Wednesday, October 26, 2016

I GIOVANNITI LA STORIA DEI CAVALIERI DI MALTA ta’ Frans Sammut, Bonfirraro Editore 2015.

Frans Sammut (1945-2011) jibqa’ miftakar bħala wieħed mill-kittieba ewlenin tat-tieni nofs tas-seklu 20, kif ukoll bħala riċerkatur serju u prim. Min ma qarax xi darba jew oħra xi wieħed jew iktar mir-rumanzi tiegħu Il-Gaġġa, , Samuraj, Paceville jew Il-Ħolma Maltija? Kellu għal qalbu ħafna lil Mikiel Anton Vassalli, Żebbuġi bħalu, u kiteb dwar ir-Rivoluzzjoni Franċiża, dwar il-ħakma ta’ Napuljun f’Malta, kif ukoll dwar il-ġrajja tat-tagħlim f’Malta. Is-sena 2015 rat il-pubblikazzjoni postuma tal-ktieb I Giovanniti. La storia dei Cavalieri di Malta minn Bonifarro Editore.

Dan il-ktieb ta’ 254 paġna jinqasam fi 13-il taqsima u huwa miktub kollu kemm hu fl-ilsien Taljan. Dan ifakkarna f’kemm Frans Sammut kellu għal qalbu mhux biss l-ilsien Malti imma anki ilsna barranin oħrajn bħall-Franċiż, l-Għarbi, il-Latin u t-Taljan. Fil-ktieb Sammut jagħtina l-istorja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann mill-bidu sal-preżent. Hekk wara l-introduzzjoni, Sammut jaqsam dan ix-xogħol tiegħu hekk: Le origini dell’Ordine nel Regno Latino di Gerusalemme; La prima spedizione militare cristiana; L’Ordine in Terrasanta e a Cipro; I Giovanniti prendono possesso di Malta; L’ingresso dello sparviero spennato; L’Assedio del “nido delle vipere”; L’assedio prende un’altra svolta; Tempo di ricostruzione e attività marinare; Gli ultimi giorni del Principato giovannita; u Epilogo. Iben Frans Sammut, Mark, fl-aħħar jinkludi studju tiegħu stess bl-isem ta’ “Gli altri Giovanniti, i non cattolici”, li jaqsmu f’erba’ partijiet: I quattro Ordini giovanniti protestanti; Perché questi altri Ordini sono legittimi; La storia dell’Europa; u Il diritto internazionale. Il-ktieb għandu wkoll Appendiċi interessanti ħafna u li fl-istess ħin juri kemm dan l-istudju sar b’serjetà kbira: hawn wieħed jista’ jaqra dwar il-“Carta Costituzionale del Sovrano Militare Ordine Ospedaliero di San Giovanni di Gerusalemme di Rodi e di Malta” maħruġa f’Ġunju tal-1961 u riveduta fl-1997, magħmula minn 37 Artiklu. Il-ktieb jiġbor fih ukoll lista kronoloġika, flimkien mar-ritratti (79 b’kollox), tal-Granmastri kollha tal-Ordni ta’ San Ġwann mis-seklu 11 sal-preżent. Għal kull min għandu għal qalbu l-ktieb tar-riċerka, ma setax jonqos li ktieb bħal dan ikollu wkoll annotazzjonijiet dettaljati, Bibliografija massiċċa – magħmula minn kotba miktubin bl-ilsna differenti li kien jaqra Frans Sammut -, u Indiċi tal-ismijiet. Il-ktieb huwa megħjun ukoll minn numru kbir ta’ ritratti b/w li jkomplu jgħinu lill-qarrej biex jidħol fir-ruħ tal-perjodu deskritt minn Sammut.

Kif jikteb sewwa fid-Daħla l-Imħallef u Prof. Paolo Grossi, Sammut f’dan il-ktieb juża metodoloġija storjografika mill-iktar rigoruża imma fl-istess ħin iħaddem lingwaġġ li huwa mmirat biex ma jdejjaqx u ma jgħejjix lill-qarrejja b’erudizzjoni li ma tinftehimx. It-Taljan li jħaddem Sammut huwa impekkabbli, bħalma impekkabbli hu dan ir-rakkont storiku li żgur se jagħti gost lil kull min jaqrah u tagħrif utli qatigħ dwar perijodu storiku partikolari. It-tagħrif li  Sammut jagħtina dwar l-Ordni ma jillimitax ruħu għax-xogħol u r-rwol tal-Kavallieri fil-gżejjer Maltin, imma jmur lil hinn, qabel u wara ż-żmien li qattgħu f’Malta.

