Monday, September 21, 2015

PRELUDJI GĦAL MEWTI – VERSI U KITBIET OĦRA MINN QALBI, ta’ Anton Grasso, Miller Distributors Limited, 201

Dan huwa l-51 ktieb tal-kittieb prolifiku, Anton Grasso, li beda l-karriera letterarja tiegħu fl-1974 bl-ewwel ktieb, Iljieli bla Qamar, meta kellu biss 22 sena. Din id-darba m’għandniex xogħol li jwasslilna letteratura mistħajla jew traduzzjoni ta’ xi rumanz miktub minn xi kittieb barrani magħruf (Grasso qaleb għall-Malti ħames rumanzi u tliet stejjer li ħariġhom f’volum wieħed). Din id-darba Anton Grasso jagħtina ktieb li għandu mill-awtobijografija (magħmula anki minn għadd ta’ esejs), kemm personali kif ukoll nazzjonali, xi ħaġa li kien diġà għamel fi ktieb ieħor tiegħu bħal Awtopsja (2004). Jikteb ukoll dwar fatti reali li min jaf kemm fuqhom jistgħu jinkitbu stejjer, rakkonti u rumanzi mistħajla.

Il-kontenut ewlieni ta’ din il-pubblikazzjoni ġdida jifrex fuq 200 paġna, 127 minnhom jieħdu l-forma ta’ proża (21 taqsima b’kollox), u l-bqija f’għamla ta’ poeżiji (58 b’kollox). Grasso jqis il-poeżija bħala “l-aktar xogħol intimu tal-awtur, hi l-anqas imfittxija u apprezzata.” (p. 119)

Is-siltiet ta’ proża:

Fl-ewwel parti, mela l-parti tal-proża, Grasso jittratta diversi aspetti mill-ħajja personali tiegħu. Jiftakar fiż-żmien meta kien jgħallem lil studenti subien f’żewġ skejjel tas-snajja’, u aktar tard f’meta kien direttur tal-programmi televiżivi mal-istazzjon nazzjonali (għal 23 sena sħaħ).  Sa mill-bidu nett Grasso jfakkarna li huwa wkoll missier. Dwar il-ħajja tiegħu bħala kittieb jgħidilna li fl-imgħoddi l-ispirazzjoni tiegħu kien joħodha mill-qari ta’ bosta stejjer barranin.

Preludju għal Mewti huwa meditazzjoni kontinwa dwar il-ħajja u l-mewt. Dwar ħajja u mewt jikteb hekk, “L-inġustizzja tal-ħajja għal darba oħra tressaqna quddiem il-ġustizzja tal-mewt.” (p. 20) Il-mewt b’hekk hija tema rikurrenti u b’saħħitha f’dan il-ktieb, mill-bidu sal-aħħar, kemm fil-parti tal-proża, kif ukoll fil-parti poetika. Iċ-ċimiterju hu mifhum bħala dak l-ispazju fejn kulħadd huwa l-istess.

Dawk ta’ Preludju għal Mewti huma wkoll kitbiet intimi, personali, li ħerġin direttament minn qalbu u minn ruħu. Biex kiteb dan kollu, żgur li Grasso ħtieġ il-kwiet u l-qtugħ komplet mill-bqija biex iqiegħed wiċċ imb wiċċ lilu nnifsu ma’ dak li hemm ġewwa fih u biex joħroġ fil-kitba l-veru essri tiegħu.

F’parti oħra Grasso jikteb dwar l-importanza tal-ktieb (“il-passjoni tiegħi”, p. 21) għalih sa minn żmien meta l-ktieb ġo dar kien meqjus bħala teżor. Kien żmien meta, “kien hemm inqas fiex tgħaddi l-ħin, il-ħajja Maltija kienet aktar kwieta u l-ktieb kien aktar imfittex.” (p. 23) Kien ukoll żmien ir-Rediffusion li “kien is-sors ewlieni ta’ tagħlim u divertiment.” Ftit iktar ’il quddiem Grasso jikteb, “Wieħed mill-passatempi ewlenin kien il-qari tar-rumanz Malti.” (p. 118) Jinħass sewwa sens ta’ nostalġija. Grasso jaf ukoll li llum, ironikament, żdiedu l-kittieba u naqsu drastikament il-qarrejja.

