Sunday, October 29, 2017

AFORIŻMI - ĠABRA TA’ AFORIŻMI, ASSJOMI, SKARTATURI U LOGĦOB BIL-KLIEM Alfred Palma, 2017

Isem Alfred Palma jintrabat l-aktar mal-qasam tat-traduzzjoni. Huwa qaleb għall-Malti xogħlijiet ta’ Dante Alighieri, William Shakespeare, Oscar Wilde, Voltaire, u oħrajn; u għall-Ingliż xogħlijiet ta’ għadd ta’ kittieba Maltin. Però, Palma huwa wkoll l-awtur ta’ numru ta’ xogħlijiet oriġinali, fosthom rumanzi, ġabriet ta’ novelli u poeżiji. 

Din id-darba Palma ssorprendina b’ġabra oriġinali ta’ aforiżmi, assjomi, skartaturi u logħob bil-kliem, għalkemm kif niskopru mill-Kelmtejn Qabel, din mhix l-ewwel pubblikazzjoni ta’ din in-natura ta’ Palma stess. Basta wieħed isemmi A Book of Wit, ippubblikat fl-Ingilterra fl-1990, u ...What was I saying? A Book of Wit (1996). L-aforiżma hija sentenza qasira li fiha hemm magħsurin osservazzjonijiet u tiġrib min-naħa tal-awtur. Kitbiet ta’ din ix-xeħta qrajna ħafna mill-pinna ta’ Oscar Wilde, awtur apprezzat ħafna minn Palma. 

Issa dan tal-aħħar qed jippreżentalna numru mdaqqas ta’ sentenzi jew riflessjonijiet qosra li għandhom kemm mill-umoriżmu kif ukoll mill-ispirtu pront maħsubin u miktubin b’ilsien art twelidna stess. Hekk jikteb fil-bidu tal-ktieb Palma: “F’dan il-ktieb isaltan suprem iċ-ċiniżmu, li jifforma parti integrali mill-karattru tiegħi; iżda hemm ukoll l-element qawwi ta’ umaniżmu satiriku, li jien ma nużax biex inwaġġa’ iżda biex ngħallem, u fl-istess waqt innissel tbissima jew daħka, toniċi tant meħtieġa fil-ħajja mqallba, sfrenata u kaotika tal-lum.” Palma jikteb ukoll li, “il-biċċa l-kbira tal-aforiżmi li jinsabu f’dan il-ktieb huma ħolqien tiegħi; oħrajn huma adattamenti minn awturi kbar li, minbarra dik it-tingiża għall-ġid, riedu jinqdew bihom ukoll biex jgħallmu u fl-istess ħin jiddevertu lill-qarrejja, jew lis-semmiegħa, tagħhom.” 

Nagħlaq billi nikkwota xi aforiżmi inklużi f’din il-pubblikazzjoni ġdida: “L-akbar traġedja ta’ ħajti kienet li dejjem ħabbejt lil min qatt ma seta’ jħobbni u kont maħbub minn min qatt ma stajt inħobb!”; “Raġel neħħilu l-kelma... U timmutah!”; “Illum l-ambjent sar prijorità... Għall-esplojtazzjoni!”; “Is-soċjetà normalment tinjora għal kollox lill-artist f’ħajtu, biex imbagħad tibnilu monument wara mewtu!”; u fl-aħħar nett, “Idħaq, u d-dinja tidħak miegħek; ibki u d-dinja tidħak bik!”


QASAB IĊAQĊAQ - L-EWWEL VOLUM ta’ Raymond Grech, 2017. 116-il-paġna, ISBN 978-99957-1-104-7

Minkejja li Qasab Iċaqċaq hija l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ppubblikata minn Raymond Grech, dan ma jfissirx li huwa poeta li beda jikteb ilbieraħ. Huwa kiteb eluf ta’ poeżiji sa minn mindu kien ħafna iżgħar, uħud minnhom stajna ngawduhom fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook u oħrajn moqrija waqt serati letterarji diversi, fosthom dawk organizzati mill-Għaqda Poeti Maltin.

Din l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħu tiġbor fiha mal-mitt poeżija. Għandha Daħla mill-Prof. Oliver Friggieri, Kelmtejn Qabel mill-istess awtur, u żewġ kummenti kritiċi minn Alfred Massa u Tarcisio Zarb. Fi tmiem il-ktieb Grech inkluda wkoll taqsima b’Tifsir il-Kliem: lista ta’ kliem arkajku li juża fil-poeżiji tiegħu bit-tifsiriet rispettivi. Dwar l-użu fil-versi tiegħu ta’ Malti safi l-poeta jistqarr hekk: “Rigward l-għażla ta’ kliem arkajku ġejja mill-fatt li nħobb ħafna l-Malti semitiku u dak li tgħallimt tista’ tgħid li joħroġ naturali fil-kitba tiegħi. Min xi daqqiet nużah ukoll fit taħdit ta’ kuljum, u sintendi jistaqsuni b’liema lingwa qed nitkellem; wara li ngħidilhom xi tfisser il-kelma, l-għaxqa tiegħi narahom jieħdu gost jitgħallmu. Hemm ukoll raġuni akbar, il-fatt li li l-Prof. Saydon qaleb il-Bibbja mill-ilsna oriġinali f’Malti safi (hekk inħobb ngħidlu) u dan m’għandhux jintilef sabiex il-Kelma ta’ Alla tibqa’ tinqara’ bil-Malti. Qasab Iċaqċaq għandu glossarju ta’ dan il-kliem użat.”

