Thursday, July 12, 2018

MADWAR ĦAJTI - POEŻIJI ta’ Jonathan Balzan, 2018


Din hija t-tielet ġabra ta’ poeżiji ta’ Jonathan Balzan wara Irdieden (2013) u Kilometri (2016). Din id-darba f’Madwar Ħajti Balzan qed jagħtina għażla ta’ 80 poeżija li kiteb bejn l-2015 u l-2017. Il-ktieb jinkludi fih ukoll kummenti ta’ natura kritika mill-pinna ta’ Andrew Sciberras, Louis Briffa, Oliver Friggieri u Achille Mizzi.

Dik li jħaddem Balzan matul il-ġabra hija lingwa li tirrifletti Malti attwali li ma jsib ebda diffikultà biex jadatta ruħu għad-dinja tat-tielet millennju. Naqraw kliem bħal “strimjati”, “illejbiljawni”, “skrin”, “klawneski”, “jiddribilja” u oħrajn.

Is-saħħa ta’ Balzan qiegħda fil-poeżiji konċiżi, mela poeżiji relattivament qosra. Ir-rima mbewsa hija karatteristika li tirrikorri sew u li drabi tikkontribwixxi għall-mużikalità u r-ritmu tal-poeżija, drabi oħra tinħass bħala limitazzjoni.

Jolqtu similitudnijiet u lingwaġġ figurattiv bħal: “ir-ramel mal-alka bħal kupuni,/ tobżoqhom spagettati/ bħal valuri inkaljati.” (Alka); “Bħal żewġ ħutiet mifluġin [...] għexna s-snin” (Akkwarju); “bħal       wirdiena ninfiltra minn xaqq ta’ maqbar/ infittex fil-Valhalla ta’ Odin refuġju-mutu.” (Mewti l-Passaport); jew “Biz-zokkor li billejtli fuq xufftejja/ xorta ntiegħem il-morr tal-ħajja/ bħal xmara dejjem għaddejja.” (Capuccino)

Għadd ta’ poeżiji ta’ Balzan huma versi ta’ impenn soċjali. Hekk f’Aħmadi Murtaza jikteb dwar it-tielet dinja bil-miżerja kollha tagħha, imma paradossalment hienja fis-sempliċità tagħha mqiegħda f’kuntrast mad-dinja neo-liberali li Balzan jittratta b’ironija. Il-balal f’din tal-aħħar huma ta’ natura figurattiva (“mill-maħżen ta’ kliemhom/ iħaġġru bl-ingravata lil nieshom”) imma jħallu danni ikbar. Hamad Alroosan hija dwar il-mewt ta’ mijiet  fil-baħar Mediterran, filwaqt li Eroina Balzan jittratta d-dinja tal-vittma tad-droga u l-figura ta’ Kristu “bil-pjagi miftuħin”. Mela hawnhekk jinħass matul il-versi ta’ Balzan l-għarfien tal-Ieħor li hu inqas ixxurtjat minna.

Għalhekk tema oħra li tispikka fil-versi li naqraw f’Madwar Ħajti hija t-twemmin Nisrani. B’Dirgħajn Beraħ hija poeżija li fuq naħa tqiegħed l-aljenazzjoni tad-dinja materjalista, fuq l-oħra l-għarfien ta’ dak li jmur lil hinn mill-materjali: it-twemmin. Din it-tema tispikka wkoll fil-poeżija Fil-Katidral ta’ San Stiefnu, mifhum bħala spazju fejn hemm is-sliem u b’hekk jistieden għar-riflessjoni. F’dinja bierda u indifferenti Balzan jindirizza lil Kristu u jagħmarlu “Stenbaħ minn ngħasek imsallab f’darek,/ erġa’ kun protagonist Golgotjan,/ tad-demm u l-laħam irrenja Spartan/ mhux tal-bronz fuq għuda xkatlata kkamlata.”

F’Kamarti naqraw dwar il-ħsieb li ma jistrieħx  - anki quddiem “dinja arena grotteska” (Ibqa’ fil-Ġuf Imħaġġeġ) - imma jibqa’ jhewden fuq ħwejjeġ differenti. Jittaffa xi ftit u temporanjament bis-saħħa tal-kitba.

