Sunday, March 29, 2015

WERAQ TAL-ĦARIFA ta’ Alfred Massa, Pubblikazzjoni Bronk 2014.

Dan ir-rumanz ġdid ta’ Alfred Massa jifrex fuq 204 paġna u hu maqsum f’20 kapitlu. Jiftaħ bi żmien speċifiku: il-preżent, ix-xahar ta’ Novembru, Jum l-Erwieħ, mela l-istaġun tal-ħarifa. Sa mill-ewwel kapitlu l-qarrej jifhem li dak li seħħ fl-imgħoddi se jkollu importanza u se jingħata spazju wiesa’ f’dan ir-rumanz.

Il-protagonisti hawn huma żewġ anzjani: Salvu u Vanda, it-tieni mara tiegħu. Hemm waqtiet meta fl-istorja (fil-flashbacks) takkwista ċerta importanza anki Salvina, l-ewwel imħabba u mara ta’ Salv. Aktar tard tispikka r-rabta ta’ Salvu ma’ ommu u anki maż-żewġ ħbiebu Valent u Karmenu. Dawn jgħinuh biex ifieq mill-ġerħa psikoloġiko-emozzjonali tiegħu. Fil-flashbacks insiru nafu wkoll kif aktar tard Salv iltaqa’ ma’ Vanda.

Dawn il-flashbacks jibdew fit-tieni kapitlu meta, wara li Salvu jiltaqa’ ma’ ners l-isptar li tfakkru fl-ewwel mara tiegħu, Salvina, Massa joħodna lura fiż-żmien. U proprju hawnhekk il-qarrej jiltaqa’ ma’ għadd ta’ anakroniżmi: f’paġna 21 Salvina żagħżugħa tgħid li kienet tistudja l-kompjuter. Ma ninsewx li Salvu fil-preżent għandu mas-70 sena. Mela dan ma jistax ikun ladarba hawn l-azzjoni qed isseħħ fis-snin 50 jew 60. Anakroniżmu ieħor hija l-kelma “artiċoks”, dejjem f’rabta mas-snin 50 jew 60. Kienet tintuża bħala kelma jew il-Maltin kienu jużaw il-kelma Maltija “qaqoċċ”? L-istess iseħħ meta f’paġna 23 in-nanna tgħid lil Salvina ta’ 16-il sena, “Illum taf daqsi kemm żwiġijiet qed jisfumaw.” Eżattament għal-liema “illum” qed jirreferi Massa? Anki f’kapitlu 7, omm Salvu tkellmu dwar id-droga: “Jgħidu li kapaċi jħalltuhielek fix-xorb bla ma tinduna.” (p. 72) Din hija realtà li tintrabat iktar mas-snin 80 jew iktar ’il quddiem, imma mhux ma’ żmien meta Salvu kien għadu żagħżugħ.

Spazjalment Massa jqiegħed l-azzjoni prinċipali tar-rumanz fir-raħal: hemm il-knisja, is-suq, il-pjazza, iċ-ċimiterju tal-lokal, il-ħanut tal-merċa u l-ħanut tax-xorb. Aktar tard jissemmew Tas-Sliema, il-Qawra, u anki l-Ġermanja.

Bħala lingwa Massa jagħżel is-sempliċità, il-kelma li nitħaddtu biha ta’ kuljum, flimkien mal-użu ta’ idjomi u qwiel Maltin u anki Ingliżi varji. Bħal kif jagħmel f’rumanzi oħrajn spiss Massa jintroduċi l-kumment personali tiegħu permezz tal-leħen narranti dwar kwistjonijiet differenti bħal-libertà u l-libertinaġġ, l-infatwazzjoni u l-imħabba vera. Anki f’dan ir-rumanz, bħal f’rumanzi oħrajn ta’ Massa, spiss tissemma l-kelma “destin”, jew simili: “Imma dak li jkun miktub ma jħassru ħadd.” (p. 36) Karatteristika oħra preżenti hawn, bħalma kienet preżenti f’rumanzi oħrajn ta’ Massa, hija dik li l-awtur jagħti tagħrif dwar tradizzjonijiet u aspetti oħrajn li jintrabtu mal-imgħoddi bħall-Istrina, il-Qarinża (jiġu inklużi anki xi versi li kienu jitkantaw f’rabta magħha) u l-Imlejka. Permezz tal-leħen narranti Massa jirrifletti dwar modi ġodda fost ġenerazzjonijiet żgħażagħ bħat-tatwaġġi, u jsemmi inizjattivi soċjali apposta għall-anżjani bħas-servizzi tal-Helper, tat-Telecare, tal-handyman, u l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Aktar tard jissemmew il-problemi tas-serq, tad-droga u l-vulberabbiltà tax-xjuħ.