 L-istil li juża Grech huwa ġeneralment wieħed tradizzjonali, mela jitħaddmu forom metriċi u prosodiċi regolari bħall-kwartina jew l-ottava bir-rima mqabbża, imma anki t-terzina, is-sunett Ingliż (fosthom dak iddedikat lill-Għaqda Poeti Maltin li tagħha Raymond Grech ilu membru snin twal u jieħu ħsieb ukoll is-sit elettroniku tagħha) u dak Taljan, is-senarju, is-settenarju, l-ottonarju u l-endekasillabu. Minkejja dan hemm drabi meta l-poeta jitbiegħed jew jeħles mill-irbit tradizzjonali u jħaddem forom ħielsa. Hemm drabi meta joqrob ħafna lejn il-vers projettiv, fejn il-forma b’xi mod tirrifletti t-tematika tal-poeżija, bħal f’Ix-Xita. Kull poeżija hija ddatata, mela wieħed jista’ jara kif il-poeta żviluppa minn sena għall-oħra. Hemm poeżiji fejn Grech jinkludi wkoll fl-aħħar kwotazzjoni mill-Bibbja u anki xi tagħrif miżjud minnu stess li jintrabat mal-kuntest meta nkitbet jew inqrat il-poeżija partikolari. Numru minnhom rebbħuh saħansitra għadd ta’ Premji Letterarji.

Metaforikament Grech jixrob l-iktar mid-dinja naturali u dik Biblika jew tal-Apokalissi. Pereżempju f’Il-Lejl Sar Ħmar il-Lejl naqraw dwar “Id-dwiefer tad-dragun” jew “il-bhima kerha”, u f’Mal-Miġja tar-Rikkieb naqraw b’“Rikkieb fuq żiemel bajdani”. Huma versi li fihom ma jonqosx is-simboliżmu.  Fost it-temi ttrattati hemm dik soċjali (ara Il-Milied taż-Żigarelli), it-twemmin, l-eleġija (Missieri – Tliet Ġrajjiet), u l-poetika (poeżiji sbieħ ferm huma Il-Ġawhar Tiegħi u Granit). Hemm drabi meta l-poeżija ta’ Grech tieħu xejra konfessjonali iktar b’saħħitha bħal f’Ommi – Tliet Firdiet, drabi oħra xejriet nostalġiċi bħal Ix-Xatt ta’ Kususana Tas-Sliema jew Ix-Xalè (“Tgerbu s-snin mingħajr ma belgħek il-Grigal,/ mafkar l-imgħoddi tixxaħxaħ f’Għar-id-Dud./ Ġrajja ta’ nofs is-seklu l-ieħor għoxrin,/ li għaddiet fil-hena fuq żmienek magħdud.”), u oħrajn xejriet patrijottiċi bħal Il-Minsija (“B’dehwa nistaqsik, ‘Għażiża Malta, int/ xi tħoss f’qalbek f’dis-siegħa ewforika?’/ Uliedek għebu. Triqatek stramani./ Insew għall-waqt li int il-blata storika.”)

Alfred Massa, fil-kumment tiegħu għall-poeżija Djalogu ta’ Raymond Grech, ifakkarna fir-rabta bejn il-passat, il-preżent u l-futur, imma anki fl-importanza tat-tfittxija għall-verità: “It-tiftix tiegħu donnu effett tal-kilba li għandu għall-kisba tal-verità. Hawn allura wieħed jifhem għaliex jagħti daqstant importanza lill-Ħallieq li hu l-qofol tad-dimensjoni sħiħa taż-żmien. […] il-poeta jidher kemxejn xettiku dwar il-prezent. Ħtija ta’ dan ġieli jbati minn nostalġija għall-passat. B’danakollu, it-tama dwar il-ġejjieni ma tonqsux.”

F’rabta mat-titlu tal-ġabra u t-twemmin il-poeta jistqarr hekk: “Għammidt din il-ġabra ta’ poeżiji Qasab Iċaqċaq għax inħoss li d-dinja waqgħet f’nixfa kbira fejn jidħol il-galbu u s-sewwa, fejn f’dak li nara u li nisma’, nintebaħ li l-ħajr lejn il-Ħallieq, tal-ħolqien madwarna u lil hinn, huwa nieqes sew. Fil-fehma u l-ħsus tiegħi, ir-raba’ saqwi u l-art għammiela saru xagħri, fejn nittama li b’dawn il-versi tinħoloq kuxjenza għas-sewwa u s-sabiħ, sabiex l-għarfien tal-Mulej jikber. Nemmen li kelma tajba meta toħroġ ma tiġix lura b’xejn. Tassew li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.” Hawn il-poeżija sservi bħala twissija jew għallinqas tipprova tiftaħ għajnejn il-bniedem biex jipprova jkun aħjar milli hu bħalissa. Mela dik ta’ Raymond Grech mhix biss art for art’s sake, imma iktar minn hekk. F’rabta ma’ dan u f’rabta mal-poeżija Is-Sahrin, Tarcisio Zarb jikteb hekk fil-kumment tiegħu: “Immexxi min-nisġa narratorja Biblika, il-poeta joħloq huwa l-mitopoeia tiegħu, il-mitopoeia, ta’ min ma jridx li jħalli il-kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid, ’il barra minnu. Imma għall-kuntrarju, huwa jissiehem fihom, u jagħmilhom tiegħu. Huwa jishar fl-istess xewqat tiegħu bil-għan li jara li s-sewwa u t-tajjeb jirbħu.”

