa’ ġab l-ordni fil-Kattidral.

Id-data 24 ta’ Jannar 1773 terġa’ toħodna fil-Kattidral ta’ San Ġwann fejn din id-darba ssir quddiesa li matulha jingħażel Gran Mastru ġdid.

Spazju ieħor fejn isseħħ l-azzjoni huwa l-Palazz tal-Isqof fl-Imdina: hawn iseħħ il-konfront bejn l-isqof Pellerano u Dun Gejt Mannarino. F’kapitlu 10 u f’dan il-palazz iseħħ il-laqgħa bejn l-Isqof Pellerano u l-kjeriċi. Sadanittant barra ċorma nies tistenna u tara kif tgħaddi l-ħin, fosthom permezz tal-għana u d-daqq tal-kitarri. Permezz tal-għana tiegħu Kris jesprimi l-inkwiet li l-Maltin jinsabu fih anki taħt Ximenes. Kapitlu 11 joħodna fil-kappella privata ta’ Pellerano, fl-istess Palazz tal-Imdina, u dan waqt il-laqgħa bejnu u l-baruni. Huwa f’dan l-ispazju ċkejken u silenzjuż fejn l-Isqof Pellerano jikxef l-inkwiet ġewwieni tiegħu mal-Mulej: fih għaddejja battalja ġewwiena li tirrifletti wkoll il-ġlieda bejn il-Maltin u l-Gran Mastru, imma anki bejn il-Knisja Maltija u l-Ordni.

Jissemmew ukoll il-Fosos tal-Furjana fejn hemm il-ħaddiema tal-qamħ, filwaqt li l-knisja ta’ San Publiju tinsab fl-ewwel fażi tal-bini tagħha.

Mill-Furjana mmorru f’Ħal Qormi waqt l-Għid tal-1775 u fil-knisja waqt il-Via Sagra. Anki hawn ningħataw deskrizzjoni dettaljata tal-atmosfera li hemm ġewwa, ximindaqqiet solenni u tbeżża’, daqqiet oħrajn komika u għandha mill-grottesk.

Id-data tad-9 ta’ Settembru toħodna lura fil-Belt, fejn tibda r-rewwixta. L-ambjent huwa wieħed imdallam u suspettuż, u jaħkmu sens ta’ tensjoni u stennija. Kapitlu 20 joħodna fi spazji differenti: it-tribunal u ċ-ċella a’ Mannarinu, u aktar tard dar il-baruni fil-Furjana fejn mewt (ta’ Delina) u twelid (Gejtu, iben Kris u Mina), ferħ u diqa, jimxu id f’id taħt l-istess saqaf.

IL-ĠRAJJA

Il-ġrajja ta’ L-IRVELL TAL-QASSISIN isseħħ snin wara l-istorja li Mallia rrakkonta fl-ewwel rumanz ta’ din it-triloġija, bl-isem ta’ Il-Baruni ta’ Ħal Qormi. Iż-żmien li fih Pupull qed jikteb id-djarju tiegħu hu bosta snin wara l-Assedju l-Kbir, żmien meta l-Ordni u t-Torok ma baqgħux miklubin għal xulxin. Hu żmien meta l-Ordni qabad in-niżla. Il-Kavallieri huma meqjusin bħala barranin li jagħmlu l-arja mal-Maltin u għalhekk mhumiex milqugħin iktar tajjeb. Teżisti wkoll rivalità kbira bejn il-Knisja ta’ Ruma u l-Ordni ta’ San Ġwann. Dan hu wkoll żmien meta Malta ħelset mit-theddid estern (it-Torok) u nħakmet minn inkwiet intern: naraw lill-Maltin magħkusin minn tliet forzi li huma l-Gran Mastru, l-Isqof u l-Inkwiżitur. Leħen Mannarino hu favur id-dgħajjef, mela favur il-poplu mgħakkes u mhedded minn dawn il-forzi barranin. Tissemma spiss ukoll ir-rabta li Malta kellha ma’ Sqallija anki f’dak iż-żmien.

F’kapitlu 2 tissemma data preċiża: it-23 ta’ Jannar 1773, marbuta mal-aħbar li Pinto qed imut. Dan hu żmien fejn taħkem ukoll atmosfera ta’ suspett u fejn ħadd ma jafda f’ħadd. F’kapitlu 10 insiru nafu li l-azzjoni qed isseħħ fis-sajf tal-1774. F’kapitlu 13 jissemma x-xahar ta’ Frar. Il-Maltin lanqas huma kuntenti b’Ximenes. Tissemma l-ġlieda bejn l-Isqof u Ximenes dwar il-kaċċa tal-liebru. Kapitlu 15 joħodna fi żmien il-Għid, 1775.

F’kapitlu 16 nifhmu li għadda ż-żmien: jingħad li Pellerano ilu li telaq minn Malta minn Mejju ta’ qabel. Ikomplu l-preparamenti kontra Ximenes. Tissemma d-data tat-8 ta’ Settembru, u l-jum t’għada se jkun jum ir-rewwixta. Din tasal fid-9 ta’ Settembru u ddum xi sigħat imma minħabba li l-għajnuna mistennija ma tasalx tispiċċa fi żmien qasir. Carmel Mallia hawn jinkludi bosta tagħrif ta’ natura storika, mela anki ħwejjeġ li seħħew fir-realtà.

Iż-żmien jimxi b’xahar ’il quddiem f’kapitlu 20: wara li l-kastell ta’ Sant’Iermu jaqa’ lura f’idejn il-Kavallieri, jissemma d-9 ta’ Ottubru, meta jmut Ximenes u jilħaq minfloku De Rohan. Kollox jingħad fil-qosor permezz tal-kumment tan-narratur. Fl-20 ta’ Ottubru jibda t-tribunal tar-ribelli li żammew iebes. Għal ftit jinstema’ leħen Dun Mannarinu jiddefendi l-kwistjoni tal-irvell, u dan permezz tad-diskors dirett. Is-sentenza tingħata fil-25 ta’ Ottubru. Mallia hawn jibbaża ħafna mhux fuq l-istħajjil imma fuq fatti storiċi li seħħew verament. Kapitlu 20 bħal jilħaq il-quċċata fl-għajat patrijottiku ta’ Veffa: “Għad tasal is-siegħa tagħkem, ja qabda ħallilin ta’ Malta. Viva Mannarinu u sħabu.” (p. 227) U anki permezz tal-għana ta’ Kris:

“‘Int eroj ta’ Malta tagħna’
għad jgħajtulek żgħar u kbar;
għad il-Ġrajja tqimek f’għanja
li tgħannilek fuq is-swar.” (p. 229)

Mannarinu bħala eroj jidher ukoll f’kapitlu 24: huwa hu li qed ibati l-konsegwenzi tar-rewwixta li fiha ftit Maltin biss taw sehemhom.F’kapitlu 25 jidħol fir-rakkont Napuljun u l-bidliet li se jġib miegħu. Insiru nafu li għaddew 22 sena mill-irvell. Din hija qabża temporali konsiderevoli. Il-Kavallieri m’għadhomx il-ħakkiema ta’ Malta u l-ispirtu tar-Rivoluzzjoni Franċiża bħal qed jibda jindara mill-Maltin. Hawn tiġi l-aħbar tal-ħelsien ta’ Dun Gejt Mannarinu.

Kapitlu 27 jispiċċa b’definizzjoni ta’ xi jkun eroj u dan f’rabta mal-personaġġ ta’ Dun Mannarinu li jibqa’ juri mħabbtu lejn Malta sal-aħħar tant li jgħajjat, “Vive Napoléon, imma Viva din l-art li tatni l-ħajja, Viva Malta.” (p. 284)

XI XEJRIET TEMATIĊI OĦRA

F’kapitlu 7 hemm l-idea tad-destin, imma jiġu ttrattati anki ż-żewġ forżi opposti, imħabba u mewt. Dan hu rumanz mhux biss storiku imma anki soċjali ladarba jissemmew spiss it-tbatijiet tal-poplu Malti. Hemm ukoll it-tema patrijottika. F’kapitlu 12 jispikka kliem Zanzu: “Aħna hawn Malta ma nistgħux nieħdu ruħ qabel ma jkollna rajna f’idejna.” (p. 147) Tispikka l-idea li m’għandniex ninsew dak li tant tqabdu għalih missirijietna: “Ara kemm batew missirijietna! Jekk inkomplu fejn ħallew huma, ma jkunux batew għalxejn. Iberkuna minn qabarhom.” (p. 148) L-importanza ta’ kliem bħal dan tibqa’ tidwi anki għalina li qed ngħixu fil-preżent: donnu jfakkarna li llum qed ngħixu ħajja komda għax xi darba kien hemm Maltin li tqabdu kontra min ħaqarhom u użahom bla rispett; donnu jfakkarna biex ma nserrħux rasna u b’xi mod nerġgħu lura għal żminijiet koroh bħal dawk.