F’din il-ġabra poetika ġdida nsibu wkoll xi poeżiji marbutin ma’ vjaġġi u spazji lil hinn minn xtutna. F’Mount Pumori l-Everest issir simbolu tal-ostakli li wieħed jiltaqa’ magħhom matul il-ħajja. Għalhekk dawn ta’ Balzan - fejn l-ambjent naturali u miftuħ iservi bħala kuntrast mal-għeluq u l-ġenn tal-ħajja  kwotidjana u beltija -  jixtiequ jkunu wkoll versi ta’ kuraġġ u ħeġġa.

Dawn ta’ Jonthan Balzan poeta u maratoneta jfakkru fil-fatt li l-ħajja hija fuq kollox vjaġġ kemm fiżiku (fejn il-bniedem iġarrab l-isbuħija tad-dinja naturali u anki ta’ dik arkitettonika u artistika), kif ukoll ġewwieni u spiritwali (fejn dak li jkun iġarrab fuq naħa t-tbatijiet ta’ min twieled taħt stilla ħażina u fuq l-oħra s-saħħa tal-fidi).

Patrick Sammut
(Ġunju 2018)




BIL-BOQXIEX - POEŻIJI ta’ Louis Briffa, 2018


Din hija t-tielet ġabra ta’ poeżiji ta’ Louis Briffa, wara Bil-Varloppa (maħruġ mill-PEG fl-2006),  u The Tale of a Grasshopper and a Tomato and other poems (maħruġ mill-awtur stess fl-2009, bi traduzzjonijiet għall-Ingliż ta’ poeżiji tiegħu minn Rose Marie Caruana). Bil-Boqxiex (maħruġ mill-awtur stess, 2018) jiġbor fih mas-68 poeżija, apparti għadd ta’ ħajku u tanka. Huma poeżiji li kiteb bejn l-2006 u l-2017, ħafna minnhom ta’ ċertu tul, imma dan huwa  l-punt b’saħħtu fil-versi ta’ Briffa li bħal mastrudaxxa tas-sengħa jaħdem bil-galbu, bi preċiżjoni, filwaqt li vrusu mhumiex għal kulħadd proprju għax mirqumin u jħaddmu Malti mill-isbaħ.

Louis Briffa jqassam il-poeżiji tiegħu  f’disa’ taqsimiet differenti: i. Bertrand u Jien (u hawn naraw ir-relazzjoni bejn missier u iben); ii. Tempesta; iii. Fjakkolata; iv. Misteri tat-Tbatija; v. Petali mill-Italja u minn Spanja; vi. Qtar mill-Miġra; vii. Difiża tal-Ambjent; viii. Versi tad-Dissidenza; u, ix. Konfetti. Mela permezz ta’ vrusu Briffa qed iberraħ lilu nnifsu u jikxef dak li matul is-snin ġarrab fuq livelli differenti.

Bil-Boqxiex jinkludi wkoll kummenti kritiċi mill-pinna ta’ tliet personalitajiet magħrufa sewwa fil-qasam  tal-letteratura Maltija u tal-apprezzament kritiku letterarju: Oliver Friggieri, Charles Briffa u Tarċisju Zarb.

Preżenza hija poeżija inkluża fit-tielet parti “Fjakkolata”. F’din il-poeżija ta’ mħabba magħmula minn tmien strofi ta’ tulijiet differenti u mill-vers ħieles, Briffa jesprimi l-ġibda lejn il-maħbuba tiegħu billi jqabbel karatteristiċi tal-ġisem femminili ma’ karatteristiċi tal-pajsaġġ naturali. Għalhekk l-għajnejn għandhom mix-xmajjar, is-sider mill-iġbla, in-nifs sħun mit-tperpir tal-ġwienaħ ta’ farfett, il-fomm niedi fuq il-wiċċ mir-raġġi tax-xemx “jigdmu”, id-dirgħajn mill-fergħat iħaddnu l-arja, u l-bqija. Dan kollu anki biex jiġi enfasizzat il-fatt li din l-imħabba għandha mis-safa, mill-ħajja u mill-enerġija tal-elementi naturali. Il-jien-poeta jirrifletti u jfaħħar lill-int-maħbuba li tħalli dan l-effett bla limiti fuqu u ġewwa fih. Hi poeżija fejn l-appell għas-sensi hu qawwi: il-viżjoni, il-mess, is-smigħ, it-togħma.