F’rabta mal-aspett konfessjonali l-Prof. Oliver Friggieri jikteb hekk fid-Daħla: “Aktar ma jgħaddi ż-żmien, ir-rabta mal-Poeżija aktar tissaħħaħ u ssir bħallikieku l-fakultà li biha l-awtur, huwa u jikteb, ikun kapaċi janalizza lilu nnifsu, jagħraf il-bilanċ meħtieġ bejn l-emozzjoni u r-raġuni, u jsib sodisfazzjon fil-fatt li għallinqas, minkejja t-tiġrib kollu, il-Poeżija trodd il-possibiltà li l-ħajja tkun irrakkontata. F’termini prattiċi, il-kitba tal-Poeżija tieħu l-funzjoni ta’ djarju li jinbena ftit ftit, storja waħda b’diversi naħiet.”

Qasab Iċaqċaq hija perfetta bħala ġabra biex tintroduċina għall-poeżija riflessiva u bnina ta’ dan il-poeta li, kif għedt, ilu jikteb il-versi sa minn ċkunitu. Din mhix ġabra li għandha tinqara f’nifs wieħed, imma l-qarrej jista’ jaqbad tnejn jew tliet poeżiji kuljum, f’ħinijiet differenti tal-jum u jaqrahom u jixtarrhom bil-mod. Hekk jew hekk jaqta’ ftit mill-ġirja tal-ħajja u jsib ftit ħin biex jieqaf u jirrifletti fil-kwiet dwar ħwejjeġ li ma jidhrux importanti għall-ewwel imma fil-verità jagħtu l-vera tifsira lill-ħajja.

Nispiċċa b’dawn il-kliem ta’ Raymond Grech stess: “Bdejt nikteb il-poeżija meta kont għadni żgħir, żgħir wisq biex niftakar l-ewwel versi li ktibt. Niftakar li l-ewwel poeżija li ħriġt mill-kexxun kont urejtha lill-għalliem tiegħi s-Sur Frans Sammut. Wara li fela l-poeżija sew, dar fuqi u qalli, ‘prosit Raymond, poeżija tajba u sabiħa.’ Dawk kienu waqtiet li saħħuni sabiex inkompli nikteb.”


Patrick Sammut (Sett. 2017)

Sunday, October 15, 2017

VAGANZI SAJFIN ta' Alfred Massa

(Alfred Massa:  Vaganzi Sajfin. Rumanz.  Horizons, 2017. ISBN 978-99957-63-84-4)
   Alfred Massa llum huwa l-awtur ta’ ġabriet ta’ poeżija – niftakru li huwa għamel żmien twil bħala l-President tal-Għaqda Poeti Maltin -, ta’ novelli u għadd imdaqqas ta’ rumanzi, bl-ewwel wieħed Is-Salib tal-Ġiżirana ippubblikat fl-1972. Dan ir-rumanz ġdid ta’ Alfred Massa għandu ftit iktar minn 200 paġna u jinqasam fi 17-il kapitlu.
  Vaganzi Sajfin mhux l-ewwel rumanz tiegħu: min jaf il-kitba tiegħu jaf li l-istil hu wieħed mexxej, b’ilsien li jinftiehem bla taħbil il-moħħ, u tematika marbuta mal-ħajja ta’ kuljum. Fiċ-ċentru hemm il-familja tradizzjonali għalkemm Massa jurina li hu konxju sew tal-bidliet li ġabet magħha l-ħajja moderna. Permezz tat-titlu, Vaganzi Sajfin jingħaqad maċ-ċiklu ta’ rumanzi ta’ Massa li jintrabtu mal-istaġuni, fosthom Weraq tal-Ħarifa (2014). It-tnejn l-oħra L-Għanja Xitwija u Rebbiegħa Kollha Lwien aktarx narawhom fix-xhur li ġejjin.
Anki f’dan ir-rumanz Massa jippreżentalna l-ħajja ta’ individwi u familji differenti u jurina safejn iwassalhom destinhom, bit-tajjeb u l-ħażin li jiltaqgħu miegħu. Mela hawn naqraw dwar il-ħajja tal-bniedem kif inhi, diretta, bla ħafna xinxilli u dekorazzjonijiet. Anki hawn – bħal f’xogħlijiet oħrajn ta’ Alfred Massa - tema ewlenija hija d-destin: “Żomm dejjem quddiem għajnejk li dak li hemm miktub, iseħħ.” (p. 160); “Kultant jiġu mumenti meta l-bniedem ikollu jagħmel li ma jridx; għax il-ħajja timponilu biex jagħmel hekk. Destin, Marisa ruħi. Destin.” (p. 162)
   L-azzjoni sseħħ fi spazji differenti, kemm lokalment kif ukoll lil hinn minn xtutna, fosthom f’Malta, fi Franza u fl-Ingilterra, kollha spazji li l-awtur ġarrab fl-ewwel persuna. Idaħħkuk il-waqtiet meta l-Maltin ikunu barra minn Malta u jintilfu: hawn joħroġ il-fatt li minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna xi drabi nikkonfondu żżejjed. Xi drabi ċ-ċokon ġeografiku jirrifletti wkoll in-nuqqas ta’ maturità mentali tagħna. Hu wkoll fatt li bħala poplu ngħaddu ġudizzju fuq l-oħrajn bla ma naħsbuha darbtejn. Huwa hawn meta Massa jikxef ukoll xi wħud min-nuqqasijiet tagħna bħala poplu.
   Temi għal qalb Massa huma s-safar, flimkien mal-imħabba, ir-rispett lejn il-ġenituri u bejn il-miżżewġin. Dan ifakkar li Massa dejjem kien favur it-tixrid ta’ valuri pożittivi - hemm min isejħilhom valuri tradizzjonali - permezz tal-kitba tiegħu.
   Naqraw dwar il-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet differenti flimkien mal-bidliet fl-attitudnijiet lejn il-ħajja li jġib miegħu ż-żmien. L-awtur iżewwaq ir-rakkont b’ingredjenti bħall-imħabba (dik li kapaċi tifred anki lill-aħwa), l-għira, il-ħbiberija, iż-żwieġ, il-libertinaġġ, ix-xewqa għall-maternità, il-biża’ mill-baħar, it-traġedja, it-twelid u l-mewt, l-uġigħ li jħossu l-ġenituri li jikbru fl-età u jaraw lil uliedhom jitilqu mid-dar, l-omosesswalità, u oħrajn.
   Stilistikament Massa jżewwaq ir-rumanz tiegħu b’siltiet narrattivi, deskrittivi (xi siltiet jixbhu lit-tagħrif li nsibu fi gwida turistika, f’oħrajn ningħataw tagħrif ta’ natura storika), riflessivi u oħrajn fejn jaħkem id-djalogu bejn il-personaġġi. Il-qarrej bħal jinħasad xi ftit f’kapitlu 8, mela lejn nofs ir-rakkont meta jseħħu żewġ affarijiet mhux mistennija. Huma avvenimenti li jkomplu jiġu żviluppati fil-kapitli ta’ wara.
   F’Vaganzi Sajfin Alfred Massa joffrilna storja sempliċi, ġeneralment b’nisġa lineari mingħajr bosta sorpriżi, li żgur tiġi apprezzata minn min iħobb tip ta’ qari mexxej. Huwa wkoll rumanz adattat għal min iħobb rakkont moqri fuq ir-radju. Matul ir-rumanz ma jintużax lingwaġġ laxk bħalma sirna nsibu normalment f’rumanzi kontemporanji. Minflok insibu wkoll l-użu kostanti ta’ Malti idjomatiku.
   Dan hu rumanz miktub minn kittieb tal-klassi 1938, mela għandna kitba li tintrabat ma’ mentalijtajiet konservattivi li jarawha diffiċli li jħaddnu użanzi u modi ġoddi li ġabet magħha d-dinja kontemporanja. Massa jesprini ruħu kontra l-abort u favur il-ħajja u l-familja tradizzjonali magħmula minn missier, omm u ulied.
   Li hu żgur hu l-fatt li Vaganzi Sajfin iġagħalna nistaqsu fejn ġabuna l-użanzi u l-modi “ġodda” tal-ħajja llum? Imxejna verament ’il quddiem jew komplejna ngħoddsu fit-tajn bla ma ħadd kapaċi jammetti dan? Wara t-taħbila u t-taħbita tal-ħajja Massa jippreferi jagħtina tmiem hieni fejn wara l-maltemp joħroġ il-bnazzi.
Patrick Sammut (Sett. 2017)