Twelid, mewt u patrijottiżmu jerġgħu b’saħħithom f’kapitlu 17: kontra l-irwiefen tar-rewwixta hemm Mina li tistieden lil żewġha Kris imiss żaqqha ħalli jħoss il-ħajja ġdida li hemm fiha. Mina taf bir-rewwixta u hi favur li żewġha jkun fost dawk li jitqabdu għal Malta ħielsa mill-Kavallieri. Jispikkaw żewġ tipi ta’ mħabbiet: dik bejn il-miżżewġin u familjari, u dik lejn il-patrija. Nifhmu li familja hienja ma tistax teżisti f’art maħkuma minn barrani ħajjen. Il-mewt tiġi deskritta bħala “s-sultana waħdanija, is-sultana ta’ kulħadd, is-sultana li quddiemha kulħadd ikollu jbaxxi rasu, kemm jekk ikun sultan, kemm jekk ikun tallab.” (p. 202)

In-narratur dejjem ifakkar li “kien hemm ħafna wkoll li ma kellhomx għaxja ta’ lejla u kienu jittallbu.” (p. 201) Dan jintrabat mat-tema soċjali u l-faqar taħt il-Kavallieri.

F’kapitlu 21 tidħol ukoll it-tema tar-rikonċiljazzjoni. Wara r-ribelljoni Zanzu jintbagħat fl-eżilju Sqallija. Isseħħ laqgħa bejnu u bejn De Stef li joffri li jreġġa’ lil Zanzu lura Malta. Apparti r-rikonċiljazzjoni bejn partijiet opposti, hemm ukoll ir-rikonċiljazzjoni mal-verità: bis-saħħa tal-kavallier De Stef, Zanzu jerġa’ jingħaqad ma’ familtu f’Malta u Kris isir jaf fiċ-ċert min hu l-veru missieru.

It-tema tal-patrijottiżmu tagħlaq dan ir-rumanz. Infatti f’kapitlu 27 Mallia jfakkarna fl-imħabba li għandna nuru lejn art twelidna, u dan jagħmlu permezz tal-kwartina ta’ Kris:

“Kemm hi sbejħa Malta tagħna!
Ħabib tiegħi, tmaqdarhiex;
uri dejjem li taf tħobbha,
aħlef li ma tinsihiex.

U kif tista’ qatt tinsieha
jekk int tqum u torqod fiha!”

IL-PERSONAĠĠI

Minn kif jitkellem Pupull Barbone jidher li hu qrib il-fqir u l-batut, ta’ natura ġeneruża meta jkun hemm bżonn. Jagħżel ħajja ta’ avventura fuq ix-xwieni tal-Ordni u jqis lil Malta bħala għeluq u gaġġa.

Niltaqgħu sa mill-bidu ma’ Dun Mannarinu li ma jaħmilx lill-Ordni għax korrott, u l-kavallier Franċiż De Stef. Lil dawn narawhom f’konfront dirett li jseħħ fid-dlam tal-lejl. Huwa ironiku l-fatt li Dun Mannarino ma jifhimx il-Latin.

Permezz ta’ Liża, Mallia jittratta r-rabtiet illeċiti bejn tfajliet u nisa Maltin, anki miżżewġin, ma’ bosta barranin. Hemm ukoll il-biċċa ta’ Kris, iben Liża, imma li aktar tard jinkixef li missieru mhux Zanzu imma l-Kavallier De Stef.

Persunaġġ ieħor hu Dun Ġużepp Zahra, mill-Furjana, anki hu kontra l-aġir ta’ Pinto. Hemm ukoll Pasass li huwa parti mir-rewwixta. Aktar persunaġġi huma l-baruni Baskal u bintu Gelsomina, u l-pastaż Kristofru, fil-palazz tal-Furjana. Reliġjuż ieħor huwa Patri Pupull, imfittex għall-pariri tiegħu minn kulħadd. Fid-djalogu bejn Dun Gejt u Patri Pupull jinħass sewwa l-ispirtu u l-ambjent Franġiskan li bih huma mdawrin: faqar, sempliċità u altruwiżmu kemm lejn il-bniedem kif ukoll lejn l-annimal, anki ħlejjaq ċkejknin bħall-werżieq.

Mallia jaf kif jagħti tassew il-ħajja lill-personaġġi tiegħu, anki billi jorbot magħhom ġestwalità u atteġġjamenti partikolari: hekk l-Isqof Pellerano jidher nervuż quddiem iż-żjara mhix mistennija ta’ Dun Mannarinu u ħbiebu; tolqot ukoll id-deskrizzjoni ta’ Barbaġann.

Lil Dun Gejt Mannarinu narawh anki f’kapitlu 15 f’Ħal Qormi waqt funzjoni tal-Via Sagra, żmien qrib il-Ġimgħa l-Kbira: dak tiegħu huwa kliem ta’ twissija u ta’ biża’ u rifless ta’ soċjetà “medjevali” fejn kienet għadha taħkem l-injoranza fost il-parti l-kbira tal-poplu.

GĦELUQ

Bħal dejjem Karmenu Mallia permezz ta’ L-IRVELL TAL-QASSISIN jagħtina fuq naħa xogħol mimli tagħrif interessanti dwar epoka storika ewlenija fl-istorja ta’ pajjiżna, u fuq l-oħra, xogħol li żgur jagħti pjaċir lil min jaqrah permezz ta’ mekkaniżmi narrattivi differenti, imma anki bis-saħħa ta’ lingwaġġ mill-isbaħ u mżewwaq anki b’partijiet li għandhom mill-poeżija.
_____________ o _____________



Tuesday, July 8, 2014

BELOVED CONVICT ta' Lou Drofenik, Maltese Historical Association, 2011

Dan hu rumanz ta’ ftit iktar minn 350 paġna. Drofenik tagħżel din il-binja għalih:

 6 Partijiet ewlenin:

1.     Prologue - Żmien preżenti - 6 paġni;
2.     The Final Years of the Order of St. John of Jerusalem Malta 1785-1798 – Żmien passat.
     Amelia – 22 paġna;
     Isabella – 45 paġna;
     Salvatore – 12-il paġna;
     Last days of the Order – 44 paġna;
     Antoin – 30 paġna;
3.     The French Occupation May-1978- September 1800 – 20 paġna;
4.     Life During the English Occupation – 49 paġni;
5.     Bound for New South Wales
     Preparation for a Journey on the Convict Ship HMSS. Dromedary – 19-il paġna;
     The Journey – 27 paġna;
     Journey’s End – 5 paġni;
     Imperia – 27 paġna;
6.     Epilogue – 9 paġni.

1.     Il-Prologu

Il-Prologu hu miktub fil-korsiv. Hawn għandna l-leħen narranti ta’ min qed jikteb fil-preżent, l-awtriċi stess. Tħoss bħal vuċi ġo fiha li qed tħeġġiġha biex taqbad il-pinna u tikteb, “it is Salvatore who beckons.”; “This is what she has to do. Turn words into flesh.” Hemm l-idea tal-kelma (il-verbum) li tingħata l-ħajja mill-artist fis-sens wiesa’. F’din l-ewwel parti jispikka l-appell għas-sensi u naqraw dwar il-kċina Maltija, il-ħolm u r-rabtiet familjari. Aktar tard nifhmu li l-ħolm, flimkien mal-magħmul, id-destin, is-superstizzjoni, u l-mewt huma kollha elementi importanti f’Beloved Convict.