Hemm drabi meta l-awtur jagħmel referenzi intertestwali, bħal meta f’kapitlu 4 jirreferi għall-versi eleġijaċi ta’ Anton Buttigieg. Dan jagħmlu biex ifisser x’ħass Salv meta tilef l-ewwel mara tiegħu flimkien mat-tarbija li kienet qed iġġorr. Aktar ’il quddiem Massa jsemmi kittieba Maltin ewlenin bħal Mikiel Anton Vassalli, il-Kanonku Agius De Soldanis, patri Manwel Magri u Annibale Preca.

Tematikament Weraq tal-Ħarifa jqiegħed lill-familja u lill-imħabba (li tista’ tolqot lill-bniedem ta’ kull età) fiċ-ċentru. Temi oħrajn huma d-destin, il-maħfra, is-saħħa tal-anzjani (li tibda tmajna) u s-solitudni li spiss iġarrbu. Massa jirnexxilu jidħol fil-psike u fil-qalb ta’ Salvu anzjan, waħdu d-dar wara li martu titlaq lejn il-Ġermanja biex tkun qrib oħtha marida. Anki ta’ din l-età jeżistu l-kuntrasti: min hu ġeneruż u ta’ qalb tajba, u min hu egoist u għajjur.

Aktar dwar id-dimensjoni temporali. Fir-rumanz qatt ma jingħad eżattament kemm kellu żmien Salv meta żżewweġ jew kemm kellha snin Salvina meta mietet, u lanqas kemm kellu żmien Salv meta sar armel. Jingħad biss, “illum m’għadnix żagħżugħ.” (p. 74) Nifhmu però li meta Salv jiltaqa’ ma’ Vanda jkun għadda ċertu żmien minn mindu tkun mietet Salvina, ladarba jingħad li la hu u lanqas hi m’għadhom żgħar. (p. 79) Lil ommu Salv jgħidilha, “Ma, biex ngħidlek, Salvina għalkemm għaddew dawn is-snin kollha, donnha għadha tiġri warajja.” Ftit wara jissemma l-Milied. Wieħed jerġa’ jistaqsi kemm ilhom joħorġu flimkien Salv u Vanda. Mill-kliem li jingħad f’paġni 79 u 81 jidher li għadda bosta żmien, mela mistoqsija oħra hija: għaliex Salv jinħasad meta Vanda tgħidlu li ħarġet tqila u għaliex iġib ruħu ta’ żagħżugħ immatur ma’ ommu ftit wara? Dan kollu jista’ jdgħajjef is-saħħa tan-nisġa tar-rakkont. Ma ninsewx li dan kollu jseħħ fil-parenteżi tal-flashback li twassalna sakemm Salv jiżżewweġ lit-tieni mara tiegħu, Vanda.

Lura għall-preżent nerġgħu naraw lil Salv u Vanda pensjonanti. Fid-djalogu bejniethom jintmessu ċerti kwistjonijiet soċjali attwali: iż-żwieġ bejn l-istess sessi, it-trobbija tal-ulied minn ġenituri tal-istess sess, u l-qassisin lebsin ta’ pajżana. L-imħabba bejn persuni tal-istess sess hi preżenti fir-rumanz permezz tar-relazzjoni bejn Klara (oħt Vanda) u Antoinette. Anki hawn wieħed jistaqsi kemm għandhom żmien eżattament? F’liema sena qegħdin? Ir-riferiment għall-flat fil-Qawra jista’ faċilment ikun anakroniżmu ieħor ladarba l-Qawra u l-inħawi t’hemm bdew jiġu żviluppati lejn nofs is-snin tmenin, u Klara hija ikbar minn Vanda. Dan jintrabat mad-deċiżjoni li Klara temigra lejn il-Ġermanja, ftit xhur biss qabel ma kienet se toħroġ bil-pensjoni. Aktar tard, f’kapitlu 16, Massa jagħti spazju lil Klara: naqraw li dik tagħha kienet minn dejjem ġibda lejn in-nisa.

Żvilupp ieħor fir-rakkont hu l-introduzzjoni tas-suspett – li iktar tard isir realtà – f’Salvu li martu Vanda bdiet tbati bid-dimensja. Dan inissel iktar uġigħ u inkwiet f’Salvu. Traċċa narrattiva oħra li tgħin biex ir-rakkont jitwessa’ hija l-istorja ta’ Sandra, oħt il-kbira ta’ Klara u Vanda. Għaliex tinsab waħedha f’San Vinċenz? U għaliex Klara ma kinitx taf b’dan mingħand Vanda? Wara dan kollu hemm storja ta’ mħabba, tradiment, firda, uġigħ u solitudni. Hawn Massa jurina li anki l-anzjani jibku daqs li kieku kienu tfal. L-uġigħ jerġa’ meta Salvu jkollu jaqfel lil martu Vanda fi sptar minħabba d-dimensja.