Thursday, October 12, 2017

EMILIA - Rumanz ta' George Said-Zammit

Emilia - It-Tfajla tal-Belt huwa t-tieni rumanz storiku-soċjali miktub mill-pinna ta’ George Said-Zammit wara li s-sena 2016 rat il-pubblikazzjoni tal-ewwel rumanz tiegħu Is-Saltna li Jmiss, ambjentat f’Malta tas-seklu 16. Din id-darba, Emilia – It-Tfajla tal-Belt huwa ambjentat f’Malta tas-snin Tletin u Erbgħin tas-seklu 20. Kif naqraw fir-rumanz, li jerġa’ jħallat flimkien l-isfond storiku ma’ ġrajja mistħajla, dawn ma kinux żminijiet faċli għal Malta u l-Maltin: kienu żminijiet ta’ qgħad kbir, faqar, għaks, emigrazzjoni (mifhuma anki bħala t-tkeċċija ta’ bosta żgħażagħ minn art twelidhom), inkwiet ta’ natura politika, u aktar tard, it-theddida u l-wasla tal-gwerra li kissret familji sħaħ u ħalliet lill-pajjiż f’rovina.

Stilistikament wieħed jinnota li dan ir-rumanz fih ftit deskrizzjonijiet imma ħafna azzjoni, azzjoni kontinwa fejn iż-żmien jiżloq bla ebda diffikultà. Għalhekk ir-ritmu jgħaġġel u ma jiqafx ħafna biex jiddeskrivi spazji u persuni fid-dettall. Hekk, per eżempju, hemm drabi meta l-vjaġġ minn Malta għall-Awstralja – vjaġġ li kien jieħu ġimgħat twal - jiġi rrakkuntat fi ftit linji. Iż-żmien li jqatta’ Frankie fl-Awstralja jiġi deskritt fi ftit paragrafi: mhux biss insiru nafu li għaddiet diġà sena, imma fi ftit spazju tiġi deskritta l-istorja ta’ Frankie Vella li għamel suċċess fl-Awstrajla, b’din tal-aħħar mifhuma bħala spazju pożittiv. Frankie jerġa’ jidher biss fl-aħħar kapitlu. Dan hu rumanz mexxej anki minħabba l-bosta djalogi li l-awtur jinkludi flimkien mal-bdil kontinwu ta’ spazji differenti fejn isseħħ l-azzjoni. Dan kollu żgur li jirrendi l-ġrajja rrakkuntata iktar verosimili u ħajja.