2.     The Final Years of the Order of St. John of Jerusalem Malta 1785-1798

Wieħed jinnota li anki f’dan ir-rumanz – bħal f’rumanzi oħrajn tagħha - Drofenik tagħti lil partijiet differenti ismijiet ta’ personaġġi. Din it-tieni parti tinqasam f’ħames taqsimiet u tirrakkonta ħwejjeġ li seħħew fil-passat. L-ewwel taqsima AMELIA tibda b’data speċifika: 11 ta’ Lulju 1786. L-ewwel żewġ kelmiet huma “Joseph Vella”, l-istess isem (Giuseppe Vella, anki hu kappillan) li l-kittieb kontemporanju Sqalli Leonardo Sciascia juża fir-rumanz tiegħu Il consiglio d’Egitto (1963) li l-azzjoni tiegħu kienet ambjentata bejn l-1782 u l-1795. Dan kien żmien meta l-figura tal-qassis kellha rwol importanti proprju għax il-Knisja kienet għadha b’saħħitha. Min-naħa l-oħra ma ninsewx li dawn huma s-snin tal-Illuminiżmu Franċiż, meta l-Franċiżi spikkaw għall-intelliġenza tagħhom u għat-tfittxija eterna tal-għarfien.

Mill-ewwel jinħass li Lou Drofenik qed tinseġ truf differenti biex fl-aħħar nett tibni storja sħiħa. Hija ssensel sewwa stejjer differenti marbutin ma’ individwi u familjari differenti li fl-aħħar mill-aħħar kollha jissawbu waħda fl-oħra b’sengħa kbira biex jiffurmaw rumanz wieħed. Hemm ir-rabta bejn Imperia u missierha (li hu kummerċjant, baħħar u kaptan), l-ispazju tal-port u l-baħar bis-seħer kollu tiegħu. Niltaqgħu ma’ Antonio Bonnici, iben missier mhux magħruf, imwieled Malta u li bis-saħħa t’ommu Amelia joħroġ mill-għeluq ta’ dawn il-gżejjer proprju fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.

Element stilistiko-narrattiv importanti huwa l-appell għas-sensi: “the perfume of stephanotis”, “the smell of places where he had been” (xamm), dik li Drofenik issejjaħ ukoll “olfactory memory”. Anki din hija parti mill-memorja ta’ snin u avvenimenti li għaddew imma li għadhom ħajjin. Element stilistiku ieħor huwa t-tħaddim ta’ punti di vista differenti, mela r-realtà jew ir-rakkont mgħoddi lilna kemm minn ilħna u kuxjenzi rġiel kif ukoll nisa. Stilistikament Drofenik talterna u tvarja l-ispazji fejn iseħħu azzjonijiet differenti, fosthom il-Belt Valletta, Lipari, Napli, l-Imdina, imma anki l-Wardija, il-Pwales, il-Madliena u Għawdex. It-teknika tal-kuntrast tispikka qatigħ f’dan ix-xogħol: per eżempju, fl-aħħar parti tat-taqsima ISABELLA naraw fuq naħa lil Isabella Diacono mejta fil-karru tal-mejtin u d-diqa ta’ żewġha Giacomo, u fuq l-oħra Pandolfu mimli b’imħabba għal Amelia. Hawn il-karru tal-mejtin u l-maltemp isiru ħaġa waħda biex joħolqu atmosfera griża.

Huwa żgur li Lou Drofenik għamlet sewwa r-riċerka storika tagħha biex issaħħaħ l-isfond ta’ dan ir-rakkont tagħha. Tissemma data oħra – l-14 ta’ Awwissu 1795 – mela hu ż-żmien wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, ftit qabel il-waqgħa tal-Ordni f’Malta. Personaġġ ieħor huwa l-kavallier Franċiż Déodat Gratet de Dolomieu li jiġi lura Malta imma f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina. Hemm ukoll Pandolfu l-falkunier li jieħu grazzja ma’ tfajla li ma tissemmiex b’isimha. Wieħed mill-ispazji fejn isseħħ l-azzjoni hija Strada Mercanti, il-Belt. Id-destin jibda jseħħ: it-tfajjel Antonio, iben Amelia, jiltaqa’ mal-kavallier Déodat. Jinħass li hemm xi ħaġa komuni bejniethom. Hemm ukoll Isabella u Giacomo Diacono: iż-żwieġ bejniethom mhux sejjer tajjeb u jeżisti wkoll is-suspett ta’ tradiment. Isabella hi kontra l-ugwaljanza, filwaqt li żewġha jaqbel mat-tliet prinċipji tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

It-taqsima ISABELLA tiftaħ bl-idea li Franza, bħala l-pajjiż tal-Illuminiżmu, toffri l-opportunità biex wieħed jiftaħ moħħu għall-għarfien. Amelia tikkonvinċi lil Déodat biex jieħu lil binha Antonio miegħu fi Franza: “Knowledge, you always said, should belong to everyone. Take him.” Amelia hija l-omm ambizzjuża li tixtieq lil binha jilħaq stat ogħla; dan jintrabat mal-problemi soċjali tal-epoka, fosthom il-faqar, it-tfal abbandunati, il-prostituzzjoni, il-mard u l-injoranza. Il-kwalitajiet li jikkaratterizzaw lil Amelia Bonnici huma l-indipendenza, is-saħħa tal-ispirtu u r-ras iebsa. Min-naħa l-oħra Isabella Diacono kienet timla jiemha bil-paroli tas-servi, il-ġirien u l-qassisin. Nifhmu li hemm mentalitajiet opposti - Amelia kontra Isabella. Isabella tikkunsidra lil Amelia bħala prostituta. Għalkemm Isabella ma taħmilx lil Amelia, min-naħa l-oħra hija kurjuża dwar kif l-oħra tiġbed daqstant irġiel lejha. Drofenik tagħti importanza kbira lill-personaġġi nisa li jieħdu l-ħajja permezz ta’ deskrizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet soċjali, burdati u sitwazzjonijiet emottivi differenti. Din Isabella hi wkoll kapaċi tiġġenera ħsibijiet profondi: “If we don’t remember our birth, we won’t have any recollection of our death either.” (p. 68) Dan il-ħsieb bħal jixħet dawl fuq dak li għandu jseħħ ftit wara. Isabella għandha wkoll don jew saħta: il-ħolm u l-preveġġenza, element komuni fir-rumanzi ta’ Drofenik. Isabella toħlom dak li fir-realtà m’għandhiex: imħabba vera min-naħa ta’ żewġha. Dan għax Giacomo Diacono kellu jiżżewwiġha kontra qalbu u minħabba dak li jiddettaw ir-regoli tal-klassi soċjali l-għolja. Ix-xogħol tiegħu bħala baħħar u kummerċjant kien jgħin ukoll biex jaħrab minn din ir-realtà instabbli tassew. Min-naħa l-oħra Amelia Bonnici toħlom lil binha li tbiegħed minnha għax riedet hi stess: dik tagħha hi ħajja ta’ sagrifiċċju u mħabba.

Apparti dan ir-rakkont mistħajjel Drofenik ma tħallix barra r-rakkont li għandu mir-realtà storika: il-preparazzjonijiet minn taħt u fis-sigriet biex iwasslu għall-waqgħa tal-Ordni, u l-Belt Valletta bħala ċ-ċentru fejn kien qed isir dan it-tixwix. Tissemma wkoll ir-rabta bejn Malta u Napli u anki l-falkun li kien jingħata bħala rigal. Hija interessanti d-deskrizzjoni bl-attivitajiet għaddejjin fil-Port il-Kbir (preżenza kostanti matul ir-rumanz), b’ċerti dettalji li jintrabtu mal-istorja u żmien l-Ordni. Din li tiddeskrivi Drofenik hija soċjetà ta’ kuntrasti: fuq naħa “greed and extravagance”, u fuq l-oħra, “abject poverty and great cruelty”. Hija soċjetà maħkuma minn tliet forzi rivali: l-Ordni, l-Inkwiżizzjoni u l-Knisja stess, kollha oppressuri u fittiexa tas-setgħa. U proprju f’dan iż-żmien in-nies tibda tistaqsi l-aġir tal-Ordni fl-imgħoddi u fil-preżent. Din hija wkoll Malta meta fiha kienu jgħixu flimkien nies minn pajjiżi differenti, b’kulturi, twemmin u lbies differenti. Fuq livell storiku jissemma saħansitra Mikiel Anton Vassalli u l-ħidma tiegħu fuq il-Miklem. Aktar tard jissemma wkoll il-maltemp li minnu kienet għaddejja l-Ewropa (il-kunflitt bejn Napuljun u l-Imperu Awstro-Ungariku) u anki Malta stess (il-ġlied bejn il-kavallieri Taljani u Franċiżi).