Apparti l-ktieb, għal Grasso kien hemm ukoll il-kitba: “il-kitba qatt ma saret marti, dejjem in-namrata li bqajt inħobb u miklub għaliha b’xewqa kbira, għatxan għal dak li ma nistax nikseb kompletament.” (p. 22) Dwar il-kitba tiegħu jgħid ukoll, “Jien inħobb nirrevedi xogħli, eżerċizzju tedjanti iżda nħoss li meħtieġ.” (p. 28) Għalhekk anki f’din l-awtobijografija jinħass Grasso kittieb u ħaddiem ta’ xbihat u metafori effettivi, bniedem ta’ sensittività partikolari, u anki bniedem ta’ sengħa fit-tħaddim tal-ilsien Malti. Huwa jikteb għall-qarrej medju, juża lingwaġġ ċar, sabiħ, ġenwin u bla ebda pretensjonijiet. U dan minkejja li jħaddem numru ta’ mistoqsijiet ta’ natura eżistenzjali, u ċerti perijodi sintattiċi twal li ċertament jirriflettu n-natura riflessiva tal-kitba tiegħu.

Hemm drabi meta jħaddem l-istil tal-esej, ir-rakkont, id-diskors dirett u anki d-djalett. F’waqtiet Grasso jitbiegħed mill-awtobijografija u jilbes il-libsa tan-narratur jew rakkontatur li jgħid storja li taf tolqot kull familja f’Malta. Tema ewlenija hawn hija l-fanatiżmu fil-politika li jista’ jwassal għal ġlied u anki mewt. Drabi oħra Grasso jaf jibni d-diskors tiegħu gradwalment, iżid fis-saħħa sakemm jilħaq il-quċċata ta’ dak li jrid jasal għalih. Hemm imbagħad drabi oħra (mhux daqstant frekwenti) fejn Grasso jinħass ftit pedantiku, ixidd it-ton tal-predikatur, u dan żgur li jikkuntrastja partijiet iktar friski. Hemm waqtiet oħra fejn Grasso jikteb dwar realtajiet li jistgħu jdarrsu lil dak li jkun, realtajiet li għalkemm huma parti mill-proċess tal-ħajja tal-bniedem, bosta jippreferu jaħarbuhom.

F’dan ir-rakkont awtobijografiku u fl-istess ħin riflessiv (“meta bniedem jieħu n-nifs ma jfissirx li jkun verament ħaj. Hekk ikun jidher iżda xi drabi jħossu katavru f’dinja ta’ kliem, ħsejjes, movimenti li ma jistax jieħu sehem fihom.”, p. 51), Grasso ma jibżax jammetti d-dgħjufijiet tiegħu (“il-fehma tiegħi li jien tweildt aktar biex nirnexxi bħala awtur milli bniedem għadha l-istess.”, p. 46). Jammetti li wara 37 sena bħala awtur l-entużjażmu tiegħu beda jiddgħajjef, u dan minkejja li għad fadallu mijiet ta’ stejjer li qatt ma ppubblika.  F’dan id-dawl Grasso bħal jagħmel vjaġġ fit-tifkira u jikteb dwar il-karriera tiegħu bħala kittieb, dwar pubblikazzjonijiet differenti minn tiegħu, dwar il-laqgħat tiegħu ma’ kittieba Maltin (bħal Oliver Friggieri u Alfred Massa) u korrispondenza ma’ kittieba barranin oħra (Ira Levin, William Katz, H.E. Bates, u F.M. Stewart), u l-kollaborazzjoni ma’ persuni li għenuh biex il-kotba tiegħu jkunu suċċess dejjem ikbar. Jikteb dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ ommu u missieru, u anki dwar iż-żmien meta kien għaddej minn kriżi fiżika li ġagħlitu anki japprezza aktar dak li għandu u jiftakar f’min hu inqas ixxurtjat minnu.