Id-deskrizzjoni tispikka fi ftit partijiet: eżempju wieħed hu meta taqa’ bomba fuq xelter mimli nies u jibda l-proċess ta’ tħaffir biex jinħarġu dawk li kien hemm ġewwa (Kap. 21). Id-deskrizzjoni terġa’ tispikka f’kapitlu 23 fejn naqraw dwar jum it-tieġ bejn Vitor u Emilia, deskrizzjoni li tieqaf ħesrem minħabba l-isfond tal-gwerra. Hawn l-awtur jagħti spazju lill-ħsus tal-għarajjes. Jibbilanċja dan hemm fuq in-naħa l-oħra l-bosta tagħrif ta’ natura storika li Said-Zammit jagħtina.

ŻMIEN:

Il-ġrajja tibda fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 1933. Naqraw li t-Tlieta, 12 ta’ Ottubru 1933 isseħħ laqgħa tal-parlament. Ta’ min jiftakar li fis-snin Tletin Malta kellha kultura Taljana imma taħt ħakma Ngliża. Kien ukoll żmien meta tensjoni kbira bejn il-Gvern Malti u l-Gvernatur wasslet biex dan ixolji l-gvern u l-Assemblea tal-poplu. Kien hemm ukoll il-ħabs u l-eżilju għal dawk li kienu juru simpatija lejn it-Taljani. Naqraw dwar d-diskors tal-Gvernatur lill-poplu Maltin fuq ir-Rediffusion, dwar il-Kwistjoni ta’ lingwa (l-għażla bejn it-Taljan u l-Ingliż), reliġjon (Protestanti u Kattoliċi) u politika (il-kuruna Ngliża u l-Faxxisti). Bil-mod il-mod Said-Zammit jgħaddina minn Malta fl-1934, iwassalna sa Ottubru tal-1937, April tal-1938 – jum l-emigrazzjoni għal Frankie u bosta Maltin oħrajn -, l-24 ta’ Novembru 1938 – is-sena meta bdiet tinħass sewwa t-theddida min-naħa tal-Faxxisti -, l-aħħar tas-sena 1939, il-bidu tal-1940 – meta kien ippjanat li jsir iż-żwieġ bejn Vitor u Emilia. Naqraw dwar it-12 ta’ Novembru 1940  –  wasla ta’ konvoj fil-Port il-Kbir -, l-aħħar tas-sena 1940, l-1942 – sena mill-agħar għal Malta minħabba intensità ta’ attakki mill-ajru. Mill-15 ta’ April 1942 nimxu għall-15 ta’ Awwissu tal-istess sena – il-konvoj ta’ Santa Marija.

Is-sena 1943 tintrabat ma’ żmien meta t-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha, imma anki żmien meta ħabat it-tieġ bejn Vitor u Emilia (l-20 ta’ Frar 1943) u meta l-bumbardamenti fuq Malta naqsu ħafna. Frar tal-1943 iġib miegħu l-mewt ta’ personaġġ ewlieni fil-ġrajja wara attakk aħrax mill-ajru. F’Ottubru tal-1944 Emilia tkellem badessa fil-kunvent tas-sorijiet Agostinjani u tieħu deċiżjoni importanti f’ħajjitha li twassalna lejn l-aħħar tas-sena 1946. L-aħħar data li naqraw f’dan ir-rumanz hija s-sena 1966. Mela mil-lat temporali Emilia – It-Tfajla tal-Belt tifrex fuq bejn wieħed u ieħor 33 sena.

SPAZJU:

Aspett importanti ieħor rigward il-ġrajja ta’ rumanz huwa l-ispazju fejn isseħħ l-azzjoni. Hawnhekk jaħkem fuq kollox l-ispazju tal-Belt Valletta, sit ta’ xogħol u residenza għal bosta Maltin. Matul il-ġrajja jissemmew bosta toroq u rkejjen oħrajn ta’ din il-belt kapitali, fosthom, Portu Salvu, Pjazza Reġina, Triq id-Dejqa, il-Port il-Kbir, Lascaris, il-knisja ta’ Ġieżu, ta’ Pinto, il-fortizza ta’ Sant’Iermu, il-Mandraġġ u l-Arċipierku, Triq San Marku, il-knisja ta’ Santa Rita, Triq San Pawl, Strada Rjali, il-Palazz tal-Gvernatur fi pjazza San Ġorġ, Triq l-Ifran, Triq il-Merkanti, Triq San Ġwann, Triq Brittania, Bieb il-Belt, Triq in-Nofsinhar, it-Teatru Rjal, San Federiku, u l-Berġa ta’ Kastilja.

Il-Parlament huwa spazju magħluq u s-sit fejn tiltaqa’ l-klassi għolja u tal-mexxejja tal-pajjiż. Il-knejjes jissemmew f’rabta ma’ attivitajiet ta’ kuljum bħall-quddiesa ta’ filgħodu, imma anki tiġijiet u funerali. Dawn jintrabtu wkoll mal-uffiċċju tal-kappillan li dak iż-żmien kien figura importanti li jagħti pariri siewja u jgħin fil-qari ta’ dokumenti differenti għal min ma kienx jaf jaqra minħabba l-livell għoli ta’ illitteriżmu. Anki l-illitteriżmu jista’ jinftiehem bħala spazju, imma din id-darba bħala spazju astratt. Hemm ukoll il-kunvent, spazju fejn wieħed isib ftit faraġ kontra t-tiġrib tal-ħajja. Proprju fil-bitħa tal-kunvent tal-patrijiet Agostinjani jsir il-festin tat-tieġ bejn Vitor u Emilia. Il-knejjes u l-kunventi jintrabtu mal-ispazju ta’ Malta Nisranija, b’personaġġi bħall-kappillan u swor Marija Tereża li jingħataw rwol importanti.