Interessanti u f’ċertu sens emozzjonanti hija l-Introduzzjoni miktuba minn Frans Sammut stess. Hija introduzzjoni-messaġġ li Frans Sammut kiteb fl-2006, mela ħames snin qabel ma ħalliena, imma li jinħass frisk daqs li kieku nkiteb illum. Diġà f’din id-daħla joħorġu karatteristiċi importanti li jifformaw dan il-ktieb: is-serjetà ta’ Sammut bħala riċerkatur li jislet tagħrif minn storiċi ta’ fama dinjija (bħal Paolo Antonio Paoli, Antonio Bosio, Geronimo Marulli, Ibn Khaldun, G. Vertot, Jean Quintin d’Autun, Alfredo Mifsud, Achille Ferris, Edward Azzopardi-Sant, Pelagio Mifsud Lopiscopo, Delmas de Grammont, Domenico Magri, Ignazio Saverio Mifsud, Erica Joy Mannucci, Christopher Tyerman, u Steven Runcinam); il-kumment oġġettiv u globali, nieqes minn romantiċiżmu u tifħir żejjed; il-fatt li Sammut kien jinteressa ruħu f’oqsma kulturali differenti, fosthom l-ilsna u l-letteratura, il-politika, l-istorja, l-ekonomija u l-bqija; u l-ħajra li jwassal dan kollu lill-qarrej medju b’ilsien ċar, korrett u dirett. Sammut ifakkarna wkoll li anki l-istoriċi kellhom l-aġenda politika tagħhom. Ma setax jonqos ukoll li f’xogħol bħal dan Sammut jinkludi referenzi għal kittieba bħal Dante Alighieri, Boccaccio, Torquato Tasso, T.S. Eliot, Cervantes, Voltaire, Aldo Farini, Anton Caruana, Antonio Achelis, Alexander Sutherland, Walter Sott, W.H. Auden, u Michel Antonio Vassalli, kollha għal qalb ferm l-awtur.

Sammut mill-bidu jikteb li f’dan il-volum jipprova jifred il-fatti mil-leġġenda, bla ma jeqred għalkollox dak ir-romantiċiżmu li għandu rwol ewlieni fl-istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann. Huwa jpoġġi l-istorja tal-Ordni fuq sfond ħafna usa’ billi jirrakkonta dak li kien qed iseħħ f’saltniet tal-madwar, fil-Lvant u fil-Punent. Attwalissimu hu anki l-kumment tiegħu, tipiku ta’ min qatt ma nħeba wara subgħajh: “La storia dei Giovanniti ritorna pertinente ai giorni nostri, di fronte alla recrudescenza dello scontro tra l’Islam e l’Occidente democratico. Sul fatto che il fondamentalismo islamico sia nemico della democrazia occidentale non vi è il minimo dubbio.” Iżda rridu ngħidu hawnhekk li matul dan ir-rakkont storiku tiegħu Sammut jinsisti ħafna u spiss fuq il-waqtiet ta’ qbil, armonija u rispett reċiproku bejn Insara u Musulmani matul l-istorja. Kapitlu li jispikka huwa dak li jirrakkonta l-Assedju l-Kbir: f’ċerti punti ta’ din il-kronaka r-rakkont ta’ Sammut – fejn jispikkaw personaġġi storiċi bħal de La Vallette, Dragutt - jilħaq qċaċet u climax mill-isbaħ u mill-esħeħ. Naqraw deskrizzjonijiet dettaljati anki ta’ battalji individwali li seħħew, jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa.

Wara dan ir-rakkont Sammut jikteb dwar il-bini tal-belt Valletta. Hawn l-awtur jinsisti ħafna fuq l-element tad-dixxiplina li fuqu nbniet din il-belt. Huwa jifhem x’inhuma l-punti li jsaħħuna u dawk li jdgħajfuna: il-korruzzjoni ġġib nuqqas ta’ dixxiplina, u b’hekk tmexxija tajba tnissel fost il-poplu rispett tar-regolamenti. Wasal iż-żmien meta l-Ordni ta’ San Ġwann ma baqax importanti rigward kruċjati, imma akkwista importanza ġdida f’rabta mal-attività tal-korsa li permezz tagħha nbnew bosta knejjes f’għadd kbir ta’ rħula.

Sammut jagħti importanza lill-aspett tal-kultura. Ifakkar li meta l-Ordni wasal f’Malta fl-1530 kien hawn diġà livell kulturali għoli fost l-aristokratiċi u l-ekkleżjastiċi Maltin. Ifakkarna li l-ewwel stamperija f’Malta nfetħet fl-1642 taħt il-Gran Mastru Lascaris, u l-ewwel ċensur kien proprju Gian Francesco Habela, missier l-istorjografija Maltija u awtur ta’ Della Descrittione di Malta, Isola nel Mare Siciliano, con le sue antichità, e altre notizie del 1647. Sammut ifakkarna wkoll li l-Ordni kien sponsor ta’ bosta pitturi magħrufin bħal Caravaggio, Perez d’Aleccio, Mattia Preti u Favray, li wara influwenzaw artisti Maltin bħal Gian Nicola Buhagiar, Francesco Zahra, Gaetano Calleja u Giuseppe Grech.