Venezja hi parti mill-ħames taqsima li tittratta t-tema tal-vjaġġ lil hinn minn xtutna, anki din miktuba fuq mudelli strutturali ħielsa. Interessanti hi d-dedika lil poeta kontemporanju ieħor, Norbert Bugeja, anki hu bniedem li vvjaġġja ħafna. Jolqtu wkoll xbihat u lingwaġġ bħal fil-versi, “mal-mewġ malinkoniku ta’ lag/ jiffriża xemx/ tkaska/ l-emboli tad-demm?” Nirrepeti, din ta’ Briffa mhix poeżija għal kulħadd imma għall-magħżula, għalkemm jista’ jitpaxxa biha kull min għandu għal qalbu l-ilsien Malti u jieħu gost jara kif dan ilsienna jaf jadatta ruħu bla diffikultà għal kull ħsieb u sentiment bħalma biċċa njama tajba taf tadatta ruħha għal forom differenti. Poeta bħal Briffa jilgħab b’dan ilsienna minkejja li din mhix logħba tat-tfal imma waħda serja li tirrikjedi ħsieb profond, konċentrazzjoni, sagrifiċċju u ħin twil ta’ rfinar.  Hu hawn fejn jirbombja f’moħħ il-qarrej it-titlu tal-ktieb, Bil-Boqxiex, din l-għodda li tgħin lil dak li jkun jirfina  l-prodott finali sakemm joqrob kemm jista’ jkun lejn il-perfezzjoni.


Din ta’ Briffa hija “logħba” magħmula mhux biss minn kliem ta’ nisel Semitiku, imma anki ta’ nisel Romanz u Anglo-Sassonu li jadatta sew għall-Malti: “tkaska”, “profużi”, “jinterċettaw”, “vaxxelli”, “maestrija”, u bosta oħrajn. Flimkien dan il-kliem ta’ nisel differenti jiżfen bħal waltz perfett li jpaxxi lill-qarrej, anki permezz ta’ ritmi mexxejja li jimbuttawk taqra bla sforz vers wara l-ieħor, strofa wara l-oħra.  Hu interessanti dan l-esperiment fejn naraw din id-djalettika bejn poeta kontemporanju Malti u belt Ewropea li minkejja li distanti għandha bosta karatteristiċi li jorbtuha ma’ art twelidna.

Anki L-Għanja taċ-Ċinja u l-Poeta hi parti mit-tielet taqsima u li tittratta t-tema tal-imħabba. Din id-darba però Briffa jagħżel li jħaddem metrika u prosodija tipikament tradizzjonali: endekasillabi (ħafna minnhom alternati bejn pjani u tronki) imqegħdin fi kwartini bir-rima mqabbża fejn it-tieni vers jaqbel mar-raba’. Din hi poeżija ispirata mill-kanzunetta Something ta’ George Harrison, mela din id-darba d-djalettika hi bejn poeta Malti u dan il-kantant Ingliż u parti mill-grupp The Beatles.

Nagħlaq b’kumment ta’ Norbert Bugeja: “Il-kitba [ta’ Briffa] tressaq lejna l-lemħiet ta’ senswalità    mgħobbija b’tifsir li minn jum għal jum faċli jaħarbilna. Briffa jagħtina forma nċanata bil-galbu. L-għarfien ġewwieni, imbagħad, jafdah f’idejna.”

Patrick Sammut 
(Ġunju 2018)


L-ISTAR TAL-IMGĦODDI ta’ Alfred Massa, Horizons, 2018. ISBN 978-99957-75-18-6


Illum isem Alfred Massa huwa wieħed familjari ma’ dawk kollha li jħobbu l-letteratura Maltija. Massa stess qatta’ parti kbira minn ħajtu jagħti kontribut siewi u attiv f’dan il-qasam, kemm bħala editur ta’ paġni letterarji, bħala membru ta’ għaddiet letterarji differenti, bħala parteċipant attiv waqt programmi radjufoniċi u anki bħala President u issa President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Kif nafu, huwa wkoll kittieb u awtur ta’ numru ta’ ġabriet ta’ poeżija, ta’ rakkonti, kif ukoll ta’ għadd imdaqqas ta’ rumanzi.