Numru ta’ azzjonijiet jitpoġġew fi ħwienet differenti, fosthom il-ħanut tal-kafè jew il-ħanut tal-ħaxix ta’ Ġamri. Il-Port il-Kbir, apparti li kien spazju ta’ bosta attivitajiet u fejn bosta Maltin kienu jaħdmu bħala burdnara, kien ukoll is-sit minn fejn bosta Maltin kienu jemigraw darba għal dejjem biex isibu ħajja aħjar barra minn xtutna. L-awtur ifakkarna f’kemm inxtered dmugħ hawnhekk minħabba l-firda bejn ġenituri u wlied, jew bejn maħbubin, minħabba l-emigrazzjoni. Ma ninsewx li xatt il-Belt kien ukoll spazju li joffri serħan waqt il-ħin liberu ta’ bosta.

Spazju ieħor li jispikka f’dan ir-rumanz hu d-dar, fejn naqraw dwar ferħ u sliem marbutin mal-aħbar ta’ żwieġ fil-qrib. Fid-dar ta’ Emilia parti mill-azzjoni sseħħ fil-kċina fejn tinġabar il-familja biex tiekol u titkellem flimkien, fejn hemm ir-Rediffusion bħala mezz importanti ta’ komunikazzjoni u intratteniment u fejn jingħad ir-rużarju. Dan hu spazju li jintrabat mal-klassi tal-ħaddiema, nies sempliċi u fqar.

Il-gwerra hija element importanti f’Emilia – It-Tfajla tal-Belt. Ma setax jonqos għalhekk li parti kbira mill-azzjonijiet iseħħu fi spazji li jintrabtu mal-attività bellika. Ma’ din jintrabat l-ispazju tal-lieva bħall-kwartieri militari f’Ħal Luqa, fl-Imtarfa, u f’Ħal Safi. Jissemmew ukoll l-ispazji ta’ difiża kontra attakki mill-ajru, fosthom l-ajruporti militari ta’ Ħal Luqa, Ta’ Qali, Ħal Far, u l-fortizzi ta’ Sant’Iermu u Sant’Anġlu, mgħammra bl-aqwa armamenti u truppi. Il-kwartieri ta’ Lascaris huma l-ispazju fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet rigward strateġiji militari partikolari.

Kif tasal il-gwerra fuq Malta mbagħad jispikka l-ispazju tal-ħerba, bħal dik li tolqot lill-Belt Valletta - “bini mġarraf, toroq mimlija ġebel, knejjes ħerba waħda u palazzi lanqas biss tagħrafhom.” (Kap. 17) -, imma anki l-Furjana, il-Kottonera u l-irħula differenti. Fi żmien ikrah bħal dan kienu importanti x-xelters li fihom kienu jsibu kenn eluf ta’ Maltin waqt l-attakki mill-ajru. B’xorti ħażina però xi drabi x-xelters kienu jinbidlu minn spazji ta’ kenn għal spazji ta’ mewt: dan meta kienu jintlaqtu direttament minn xi bomba li kienet tħalli ħerba u kull min ikun hemm taħt kien jiġi mirdum, mifgugħ u jispiċċa mejjet. Spazji ta’ rifuġju kienu wkoll l-għerien.

Il-barracks ta’ Kalafrana u l-Palazz ta’ San Anton kienu joffru ftit mistrieħ lit-truppi waqt il-gwerra. Min-naħa l-oħra, il-Port il-Kbir kien jinbidel minn spazju ta’ periklu minħabba li kien jiġbed fuqu bosta attakki mill-ajru għal wieħed ta’ tama meta kien jasal xi konvoj bil-provvisti, bil-munizzjonijiet, bi truppi u biż-żejt. Portijiet oħra li jissemmew fir-rumanz huma l-portijiet ta’ Marsaxlokk u ta’ Bengħajsa. Spazji oħrajn li jintrabtu direttament mal-gwerra kienu l-isptarijiet li fi żmien il-gwerra kienu importanti ferm biex joffru kura u fejqan lil bosta suldati: hawn jissemmew l-Isptar Ġenerali fil-Furjana, Bighi u l-Imtarfa.

L-azzjoni tar-rumanz isseħħ fi spazji oħrajn, bħall-għelieqi lejn is-Swatar u Birkirkara, fejn dak iż-żmien kienu jaħkmu oqsma kbar ta’ raba’ li minnhom il-Malti kien jaqla’ x’jiekol, u l-Ħamrun u l-Imsida, l-ispazji fejn jgħixu ħut Vitor.

It-tema tal-emigrazzjoni tintrabat ma’ spazji partikolari wkoll. Fil-Berġa’ ta’ Kastilja kien hemm l-uffiċċju tal-emigrazzjoni. Minn jaf kemm-il Malti u Maltija ħallew lil xtutna biex sabu ħajja aħjar f’pajjiżi oħrajn bħal Ġibiltà, l-Awstralja, l-Amerika, u  l-Afrika! Il-Port il-Kbir kien l-ispazju tal-punt tat-tluq, filwaqt li portijiet bħal Port Said fl-Eġittu u Singapore kienu spazji ta’ waqfa matul il-vjaġġ twil lejn id-destinazzjoni aħħarija, jiġifieri Melbourne, fl-Awstralja. Hemm parti fejn l-ispazju hu dak fuq il-vapur waqt il-vjaġġ lejn l-Awstralja – spazju ta’ tranżizzjoni u ta’ solidarjetà kbira bejn iż-żgħażagħ Maltin -, filwaqt li l-belt ta’ Melbourne fissret stabbiltà għal eluf ta’ Maltin.