Kif rajna, Alfred Massa f’Weraq tal-Ħarifa jiddeskrivi anki l-iċken ħwejjeġ fil-ħajja ta’ Salvu u Vanda anzjani. Huma aspetti li jidhru tentufijiet imma kollha f’daqqa jgħinu biex l-awtur iwassal stampa ċara tal-ħajja tal-anzjani bl-inżul u t-tlajja’ tagħha. Għalhekk Weraq tal-Ħarifa huwa rumanz dwar l-anzjanità. Dan mhux rumanz li jnissel tbissima, imma wieħed marbut qatigħ mar-realtà li jweġġa’ għax jikkonċentra fuq it-tbatijiet tal-bniedem anki meta jilħaq it-terza età. Ir-ritmu hu wieħed kajman u dan b’xi mod jirrifletti l-ħajja tal-anzjan li timxi bil-mod. Anki fl-aħħar linji tar-rumanz tispikka l-ixbieha tal-ħarifa. Kontra dan kollu hemm it-twemmin li jinftiehem bħala l-unika forza li jifdallu l-bniedem waħdu u anzjan.


PATRICK SAMMUT 

Sunday, March 15, 2015

L-EROJ LI MA KIENX ta’ Joseph Vella, 2014.

Dan huwa l-ewwel rumanz ta’ Joseph Vella. Jifrex fuq 230 paġna, għandu Daħla mill-awtur stess, u jinqasam fi 32 taqsima, iktar milli kapitli. Diġà mid-Daħla Joseph Vella jurina kemm hu midħla taż-żmien storiku li jikteb dwaru, kif ukoll tal-ilsien Malti. Permezz ta’ Malti miktub b’sengħa kbira, Vella jirnexxilu jfakkarna kemm hija importanti l-Istorja ladarba hija għalliema li mhux ta’ min inwarrbuha. L-Istorja tgħallimna nirrispettaw lil dawk ta’ qabilna u fl-istess ħin tiftħilna għajnejna biex ma nirrepetux żbalji fatali. Vella stess jikteb li bosta mid-deskrizzjonijiet li nsibu f’dan ir-rumanz huma “bbażati fuq rakkonti ta’ min xehed u ġarrab dawk iż-żminijiet tassew mudlama.” Dan jikxef il-fatt li Vella huwa qarrej assidwu ta’ rakkonti reali kif ukoll mistħajla ta’ bosta rakkonti tal-Gwerra.

Il-ġrajja:

Sa mill-ewwel taqsima nifhmu li min qed jikteb (in-narratur ewlieni) huwa l-bużneputi tal-awtur tad-djarju tal-Gwerra l-Kbira, Kustanz Magro (in-narratur sekondarju). Fil-preżent (is-sena 2011) in-narratur ewlieni huwa anzjan b’kanċer terminali imma li jinħakem minn kurżità kbira biex jikxef ir-rakkont li hemm moħbi fil-pakkett (f’għamla ta’ djarju u ta’ għadd ta’ ittri) li wiret mingħand iz-ziju t’ommu, ħu Kustanz stess. Dan in-narratur ewlieni dwaru nnifsu jikteb, “jien li jiena nnifsi kelli nisfa’ ltim minn ommi proprju dakinhar ta’ twelidi, u minħabba gwerra oħra li ma damitx ma segwiet lil ta’ qabilha. Proprju jien, li ċ-ċaħda kelli ngħixha matul il-mumenti kollha ta’ ħajti.” (p. 222)

Tissemma ħafna l-ironija tad-destin li laqqa’ lil Kustanz Magro ma’ min qed jirrakkonta biex fl-aħħar jinkiteb ir-rakkont, minkejja d-distanza fiżika u temporali (ladarba Kustanz ilu mejjet mis-sena 1917).
In-narratur ewlieni diġà minn paġna 53 jixħet dawl fuq il-fatt li dan ir-rakkont ta’ Kustanz se jkun wieħed traġiku, mela żmien il-għasel intemm. Aktar kemm wieħed jaqra aktar jifhem li l-gwerra hija biċċerija u qirda tal-imħabba, tal-ħajja, tal-bniedem. Minkejja li t-Tedesk hu l-għadu, Kustanz ma jobogħdux għax jaf li qegħdin fl-istess sitwazzjoni. Din li jirrakkonta Vella hija storja umana, mimlija bi ħsus umani ta’ kull tip: xewqat, beżgħat, dmirijiet, twegħir, ġibdiet, tentazzjonijiet, ħajja u mewt. Hekk id-djarju ta’ Kustanz, kif jgħid in-narratur ewlieni, jinbidel “f’mera tat-taħdita interna f’moħħ u ruħ Kustanz [...] Jew saħansitra l-esternizzazzjoni tal-vjaġġ ta’ ruħu.” (p. 131)

Kustanz jikteb direttament mit-trunċieri dwar l-assurdità tal-gwerra li torbot u tħoll ħbieb u għedewwa skont iċ-ċirkostanzi. Hemm it-taqsima “Il-Ħamrija Tilqa’ Kollox”, fejn naqraw iktar ħsibijiet profondi dwar is-sabiħ tal-ħolqien u l-ħela tal-Gwerra.