L-ixprunara ta’ Giacomo Diacono tiġbor fiha personaġġi differenti: Giacomo stess (onest u jemmen f’ċerti valuri), il-kavallier Déodat (skular u riċerkatur), iż-żagħżugħ Antonio Bonnici, il-falkunier Pandolfu, Tomaso Frendo (kuntrabandista u opportunist), u l-ajjutant Filippu. Kollha għandhom rwol fin-nisġa tar-rumanz. Fuq din l-ixprunara u matul il-vjaġġ li tagħmel naraw id-destin ta’ tant personaġġi differenti b’daqstant ħolm differenti: hemm min il-ħolm tiegħu jifrex fuq spazji usa’ minn ta’ oħrajn. Jispikka wkoll il-kuntrast bejn Antonio Bonnici, iben Amelia, li hu determinat u rasu iebsa bħal ommu, u Salvatore Diacono, - ironikament edukat minn qassis - ribell, jistaqsi dak kollu li jingħadlu u ma jemminx f’dak li ma jistax jiġi ppruvat. Hemm ċerta ironija fil-karattru ta’ dawn it-tnejn, ladarba ġejjin minn klassijiet soċjali differenti.

It-taqsima SALVATORE toħodna fl-Imdina. Niltaqgħu maz-zijiet Custodia u Arnaud Cassar, anki dan tal-aħħar ivvjaġġja ħafna, hu poliglotta imma jitkellem bit-Taljan flok bil-Malti. Aktar ’il quddiem naqraw li Arnaud huwa wkoll kollezzjonist ta’ oġġetti antiki u rari. Min-naħa l-oħra Custodia temmen li l-Malti hu lsien awtentiku u li qatt mhu se jikseb l-istat li jixraqlu jekk ma jiġix mitkellem mill-klassijiet l-għolja. Għalhekk Custodia hi ammiratriċi ta’ Mikiel Anton Vassalli minħabba d-dedikazzjoni tiegħu bil-kitba tal-Miklem.

Kuntrast ieħor hu bejn Custodia u Isabella. Tal-ewwel temmen li hemm bżonn li l-mara tkun manipulattiva biex tgħix, u li tkun mara ma jfissirx li tkun vittma u dgħajfa. Custodia kienet saħansitra tirribatti lill-Monsinjur rigward argumenti filosofiċi. Kuntrast ieħor hu dak bejn il-lezzjonijiet fl-Istorja u fil-Ġografija ta’ Dun Joseph (ibbażati fuq il-kotba) u dawk taz-ziju Arnaud (ibbażati fuq l-esperjenza personali). Huwa f’dan il-kuntest li jikbru l-aħwa Imperia u Salvatore li, minn naħa jitilfu lil ommhom Isabella, imma minn oħra jakkwistaw it-tagħlim wiesgħa ta’ zijuhom. Salvatore jaqa’ fil-muta wara l-mewt ta’ ommu: dan jista’ jfakkar fil-protagonista truxa u muta fir-rumanż ta’ Dacia Maraini, La lunga vita di Marianna Ucria (1990). Il-baħar f’dan il-każ hu s-soluzzjoni biex Salvatore joħroġ mill-muta tiegħu. Joħroġ kuntrast anki fl-ispazji: fuq naħa l-kwiet u l-kalma t’Għawdex u fuq l-oħra l-ħajja interessanti u mimlija attivitajiet fil-Belt Valletta. Dan nerġgħu narawh aktar ’il quddiem fil-parti The English Occupation.

Tissemma data oħra: Settembru tal-1796, u anki l-fatt li l-Mediterran hu infestat minn bċejjeċ tal-piraterija. Dan biex l-azzjoni mistħajla tar-rumanz dejjem titqiegħed fuq sfond storiku preċiż. Wieħed jinnota wkoll żvilupp fil-ħajja tal-personaġġi u anki bidla fir-relazzjonijiet bejniethom. Dan jagħti nifs ġdid lir-rakkont. Id-destin ta’ missier u iben (Giacomo u Salvatore Diacono) se jgħaqqadhom flimkien.

It-taqsima LAST DAYS OF THE ORDER tiftaħ b’parti fil-korsiv. Mela għandna rabta mal-bidu ta’ dan ir-rumanz (il-Prologu): naqraw għal darb’oħra kliem l-awtriċi fil-preżent li qed tikteb l-istorja dwar Salvatore Diacono. Wara naqraw b’data oħra u post speċifiċi: tlitt ijiem wara l-Milied, fir-Rabat. Aktar tagħrif dwar l-isfond storiku: min se jieħu post De Rohan?; Bonaparti u l-bidliet li qed jintroduċi fis-sistemi legali tal-pajjiżi maħkumin minnu, fosthom il-firda bejn Stat u Knisja, l-introduzzjoni taż-żwieġ ċivili u d-divorzju u l-liberazzjoni tal-iskjavi; it-Trattat ta’ Campo-Formio; u ż-żieda tal-preżenza tal-Ingliżi fil-Mediterran. Jissemmew wkoll il-Grand Tour li bosta Ingliżi kienu jagħmlu f’dan iż-żmien, ir-rivalità bejn ix-xwieni Maltin u Venezjani, it-theddida tal-malarja u l-pesta, l-ispiji ta’ Napuljun f’Malta, l-Isqof Labini. Fuq kollox Drofenik jirnexxielha twassal il-ħażin u t-tajjeb li ġabu magħhom il-Kavallieri, imma anki l-inċertezzi tal-Maltin, l-aktar tal-klassi l-għolja, dwar xi jseħħ jekk jitlef l-Ordni u minflok Malta tħaddan il-valuri tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Ftit wara jissemma wkoll April. In-neputijiet Imperia u Salvatore jkomplu jgawdu mill-kumpanija taz-zijiet fl-Imdina permezz tal-interess tagħhom fil-qasam kulturali. Salvatore jakkwista tagħlim (anatomija, arti, politika, ġografija, ismijiet ta’ ħut, ilsna differenti u l-virtujiet tal-kuraġġ u l-integrità) u esperjenzi (il-vjaġġ lejn il-Morea u l-laqgħa ma’ baħrin, poeti, kittieba u artisti) ġodda permezz tal-vjaġġ tiegħu fuq il-baħar, u anki matul is-17-il jum ta’ kwarantina li jkollu jgħaddi fuq Manoel Island. Huwa vjaġġ li lil Salvatore jerġa’ jħollu lsienu. Jasal ukoll Ġunju (fil-Belt) u ftit wara Lulju. Dan hu l-istess xahar (Lulju 1797) li fih imut De Rohan u jiġi elett Ferdinand de Hompesch. Il-mewt ta’ De Rohan ġġib magħha tmiem ta’ epoka.

Drofenik tippreparana minn qabel għal dak li se jsegwi daqt. Dan kollu inissel kurżità fil-qarrej u jimbuttah biex ikompli jaqra. Matul dan il-proċess kollu Drofenik issir l-istess personaġġi tagħha billi tidħol fl-ibgħad irkejjen ta’ qalbhom, ruħhom u ħsibijiethom, biex b’hekk jinkixfu anki l-inċertezzi u l-beżgħat tagħhom.

Din it-taqsima tispiċċa b’enfasi fuq il-personaġġi nisa mill-ġdid. Hemm Tereża, omm Giacomo Diacono, li ma taqbilx sal-aħħar – minkejja li wara tagħtih il-barka tagħha - li binha jiżżewweġ lill-prostituta Amelia, anki minħabba differenzi ta’ klassi soċjali. Hemm il-mistoqsija ta’ Giacomo lil ommu dwar jekk martu Isabella fil-verità qatlitx ruħha b’idejha.