Filwaqt li Malta tista’ tinftiehem bħala spazju negattiv fis-snin Tletin u Erbgħin, ladarba komplew jikbru l-qgħad, il-faqar, it-theddida mill-Faxxisti mill-1938 ’il quddiem, u aktar tard waslet ukoll il-gwerra li damet qatigħ, l-Awstralja tinftiehem bħala spazju pożittiv għall-emigranti bħal Frankie li sabu xortihom permezz tal-kuraġġ, l-għaqal u l-ħidma.

Ta’ min insemmu wkoll il-Mediterran bħala spazju ta’ attività militari sfiqa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll l-ispazju tal-Olokawst, meta fir-rumanz jissemmew saħansitra l-kampijiet tal-konċentrament bħal Auschwitz, Dacau u Vaivara.

ĦSEJJES:

Wieħed jista’ jgħid li Emilia – It-Tfajla tal-Belt huwa rumanz li jissejjes ħafna fuq l-aspett udittiv. Il-ħsejjes li naqraw dwarhom waqt il-ġrajja huma bosta. Hemm il-ħsejjes li jintrabtu mal-għodwa bħad-daqq tal-qniepen tal-knejjes biex jistiednu lill-Maltin għall-quddiesa ta’ filgħodu, il-ħsejjes tal-ħbabat u tal-imfietaħ, l-ilħna tal-bejjiegħa – ilkoll jgħajtu kemm jifilħu biex ibigħu l-prodotti tagħhom -, il-ħsejjes tal-għodda tal-ħaddiema jżaqżqu jew iħabbtu, imma anki t-tokki tal-Ave Maria, il-ġentlomi jitkellmu bl-aċċent Taljanizzat, il-bejjiegħ tal-gazzetta b’vuċi li tidwi, id-daqq tad-diski jew grupp mużikali fil-ħwienet ta’ Triq id-Dejqa.

It-toroq tal-Belt kienu jimtlew b’persuni jitkellmu b’kull ilsien, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, il-Malti, l-Għarbi, ftit Spanjol u saħansitra l-Grieg, bil-bejjiegħa tal-ħut jgħajtu b’ħanxra liema bħalha, bix-xjuħ jitkellmu u jqasqsu, u bin-nisa jitkellmu mill-gallarija b’leħen għoli.

Fl-ispazju magħluq tal-Parlament jinstemgħu l-ilħna tal-membri tal-parlament jitkellmu bit-Taljan jew bil-Malti b’aċċent pjuttost taljanizzat, il-qanpiena ċċempel biex tħabbar bidu tas-seduta parlamentari oħra, l-applaws tal-membri tal-Gvern u t-tisfir tal-Oppożizzjoni, l-ilħna jogħlew u xi tisbita fuq il-mejda f’waqtiet ta’ tensjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet varji.

Anki l-ispazju ċkejken tad-dar għandu l-ħsejjes tiegħu, fosthom l-ilħna tal-aħwa, iċ-ċekċik tal-platti fil-kċina, it-tpaċpiċ u t-tressiq tas-siġġijiet, il-vuċijiet minn taħt, u l-ħoss tal-purtelli tat- twieqi jinfetħu. Ma ninsewx li dawn huma ħsejjes li jintrabtu l-iktar ma’ żmien ta’ sliem.

Hemm imbagħad il-ħsejjes li jintrabtu mal-uġigħ tal-bniedem u mal-ispazju tal-isptar. Nisimgħu lil Tereża tibki wara l-aħbar ħażina tal-marda ta’ żewġha. Aktar biki u tnewwieħ min-naħa tagħha wara l-aħbar li binha, Frankie, kien se jemigra. L-għajat u l-biki ma jonqosx ladarba dan ta’ Said-Zammit hu rumanz li jinsisti fuq it-tbatija tal-bniedem: hemm il-ħsejjes tad-disperazzjoni waqt il-ħin tal-addijo fil-Port il-Kbir, tal-omm li tirċievi l-aħbar tal-mewt ta’ wliedha suldati, ta’ min tilef ġenituri u aħwa minħabba l-gwerra, u l-karba tal-moribond.

Ħsejjes oħrajn huma l-qanpiena ddoqq fl-isptar biex tħabbar il-ħin biex jitilqu l-viżitaturi; it-taħbita fuq il-bieb li tħabbar traġedja, feriment jew mewt ta’ suldat; il-ħoss tas-suffara li tħabbar ħin l-imbark għal dawk li se jħallu lil Malta, u l-ħsejjes tal-magni tal-vapur; il-vuċi tal-iben li jiġi lura d-dar qawwi u sħiħ u li għall-omm hu rigal u jfisser ħajja; il-ħoss tal-qniepen tal-knejjes idoqqu l-Ave Maria – ħsejjes tan-normalità – u li aktar tard, minflokhom, jinstemgħu s-sireni jħabbru attakk wara l-ieħor mill-ajru; it-talb fil-knejjes u fid-djar biex il-Madonna teħles lill-Maltin mit-tiġrib tal-gwerra u l-invażjoni; is-sirena ddoqq u twerżaq bħala avviż ta’ attakk imminent mill-ajru; l-ajruplani bil-magni jvenvnu; it-tisfira tal-bombi u wara sensiela ta’ splużjonijiet; l-isparar tal-kanuni tad-difiża Ngliżi; ir-rużarju u talb ieħor fix-xelter - “min jitlob bil-Malti u min iredden bil-Latin” (Kap. 17) -; is-sireni tal-ambulanzi; it-tarbija tibki fix-xelter, l-unika li salvat wara li ntlaqat direttament minn bomba; il-vuċi fid-dlam u l-persuna li tingħaraf minn leħinha minħabba n-nuqqas ta’ dawl waqt il-gwerra; il-qanpiena tal-bieb tal-kunvent; u fl-aħħarnett, il-waqgħa tas-silenzju.