Imbagħad fit-taqsima “It-Tbatija tal-Misteri” naqraw b’ħolma-inkubu li n-narratur ewlieni jkollu minħabba l-ħakma li għandhom fuqu d-djarju u l-ittri ta’ Kustanz. Dan in-narratur qarib ta’ Kustanz hu anzjan li jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tas-suldat Malti waqt il-Gwerra l-Kbira: il-biża’ tiegħu hu li jiġi nieqes qabel ma jasal biex iwieġeb bosta mistoqsijiet li tnisslu f’rasu.

Il-biża’ bħala motiv jerġa’ jixref iktar ’il quddiem, fejn Kustanz jikteb li meta jkun waqt xi battalja fil-Front jipprova jaħbi l-biża’ tiegħu; hawn jirreferi għal taqbida li kienet isseħħ fih u li kien dejjem jirbaħha bi sforz kbir. Lil Kustanz imissu wkoll il-waqt meta jiġi midrub, u dan waqt il-Battalja tas-Somme: kien il-ħsieb ta’ martu u wliedu li tah is-saħħa u d-determinazzjoni sabiex jibqa’ ħaj u jitkaxkar bi tbatija kbira lura lejn it-trunċieri tal-Alleati. Fuq naħa l-qtil, il-waħx, il-mewt kull sekonda; fuq l-oħra l-ħsus ta’ Kustanz bħala missier, miżżewweġ, ħu Ġanmari u ħabib. Huma dawn tal-aħħar li jsostnuh meta l-kuraġġ u t-tama jkunu se jaħbtu jħalluh.

Minn ittra ta’ Ġużeppa lil Kustanz nagħrfu wkoll it-tbatija anki emozzjonali u psikoloġika li jgħaddu minnha n-nisa tas-suldati.

In-narratur ewlieni jfakkarna li għalkemm fil-waqt li qed jaqra l-ittri u d-djarju ta’ Kustanz, Kustanz ilu mejjet deċennji sħaħ, xorta waħda bħal donnu Kustanz għadu ħaj. Hawn l-idea tal-iscripta manent, il-kelma miktuba li tibqa’ (p. 212).

Element tematiku ieħor f’L-Eroj li ma Kienx huwa t-twemmin Nisrani ferventi ta’ Kustanz, minkejja l-infern li sab ruħu mitfugħ fih. Tweġiba b’saħħitha li Kustanz Nisrani jagħti lil suldat ieħor għall-mistoqsija, “Fejn hu Alla tiegħek f’dan kollu?”, hija, “Mhux fejn abbadunajnieH aħna?” (p. 219)

Ladarba Kustanz jgħib u jintemm ir-rakkont tiegħu, bl-aħħar entratura fid-djarju tiegħu ġġib id-data tat-30 ta’ Novembru 1917, jerġa’ jieħu r-rakkont f’idejh in-narratur ewlieni. Huwa hawn meta r-rumanz jieħu xejriet tat-trattat għax jiddiskuti bosta aspetti importanti fil-ħajja tal-bniedem. Fl-aħħar taqsima, wara li n-narratur ewlieni jippreżentalna għadd ta’ statistiċi, jistqarr direttament li wisq probabbli l-Gwerra l-Kbira seħħet biss għal raġunijiet ta’ flus u profitti min-naħa tal-klassijiet l-għolja. Mela L-Eroj li ma Kienx huwa anki twissija biex iż-żgħir joqgħod attent mill-kbir u ma jerġax jaqa’ fin-nassa. Kemm hu minnu dan u kemm japplika għalina tal-preżent!

Stil u struttura:

In-narrazzjoni fil-każ tan-narratur ewlieni u tan-narratur sekondarju hija fl-ewwel persuna singular maskil. Spiss in-narratur ewlieni jindirizza lill-qarrejja direttament permezz ta’ “intom”. Dan ta’ Joseph Vella huwa rumanz epistolari ladarba partijiet minnu huma msejsa fuq għadd ta’ ittri li Kustanz jikteb lil martu Ġużeppa jew lil ħuh Ġanmari u oħrajn li huwa jirċievi mingħand dawn it-tnejn jew xi ħbieb oħrajn. Partijiet oħrajn tar-rumanz jieħdu l-forma ta’ entraturi fid-djarju personali ta’ Kustanz, kollha ddatati. L-ewwel entratura fid-djarju hi dik tat-2 ta’ Marzu 1914 u l-ewwel ittra ta’ Kustanz (li kien fl-Ingilterra) kienet indirizzata lil martu u ddatata 3 ta’ Marzu 1914. L-entraturi fid-djarju u l-kontenut tal-ittri huma miġjubin fil-korsiv. Apparti leħen in-narratur ewlieni u dak sekondarju, xi drabi għalhekk il-leħen narranti jkun dak ta’ Ġużeppa, mart Kustanz, jew ta’ Ġanmari, ħuh. F’dawn l-ittri u fid-djarju joħorġu l-karattru ta’ Kustanz, ħsusu u ħsibijietu, ’il bogħod minn art twelidu. Naqraw ukoll siltiet minn gazzetti tal-epoka tal-Gwerra l-Kbira, miġjubin direttament fl-ortografija taż-żmien. Dan ikompli jagħti sens ta’ awtentiċità lir-rakkont.