Inħoss li Grasso seta’ ħalla ċerti ismijiet barra għax ma jagħmlu xejn ħlief għajb lill-vera letteratura Maltija. Hawn qed nirreferi għal ċerti kittieba relattivament żgħażagħ li permezz tal-pożi daqstant għal qalbhom kisbu ċerta notorjetà u sfaw saħansitra ppremjati mal-ewwel għatsa li għatsu fil-qasam “letterarju”, filwaqt li ma ddejqux ikasbru kittieba validi li għexu, ħadmu u kitba b’imħabba bosta snin qabel ma twieldu huma. U din hi prova li mhux dejjem ix-xogħlijiet ippremjati jkunu verament l-aqwa fil-qasam tal-letteratura Maltija kontemporanja.  Imma, kontra dawn, Grasso jikteb b’modestja u b’umiltà awtentiċi, indikazzjoni ta’ bniedem u kittieb matur. F’rabta ma’ dan Grasso jikteb ukoll, “Meta nara s-serjetà li huma stmati biha l-awturi barranin nirrealizza kemm f’Malta l-awtur għadu lura mill-professjonaliżmu li ħaqqu. “ (p. 42)

Grasso jagħti spazju anki lil dak li kittieba oħra qalu dwar il-kotba tiegħu: dan iwasslu kemm permezz ta’ ittri li ntbagħtulu personalment u li jinkludi fil-parti ewlenija ta’ Preludju għal Mewti, imma anki fil-parti tal-aħħar fejn hemm bosta kummenti anki ta’ natura kritika li dehru fuq bosta ġurnali lokali. U dan ifakkarna fil-fatt li hemm fejn jinkitbu teżijiet sħaħ dwar il-produzzjoni letterarja ta’ Grasso minkejja li hemm ċerti kurrenti li għamlu minn kollox biex warrbuh fil-ġenb. Forsi għalhekk Grasso stess jikteb, “Għall-anqas l-apprezzament li dejjem stennejt f’pajjiżi sibtu minn awturi barranin.” (p. 45) Dan huwa d-destin ta’ bosta awturi awtentiċi Maltin, awturi li mhumiex parti minn klikek (magħmulin minn kittieba, pubblikaturi, kritiċi letterarji u reċensjonisti) li jimxu fuq il-motto “ħokkli dahri u nħokk tiegħek”.

L-ittra tintuża f’partijiet oħra ta’ Preludju għal Mewti. L-ittra hija meqjusa bħala teżor minn Grasso, u dan jintrabat mar-rispett kbir li għandu għal dawk li ġew qabilna. Lil dawn Grasso jagħtihom ħajja mill-ġdid permezz tal-pinna tiegħu. Niltaqgħu wkoll ma’ numru ta’ digressjonijiet li fihom jispikkaw ’l hawn u ’l hinn deskrizzjonijiet imlewna u dettaljati (mera ta’ bniedem li ma jaħrablu xejn) ta’ persuni, spazji u stati ġewwiena.

Parti kbira minn Preludju għal Mewti hija ddedikata lill-figuri ta’ ommu u missieru, u b’hekk spiss Grasso stess jirrepeti li, “Illum it-tifel tal-imgħoddi baqa’ ħaj f’qalbi.” Hawn naqraw dwar spazji u persuni marbutin ma’ omm Grasso. Wisq probabbli mingħand ommu Grasso wiret is-sentimenti reliġjużi li spiss u regolarment jesprimi f’dan il-ktieb. Dan jintrabat ukoll ma’ siltiet ta’ natura soċjo-morali: dan jispikka f’partijiet fejn Grasso jikteb dwar Malta kif kienet fl-imgħoddi, u dwar Malta kif inbidlet matul iż-żmien (“Id-dinja li għex fiha missieri ma kinitx din id-dinja. In-nazzjon żgħir tagħna kien iżgħar, aktar magħqud, iżjed nazzjon... Il-familja kienet aktar familja, forsi kienet għarfa inqas mil-lum, iżda tipprattika aktar twemminha.”, p. 79). Mela f’Preludju għal Mewti naqraw anki dwar il-familja u s-soċjetà, dwar l-ordni, it-tmexxija u l-ubbidjenza, imma anki dwar it-tbatija li għadda minnha Kristu. Grasso ma jibżax isostni, “Il-kundanna tiegħi tasal fil-beraħ bla mistħija lil min għandu  s-setgħa u ma jħaddimhiex sewwa.” (p. 103) Dwar il-gazzetti jikteb li, “Hi l-aħbar il-ħażina jew it-traġedja jew l-isfortuna li baqgħet tiddomina l-midja.” (p. 120) L-awtur juri wkoll għarfien tajjeb ferm tal-komportamenti u l-aġir tal-poplu Malti waqt ċirkostanzi partikolari. Dwar il-Milied jikteb hekk: “L-imħabba mhix mudell ta’ jum iżda ta’ ħajja” (p. 107) Inħoss li b’kitbiet bħal dawn Grasso jipprova jiskonġra ruħu u jħallas ċertu dejn li hu biss jaf eżattament x’inhuwa.

