Thursday, July 23, 2015

WARTIME GOZO 1940-1943. AN ACCOUNT OF THE BLEAK YEARS ta’ Charles Bezzina, Malta 2015.

L-isem ta’ Charles Bezzina huwa marbut ma’ numru ta’ pubblikazzjonijiet kemm ta’ natura poetika kif ukoll ta’ natura storika f’rabta ma’ Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija. F’temp ta’ tmintax-il sena Bezzina ppubblika għadd ta’ antoloġiji poetiċi fosthom, Triqat Bla Tarf (1987), Meta Karab il-Baħar (1993), Baħar Solitarju (1996), Mewġiet tal-Ħemda (2002), Kurrenti Solitarji (2005), Meta Siket il-Baħar (2008), u Raxx tas-Silenzju (2012). Baħar Solitarju kien issemma b’ġieħ fil-Premju Letterarju 1997, filwaqt li Mewġiet tal-Ħemda kien rebaħ il-Premju Letterarju 2002. When the Sirens Wailed, il-ktieb dwar Għawdex u t-Tieni Gwerra Dinjija, u Kwadri tal-Imgħoddi, ħarġu fl-2012.

Dwar Malta fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija – meqjusa storikament bħala t-Tieni Assedju ta’ Malta - inkiteb ħafna, kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. Imma dwar ir-rabta bejn l-istess perijodu u Għawdex inkiteb ħafna inqas. Għalhekk Charles Bezzina fis-sena 2000 kien ippubblika l-ktieb bl-isem ta’ Il-Qilla tal-Gwerra Fuq Għawdex 1940-1943 miktub minn missieru Frank Bezzina (1925-1996). Kien ktieb li ntlaqa’ tajjeb tassew u li kien mela n-nuqqas fl-istorja ta’ Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-sena 2012 Charles Bezzina stess kien ħaseb li jmur lil hinn minn dan. Iktar kemm iż-żmien kien qed jitbiegħed mill-esperjenza tal-Gwerra msemmija, iktar huwa ħass u għadu jħoss il-bżonn li jikteb imma anki jiġbor għadd ta’ esperjenzi direttament mill-fomm ta’ Għawdxin li għexuha fl-ewwel persuna. Dan biex juri l-impatt soċjali tal-Gwerra fuq Għawdex. B’hekk Bezzina f’When the Siren Wailed (2012) kien inkluda numru ta’ esperjenzi personali mlewna magħmulin mit-tifkiriet ta’ dawk li għexu s-snin diffiċli tal-Gwerra. Huwa kien għażel li jinkludi 20 tifkira li meta jitqiegħdu flimkien jiffurmaw bħal katina li tixħet dawl fuq avveniment mill-ikbar, epoka magħmula minn dlam, biża’ u mewt, imma anki minn sagrifiċċji kbar li jseħħu matul kull gwerra.

Is-sena 2015 qed tara l-ħruġ ta’ pubblikazzjoni ġdida ta’ Charles Bezzina f’rabta ma’ Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija: il-ktieb Wartime Gozo 1940-1943 – An account of the Bleak Years, ktieb ippubblikat anki bl-għajnuna tal-BOV, is-sitt wieħed ta’ riċerka li ppubblika dan l-awtur Għawdxi. B’xogħol bħal dan Bezzina qed ikompli fuq il-passi ta’ missieru Frank. Din id-darba l-awtur jikteb bl-Ingliż dwar dak kollu li Għawdex kellu jgħaddi minnu matul dan il-perjodu tant ikrah. Dan jagħmlu f’24 taqsima differenti li għalkemm tulhom ma jdejjaqx lill-qarrej xorta waħda jipprovdu tagħrif interessanti u siewi dwar is-suġġett in kwistjoni.

Il-gżira t’Għawdex intlaqtet direttament mill-gwerra iktar tard minn Malta (fix-xhur bikrin tal-1942). Għalhekk għall-ewwel kienet gżira bla difiża, bla xelters, u biż-żmien b’kuntatt dejjem jiddgħajjef mal-gżira oħtha l-kbira minħabba l-attakki mill-ajru.  Minkejja dan offriet kenn għal eluf ta’ Maltin li ħarbu miż-żoni l-iktar milquta mill-bombi bħalma kienu l-Kottonera u l-Belt Valletta. Bezzina jikteb dwar dawn ir-refuġjati Maltin u l-kuntatt tagħhom mal-popolazzjoni Għawdxija, l-attakki mill-ajru u l-ajruplani mwaqqgħin, l-ordnijiet reliġjużi, l-isptarijiet, ir-rwol tal-Knisja, is-sistema tal-edukazzjoni, il-curfew, il-blackout, u l-black market, il-Victory Kitchens, l-Uffiċċju tal-Informazzjoni u Ġorġ Pisani, il-perikli kbar li magħhom kienu jiltaqgħu dawk li kienu jazzardaw jaqsmu l-Fliegu fi żmien il-Gwerra, il-mard differenti u n-nuqqas ta’ ndafa minħabba n-nuqqas ta’ prodotti iġjeniċi,  il-ġbir tal-qamħ u r-regoli f’rabta mal-imtieħen, l-attività klandestina ta’ dawn tal-aħħar, il-lieva, is-suldati Britanniċi, il-Pulizija li kienet tgħasses il-kosta, l-iskwadra tad-demolizzjoni, u bosta ħwejjeġ interessanti oħrajn. Dan fi żmien (Novembru 1942) meta uffiċjalment f’Għawdex kien hemm popolazzjoni ta’ ftit inqas minn 30 elf ruħ, inklużi ħamest elef refuġjat Malti.