Dan hu anki rumanz b’element didattiku qawwi. Jingħata tagħrif qasir dwar il-ġurnali differenti li kienu joħorġu – bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan, fi żmien meta Malta ġiet ittrasformata fi sptar kbir f’nofs il-Mediterran għas-suldati Alleati midruba. Insibu tagħrif dwar tal-bambott u tal-gadraj. Id-deskrizzjoni pjuttost umoristika tal-ġlieda bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet ta’ bejjiegħa fil-Port il-Kbir fl-ittra ta’ Ġanmari lil ħuh isservi bħala serħan mit-tensjoni tal-epoka. Spiss Vella jfakkar li l-gwerra, minkejja l-patrijottiżmu u l-fervur tal-bidu, ħalliet warajha bosta romol, orfni u qirda ta’ wlied.

L-element didattiku jerġa’ jinħass meta naqraw li “Aħna l-prodotti tal-bieraħ, u l-produtturi ta’ għada.” (p. 217) Permezz ta’ dak li ħallewlna ta’ qabilna aħna tal-lum għandna nimxu ’l quddiem.

Strutturalment L-Eroj li ma Kienx hu mibni fuq alternanza bejn siltiet sħaħ jew parzjali mid-djarju jew mill-ittri varji, u l-kumment-riflessjonijiet tal-leħen narranti (in-narratur ewlieni). Xi drabi, għalkemm mhux dejjem, l-ittri jinqraw kronoloġikament, mela nsegwu kważi jum b’jum il-vjaġġ ta’ Kustanz lejn il-Front u l-waqt tal-prova. Hemm drabi oħra (bħalma jiġri f’paġna 86) meta għal waqt in-narratur ewlieni jaqbeż mis-sena 1914 fid-djarju għas-sena 1917, mela xi tliet snin wara, biex jurina x’bidla ġabet il-Gwerra f’Kustanz. Fiha nnifisha din hija tip ta’ prolessi (flashforward). Dan iserrħilna rasna li Kustanz irnexxielu jissopravivi għallinqas tliet snin. Aktar kemm naqraw aktar nindunaw li l-ittri ma jibqgħux jinġiebu f’sens kronoloġiku, imma skont is-suġġett li n-narratur ewlieni jkun qed jittratta.

Lingwistikament Vella juża Malti b’taħlita adatta tas-Semitiku u r-Rumanz, mela ta’ elementi ġejjin mill-Għarbi u oħrajn mit-Taljan. Bosta drabi juża wkoll għadd ta’ termini militari li jġib direttament fl-Ingliż imma eżatt wara jfiehem xi jfissru bil-Malti. Il-Malti Semitiku jispikka ħafna fl-użu ta’ nomi mimmati bħal “mgħawma” (post mgħarraq bl-ilma u t-tajn), “maqtel” (post fejn jinqatlu l-eluf), jew “milwiema” (mimlijin ilma).

Hemm ukoll drabi meta r-rakkont jiġi mżewwaq bi skizzi biex Kustanz jispjega aħjar dak li dwaru jkun qed jikteb, bħal per eżempju fil-każ tal-periskopju jew tat-tank tal-gwerra.

Parti mill-kontenut tar-rumanz huwa magħmul minn poeżiji. L-ewwel waħda li naqraw hija silta mill-poeżija tal-poeta-suldat Wilfred Owen, Strange Meeting, miktuba fl-1918. Hemm ukoll siltiet minn għanjiet ta’ żmien il-Gwerra. Imbagħad hemm numru ta’ poeżiji jew versi ta’ riflessjoni li Kustanz jikteb f’diversi okkażjonijiet, bħal dik li jikteb f’għamla ta’ kwartini f’Lulju tal-1916 dwar il-ħafna kadavri li kien jara madwaru. Poeżija oħra ta’ Kustanz jisimha Lil Ommi miktuba f’Novembru 1916. Fuq naħa hemm ir-rabta tal-iben mal-omm, fuq l-oħra l-preżentiment tal-mewt fil-qrib.