Naqraw ukoll tagħrif interessanti dwar il-qagħda ekonomika Maltija fis-seklu 18 li kienet sitwazzjoni ta’ kriżi u li l-Ordni pprova jsolvi parzjalment bil-ħolqien ta’ bosta postijiet tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni. Kriżi bħal din ġabet firda bejn il-klassijiet soċjali, imma anki ġlied bejn l-Istat u l-Knisja, bejn il-Gran Mastru u l-Isqof. Sammut jagħti spazju lir-ribelljoni tal-qassisin li falliet minħabba li n-nobbli ma ridux jagħtu daqqa t’id lill-poplu mġewwaħ u ntaxxat bil-goff. Bosta mill-patrijiet kienu jgħixu mal-poplu u servew bħala għajn ta’ żvilupp intellettwali u soċjali għall-klassi l-baxxa. Hu hawn fejn Sammut iqiegħed f’kuntrast ir-Rivoluzzjoni Franċiża mar-ribelljoni tal-qassisin f’Malta. Ir-Rivoluzzjoni Franċiża ħalliet il-konsegwenza tagħha anki hawn Malta, għax wara l-waqgħa tar-re Luigi 16 il-ġid tal-Ordni fi Franza ġie kkonfiskat kollu. Apparti hekk, l-influwenza Franċiża daħlet Malta sa minn dħul l-Ordni f’Malta u dan witta t-triq għall-miġja ta’ Napuljun. Minkejja l-politika ta’ newtralità tal-Ordni f’dawn iż-żminijiet, din ma setgħetx ittul ħafna. Dan kollu jqiegħed lil Malta fuq livell internazzjonali: Sammut għalhekk jikteb dwar il-kuntatti tal-Gran Mastru mal-Ingilterra, ir-Russja u l-Vatikan. Jurina wkoll li l-fatt li l-parti l-kbira tal-Maltin huma konservattivi u jħobbu l-paċi u l-kwiet u kontra kull tip ta’ aġitazzjoni u ħsieb żejjed ġej minn sekli ilu.

Ma setax jonqos li Sammut jagħti wkoll importanza lill-wasla ta’ Napuljun f’Malta, u hawn jinkludi wkoll ir-rwol ewlieni ta’ Mikiel Anton Vassalli, Żebbuġi, figura illuminista, u favur ir-Rivoluzzjoni. Dwar il-wasla ta’ Napuljun f’Malta, Sammut jispjega d-differenza bejn żewġ sitwazzjonijiet: l-Assedju l-Kbir tal-1565 u l-imblokk tal-Franċiżi fl-1798. Hawn Napuljun ma għamilx l-istess żbalji li kienu wettqu t-Torok. Huwa interessanti t-tagħrif li jagħtina Sammut dwar l-Ordni wara li tkeċċa minn Malta, xi ħaġa li mhux kulħadd jaf biha. Fost dan, tissemma l-għajnuna li l-Ordni kien ta f’rabta mat-terremot f’Messina (1908) u matul il-gwerra bejn l-Italja u t-Turkija (1911), għajnuna lil-lebbrużi f’partijiet differenti tal-Afrika u lill-fqar u l-morda fl-Eritrea, fis-Sudan u partijiet oħra tal-Afrka, u għajnuna oħra li kompliet saħansitra fis-snin ’90 tas-seklu 20.

Dan u ħafna iktar jista’ jinqara f’I Giovanniti. La storia dei Cavalieri di Malta. Huwa ktieb bi preżentazzjoni mill-isbaħ, oriġinarjament miktub mill-missier li llum m’għadux magħna. Hu hawn fejn tidħol il-kollaborazzjoni tal-iben li jirnexxilu joħroġ għad-dawl, jagħti forma finali u koerenti lil materjal li għal snin baqa’ moħbi ġo kompjuter. U dan biex tingħata stampa sħiħa ta’ dan l-Ordni li għal snin twal kellu s-sede tiegħu f’Malta u ġarrab l-istess destin li għadda minnu l-poplu Malti.

I Giovanniti. La storia dei Cavalieri di Malta huwa ktieb li għandu jsib postu fuq l-ixkaffi ta’ kull min għandu għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Huwa anki rigal ideali lil kull min għandu ħbieb Taljani li jixtiequ jsiru jafu iktar dwar din il-gżira żgħira bi storja kbira.

(Lulju 2016)