Naqraw dwar il-kontribut li l-Għawdxin taw matul dan il-kunflitt dinji: bosta minnhom niżlu Malti biex jagħtu daqqa t’id fit-tħaffir tax-xelters pubbliċi; fetħu l-bibien tad-djar u l-iskejjel tagħhom biex jilqgħu eluf ta’ Maltin refuġjati; għenu kif setgħu anki meta t-theddida fuq Għawdex spiċċat billi niżlu Malta ħalli jgħinu fi ħdan l-iskwadra tad-demolizzjoni; u kienu huma li wara t-tħeġġiġ min-naħa tal-Isqof ta’ Għawdex, Mikiel Gonzi, u personalitajiet Għawdxin oħrajn bħal Kelinu Vella Haber u Ġorġ Pisani, ġabru ammonti kbar ta’ qamħ biex jintbagħat lejn Malta fi żmien meta l-awtoritajiet Ingliżi kienu qed jaħsbu biex iċedu lill-Gżejjer Maltin (fis-sajf tal-1942) ladarba l-ħażna tal-qamħ u ħwejjeġ oħrajn utli għall-ħajja ta’ kuljum kienu waslu fl-aħħar. Dak iż-żmien Kelinu Vella Haber waqqaf assoċjazzjoni tal-bdiewa fin-Nadur u kien strumentali biex ikkonvinċa lill-bdiewa tan-Nadur, il-Qala u Għajnsielem ħalli jbigħu lill-awtoritajiet il-qamħ tagħhom. Anki Ġorġ Pisani, dak iż-żmien uffiċċjal fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni u l-Propaganda f’Għawdex għamel minn kollox biex jinġabar il-qamħ.

Interessanti hu l-fatt li kull meta l-pulizija kienet tikkonfiska materjal tal-black market, fosthom pitrolju, bajd, u ikel ieħor, ħafna minn dawn kienu jmorru għad-djar tas-sorijiet refuġjati Maltin li kienu jinsabu f’Għajnsielem, Marsalforn u Ta’ Ċenċ.

Minkejja dan, Charles Bezzina ma jonqosx milli jsemmi jsemmi wkoll l-elementi pożittivi li ġabu magħhom ir-refuġjati Maltin f’Għawdex, fosthom attivitajiet kulturali, il-ftuħ ta’ fergħa tal-MUSUEM, għadd ta’ għalliema u l-opportunità li l-Għawdxin – inklużi tfal u żgħażagħ – jitħalltu mal-Maltin tamparhom.

Ta’ min iżid ukoll li fil-paġni ċentrali wieħed isib għadd ta’ ritratti awtentiċi marbutin mal-epoka, u fi tmiem il-ktieb biblijografija dettaljata. Permezz ta’ din tal-aħħar nifhmu li Bezzina bena dan il-ktieb fuq materjal li ġabar minn manuskritti u dokumenti differenti, kotba u anki gazzetti u rivisti varji. L-istil li bih jikteb Charles Bezzina jibqa’ wieħed mexxej tant li ktieb bħal dan (ta’ 75 paġna) jista’ jinqara f’nifs wieħed u bla tbatija ta’ xejn.

Wartime Gozo 1940-1943 – An account of the Bleak Years għandu Daħla mill-pinna ta’ Louis J. Scerri. Nagħlaq bi kliem Scerri stess dwar dan il-ktieb ġdid: “Bezzina’s  book will be greatly appreciated by all those who did have the opportunity to read his or his father’s books, but there must be a new generation who have little inkling of the vicissitudes experienced by Gozo and its population. As was the case in Malta, the war years in Gozo were to be a societal watershed, a change paid at a not inconsiderable price.” Ktieb bħal dan għandu jservi mitqlu deheb l-aktar għal dawk iż-żgħażagħ li nanniethom twieldu fis-snin tal-gwerra u b’hekk ma jistgħux jirrakkuntawlhom personalment il-kruhat ta’ ġrajja bħal din.

Patrick Sammut