Hemm preżenti wkoll il-ħsibijiet u l-ħsus tan-narratur ewlieni waqt li qed jaqra l-kontenut tal-pakkett li wiret. Dan in-narratur ewlieni (il-“jien” numru 1) b’hekk isir parteċipant attiv fil-ġrajja ta’ Kustanz. Lejn tmiem ir-rumanz jikteb, “Kont ili nħoss għal Kustanz, kont ili nixtieq indaħħal id waħda fid-djarju, kieku stajt, u nerfgħu b’ġentilezza, fil-keffa t’idi, u nqiegħdu lura fi ħdan familtu kif kien ikun sewwa u xieraq għalih u għalihom.” (p. 222)

Element stilistiku ieħor li Vella juża iktar minn darba huwa l-ewfemiżmu: minflok isemmi l-kelma “mewt” Kustanz jikteb hekk dwar ħbiebu li mietu, “Is-Sur Harry u sħabi l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ Andy, kollha kien intemmilhom il-vjaġġ u għaddew għal ħajja aħjar.” (p. 196) L-ewfemiżmu jerġa’ jitħaddem fl-aħħar żewġ linji tat-taqsima “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ”, meta naqraw, “L-aħħar entratura fid-djarju ta’ Kustanz kienet dik tat-30 ta’ Novembru 1917.” Dak li għal żmien twil kien iħoss ġej fuqu Kustanz fl-aħħar iseħħ u f’daqqa waħda. L-għajbien ħesrem ta’ Kustanz mix-xena ma jħallix ħin għall-qarrej biex jibkih. Dan ikompli jinsisti fuq il-fatt li L-Eroj li ma Kienx hu rumanz iktar realistiku, milli patetiku.

Il-livell deskrittiv u poetiku:

L-Eroj li ma Kienx hu miżgħud b’partijiet deskrittivi. Kustanz fid-deskrizzjoni tal-għelieqi, l-għoljiet u l-firxiet naturali hu romantiku u nostalġiku. Il-vjaġġ fit-tren u l-firxiet naturali jagħtu lok biex Kustanz jagħtina deskrizzjoni ta’ Malta predominantement agrikola fil-bidu tas-seklu 20. Ironikament, dan iseħħ fi żmien ta’ gwerra, żmien ikrah tassew.

Hemm ukoll partijiet poetiċi immens, minkejja li dan hu xogħol narrattiv. Hekk f’rabta mal-vjaġġ fuq it-tren naqraw, “Hemm bosta stadji matul dan il-vjaġġ, uħud qosra, oħrajn aktar dewwiema, imma lkoll mibdija u mitmuma. Stazzjon wara l-ieħor, mifruxa minn żmien għal żmien f’dil-mixja għaġġelija lejn tarf mhux magħruf.” (p. 52) Preċiżament wara jsegwu l-proża u r-realtà iebsa: is-suldati lebsin l-uniformi bl-azzarini u armati sa snienhom.

Permezz tan-narratur ewlieni Vella jagħtina ħemel tagħrif interessanti dwar il-ħajja fl-armata. Huwa f’paġna 74 meta jibdew id-deskrizzjonijiet ħajja tal-kruhat tal-Front u l-ewwel esperjenzi tat-taqbid ta’ Kustanz. Ix-xeni tal-waħx, bis-suldati maqtula jew midruba gravament iħallu impatt psikoloġiku qawwi fuq il-kollegi tagħhom. Kustanz jiddeskrivi l-estremi fl-atteġġjamenti ta’ suldati differenti: “Bħalissa għaddejja waħda ma titwemminx hawn fil-‘billet’ fejn ninsabu: hawn wieħed fostna qed jitkellem ħażin bl-addoċċ u ftit ’il bogħod minnu hawn ieħor igedwed u jżebbeġ fil-kuruna tar-Rużarju.” (p. 75)

Naqraw ukoll deskrizzjoni tal-ewwel darba li Kustanz qatel suldat Tedesk. Jibqa’ jinħass il-fatt li qatel bniedem bħalu.Toħroġ ukoll l-idea li fuq il-Front il-bniedem-suldat bilfors irid jinża’ mill-umanità tiegħu, inkella jisfa maqtul huwa stess. Dan il-qtil ta’ bniedem bħalu jnissel f’Kustanz għadd ta’ mistoqsijiet eżistenzjali.