 Il-poeżija:

Ġeneralment Grasso jippreferi jħaddem l-endekasillabu bħala l-vers tar-riflessjoni u l-vers maħlul bħala metrika. Parti kbira mill-versi tiegħu huma eleġiji, mela marbutin mat-tema tal-mewt. Fil-poeżiji tiegħu jfakkar lil dawk li m’għadhomx magħna, u dawn huma kemm familjari stretti tiegħu, poeti ħbiebu (bħal Carmel Attard), kif ukoll persuni li ma kienx jaf personalment, imma li sar jafhom permezz tal-media għax sfaw vittmi ta’ inċidenti fatali. Filwaqt li Grasso huwa konxju tal-fatt li l-ħajja tfisser tbatija, f’dan id-dawl jifhem ukoll li l-mewt toffri mistrieħ. Fl-istess ħin jinħass il-faraġ li taf toffri l-fidi. Huwa hawn fejn il-mewt tinftiehem bħala bidu, festa u laqgħa man-nies li telqu qabilna, u filwaqt li l-ħajja hija ppreżentata bħala gidba, fil-mewt tinkixef kull verità.

Fil-versi tiegħu Grasso jinħass bħala l-poeta-bniedem matur anki fl-età, li jibqa’ tifel minn ġewwa u b’hekk marbut mal-ġenituri li tant ħabb anki wara mewthom. Huwa għalhekk jagħti importanza lir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied anki fil-poeżiji tiegħu.

Teknikament spiss jitħaddmu numru ta’ paradossi li huma parti ewlenija mil-logħba ta’ kliem li hija l-poeżija. Anki hawn il-versi ta’ Grasso jinftehmu bħala djarju intimu ta’ dak li qatt ma ngħad b’leħen li jinstema’. Drabi oħra Grasso jħaddem il-mekkaniżmu anaforiku (versi wara xulxin li jibdew bl-istess kelma, bħal kif jagħmel f’Poeżija Għalija, p. 149) u anki numru mdaqqas ta’ xbihat, waħda ssegwi lill-oħra. F’dan il-każ il-vers maħlul u l-enjambement (is-sens ta’ dak li jkun qed jingħad li jiżloq minn vers għall-ieħor bla waqfa ta’ punteġġjatura) ikomplu jqarrbu lill-poeżija lejn it-teknika tan-nixxiegħa tal-kuxjenza. Drabi oħra l-versi ta’ Grasso jieħdu mir-ritmu tal-litanija (ara Int, p. 196).
Tematikament huma b’saħħithom dawk li jiena nsejħilhom il-versi tat-tluq: dawn huma ispirati minn min jaf li d-dinja mhix post permanenti imma biss post li minnu rridu npassu għal imkien ieħor (“il-qabar jilqa’ qoxra iżda t-tama/ hi fil-qawmien, twelid li jibqa’għal dejjem.”, p. 176). Quddiem il-qosor u l-illużjoni tal-ħajja Grasso jħossu buffu. B’hekk il-ħajja trid tittieħed b’ċerta ironija (Ferragħli l-Aħħar Grokk, p. 178). 