It-taqsima ANTOIN toħodna direttament f’Pariġi. Iż-żmien hu qrib il-Milied. Mela minn gżira ċkejkna nittieħdu f’pajjiż kbir u modern. Antonio Bonnici jgħaddi minn żminijiet ta’ solitudni ’l bogħod minn pajjiżu u minn min iħobbu. Jasal il-Milied, f’Isére, il-post fejn Déodat kien jgħix bħala tifel. Niskopru ċertu xebh bejn l-infanzja ta’ dan il-kavallier Franċiż u dik ta’ Antonio Bonnici: il-tnejn kellhom iħallu darhom u l-familja kontra qalbhom ta’ 12-il sena. Antonio jkollu bil-mod il-mod jidra l-ħajja avventuruża ta’ Déodat – interessat fil-ġeoloġija -, imma anki lsien, ikel u nies differenti b’ideat stimulanti u varjati. Lura f’Pariġi post-Revoluzzjoni naqraw dwar laqgħa ma’ Bonaparti nnifsu u mal-poeta Arnault. Tissemma d-data speċifika tal-4 ta’ Jannar 1799. Niskopru wkoll li missier Antonio Bonnici, issa Antoin, kien Franċiż. Déodat jammetti li l-Ordni m’għadhiex relevanti fiż-żmien modern, u anki li qatt ma kien hemm relazzjoni b’saħħitha bejn l-Ordni u l-klassi aristokratika Maltija, l-Isqfijiet u l-Inkwiżizzjojni. Min-naħa l-oħra Déodat jħoss li jekk Napuljun jersaq lejn Malta jieħu miegħu bosta teżori imprezzabbli, kif għamel meta ħakem lill-Italja. Proprju f’Pariġi u matul il-laqgħa ma’ Napuljun, Déodat ma jibżax jgħid f’wiċċ Napuljun dak li jaħseb dwar l-opri tal-arti misruqa: “A country’s patrimony Monsieur General should stay in its own place”. (p. 163) Hawn għandna ħarsa ’l quddiem ta’ x’jista’ jseħħ minn hawn u ftit ieħor – l-ispedizzjoni li tieħu lil Napuljun u l-forzi tiegħu f’Malta -, imma anki l-fatt li qalb Déodat hija marbuta ma’ Malta, minkejja li Franċiż.

Iż-żmien ikompli miexi ’l quddiem: l-ewwel Ħadd ta’ Mejju. Drofenik tirrakkonta ġrajjiet żgħar (f’Pariġi u f’Malta) f’rabta mal-familji li madwarhom iddur l-istorja mistħajla tar-rumanz u li jissawbu ma’ ġrajjiet akbar ta’ natura politika u internazzjonali. Isir it-tieġ bejn Amelia u Giacomo Diacono. Tereża  Diacono tisfida l-ambjent li kibret fih billi taqra l-karti, proprju fil-Birgu u qrib il-Palazz tal-Inkwiżitur. Mill-ġdid is-saħħa u l-influwenza tal-karattri nisa fir-rumanz ta’ Drofenik.

3.     The French Occupation May 1978- September 1800

Din ukoll hi parti li tiftaħ b’data speċifika: il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 1798. Drofenik tagħtina deskrizzjoni tal-ħajja ta’ kuljum fit-toroq Maltin, f’dan il-każ fil-Birgu. Jinħass kif fl-attività li hemm fit-toroq hemm riflessa t-tradizzjonijiet kulinari Maltin: is-sajjieda, il-furnara, il-qagħaq, il-kappar, it-tursin, in-nagħnigħ, il-bajtar tax-xewk, il-bebbux, it-tin, u l-għajta tal-bejjiegħa. Anki hawn jispikka l-appell għas-sensi għal darb’oħra, bħalma jispikkaw ftit iktar ’il quddiem: “As she aged, Tereza Diacono became convinced that her body was excuding the same stale odours that had enveloped her grandmother in the final years of her life [...] the odour rising out of her grandmother’s scalp [...] a thick sour smell [...] there’d always be some kind of eau de cologne in her house [...] rose-scented soaps and perfumed powders”. (p. 185)

Drofenik tiddeskrivi wkoll il-wasla tal-Franċiżi fil-Port il-Kbir, bil-Maltin bħala poplu ċkejken xhud ta’ ġrajja storika hekk kbira. Jinħass li Napuljun se jġib miegħu bidla fit-tradizzjonijiet, fosthom fit-twemmin. Il-ġrajja nazzjonali u internazzjonali li seħħet fir-realtà tintrabat mal-ġrajja mistħajla, b’Antonio Bonnici li jiġi lura Malta ma’ Napuljun u Dolomieu. Aktar tard Antoin Bon jitlaq mal-forzi ta’ Napuljun fi triqtu lejn l-Eġittu. Għal darb’oħra Drofenik tagħtina dettalji f’rabta mal-isfond storiku. Hija tuża terminu modern biex tiddeskrivi bidla kbira li seħħet iktar minn 200 sena ilu: Napuljun ġab miegħu “tsunami of change sweeping” fuq il-ħajja taċ-ċittadini ordinarji. (p. 182) Jissemma personaġġ storiku bħal Vaubois. Il-personaġġi mistħajla jinvolvu ruħhom fil-ġlieda kontra s-suldati ta’ Napuljun b’modi differenti.

Il-qari tax-xorti u l-preveġġenza (motiv li jirrikorri matul ir-rumanz) min-naħa ta’ Tereza Diacono joffri tama lil dak li jkun, imma jaħbi wkoll ħwejjeġ koroh. Narrattivament jinħoloq interess fil-qarrej dwar dak li jista’ jseħħ.

F’din il-parti jitħaddem mekkaniżmu narrattiv ieħor: il-flashforward, jew il-ħarsa ’il quddiem: “Years later, Antonio would describe the twenty-one months he spent in Messina...” (p. 186) Fiha nnifisha din hija ħarsa lura fiż-żmien, imma mill-ġejjieni. Permezz ta’ din il-parti l-qarrej bħal jiġi aċċertat li Antonio ma mietx wara li telaq lejn l-Eġittu ma’ Napuljun. Din hija wkoll parti li tintrabat mal-aħbarijiet ħżiena li Giacomo jkun ġab miegħu dwar Dolomieu ftit qabel. L-ispazji hawn huma Messina u l-Eġittu. Drofenik ma tinsa qatt il-kumbinazzjonijiet tad-destin. Dolomieu jikteb bħal djarju waqt li jkun il-ħabs f’Messina, xi ħaġa komuni għal min kien bniedem ta’ kultura.

Iż-żmien hu Jannar tal-1800. Hu żmien ta’ eroj u tradituri. Imperia issa għandha 15-il sena u l-Franċiżi jinsabu maqfulin fil-Belt Valletta waqt ir-rewwixta tal-Maltin li jintlaqtu minn faqar kbir. Jasal ukoll il-15 ta’ Awwissu. Drofenik tiddokumenta l-4 ta’ Settembru meta l-Franċiżi ċedew. Custodia u Arnaud huma fost dawk li jifhmu li l-Maltin ġew umiljati kemm mill-Franċiżi kif ukoll mill-Ingliżi. Jaslu l-Ingliżi li anki huma ma jittrattawx tajjeb lill-Maltin. Naraw kif il-Maltin minn dejjem għamlu mill-aħjar biex jadattaw għall-ħakmiet differenti, anki fuq livelli differenti.

Mill-ġdid l-istorja mistħajla: l-ambizzjoni ta’ Salvatore hija ikbar minn dik ta’ missieru għax jixtieq joħroġ ’il barra mill-Mediterran. Minkejja li Déodat imut, hu jħalli lil Antoin f’idejn tajbin, Sir Joseph Banks. Hu hawn fejn naraw li “the world of scientific research is above politics.” (p. 196) Tispikka l-imħabba ta’ Antoin għall-botanika.

4.     Life During the English Occupation

F’din il-parti naraw lil Malta waqt perijodu storiku ġdid, il-ħakma tal-Ingliżi. Żgur li l-għażla ta’ Drofenik tfakkar f’rumanz storiku bħalma huwa Taħt Tliet Saltniet ta’ Ġużè Aquilina li ħareġ għall-ewwel darba fl-1938. Bil-mod il-mod ir-rakkont jibda jdur iktar madwar il-ħajja ta’ Antonio u Salvatore. Custodia, iz-zija ta’ Imperia u Salvatore, tirrappreżenta lill-mara b’saħħitha bħala karattru, mhux dik dgħajfa u fil-bżonn (bħalma kienet Isabella Diacono). Drofenik tintroduċi personaġġ ġdid: Martina Caruana. Salvatore jiżżewweġ għat-tieni darba u dan iġib bidla fil-karattru tiegħu. Is-sena hija l-1806 u x-xahar Jannar, li ftit wara jsir l-20 ta’ Lulju. Spiss il-mewt ta’ Isabella Diacono titqies bħala punt ta’ riferiment.