Dawn il-qagħdiet tal-waħx li Kustanz sab ruħu fihom spiss imbuttawh biex jikteb riflessjonijiet profondi qatigħ imma anki poeżiji mimlijin sentimenti qawwijin fid-djarju tiegħu. Dan id-djarju jservi lil Kustanz bħala żvog imma anki bħala terapija biex ma jitlifx ir-raġuni u l-umanità tiegħu stess. Permezz ta’ dan id-djarju l-qarrej jifhem li Kustanz huwa dak is-suldat fit-trunċiera x’imkien fil-Fjandri li jasal biex jifhem sewwa l-vera tifsira tal-gwerra, bl-ikrah u t-tbatija li ġġib magħha. Huwa proprju f’dawn il-partijiet li r-rumanz ta’ Vella jilħaq livell filosofiku għoli. Kustanz stess jikteb li d-djarju “kien sarlu t-tibna li beda jiggranfa magħha, biex iżomm is-sanità tiegħu kemm jista’ jkun f’postha f’dak l-orrur inkredibbli.” (pp. 132-133) F’paġna 200 jikteb: “Imma rrid nibqa’ nikteb għaliex inħossni ser nitlef moħħi jekk ma noħroġx dak li jkun għaddej f’moħħi b’dan il-mod... organizzat.” Id-djarju jagħti ordni lid-diżordni – dinja ta’ taħt fuq – li hemm madwar Kustanz fit-trunċieri. Aktar riflessjonijiet mill-isbaħ naqrawhom fit-taqsima “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ”, li żgur ifakkar f’San Ġwann tas-Salib.

Hemm drabi meta l-aspett udittiv (mela l-appell għas-sens tas-smigħ) fid-deskrizzjoni ta’ Kustanz jirrendi s-sitwazzjoni deskritta iktar reali: “’Il bogħod minna l-kanuni jinbħu. Fuq rasna l-balal żgħar iwerżqu, il-bombi jvenvnu b’vuċi maħnuqa qisha ta’ barri jħarħar. Ħsejjes iwaħħxuk...” (p.106) Fil-paragrafu ta’ wara mbagħad jaħkem l-aspett kromatiku (il-kulur): “Minn fuq ix-xefaq iġammar ħamrani jidhru telgħin żewġ ‘rockets’ ħodor. Dan ifisser li se nsofru ‘barrage’. Minn ħin għal ħin jidhru l-kanen jobżqu blalen tan-nirien fiddiena-ħamranija li mbagħad jisplodu fuq rasna u traxxax xita ta’ kwiekeb ħomor, ħodor, bojod, leqqiena.” (p. 106) Dan kollu f’rabta ma’ “l-ispettaklu mlewwen ta’ dil-festa qerrieda”. L-element udittiv, jew l-onomatopea, tintuża wkoll f’paġna 200: “xita ta’ balal, bumbardamenti kontinwi, damdim, theżżiż, tifqigħ ta’ bombi kbar u żgħar.”; filwaqt li l-element kromatiku nerġgħu nsibuh ftit wara: “kulħadd kannella, kollox kannella bit-tagħsid tal-ħamrija mtajna. Tiċpis u tiċlis ta’ ħamrija. Ilkoll qisna pupi, jew aħjar pupazzi taċ-ċikkulata. Imma ċikkulata morra. Ċikkulata togħma ta’ moffa. Imbagħad xi ngħidu għal kemm ‘pupazzi taċ-ċikkulata’ tara li sfaw bla rjus, bla jdejn, bla saqajn, bi msarinhom barra, imbiċċra, imtertqa, miftuqa...” (p. 201) Apparti l-lewn kannella, taħkem ukoll id-deumanizzazzjoni, jiġifieri meta l-bniedem jitneżża’ minn dak kollu li jagħmlu bniedem.

Kustanz is-sensittiv u poeta jerġa’ jixref fid-djarju tiegħu meta jiddeskrivi lil martu għerja u l-ewwel għaqda fiżika ta’ bejniethom nhar qamar il-għasel. Dan jagħmlu permezz ta’ lingwaġġ mill-isbaħ, xejn maħmuġ, imma li xorta jaf iqanqal (ara pp. 135-137).

F’post ieħor u fi spazju ta’ żewġ paġni u nofs Kustanz jagħti deskrizzjoni klinika u ħajja tal-fażijiet differenti li minnhom jgħaddi l-kadavru ta’ bniedem mejjet. Din hija parti li twaħħxek imma lingwistikament mill-isbaħ u b’saħħitha fl-istess ħin. (pp. 143-145)

Is-suldat fit-trunċieri kien jgħix id f’id mal-kadavri u mal-mewt. Xbieha poetika dwar il-mewt insibuha f’paġna 166: “Il-mewt tħuf madwarna l-ħin kollu, miexja ħafja, tara ’l min se tieħu magħha, siekta.” Imbagħad f’paġna 174 naqraw silta (fit-taqsima bl-isem ta’ “Irmied u Dellijiet”) li tintrabat direttament mal-qoxra tal-ktieb: Kustanz bħal jara dak il-waqt meta joħroġ minn ġismu biex iħalli lid-dinja darba għal dejjem. Wieħed jistaqsi f’dan il-punt jekk hix previżjoni li se sseħħ jew le. Ħsibijiet simili naqrawhom f’paġna 211: “U jien hawn wisq drabi nħossni li m’għadnix f’did-dinja imma li diġà ninsab f’li jmiss, fl-infern tal-ħajja ta’ wara din [...] Nitmermer, dejjem nitmermer, waqt li naf u waqt li ma nafx li qieghed nitmermer [...] U kemm tiflaħ tissokta tnemnem did-daqsxejn ftila qalb tant irwiefen jobormu minn kull naħa?” Dan Kustanz jiktbu wara li jirċievi l-aħbar tal-mewt ta’ ħabib kbir tiegħu, xahrejn wara li miet. Hemm ħajta rqiqa ħafna bejn ħajja u mewt!