Lil Grasso narawh ipassi fi spazji fejn il-bqija tal-folla ma tinsabx, u dan għax tinsab “middieħka f’għors karnival ieħor/ tul id-damma tal-ħajja.” (p. 158) Hemm il-kritika soċjali, anki kontra poplu li jqim lill-politiku imma mhux lil Alla (ara Ix-Xita ta’ Kull Nhar t’Erbgħa). Dak tagħna huwa wkoll poplu li moħħu fil-karnival (u Grasso hawn jgħid li “il-ħajja nbidlet f’logħba/ bla gost u bla progress”, p. 163) imma fl-istess ħin ma jafx jidħak bih innifsu.

Għeluq:

Dak li Grasso ma qalx b’fommu qalu bil-kitba f’Preludju għal Mewti. Bniedem li ma jibżax jikxef dak li hemm mistur fih huwa bniedem ġenwin u ta’ dan jistħoqqlu rispett. Preludju għal Mewti huwa ktieb ideali għal min irid isir jaf sewwa wieħed mill-iktar kittieba prolifiċi ta’ gżiritna. Huwa ktieb li ħareġ fil-ħin adatt, u jista’ jitqies bħala rigal għal min  xtaq li jiskopri aktar dwar dan il-bniedem li daħal fis-37 sena tal-karriera tiegħu bħala kittieb. Preludju għal Mewti huwa wkoll mogħti preżentazzjoni tajba ferm li tinkludi numru mdaqqas ta’ ritratti (anki bil-kulur) li jikkumplimentaw il-bqija ta’ din il-pubblikazzjoni.

Patrick Sammut (Ottubru 2011)



Tuesday, September 8, 2015

GLORJANA ta’ Karmenu Mallia, DOM Communications Ltd., 2014.

Karmenu Mallia llum huwa kittieb misjur kemm fl-età (għalkemm għadu żagħżugħ tassew fl-ispirtu) kif ukoll fis-sengħa tal-kitba u anki fil-qasam tal-ilsna. Huwa l-awtur ta’ bosta pubblikazzjonijiet: traduzzjonijiet, rumanzi, poeżiji b’ilsna differenti, u saġġi. Huwa wkoll President tas-Soċjetà tal-Esperanto f’Malta.

Is-sena 2014 rat il-pubblikazzjoni ta’ rumanz ieħor minn tiegħu: Glorjana. Jifrex fuq 200 paġna u jinqasam fi 28 kapitlu. Fih insibu partijiet djalogati, oħrajn miktubin fil-korsiv (li drabi jindika dak li personaġġ partikolari qed jiftakar mill-imgħoddi, jew il-kontenut ta’ xi ittra, jew xi ftehim miktub fuq dokument apposta, jew xi diskors minn fomm xi politiku), oħrajn li jieħdu l-forma ta’ versi rrimati (spiss marbutin mal-personaġġ ta’ Pelè li fir-rakkont huwa l-kap tal-Partit tal-Ħodor u għannej prim), u oħrajn fejn taħkem in-narrazzjoni, mela leħen in-narratur li fost oħrajn jiddeskrivi dak li jkun għaddej u xi drabi jgħaddi r-riflessjoni tiegħu stess. Il-lingwaġġ li juża Mallia huwa mexxex, anki għax jirrifletti d-diskors ta’ kuljum. Minkejja dan naqraw spiss frażijiet jew qwiel b’ilsna oħrajn, apparti l-Malti, fosthom bil-Latin (użat spiss minn personaġġi marbutin mal-qasam tal-Knisja, imma anki f’rabta mal-qasam tal-Liġi), l-Esperanto, l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Ingliż. Fejn ikun hemm bżonn Mallia jinkludi t-tifsira ta’ frażijiet bħal dawn f’nota f’tarf il-paġna. Minkejja dan Mallia jagħti l-prijorità lil ilsien art tweildna u lejn l-aħħar tar-rumanz naqraw, “Għax jekk il-lingwa tal-poplu ma jiħux ħsiebha l-poplu nnifsu, min kien se jieħu ħsiebha? Il-barrani?” (p. 199)

