Thursday, January 29, 2015

MEJT ta’ Anton Grasso, It-Tieni Edizzjoni, Horizons 2014.


Din hija ġabra ta’ ħames rakkonti diġà ppubblikati fl-1988 imma rriveduti minn Anton Grasso u li jifirxu fuq 127 paġna. It-tul tagħhom ivarja bejn 13 (Ir-Raġel ta’ Novembru) u 34 paġna (Il-Ġar).

Mejt tittratta tema attwali ħafna: dik ta’ mikrobu fl-arja li jattakka l-moħħ u jġennen fi ftit minuti lil dak li jkun billi joqtol fih kulma hu uman u jibdlu f’qattiel miġnun. Dik li jiddeskrivi Grasso hija ċirkostanza u għajn ta’ ispirazzjoni f’bosta serje televiżivi li għandhom mill-fantaxjenza kontemporanja bħal The Strain, The Last Ship jew Helix. L-awtur jispira ruħu anki minn bosta aħbarijiet ta’ kronaka sewda li nisimgħu u naqraw dwarhom ta’ kuljum fejn naraw li l-bniedem jaf jaqa’ fil-baxx ħafna ladarba jitlef moħħu.

Stilistikament dan hu rakkont b’ritmu narrattiv jgħaġġel. Grasso jgħinna nħarsu lejn il-ġrajja minn angoli differenti u jalterna bejn partijiet djalogati li jseprimu biża’ u sens ta’ urġenza u l-kumment tan-narratur li jkompli jsaħħaħ il-gravità tas-sitwazzjoni. Bil-mod il-mod Grasso jwassalna għal climax mistenni, biex f’daqqa waħda jaħsadna b’anticlimax mhux daqstant mistenni, imma li żgur ifakkar f’rumanzi bħal I Am Legend ta’ Richard Matheson jew World War Z (ta’ Max Brooks), it-tnejn magħmulin films li għamlu suċċess. Dan hu rakkont fanta-apokalittiku u tal-biża’, imma fl-istess ħin bħal ifakkarna li dak li jidher fantaxjenza llum jista’ jsir realtà għada stess!

Għalkemm fit-tieni rakkont, Dehra tal-Pont, Grasso jikkonċentra fuq żewġ personaġġi, Saverju u Ninna, xorta waħda ma jonqosx milli jiddeskrivi dak kollu li hemm mal-madwar. L-awtur jirnexxilu jlaħħam dan kollu permezz ta’ sens qawwi ta’ osservazzjoni li żgur bena u saħħaħ matul dawn l-40 sena li ilu jikteb u jippubblika. Dawk tiegħu huma deskrizzjonijiet ta’ karattri li jqaxxarhom permezz ta’ ħakma assoluta fuq l-ilsien Malti, imma anki permezz ta’ ġesti, pawsi partikolari fid-djalogi, karatteristiċi fiżiċi idjosinkratiċi bħal tikmix fuq il-wiċċ jew qxur niexef fuq l-id, jew teptipa tal-għajnejn.

Strutturalment Dehra tal-Pont jinqasam f’żewġ movimenti: fl-ewwel parti hemm ċerta rutina, hena, imma fit-tieni parti mill-ewwel jibda jinbena sens ta’ tensjoni u ta’ stennija, anki permezz ta’ bosta mistoqsijiet li jirriflettu dubji li għaddejjin f’moħħ il-protagonist. Dan kollu jintrabat mal-maltempata li għaddejja barra. Hekk waqt li jaqra d-djalogu li għaddej bejn Saverju u Ninna, il-qarrej iħoss li se tfaqqa’ xi ħaġa kerha, b’atmosfera li tixbah lid-delitt ta’ Raskolnikov ta’ Dostojevskij. Jitħaddem il-kuntrast tal-kjaroskur li hu effettiv ħafna: “Kien id-dawl tal-fidwa għaliha; għalih id-dlam waħxi tat-telfien.”; “Dak il-fanal imdendel f’tarf it-triq kienet se tieħdu magħha u kull darba li jaqa’ d-dlam tad-dubju, tas-suspett, tħares lejh.”; jew “baqgħet tħares lejn il-fanal idawwal il-wesgħa mudlama ta’ madwarhom.” (pp. 50-51) Dak li Grasso jibni bil-mod il-mod fl-ewwel parti, iżarmah daqstant bil-mod il-mod fit-tieni parti sakemm id-dawl jinbidel fi dlam u l-ħajja u l-imħabba f’mewt.

Fir-rakkont Id-Dar fejn Tieħu Gost Tmut storja ta’ suċċess fi ftit paġni tinbidel f’falliment totali. Il-mewt hija mifhuma bħala l-qerrieda ta’ kull hena. Ironikament wieħed mill-protagonisti kien id-direttur ta’ kumpanija tal-assikurazzjoni tal-ħajja. Wieħed jistaqsi mill-ewwel: xi skop hemm li tmut meta tkun hieni u paxxut? Fid-deskrizzjoni fiżika tas-Sur u s-Sinjura Neumberger hemm element grottesk qawwi: huma “l-aktar koppja ħelwa fil-kruha tagħha.” (p. 68) Paradoss ieħor huwa l-fatt li f’dar ġenna l-mewt kienet tolqot lil dak li jkun bla ma jaf kif u meta. F’kull parti ġdida tar-rakkont Grasso jinkludi personaġġi ġodda u b’hekk iwessa’ l-ispazju narrattiv. Dan ir-rakkont jassumi tifsiriet anki morali: nifhmu li l-bniedem f’sensieh biss jaf japprezza l-importanza tal-ħajja u jagħraf kemm hu żball li jarmiha. Dan jintrabat ma’ dak li naqraw f’paġna 72, “Il-bniedem jasal għal bosta deċiżjonijiet koroh meta jkun impulsiv.” Filwaqt li t-tmiem hu wieħed mhux mistenni tassew, min-naħa l-oħra jonora mija fil-mija t-titlu tar-rakkont.