L-Istar tal-Imgħoddi ra d-dawl għall-ewwel darba fis-sena 1977 u kien ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin. Dak iż-żmien it-tipa kienet kemxejn irqiqa u r-rakkont kien jifrex fuq 90 paġna filwaqt li d-dedika kienet “Lil dawk kollha mjassrin mill-barrani.” Is-sena 2018 rat it-tieni edizzjoni ta’ dan ir-rumanz u dan proprju f’għeluq il-50 sena minn mindu l-eks Unjoni Sovjetika u dawk li kienu l-Qawwiet tal-Patt ta’ Varsavja invadew dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja, bejn nhar it-Tlieta 20 u nhar l-Erbgħa 21 ta’ Awwissu 1968. F’dan ir-rumanz rivedut u mmodernizzat, Massa żamm kważi l-istess dedika: “Lil dawk il-popli mjassrin mill-barrani”, kif ukoll id-Daħla tal-Prof. Ġużè Galea li kien kiteb fl-1975. It-tipa hija ikbar u b’hekk din id-darba r-rakkont jinfirex fuq 160 paġna, filwaqt li jinżamm l-istess numru ta’ kapitli (ħdax b’kollox). Massa jinkludi fl-aħħar tal-ktieb kummenti minn personalitajiet differenti dwar l-istess rumanz meta kien ħareġ fl-1977.

Dwar dan ir-rumanz Galea jikteb li Massa jislet moral jew messaġġ li jolqot lill-qarrej u jġiegħlu jirrifletti. Jgħid ukoll li Alfred Massa għandu ħabta jinqeda bir-rakkont ħalli jistħarreġ dwar problemi li jolqtu l-ħajja tal-bniedem u fl-istess ħin biex ifisser il-fehma tiegħu u jargumenta fuq il-mottiv u l-effett ta’ dawk il-problemi. F’dan ir-rumanz storiku Massa jkteb dwar valuri li qed jiġġennbu aktar maż-żmien qed jgħaddi: familja, tjieba, irġulija, ħbiberija,u fidi fil-Ħallieq. Din ta’ Ġużè Galea hi Daħla li nkitbet 48 sena ilu imma għadha attwali sal-ġurnata tal-lum.
L-ewwel paġni jlaqqgħuna ma’ familja: in-narratur, martu Nina u ż-żewġ uliedhom, Alexander u Godfrey. Ftit wara però n-narratur, Karm, li studja l-Mediċina, iħabbar flashback li toħodna bosta snin lura. Fiċ-Ċekoslovakkja – li tinsab wara l-Purtiera tal-Ħadid - għaddejja mewġa ta’ ħelsien taħt il-President Svoboda u s-Segretarju tal-Partit Komunista, Alexander Dubcek. Massa mill-ewwel jagħtina ċerti dettalji storiċi biex idaħħalna fis-sitwazzjoni politiko-storiko-soċjali tal-mument. Ningħataw data preċiża – it-13 ta’ Lulju 1968 – meta Karm u sieħbu, li kienu għadhom żgħażagħ, waslu fiċ-Ċekoslovakkja għal btala wara li spiċċaw l-istudji universitarji tagħhom. Diġà minn hawn toħroġ għad-dawl waħda mit-temi rikorrenti fil-kitba ta’ Massa, id-Destin: “nemmen b’qalbi kollha fid-destin.”

Mekkaniżmu narrattiv għal qalb Massa huwa d-deskrizzjoni u l-attenzjoni għal dettalji anki topografiċi, fejn isemmi saħansitra momument tal-bronż iddedikat lill-poeta Ċekoslovakk Jan Kollâr. Jiġu nklużi anki referenzi intertestwali, bħal meta Massa jislet parti mill-poeżiji ta’ Dun Karm Psaila Lil Malta u aktar ’il quddiem, Spes Ultima, filwaqt li ma jonqosx l-użu tal-qwiel kemm bil-Malti kif ukoll xi wħud bil-Latin. Massa jinkludi bosta tifkiriet ta’ Malta fil-passat, fosthom tradizzjonijiet u passatempi li ntilfu maż-żmien.

Il-waqt li fih isibu ruħhom iż-żewġ żgħażagħ turisti Maltin fi Praga hu wieħed fejn jinħassu kemm tensjoni kif ukoll inċertezza, u b’hekk jgħaddulhom numru ta’ dubji u biżgħat proprju għax f’pajjiż komunista u fejn il-Knisja Kattolika hija klandestina u mxekkla mir-reġim. Minn ċertu punt ’il quddiem Massa jintroduċi storja ta’ ħbiberija u mbagħad ta’ mħabba bejn ġuvni Malti u tfajla Ċekoslovakka, Nina. Hawn l-istampa żgħira tar-rakkont fittizzju titqiegħed fuq sfond ħafna ikbar: avvenimenti storiko-politiċi ta’ natura drammatika. Huwa hawn fejn tixref tema oħra importanti fil-kitba ta’ Massa: il-fidi bħala sabar u kuraġġ f’mumenti ta’ periklu kbir.