Kollox jibda minn laqgħa bejn xi ħbieb anzjani (fosthom in-narratur li hawn għandu l-isem tal-awtur, Karmenu) li jiddeċiedu li kull wieħed minnhom jirrakkonta l-iktar ħolma stramba li jkun ħolom u dan fi żmien ġimgħa meta jerġgħu jiltaqgħu fil-Każin de Valette fil-Belt. Ir-rumanz jieħu l-isem tal-ħolma li kellu Karmenu, Glorjana. Il-kelma “ħolma” nerġgħu niltaqgħu magħha f’laqgħa li Dun Franz iħollu mal-Isqof: dan tal-aħħar jgħid lil Dun Franz biex ikompli joħlom għax il-ħajja għandha bżonn ta’ “proposti ġodda” (Kapitlu 7). Il-ħolma terġa’ tidher lejn l-aħħar tar-rumanz, f’kapitlu 27, meta Pelè joħlom ħolma (mela ħolma – din ta’ Pelè-, ġo ħolma – dik ta’ Karmenu n-narratur) li tibdillu destinu f’“ġejjieni stramb kemm sabiħ.”

Il-ħolma-rumanz Glorjana (li Karmenu n-narratur jgħid li beda jiktbu fl-2010 u temmu fl-2013) huma ambjentati fil-ġejjieni mhux imbiegħed fuq il-gżira ta’ Maltanova – bil-belt kapitali Apapa u bil-pjazza ewlenija jisimha Pjazza tal-Martri -, fejn il-Parlament huwa magħmul minn tliet partiti (tal-Eremiti, tal-Frujużi u tal-Ħodor) u minn ftit politiċi li ma jissejħux iktar Onorevoli, bil-kelb Baqqu li jwassal il-messaġġi minn naħa għal oħra meta jkun hemm il-bżonn, u bi Prim Ministru mara. Maltanova hija Malta fil-ġejjieni, mhux aktar fl-imgħoddi. Mela iktar milli rumanz storiku, din id-darba għandna xogħol li jirrakkonta ġrajja futuristika (għalkemm ’il bogħod mid-dinja li jippreżenta xi Alduous Huxley fi Brave New World). Glorjana huwa wkoll l-isem ta’ belt ġdida li l-Parlament jiddeċiedi li tinbena fil-għoli u ’l bogħod minn kull belt jew raħal oħra.

Hemm partijiet oħrajn fir-rumanz fejn l-azzjoni tiġi ambjentata l-ewwel f’Ruma (fejn hemm anki l-Vatikan) u aktar ’il quddiem f’post muntanjuż fi Franza fejn tgħix komunita’ ta’ patrijiet bl-isem ta’ Sebasti, imsemmijin għal San Sebastjan. Dan ukoll jgħin biex in-nisġa tar-rakkont tkun waħda dinamika u b’hekk ma tgħajjix fl-ebda waqt lil dak li jkun.

Mill-bqija Karmenu Mallia l-awtur jispira ruħu minn Malta kontemporanja, bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, jew bil-virtujiet u bin-nuqqasijiet tagħha (fosthom, in-nies li ttaqtaq u tilħaq salib ħaddieħor, il-partitiżmu u l-parrokkjaliżmu, il-korruzzjoni min-naħa tal-kapitalist). Minkejja dan it-tonalità tar-rumanz qatt mhi pessimistika jew patetika. Wieħed iħoss il-ħin kollu li min qed jikteb huwa bniedem ta’ esperjenza kbira li għadda minn tiġrib kemm pożittiv kif ukoll negattiv, imma fuq kollox bniedem b’saħħtu għax kien jaf jieħu l-ħajja b’ċerta filosofija ottimista. Spiss il-qarrej iħoss li għalkemm il-kittieb jaf liema huma dawk l-aspetti li jnawru s-soċjetà minn taħt, xorta waħda l-kumment li jagħmel mhux wieħed li jrid ikisser jew imaqdar imma wieħed li jieħu l-affarijiet kif inhuma filwaqt li jissuġġerixxi soluzzjonijiet li jibbażaw iktar fuq il-ftehim bejn il-partijiet rivali, u r-rispett reċiproku li jiġi wkoll mill-għarfien tal-“ieħor”.