Amelia u l-baħar huma ż-żewġ imħabbiet ta’ Giacomo Diacono, punt ta’ tluq u ta’ ritorn fl-istess waqt. Hemm ukoll il-motiv tat-tifkira li taf tnissel hena u tbissima, imma anki nostalġija: Arnaud u Custodia jiftakru fiż-żmien meta kienu f’Perugia. Mill-ġdid Drofenik titfa’ dawl fuq x’jista’ jseħħ fil-ġejjieni, li mhu xejn sabiħ. Niftakru fi kliem missier Amelia: “Il-Miktub magħmul” (p. 203). Tereża titkellem ma’ binha Giacomo dwar ibnu Salvatore li issa sar marbut wisq ma’ Martina.

Il-mistenni-mhux mistenni jseħħ. Drofenik taħsadna b’sentenza qasira imma effettiva: “Then there was chaos”, f’nofs il-paġna. Isseħħ traġedja li tolqot il-Birgu u li tinfluwenza wkoll il-ġejjieni ta’ Salvatore. Fi Drofenik nifhmu wkoll li l-bniedem hu sħiħ, bil-qalb, bir-ruħ u bil-ġibdiet fiżiko-senswali tiegħu kollha. Mingħajr ma l-ħaġa tingħad direttament, Salvatore jintlaqat fil-laħam il-ħaj minn din it-traġedja; dak li kien imħabbar mill-karti jseħħ. Il-bidla kontinwa u anki s-sorpriża huma b’hekk mekkaniżmi narrattivi oħrajn li jirrendu lil dan ir-rumanz ħaj.

Jaħkmu f’dan il-waqt żewġ forzi: fuq naħa, il-mibegħda ta’ Salvatore lejn l-Ingliżi li tiżdied; fuq l-oħra, il-biża’ tal-Maltin minn Alla u s-superstizzjonijiet quddiem katakliżmi bħal dik li seħħet fil-Birgu. F’dan il-każ il-vjaġġi fuq il-baħar iservu bħala duwa, serħan mit-tbatija u tnessija ta’ dak li seħħ għal Salvatore. L-istess Salvatore jemmen li ġibed fuqu l-korla t’Alla – Alla li jpatti - billi ħabb ħafna lill-ewwel mara tiegħu.

Drofenik tintroduċi personaġġ ġdid: Generosa Bugeja, it-tieni mara ta’ Salvatore, tfajla determinata. Jitħaddem flashforward ieħor: Drofenik tgħidilna li dan iż-żwieġ se jdum tmien snin. Jingħad ukoll li jikber l-interess ta’ Imperia fil-flora Maltija li ssir botanista u etimoloġista, u tiġi impjegata għal erba’ snin mill-Kulunell Ingliż Harry Clifford. Filwaqt li Imperia titgħallem ħafna mill-bdiewa (li jiddependu mill-burdati tat-temp) u mill-art, ħuha Salvatore jitgħallem ħafna mill-baħħara u mill-baħar.

L-interess fix-xjenzi (fosthom fil-botanika) jgħaqqad Maltin, Ingliżi u Franċiżi flimkien. Intant Antonio Bonnici jibda jaħdem mal-pittur botaniku Franżiċ Redouté. Il-botanika – fis-seklu 19 kienet ingħatat importanza ewlenija lill-ġonna botaniċi - mela hija wkoll interess komuni bejn Imperia u Antonio. Minn Pariġi Antonio jmur Londra, u dan fir-rebbiegħa tal-1810. Isir jaf lil Sir Joseph Banks, bniedem b’interess f’bosta oqsma bħall-botanika, l-ortikultura, l-arkeoloġija, l-arkitettura, it-trobbija tal-bhejjem, il-politika, l-astronomija u s-saħħa tal-ħabsin mibgħuta fil-kolonji. Anki jekk bogħod minn xulxin id-destin ilaqqa’ lil Imperia u lil Antonio flimkien. Interessanti ferm huma d-dettalji li Drofenik jirnexxilha tiġbor u tuża f’rabta ma’ oqsma tal-għerf differenti.

Intant il-qarrej jibqa’ l-ħin kollu konxju taż-żmien għaddej: fi spazju ta’ ħames paġni jissemmew ix-xahar ta’ Ġunju, iktar tard Jannar tal-1811, ftit linji wara jingħad li għadda Frar, u aktar tard April. Jinbidlu l-ispazji: Pariġi, Londra, Wales, Malta. Matul dan iż-żmien hemm min imut u jinfired darba għal dejjem minn dawk li jħobb (Arnaud), u hemm min jiltaqa’ mill-ġdid mal-maħbub jew maħbuba tiegħu (Imperia u Antonio). Iż-żwieġ bejn dawn tal-aħħar iservi bħala okkażjoni biex Imperia taħrab mill-miżerja li kienet taħkem f’Malta u tmur tgħix barra.

Rakkont mistħajjel u fatti storiċi jerġgħu jitħalltu flimkien: titwieled Victoria, bint Salvatore u Generosa, imma Marzu tal-1813 iġib miegħu l-pesta li sa April 1814 toqtol eluf ta’ nies fil-gżejjer Maltin u ġġib deżolazzjoni kbira fuq il-Port il-Kbir. Salvatore jinħakem mill-biża’ li jħobb. Hemm  ukoll is-sopranatural: ruħ Martina tidher lil Salvatore fuq id-dgħajsa ’l bogħod minn Malta. Dehra bħal din hi twissija? U jekk twissija, f’rabta ma’ xiex? Il-Gvernatur Maitland iġib miegħu bosta regoli marbutin mal-indafa.

Il-BIDLA fil-ħakmiet tħalli bidla kbira anki f’bosta Maltin, inkluż Pandolfu Mifsud li minn falkunier ta’ De Rohan jispiċċa kennies sempliċi fil-Belt. Hija bidla li ġġib degradazzjoni. Mill-ġdid is-saħħa tad-destin, kiefer ma’ xi wħud iktar minn ma’ oħrajn, ladarba l-pesta ma tolqotx il-familja ta’ Pandolfu. F’moħħ Pandolfu kontra l-ispazju magħluq tal-Belt hemm l-ispazji miftuħin tal-kampanja u l-ħamrija Għawdxin. Il-Belt tintrabat ma’ poter, regoli u rigur fejn jidħol ħin, filwaqt li r-raba’ toffri ħelsien, ħarba, ritorn għall-passat u għall-għeruq, u ħelsien minn dak li jiddetta l-ħin.

Drofenik tagħti nifs ġdid lir-rakkont billi torbot lil Salvatore Diacono ma’ Tomaso Frendo billi jidħlu fi sħab u jixtru dgħajsa akbar. Anki hawn għandna bħal ħarsa ’l quddiem: “Giacomo’s great fear that his son’s partnership with Tomaso Frendo would end in disaster was to be confirmed in just twelve short months.” (p.244) Hawn niftakru li dan hu wkoll rumanz dwar deċiżjonijiet li jittieħdu u l-konsegwenzi li jġibu magħhom. Ir-regħba ta’ Salvatore u n-natura korrotta ta’ Tomaso jitfgħu lil Salvatore fi sqaq. Id-data tat-13 ta’ Ġunju 1817 tibdel kompletament id-destin ta’ Salvatore (l-ewwel ikkundannat għall-mewt u wara ssentenzjat għal 14-il sena ħabs fil-kolonja ta’ New South Wales). Drofenik tislet mill-Gazzetta tal-Gvern tal-11 u tat-22 ta’ Ottubru 1817 rigward id-destin ta’ Salvatore, u dan jagħti lir-rumanz laqta verosimili tassew.

5.     Bound for New South Wales

Anki din il-parti tinqasam f’taqsimiet differenti. Fi PREPARATIONS FOR A JOURNEY... Drofenik tislet mill-ġurnal ta’ abbord tal-Kaptan Richard Skinner (tal-vapur Dromedary) , bid-dati tal-15 ta’ Ġunju 1819, u aktar ’il quddiem 22 ta’ Awwissu. Anki dan jagħti iktar sens ta’ verosimiljanza lir-rakkont mistħajjel.

L-ispazju hu l-Ingilterra, fuq vapur ieħor (The Hulk) b’maġġoranza ta’ ħabsin li jridu jiġu deportati lejn l-Awstralja. Personaġġ ġdid ieħor hu t-tabib ta’ abbord, George Fairfowl. Huwa hawn fejn jibdew it-tbatijiet ta’ Salvatore Diacono (ta’ 33 sena), fosthom is-sogħba tiegħu li tefa’ dawl ikrah fuq familtu u bintu stess.

