Monday, December 15, 2014

TAĦT IL-ĦARRUBA ta’ Alfred Massa, Dom Communications, 2014

Illum Alfred Massa nafuh bħala poeta, rumanzier u esejista. Huwa President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. L-ewwel rumanz li ppubblika kien Is-Salib tal-Ġiżirana fl-1972. Taħt il-Ħarruba huwa l-ħdax-il rumanz li qed jippubblika. Jifrex fuq 170 paġna u huwa mqassam f’21 kapitlu ta’ tul li ma jgħajjix lill-qarrej.

Id-dimensjoni temporali:

Ir-rakkont jiftaħ fi żmien il-Milied, x’imkien matul is-snin 50, mela Malta fil-bidu meta wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija kienet qed tirkupra bil-mod ħafna mill-qirda, it-tifrik u l-faqar li dan il-kunflitt ħalla warajh. Massa jgħidilna li kien żmien meta t-televiżjoni kienet għadha lanqas daħlet fid-djar Maltin.

Jekk ir-rumanz jiftaħ fil-waqt preżenti (is-snin 50), f’kapitlu 3 Massa jmur lura fiż-żmien permezz ta’ analessi jew flashback. Hawn Pawlu s-sagristan jiftakar fl-imgħoddi tiegħu. Huwa hawn fejn jibda r-rakkont sekondarju ġewwa r-rakkont ewlieni, fejn naraw lil Pawlu żagħżugħ flimkien ma’ sieħbu Xandru, u l-ewwel laqgħat bejn Pawlu u Ġorġina.

F’kapitlu 19 Massa jerġa’ jmur “Lura għall-bidu tal-ġrajja...”, mela lura għar-rakkont ewlieni (li kien waqaf f’kapitlu 3). Nerġgħu niftakru fil-mewt ta’ Stephen u l-vojt li ħalla warajh. Huwa hawn fejn tinħall kobba oħra rigward l-aġir negattiv ta’ Xandru. Fl-aħħar tliet paġni tar-rumanz jgħaddu bosta snin fejn naraw lil Pawlu u Katrin jixjieħu u jsiru nanniet; mela sseħħ qabża temporali wiesgħa.

Osservazzjonijiet tematiko-soċjo-antropoloġiċi:

Il-familja ewlenija f’dan ir-rakkont hija l-familja Caruana, eżempju tal-familja Maltija tradizzjonali fejn taħkem fuq kollox l-għaqda, bit-tfal jistudjaw u wara jilagħbu fl-għelieqi, u bir-Ruzarju jingħad qabel ma kulħadd jinġabar fis-sodda. Kien anki żmien meta l-injoranza xi drabi kienet twassal għal traġedji mhux mistennija, u anki żmien meta tfajla li tinqabad tqila qabel iż-żwieġ kien ikollha tinqafel ġewwa minħabba sens qawwi ta’ mistħija u l-biża’ minn ilsien in-nies u l-umiljazzjoni li jaqa’ fuq isem il-familja.  Jissemmew ukoll il-faqar, l-injoranza li wasslet għal familji kbar, irġiel miżżewġin fis-sakra, swat lin-nisa, tfajliet stuprati u tqal qabel iż-żwieġ, ittri anonimi u kuljunar. 

Minkejja dan hemm ukoll elementi moderni, fosthom l-idea tal-mara emanċipata – Katrin – li titħalla tiddeċiedi hi lil min tiżżewweġ, jew li tqum fuq tagħha u ma tħallix lill-ġenituri jagħmlulha l-bsaten fir-roti. L-emanċipazzjoni tista’ tinftiehem anki f’sens usa’: hija dik tar-raġel li jifhem li deċiżjoni fil-familja trid tittieħed mhux minnu biss imma mill-membri kollha.

Ir-rumanz huwa miżgħud b’tagħrif ta’ natura storika u folkloristika dwar tradizzjonijiet, xnihat, twemmin u aġir tal-imgħoddi. Jaħkmu l-valuri tat-twemmin Nisrani.

Bħal f’rumanzi oħrajn tiegħu, anki hawn Massa jsemmi spiss il-futur, mela d-destin, li ħadd ma jaf x’jostor. Lejn l-aħħar tar-rakkont tidħol it-tema tal-adozzjoni. Fl-aħħar kapitlu nassistu għall-qlugħ minn għeruqha tal-ħarruba u għat-tqattigħ tagħha minħabba li l-għalqa kienet se tinbena. Dan hu rifless tal-bidla li ż-żmien iġib miegħu u tal-fatt li Malta kienet bdiet tintlaqat mill-iżvilupp - f’rabta mal-industrija tal-bini - li ħakem lil pajjiżna fis-snin 60, 70 u 80.

Personaġġi:

In-nisġa tar-rumanz hija msejsa fuq għadd ta’ personaġġi li l-parti l-kbira tagħhom tintrabat mat-tajjeb - fosthom il-membri tal-familja Caruana u l-Kappillan Dun Anton – imma hemm ukoll personaġġ li jintrabat iktar mal-ħażin – Xandru. Pawlu, missier Stephen, jifhem li parti mit-tort għall-mewt ta’ ibnu huma l-ġenituri ladarba qatt ma spjegawlu x’kien il-misteru wara l-ħarruba. Fl-ewwel nofs tar-rumanz bħal taħkem l-istorja ta’ mħabba bejn Pawlu u Ġorġina, biex, wara li tmut din tal-aħħar, Massa jintroduċi personaġġ ieħor – it-tfajla Katrin – u b’hekk jerġa’ jagħti enerġija ġdida lir-rakkont. Hemm żewġ personaġġi bl-isem ta’ Stephen, u t-tnejn huma ulied Pawlu, minn nisa differenti. Dawn it-tnejn bħal jgħaqqdu flimkien il-ftuħ tar-rumanz mal-għeluq, l-ewwel parti (ir-rabta Pawlu-Ġorġina) mat-tieni parti (ir-rabta Pawlu-Katrin) tar-rakkont. Strutturalment dan jagħti ċerta simmetrija lill-istorja ta’ dan ir-rumanz.