Din Maltanova li jissuġġerixxi Mallia għalhekk hija parti minn ħolma, mela għandha wkoll mill-utopija, fejn il-Prim Ministru hija anki mużiċista u l-Kap tal-Partit tal-Ħodor fl-aħħar jiddeċiedi li jħalli l-politika biex jingħaqad ma’ Ordni Reliġjuż fi Franza, u dan minkejja li l-personaġġi li niltaqgħu magħhom jgħaddu anki minn waqtiet ta’ rabja, għadab, kriżi, inċertezza, sfiduċja, jemmnu f’ċerti superstizzjonijiet bħall-għajn – għalkemm juru li huma misjuqa mir-raġuni – u jimirdu, ikollhom inċidenti koroh jew fatali, imutu u jindifnu bħal kull bniedem tad-demm u l-laħam.

Is-soċjetà li jippreżentalna Mallia f’dan ir-rumanz hija waħda lajka, fejn l-Istat u l-Knisja huma żewġ entitajiet indipendenti, imma li fl-istess ħin jiddjalogaw bejniethom u jfittxu dak li jgħaqqad mhux dak li jifred. Dan jidher f’rabta mal-proġett tal-bini tal-knisja fil-belt ġdida ta’ Glorjana. Hi soċjetà magħmula miż-żgħir u mill-kbir, ibda mill-bejjiegħa tal-karawett jew tal-bigilla, Majsi ż-Żrinġ, Pispiżellu l-flawtist; u kompli bl-artist (f’għamliet differenti bħall-għannej, il-poetessa, il-mużiċista, l-iskultur, il-pittur), l-għalliema u l-perit; u anki l-bniedem bi bżonnijiet speċjali (bħall-aħwa Lippu u Katarin); imma anki l-Kappillan, l-Isqof, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, u saħansitra l-kapitalist. Permezz ta’ dawn kollha l-kittieb Karmenu Mallia jirnexxilu jidħol fis-swali fejn iseħħu ġrajjiet żgħar u kbar differenti li kollha flimkien jiffurmaw ir-rakkont sħiħ u jixħtu dawl fuq in-nisġa u l-andament ta’ din Maltanova li jiddeskrivi li mhi xejn ħlief Malta fi ftit tas-snin oħra jew l-umanità stess fiċ-ċokon u fil-kobor tagħha.

Glorjana huwa rumanz li jagħti pjaċir lil min jaqrah, imma fl-istess ħin għandu ħafna waqtiet meta n-narratur jistedinna nirriflettu dwar ħwejjeġ differenti u drabi oħrajn jagħmel minn kollox biex inisslilna tbissima wkoll. Inħoss li Glorjana b’xi mod huwa wkoll rumanz li jippreżenta lill-ħajja bħala spettaklu li ta’ min tgħixu mill-bidu sal-aħħar, minkejja dak kollu li jista’ jerfagħlek id-destin. Inħoss ukoll li bħala qarrej ta’ dan ir-rumanz lissint l-istess kliem ta’ Pelè wara li tilef lill-maħbuba tiegħu u għadda lejl fid-dar tal-patrijiet Sebasti: “X’ħolma ħej! U x’ferħ ħassejt!” Hija wkoll l-għajta ta’ min, bħal Karmenu Mallia, Alla tah il-grazzja jgħix ħajja twila, ħajja li matulha ma ħeliex ħin u kien jaf iħaddem sewwa t-talenti li ngħatawlu. U din hija ħajja, li twila kemm hi twila, meta tħares lura taraha dejjem qasira daqslikieku kienet ħolma, imma ħolma li tat sodisfazzjon. Mhux li kien li kull rumanz u kull ħajja jintemmu b’sens ta’ trijonf li bih jispiċċa dan ir-rumanz, Glorjana. Ismu miegħu insomma.

Patrick Sammut