SIMILITUDNI:

Elementi importanti fil-binja tar-rumanz huma d-djalogi, imma anki l-użu tas-similitudnijiet li f’dan il-każ jintrabtu ħafna mal-Malti mitkellem. Hekk f’Emilia -It-Tfajla tal-Belt wieħed jiltaqa’ ma’ għadd ta’ similitudnijiet: il-vuċijiet tal-bejjiegħa qishom kor ta’ ħmir jinħqu; Emilia tordna  qisha kaptan ta’ bastiment; missier Vitor li m’għadux b’saħħtu daqs iljun qalil; l-aħbar li ġriet bħal leħħa ta’ berqa; it-tifel imqareb li beda jaqbeż u jogħla qisu xadin; il-kliem li  niżel bħall-balzmu; Emilia daqslikieku kienet anġlu nieżel mis-sema; u oħrajn bħal, żgiċċat minn quddiem bħal żiffa riħ; naħdem daqs kelb u qiskom żewġ prinċipessi; rasu iebsa daqs iż-żonqor tal-irdum ta’ Ħad-Dingli; bil-ġagaga bajda tperper warajhom qisha xi bandiera; qishom żewġ tigri bil-ġuħ; dan il-kliem kollu Tereża ħassitu qisu stallett; tnewwaħ qisha sejra xi funeral; bħal merħla mogħoż; baħar kalm qisu żejt; daqslikieku kien tilef il-boxxla; irrabjat daqs barri fferuċjat (f’rabta ma’ emozzjonijiet ta’ rabja); qisu żiemel sfrattat; infaqa’ jibki qisu tarbija (għal min tilef lil ħuh fil-gwerra); jibku qishom żewġ trabi (wara t-telfa tal-omm); kienet qisha bla ras, u sfaret daqs il-lellux (minħabba l-inkwiet); u bħal ruħ mitlufa. Żgur li similitudniijiet bħal dawn jirrendu l-ġrajja mistħajla iktar ħajja u verosimili.

L-ASPETT KROMATIKU:

Dimensjoni importanti oħra f’rabta mal-binja tar-rakkont hija dik kromatika, mela l-aspett tal-ilwien. B’hekk f’Emilja – It-Tfajla tal-Belt ma jispikkawx biss il-ħsejjes, imma għandhom preżenza anki l-kuluri, anki jekk hi preżenza minima. B’kollox niltaqgħu ma’ ħames kuluri: l-iswed u l-abjad, l-aħmar, l-isfar u l-kannella. L-iswed jintrabat mal-lewn tal-għenejjel li jilbsu n-nisa tad-dar, tas-suttana tal-qassis, tal-kafè, tal-ilbies tal-luttu, u tal-maltemp, proprju fl-eqqel tal-attakki mill-ajru. L-abjad hu l-lewn tal-ġagaga tat-tobba u tax-xugamani, mela kulur li jintrabat mal-isptar u mal-indafa. L-abjad jintrabat ukoll ma’ stat psikoloġiku emozzjonali wara li dak li jkun jirċievi aħbar ħażina: “Tereża kienet saret bajda karti”. L-aħmar jintrabat ma’ stati emozzjonali ta’ mistħija (wiċċ Emilia li jsir aħmar peprin) jew ta’ rabja (Vitor sar aħmar nar). F’waqt ieħor l-aħmar hu anki dak tal-qargħa ħamra. Fir-rumanz jissemma wkoll il-kulur tal-ġebla Maltija li dlonk jibdel il-lewn safrani tiegħu għal wieħed aktar bajdani. Naqraw anki dwar Ġamri, żagħżugħ twil u samrani (Kap. 2), u dwar tifel samrani, għajnejh lewn kannella, xagħru iswed, qmis bajda, u qalziet qasir kannella (Kap. 21). In-nuqqas u t-tip ta’ kuluri f’dan ir-rumanz jistgħu jintrabtu direttament mal-fatt li dak li jiddeskrivi George Said-Zammit mhux xi żmien sabiħ u ta’ abbundanza, imma żmien il-gwerra.

KONKLUŻJONI:

Din ta’ Said-Zammit hi wkoll ġrajja li trid twassal għadd ta’ valuri: il-familja, l-imħabba lejn il-patrija, il-fidi Nisranija, il-qlubija ta’ min saħansitra jmut għal art twelidu, u l-imħabba lejn il-ġenituri. Emilia - It-Tfajla tal-Belt hi storja li tirrakkonta firdiet u wġigħat minħabba emigrazzjoni, mard, gwerra u għajbien ta’ persuni. Minkejja t-taqtigħ il-qalb li naqraw dwaru matul is-snin ta’ qabel u ta’ matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-aħħar mill-aħħar dan ta’ George Said-Zammit hu rakkont bi tmiem ferrieħi. Emilia - It-Tfajla tal-Belt hu ideali għall-qarrej li jħobb ġrajja interessanti u li taħkmek, imma fl-istess ħin ġrajja sempliċi miktuba fi stil li jagħti gost iktar milli jgħajji lill-moħħ.


Patrick Sammut (Settembru 2016)