Bħal dejjem, il-lingwa li jħaddem Massa hija waħda nadifa u l-istorja hija ġeneralment lineari b’waqtiet li jimmiraw biex jaħsdu lill-qarrej. L-Istar tal-Imgħoddi hu rumanz dwar il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-ħelsien u l-jasar ta’ poplu, imma anki dwar l-imħabba ta’ bejn ġuvni Malti u tfajla Ċekoslovakka. Massa jurina li bħala poplu ċ-Ċekoslovakki la huma poplu iblah u lanqas wieħed li tbellagħlu r-ross bil-labra, l-aktar iż-żgħażagħ.

Ir-rakkont jikseb ċerta saħħa meta naqraw bil-vjaġġ li l-protagonisti jibdew lejn il-ħelsien. Dan huwa vjaġġ fiżiku diffiċli u li jieħu ħafna żmien. Intant Massa jfakkarna li fost is-suldati invażuri kien hemm min mhux kuntent anki għax sfurzat jagħmel xogħol bħal dan. Naqraw dwar inizzjattivi min-naħa taċ-Ċekoslovakki biex ifixklu kemm jista’ jkun lill-invażuri. Hawn Massa jislet tagħrif storiku direttament minn gazzetti lokali, xi ħaġa li ġieli ttul xi ftit wisq u b’hekk tista’ ddejjaq, minkejja li wieħed irid jammetti li permezz t’hekk l-awtur jiċċara iktar il-kuntest politiko-storiku li fih qiegħed il-ġrajja fittizzja tiegħu.

Il-qarrej jingħata ftit nifs mit-tensjoni meta mir-realtà kiefra tal-belt ta’ Praga okkupata mill-forzi Sovjetiċi, Massa joħodna fid-dinja idillika tal-boskijiet u l-kampanja ta’ Pisek u l-madwar. Hawn jintroduċi nota ambjentalistika: “[F]himt kemm aħna l-Maltin neqsin minn ġmiel ta’ dik ix-xorta, imma fhimt ukoll kemm il-bniedem hu fid-dmir li jibża’ għall-ambjent, mera tal-kobor u l-imħabba tal-Ħallieq.” Minkejja sitwazzjoni nazzjonali mwiegħra, naqraw dwar aħbarijiet tajba f’rabta ma’ dak li jseħħ lill-protagonisti.

B’xi mod dan ir-rakkont ifakkar ukoll fl-ostakli, fit-tiġrib u fil-perikli li l-immigranti-refuġjati jkollhom jgħaddu minnhom anki llum: firda mill-maħbuba, biża’, inċertezza, mewt. Massa jurina kemm il-ħajja taf tkun paradossali: jorbot waqt ta’ ħelsien u ferħ ma’ wieħed fejn hi b’saħħitha l-mewt. B’hekk niltaqgħu ma’ siltiet deskrittivi (fejn jiġu alternati pessimiżmu u ottimiżmu) u oħrajn riflessivi.

148 paġna wara li tibda l-flashback Massa joħodna lura għall-preżent. Mid-dittatura mmorru lura għad-demokrazija; fuq naħa, il-mewt, il-firda mill-persuni li nħobbu, u fuq l-oħra, l-imħabba bejn mara u raġel, il-familja, l-ulied. Taħkem l-idea li l-ħajja tal-bniedem mhix waħda faċli imma min-naħa l-oħra hemm is-solidarjetà u l-fidi f’ħajja aħjar.

Għal xi wħud rumanz bħal dan jista’ ma jinżilx tajjeb għax għandu laqtiet moralistiċi, daqskemm jista’ jinżel tajjeb ma’ min iħobb rakkont nadif, bla kumplessitajiet żejda. L-Istar tal-Imgħoddi, 50 sena wara l-invażjoni tal-Unjoni Sovjetika fiċ-Ċekoslovakkja u 41 sena mill-ewwel edizzjoni tiegħu llum bħal jerġa’ jakkwista l-attwalità tiegħu f’dinja, u mhux biss ’il bogħod minna imma qrib sew tagħna, fejn il-qawwiet tal-poter għadhom jimmanipulaw l-imħuħ dgħajfin, f’dinja fejn ir-rispett lejn in-natura naqas qatigħ u f’dinja fejn il-movimenti ta’ popli sħaħ, it-tiftixa għal ħajja aħjar u l-ġlieda bejn ħażin u tajjeb għadhom b’saħħithom sew.

Patrick Sammut (Lulju 2018)