Drofenik tiffoka fuq il-ħsus u l-ħsibijiet ġewwiena ta’ Salvatore. Il-ħabsin Maltin Francesco Cauchi u Cataldo Brancaleone se jservu ta’ kustodji għal Salvatore waqt dan il-perijodu ta’ kriżi personali kbira. Dan jiġi rifless b’xi mod jew ieħor fid-deskrizzjoni li Drofenik tagħtina tal-miżerja li fiha jinsabu l-ħabsin u tal-qalb samma tal-gwardjani. Jerġa’ jaħkem l-appell għas-sensi f’rabta mad-deskrizzjoni tal-bniedem-annimal: “The early morning groans of a hundred and ninety men cooped up in this hell hole mingled with their early morning farts and stomach rumblings, so that the prison was filled with an indescribable stench which would turn the stomach of any outsider. The prisoners were used to it now and they slid from their hammocks scratching and stretching, yawning and belching...” (p.261) Fuq dan il-vapur ħabs Salvatore jagħmel sena sħiħa fl-umdità u f’kundizzjonijiet terribbli u miżerabbli. Tissemma wkoll il-problema tas-sodomija fost il-gwardjani u l-ħabsin.

Personaġġ ġdid ieħor hija l-ħabsija Eliza Mullins. Drofenik bħal tippreparana għan-nisġa narrattiva li se toħloq f’din il-parti li tfakkarna fit-titlu tar-rumanz, Beloved Convict: dan tagħmlu billi tintroduċi żviluppi u relazzjonijiet umani ġodda.

Ta’ min isemmi wkoll ir-rwol tal-ilsien Malti li jservi bħala element ta’ għaqda, kuraġġ u sigurtà għal min jinsab f’sitwazzjoni ddisprata fejn id-dixxiplina u l-liġi Ingliżi jkomplu jħarrxuha. Anki hawn Salvatore jiltaqa’ mal-ispirtu ta’ Martina li jfakkru fir-redenzjoni, kelma li tirrikorri spiss f’din il-parti.
Anki fl-aħħar ta’ din it-taqsima Drofenik tixħet dawl fuq dak li se jseħħ aktar tard. Mill-ġdid id-destin. Anki mossa jew ġest jistgħu jorbtu żewġ bnedmin li sa ftit qabel kienu stranġieri għal xulxin.

It-taqsima THE JOURNEY tiftaħ bid-data tal-11 ta’ Settembru 1918: il-vapur li fuq hemm Salvatore jitlaq mill-Ingilterra. Il-qarrej jista’ jħoss li hemm nuqqas ta’ kjarezza fejn jidħlu dati, ladarba t-taqsima ta’ qabel din fetħet bid-data ta’ sena wara, 15 ta’ Ġunju, 1819. Il-vjaġġ lejn NSW se jdum iktar minn sena, imma fuq id-Dromedary d-destin bħal jitbissem lil Salvatore li jkollu ħajja dinjituża. Huwa vjaġġ ikkaratterizzat ukoll mill-krudeltà tal-frosta, mill-ħtieġa tad-dixxiplina u mill-biża’ kostanti mill-ammutinament.

Anki hawn insibu riferimenti regolari għaż-żmien għaddej: “Thirteen days out of port...” (p. 283); “The morning of Saturday September the 25th...” (p. 285)

Mill-ġdid l-appell għas-sens tax-xamm: din id-darba riħa partikolari (“a familiar smell [...] the smell of mouldy wheat.”, p. 285) tfakkar lil Salvatore fl-imgħoddi meta kien ibaħħar ma’ missieru. Il-mewt tissemma darbtejn fi spazju ta’ ftit linji: Drofenik tibni ċertu sens ta’ stennija u wieħed jistaqsi x’se jseħħ daqt?

F’rabta mal-motiv tar-redenzjoni, Salvatore jitgħallem jagħmel l-iktar xogħlijiet degradanti u fl-istess ħin umani. Imut ħabsi minħabba kundizzjoni fiżika dgħajfa u jsir il-funeral fuq il-baħar. Mill-ġdid naqraw il-ħsus u l-ħsibijiet ta’ Salvatore li minħabba t-tbatija ta’ xogħlu jiftakar fi kliem marbut mal-passjoni ta’ Kristu, kliem ġej mill-imgħoddi. Jikteb saħansitra ittra lil oħtu fejn jiftakar fl-imgħoddi li tilef. Joħroġ il-fatt li hu bniedem ta’ skola u jispiċċa l-ittra bi kliem Dante mill-kantika tal-Infern: “Leave all hope behind all ye who enter.” (p. 290) Bħala parti mill-proċess tar-redenzjoni naraw lil Salvatore jdewwi lil ħabsi li jkun għadu kemm qala’ daqqiet ta’ frosta, jempatizza mat-tbatija tal-ħabsin madwaru, imma anki jistaqsi fis-skiet għadd ta’ mistoqsijiet: “Why does God let all this injustice happen? Why? But why think about God? There is no God...” (p. 293)

Dan kollu huwa parti minn mekkaniżmu narrattiv ieħor li jġiegħel lill-qarrej iħoss it-tul tal-vjaġġ li jħalli s-sinjali tiegħu fuq il-passiġġieri u l-ħabsin, kemm psikoloġikament kif ukoll fiżikament. Hu vjaġġ li matulu Salvatore jitgħallem ħafna mit-tabib Fairfowl, u li waqtu wkoll jiddi raġġ ta’ dawl: it-twelid ta’ tarbija. Salvatore jitgħallem ukoll jikkontrolla r-rabja tiegħu wara kull provokazzjoni.

Hemm ukoll ironija qawwija: anki jekk id-destin ta’ Salvatore hu kiefer, hemm ukoll l-aspetti pożittivi, fosthom il-ftuħ ta’ twieqi fuq spazji ġodda u differenti miċ-ċokon tal-gżejjer Maltin. Intant, il-ktieb tal-botanika ta’ Fairfowl iservi bħala serħan mit-tbatija għal Salvatore li jara ċertu faxxinu fl-istess ismijiet botaniċi. Dan il-ktieb hu anki ħolqa mal-passat u ma’ oħtu u Antonio,  fl-istess ħin jgħin lil Salvatore ma jħossux barrani hekk kif jasal f’post ġdid bħal New Holland, u jġiegħlu jifhem bosta affarijiet.

Aktar dati: il-11 ta’ Jannar 1820, wasla fl-Awstralja; il-21 ta’ Jannar, id-Dromedary jitlaq lejn it-Tramuntana. Il-baħar jorbot imgħoddi ma’ preżent. Salvatore jistaqsi jekk dan l-element naturali hux se jerġa’ jfejqu mill-ġdid, f’waqt meta d-disperazzjoni ġewwiena qed tifnieh. Huwa hawn fejn Salvatore – ’il bogħod minn art twelidu u minn min ħabbu – isib il-kenn mhux fi kliem il-fidi imma fi kliem ix-xjenza, il-Botanika. Ironikament però, juża sistema li tgħallem mingħand qassis, Dun Joseph Vella, biex iqiegħed il-kliem f’ordni.

Fit-taqsima JOURNEY’S END il-vapur li fuqu qiegħed Salvatore jasal fid-destinazzjoni, Botany Bay. Ta’ min jinnota li hemm rabta bejn isem din il-bajja u l-qasam xjentifiku li miegħu tħabbeb l-istess Salvatore. Din ir-rabta bħal isserraħ ras dan tal-aħħar. Id-data eżatta hija t-28 ta’ Jannar 1820. Salvatore jifhem li dik tiegħu se tkun sitwazzjoni fejn jekk iġib ruħu sew għandu jgħix ħajja deċenti u mhux ta’ skjav kif ħaseb. Hawn hemm rispett uman anki lejn il-ħabsin.

Drofenik tislet mill-ġurnal tal-Gvernatur Lachlan Macquarie, bid-data tat-28 ta’ Jannar, 1820. Dan hu bniedem favur l-emanċipazzjoni (mhux l-esplojtazzjoni) tal-ħabsin u jemmen fil-politika li l-Awstralja għandha tinbidel minn ħabs għal kolonja.

Min-naħa tagħha, Eliża Mullins tiġġieled biex tibqa’ ħajja: hemm l-idea tal-verġinità mitlufa bħala prezz għall-protezzjoni.