F’Il-Ġar it-tagħrif dwar il-protagonisti jew personaġġi Grasso jagħtih gradwalment, mela f’dożi żgħar li jħalluk tixtieq dejjem iktar. Fl-iżvilupp tar-rakkont huwa jħallat partijiet li għandhom mit-tiġrib pożittiv u oħrajn mit-tiġrib negattiv. Hawn hija ttrattata bil-mod partikolari ta’ Grasso t-tema tal-familja, fejn l-omm hija armla u b’iben waħdieni. Anki hawn Grasso jaħsad permezz ta’ waqt ta’ waħx mhux mistenni għalkemm ikun diġà pprepara lill-qarrej għalih. Sintattikament (it-tul tas-sentenzi) titħaddem il-konċiżjoni fuq naħa (“Moħħha werżaq f’sikta.”), fuq l-oħra perijodu sintattiku twil fejn jaħkem ċertu dettall deskrittiv, anki ta’ ħsus u ħsibijiet ġewwiena.

Jidħol l-element psikoloġiku: għaliex il-protagonista wara l-mewt ta’ żewġha u dik friska ta’ binha titkellem iktar dwar ommha milli dwarhom? Grasso jinsisti ħafna fuq l-importanza ta’ din ir-rabta speċjali bejn l-omm u l-bint. Interessanti l-parti ta’ omm il-protagonista, l-aktar meta tieħu r-rwol ta’ investigatur biex tipprova titkixxef dwar min seta’ qatel in-neputi tagħha. Meta r-rakkont jibda jinħass qed jitwal bla bżonn u n-narrazzjoni tibda tgħajjik, Grasso jintroduċi żvilupp narrattiv ieħor li jaħsad u b’hekk jerġa’ jixgħel l-interess tal-qarrej li għal waqt qasir jista’ jkun batta. Fil-finali mhux mistenni Grasso jinkludi l-element tas-sopranaturali u jfakkar li “hemm awtorità oħra li taħkem fuq kollox u fuq kulħadd.” (p. 121)

L-aħħar rakkont huwa Ir-Raġel ta’ Novembru. Hu miktub fl-ewwel persuna singular. Il-“jien” hawn hu Judy ta’ 23 sena.  Jinqasam f’żewġ partijiet: fl-ewwel parti hemm l-istennija, ix-xewqa u l-laqgħa; fit-tieni parti naqraw dwar il-bidu tar-relazzjoni, u wara l-kixfa ta’ ħwejjeġ mhux daqstant sbieħ. Anki hawn hu preżenti l-motiv tal-familja u r-relazzjonijiet umani. Anki hawn strutturalment Grasso jiftaħ bħal rakkont sekondarju ġor-rakkont ewlieni, ġieli anki iktar. Grasso ma jiddejjaq xejn jikxef l-irkejjen imdallmin u koroh tan-natura umana. Mill-ġdid ir-rivelazzjoni li taħsdek hija merfugħa għall-aħħar linji tar-rakkont, rivelazzjoni li żgur tintrabat mal-istess titlu.

Għal darb’oħra f’Mejt Grasso jħaddem stil ta’ kitba li jaħkmek u jimbuttak tkompli taqra bla heda, bi djalogi mexxejja u ritmu naturali. L-għajn ta’ ispirazzjoni huwa t-tiġrib tal-ħajja tal-bniedem (jinsab fejn jinsab, Malta jew barra minn xtutna) ta’ kuljum. Grasso mbagħad jaħsad anki permezz ta’ frażi qasira, ta’ atteġġjament jew ġest partikolari li jġiegħel lill-qarrej jibda jiddubita mis-sabiħ tas-sitwazzjoni li jkun għadu kemm ippreżenta u b’hekk joħloq sens ta’ stennija. Anki hawn għandna rakkonti fejn fiċ-ċentru u taħt lenti għarriexa titqiegħed in-natura umana biex b’hekk Grasso jurina li jaf sewwa minn x’inhu magħmul il-bniedem (ruħu, qalbu, il-psike tiegħu) bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu, bil-punti b’saħħithom u bid-dgħjufijiet tiegħu. Permezz tal-kitbiet ta’ Anton Grasso niskopru kemm dak li jidher għax fil-wiċċ, imma iktar u iktar dak li hu fil-fond, moħbi u ma jidhirx. Huwa lejn dan li Grasso jimmira u li b’sengħa kbira jikxef permezz tal-kelma, tad-deskrizzjonijiet u tad-djalogi li jinseġ. Li hu żgur li min jaqra r-rakkonti ta’ Grasso qatt ma jista’ jserraħ rasu u jieħu nifs ’il ġewwa lanqas għal waqt qasir.


Patrick Sammut