Id-dimensjoni figurattiva:

Preżenza qawwija u rikurrenti fir-rumanz hija l-ħarruba xiħa li tinftiehem bħala palk li fuqu seħħew ħwejjeġ differenti (qtil, suwiċidju, inċidenti, namrar, logħob tat-tfal, waqtiet ta’ solitudni, avveniment sopranaturali) mġarrba minn persuni differenti fi żminijiet differenti. Hija kienet mistkerrha mill-kbar u mfittxija miż-żgħar.

Xejriet stilistiċi:

Fir-rumanz titħaddem ħafna n-narrazzjoni, imma mhux l-ewwel darba li Massa jidħol direttament fir-rakkont biex jintroduċi l-kumment jew ħsieb personali tiegħu. Jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-awtorità, l-ubbidjenza, il-progress, filwaqt li jqiegħed f’konfront id-dinja tal-bieraħ, bir-regoli tagħha, u dik tal-lum, fejn taħkem iktar libertà li mhix dejjem pożittiva.

Diġà mill-bidu Massa jibda jibni ċerta tensjoni drammatika f’rabta mal-misteru li hemm moħbi wara l-ħarruba xiħa. Parti mill-għan ta’ Massa hu anki li jnissel ċertu patos fil-qarrejja: hawn l-awtur jipprova jmiss il-qlub tal-qarrejja billi jirreferi għal ħsus qawwija bħall-ħniena u s-sens ta’ ħasra biex b’hekk jistieden lill-qarrejja jipparteċipaw fl-istess rakkont.

Massa jalterna bejn narrazzjoni, partijiet djalogati u kumment personali permezz ta’ leħen in-narratur-awtur. L-awtur iħallat ir-rakkont mistħajjel (li jirrigwarda lil Pawlu, Xandru, Ġorġina u ħbiebha) ma’ fatti storiċi u reali (it-Tieni Gwerra Dinjija).

Fir-rakkont traġiku dwar omm u missier Ġorġina nsibu rakkont (numru tlieta) ġo rakkont (dak sekondarju, Pawlu u Ġorġina) ġo rakkont (dak ewlieni, Pawlu u Katrin miżżewġin bl-ulied). Iż-żmien tar-rakkont numru tlieta huwa dak fejn naqraw ukoll dwar it-tfulija u l-imgħoddi ta’ Wenzu (mela x’imkien lejn l-aħħar parti tat-tieni nofs tas-seklu 19, bidu seklu 20) biex nifhmu aħjar il-karattru diffiċli tiegħu, li kien diġà għadda minn bidla oħra.

Kontra x-xorti ħażina u l-kruha tal-gwerra jew li taf toffri l-ħajja in ġenerali hemm l-imħabba dejjem tissaħħaħ bejn Pawlu u Ġorġina. Dan il-kuntrast hu parti essenzjali mill-istil li jħaddem l-awtur ladarba ma jixtieqx jgħejja lill-qarrej b’avvenimenti koroh biss.

Hemm drabi meta Massa jikkonċentra fuq dak li jkun għaddej f’moħħ il-personaġġi tiegħu (bħas-sens ta’ suspett, biża’ u disperazzjoni). Hemm drabi meta Massa jħalli fil narrattiv miftuħ apposta biex jerġa’ jaqbdu aktar tard matul ir-rakkont. Drabi oħra Massa jintroduċi komplikazzjonijiet ġodda biex iġedded is-saħħa tar-rakkont, biex wara taħkem ir-rikonċiljazzjoni taħt għamliet differenti. Teknika strutturali għal qalb Massa hija l-alternanza bejn tiġrib pożittiv (waqtiet ta’ ferħ) u tiġrib negattiv (inkwiet differenti). Lejn l-aħħar tar-rumanz Massa jibda jorbot fil ma’ ieħor biex jgħaqqad ir-rakkont sħiħ f’ħaġa waħda li tagħmel sens.

Għeluq:

F’dan ir-rumanz Massa jippreżenta l-ħajja kif inhi: bl-inżul u t-tlajja’ tagħha, bil-ferħ u n-niket, bis-sabiħ u l-ikrah. Taħt il-Ħarruba huwa rumanz realista u soċjali fejn Massa jurina l-bniedem kif inhu, bl ebda tiżjin jew kożmetika żejda. Fih l-awtur jagħti spazju kemm lil personaġġi nisa u rġiel, u temporalment jifrex il-ġrajja tiegħu fuq mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet. Kif rajna hu rakkont li jifrex fuq medda ta’ żmien li tibda x’imkien lejn l-aħħar tas-seklu 19 u tkompli sas-snin tar-rikostruzzjoni, eżattament wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Taħt il-Ħarruba hu rumanz miktub b’lingwaġġ nadif u li żgur jinżel tajjeb ma’ min iħobb jaqra bla ħafna tbatija u ħsibijiet żejda, imma fl-istess ħin xogħol li jagħti kemm pjaċir kif ukoll tagħrif storiko-soċjali siewi, flimkien ma’ valuri pożittivi.

Patrick Sammut