Drofenik toħodna lura Malta fit-taqsima IMPERIA. Imperia tirċievi ittra mingħand ħuha xhur wara li jkun kitibha. Ftit aktar tard naqraw li jkunu għaddew sentejn u nofs minn jum l-esekuzzjoni. Toħroġ għad-dawl ir-rabja ta’ Giacomo, missier, lejn ibnu Salvatore. Hawn naqraw dwar x’seħħ f’Malta wara t-tluq ta’ Salvatore, mela strutturalment għandna flashback. Huwa Antonio dak li jifhem liema hi l-vera sitwazzjoni li fiha jinsab iben Giacomo. Imperia tiftakar il-jum meta Salvatore tela’ fuq il-patibolu. Naqraw deskrizzjoni ħajja tat-tradizzjoni tal-purċissjoni wara l-ikkundannat f’jum l-esekuzzjoni. Minħabba dan Imperia u Antonio jaħarbu mit-tqasqis u d-djuq tal-gżejjer Maltin f’Pariġi.

Iż-żmien ikompli jimxi: jgħaddu tliet snin f’Pariġi. Mill-ġdid it-tema tad-destin: hemm possibiltà li Imperia tmur fuq spedizzjoni fi NSW u b’hekk tiltaqa’ ma’ ħuha. Jgħaddu sentejn ta’ preparazzjoni għal din l-ispedizzjoni. Jasal l-1826: spedizzjoni ta’ xjentisti varji – esperti fil-botanika, astronomija, ġeoloġija u ornitoloġija – tasal fl-Awstralja. Ikunu għaddew tmien snin minn mindu Salvatore wasal fuq dan il-kontinent. Tinħass it-tbatija wara l-isbuħija tal-wiċċ ta’ belt bħal Sydney. Imperia hi determinata li ssib lil ħuha Salvatore. Naqraw li d-destin reġa’ laqqa’ lil Salvatore u Eliza Mullins, imma għalissa l-qarrej ma jafx kif seħħ dan. Dan insiru nafu bih ftit paġni aktar ’il quddiem. Isseħħ il-laqgħa bejn l-aħwa Imperia u Salvatore li ddum jumejn. Jispikka s-sens ta’ distakk li Salvatore – li għażel li jibda ħajja ġdida fl-Awstralja u li issa hu missier ta’ tifel u tifla - iħoss bejnu u bejn ta’ madwaru malli jara lil oħtu Imperia f’daru wara tant snin.

Drofenik ma tinqata’ qatt mill-passaġġ taż-żmien. F’Salvatore hemm sens ta’ stennija: “until my Ticket of Freedom comes through in another five years.” (p. 340) L-emanċipazzjoni taħkem fuq din il-gżira kontinent, kontra ċerta mentalità magħluqa u limitata fuq il-gżejjer Maltin: il-fatt li James, iben Salvatore, għandu kunjom Eliza jirrifletti kemm Salvatore jirrispettaha. Huma l-pjanti u l-fjuri li Salvatore għandu fil-ġnien li jqarrbu lill-aħwa iktar lejn xulxin. Issa Imperia tifhem li Salvatore ma kienx gidbilha dwar il-ktieb tal-botanika li kien semmielha fl-ittra.

Il-Malti jgħid, “Kull deni ħudu b’ġid”. L-14-il sena ħabs u eżilju jgħinu lil Salvatore jiskopri dak it-tajjeb li kien hemm fih meta kien miżżewweġ lil Martina.

Drofenik tintroduċi ċertu paralleliżmu bejn il-bidu u t-tmiem tar-rumanz f’dawn l-aħħar paġni tiegħu: żewġ qassisin (Joseph Vella fil-bidu, u John Therry issa) jiktbu fid-djarju tagħhom. Joseph Vella kien kiteb dwar Amelia Bonnici, u issa John Therry jikteb dwar iż-żjara ta’ Antonio u Imperia Bonnici fid-dar ta’ Salvatore. Bonnici u Diacono huma żewġ kunjomijiet li jinkitbu qrib xulxin fi djarji differenti, imma li jorbtu flimkien żminijiet u spazji distanti ferm. Huwa fl-ispazju bejn dawn iż-żewġ estremi li Drofenik tibni u tagħti ħajja lir-rakkont tagħha.

6.     L-Epilogu

Din l-aħħar parti tiftaħ bid-data tal-20 ta’ Ottubru, imma s-sena ma tingħadx. Li hu żgur hu li għadda bosta żmien: Salvatore għandu xagħru griż u tissemma l-magħmudija tar-raba’ neputi tiegħu u ta’ Eliza. Eliza hija mara oħra b’saħħitha fil-lista ta’ nisa ta’ dan it-tip li toħloq Drofenik. Malta tinħass ’il bogħod fiż-żmien u fl-ispazju, imma jinħass ukoll li kollox jinsab f’postu, inkluż id-destin.

Jerġgħu jissemmew il-pjanti. Hemm xi ħaġa maġika fihom li twassal għar-redenzjoni ta’ Salvatore: “How forgiving nature is! [...] That was when he started forgiving himself.” (p. 347) Salvatore jiftakar fi kliem l-ispirtu ta’ Martina bosta snin qabel: “Your redemption will come and you will find it on this ship.” (pp. 274 u 347) Salvatore jifhem li kienet qed tirreferi għall-ktieb tal-botanika; jew forsi anki għal Eliza Mullins?

Drofenik terġa’ tirrikorri għall-motiv tal-ħolma. Salvatore joħlom li qiegħed fi vjaġġ u nifhmu li d-destinazzjoni hija Malta. Din hija ħolma utopistika fejn dawk kollha li ħabb u ħabbewh jerġgħu kollha flimkien. Fil-ħolma Salvatore jsib il-paċi, saħansitra ma’ ommu Isabella li kienet mietet b’mod misterjuż meta kien għadu tifel. Drofenik tenfasizza li minn dak li għall-bidu jidher ħażin, jista’ jitwieled it-tajjeb ukoll.

Il-mewt ta’ Salvatore titwassal lill-qarrej b’sens kbir ta’ paċi u kalma. Jitħaddem l-ewfemiżmu meta naqraw li Eliza “knew straight away that he had left them while they were away.” (p. 350)  Ftit wara naqraw ukoll kliem Eliza lil Salvatore: “You should have waited. Go in peace Salvator, my beloved convict, my darling.” L-imħabba taf tirbaħ kull dlam. Dan iseħħ fl-istess jum tal-magħmudija ta’ Sam – neputi ta’ Salvatore: mewt u twelid jintrabtu flimkien. L-20 ta’ Ottubru jaħbat ukoll l-anniversarju ta’ meta Salvatore kellu jiġi mgħallaq, imma minflok fl-aħħar waqt ġie deċiż li jintbagħad fl-Awstralja, mifhuma bħala nazzjon ġdid li joffri t-tieni opportunità lil min żbalja, mela twelid mill-ġdid. Dan ta’ Salvatore huwa l-vjaġġ aħħari. It-tmiem jinsisti fuq rabta li tmur lil hinn mill-fiżiku bejn Imperia (li minn Malta tħoss li seħħet xi ħaġa lil ħuha) u Salvatore. Hi wkoll rabta li tmur lil hinn mil-limiti taż-żmien.

Il-paġna finali hija mill-ġdid fil-korsiv fejn tikteb Drofenik stess, mela hi parti li torbot mal-bidu tar-rumanz. Drofenik hawn tammetti li l-proċess tal-kitba ta’ dan ir-rakkont ma kienx faċli: ried żmien u ħafna vvjaġġjar bejn Malta u l-Awstralja, żewġ gżejjer tant imbegħdin u differenti minn xulxin. Iżda kollox juri li l-ħajja sabiħ tgħixha minkejja l-iebes tagħha. Il-kitba ta’ dan ir-rumanz u l-istorja ta’ Salvatore Diacono (personaġġ bejn reali u bejn mistħajjel) toffri serħan u paċi anki lil Drofenik stess. Fir-rakkont tagħha hemm elementi differenti bħall-poeżija, ir-romantiku, l-avventuruż, id-dokument storiku, l-introspezzjoni, u ħafna iktar.

Dan kollu juri li dawk ta’ Drofenik huma rumanzi li jħallu lill-qarrej b’togħma tajba, imissulu l-ibgħad irkejjen ta’ qalbu u ruħu. Wieħed jifhem ukoll li huma xogħlijiet narrattivi mibnijin u miktubin b’sengħa kbira.

Patrick Sammut (Ġunju 2014)