Aktar dwar ir-rabta bejn ħajjin u mejtin naqrawh meta Kustanz jikteb hekk fid-djarju f’relazzjoni mal-1 ta’ Novembru 1917: “Erġajna ninsabu fix-xahar tal-mejtin. Xahar li jfakkarna fl-għeżież li tlifna. Hawn lanqas kieku trid ma tista’ tinsiehom il-mejtin. Ninsabu midfunin ħajjin f’nofshom. Tista’ tgħid li aħna l-kadavri t’għada... jekk mhux ukoll il-kadavri ta’ ftit waqtiet oħra.” (p. 197)

Xbieha sabiħa oħra hija dik meta Kustanz iqabbel il-gwerra mal-Golgota u r-rebħa mal-Irxoxt (p. 198). Xbieha effettiva oħra hija meta Vella, bis-saħħa tan-narratur ewlieni, jikteb li l-pakkett bl-ittri u bid-djarju ta’ Kustanz huwa “midfen b’differenza” li fih, “hemm ħsibijiet u sentimenti espressi fil-kitba li huma aktar suwed mill-faħam, u hemm ġawhar ta’ mumenti imprezzabbli.” (p. 217) Ħsieb profond u poetiku ieħor fid-djarju ta’ Kustanz li joħroġ permezz tal-lingwaġġ figurattiv naqrawh f’paġna 218: “Dal-kliem [...] Mhu xejn għajr it-tħaxwixa mitfija ta’ werqa ta’ darba li waqgħet fil-masġar enormi tal-ġrajja.” Hemm il-poeżija anki fil-proża ta’ Kustanz; paradossalment hija poeżija prodott ta’ waqtiet ta’ waħx, solitudni u tbatija.

Konklużjoni:

F’L-Eroj li ma Kienx naqraw dwar il-ġrajja ta’ bniedem ordinarju (wieħed minn miljuni) li sab ruħu f’ċirkostanzi straordinarji u b’hekk ma baqax daqstant ordinarju. (p. 134) Nistħajjel li Joseph Vella kiseb bosta tagħrif mill-ħafna kotba li matul snin twal qara anki f’ilsna oħra f’rabta mal-Istorja u l-gwerra. L-interessanti huwa kif irnexxielu minn dan kollu jibni rumanz strutturat tajjeb f’ilsienna, xogħol li fih juri ħakma tajba ferm tal-Malti tant li d-deskrizzjonijiet jinqraw b’mod mexxej u naturali għall-aħħar. Is-sabiħ huwa wkoll il-fatt li permezz ta’ dan ir-rumanz - aktarx uniku għax hu biss hu xogħol lokali ambjentat fi żmien il-Gwerra l-Kbira? -  jinħoloq pont ta’ komunikazzjoni dirett bejn in-narratur ewlieni u Kustanz, imma anki bejn il-qarrej u n-narratur ewlieni u Kustanz minkejja li bejn il-preżent u l-imgħoddi (Kustanz fit-trunċieri) hemm spazju temporali ta’ mitt sena.

Dan hu wkoll rumanz tweġiba għal min jemmen li biex tikteb xogħol li jintgħoġob jeħtieġ juża lingwaġġ, deskrizzjonijiet u xeni maħmuġin, mimlijin sess u oxxenità. Minn dan kollu L-Eroj li ma Kienx m’għandu xejn. Anzi, hawn Vella jerġa’ jfakkar li hemm valuri li għad għandhom importanza ewlenija, iktar u iktar illum f’soċjetà materjalista u aktarx korrotta; valuri bħalma huma l-għożża tal-familja, it-twemmin f’Alla, il-lealtà fiż-żwieġ u lejn il-patrija, ir-rispett lejn il-proxxmu – saħansitra fuq il-kamp tal-battalja, ir-rispett lejn u l-apprezzament tal-ħajja umana, u anki lejn dawk li ġew qabilna billi la ninsew lilhom u lanqas  dak li ġarrbu.

Fl-aħħar nett ta’ min jgħid li wara xogħol letterarju bħal dan hemm ukoll Joseph Vella l-istudjuż ħassieb u anki għalliem tal-Malti.

Patrick Sammut