Isem Emmanuel Attard Cassar mhux
ġdid fil-qasam tal-poeżija. Huwa jikteb poeżiji fit-tliet lingwi, mela
bil-Malti, bl-Ingliż u anki bit-Taljan. Din id-darba qed jgħaddilna ġabra ta’
91 poeżija li kiteb kollha bl-Ingliż u li jifirxu fuq 67 paġna. Ġeneralment
il-poeżiji mhumiex twal, uħud minnhom konċiżi, u l-għażla hija dik tal-vers
ħieles. Dan jgħin biex il-qarrejja jaqraw il-versi ta’ Emmanuel bla ebda
diffikultà, anzi jkollhom anki l-ħin jaqraw il-poeżija iktar minn darba, iħallu
l-ħin biex issir parti minnhom, jaħsbu dwarha.
Emmanuel hu poeta, għalhekk
bniedem li moħħu ma jistrieħx u jsib żvog biss fil-kitba tal-versi li toffri
serħan minn piż bħal dan. Huwa l-bniedem li josserva kull dettal, jaf anki
liema sagrifiċċji ċerti persuni, għal ħafna inviżibbli, jagħmlu. Fost dawn
persuni bħall-ommijiet, il-kaxxiera fil-ħwienet li jiftħu l-jum kollu,
l-infermiera, il-morda u dawk li jkunu qrib tagħhom, dawk li jgħixu
fis-solitudni, u r-refuġjati. Il-versi ta’ Attard Cassar għalhekk huma tip ta’
awtopsja ladarba jqattgħu biċċa biċċa l-ħlejqa “bniedem” ħalli jipprova
jifhimha minkejja li jaf li “Humanity is too complex” (Those Eyes).
Il-pinna ta’ Attard Cassar hi dik
li tikxef il-verità, bħal kif josserva f’Bomb: “The pen... Its eloquent
mission: Truth.” Għalhekk, fejn hemm bżonn Attard Cassar ma jibżax joħroġ
għad-dawl il-ħażin u lanqas jonqsu l-versi tad-denunċja. Hekk, pereżempju, f’Autenticity
jikteb:
“... we are
all liars.
It’s too
costly to be authentic
in this
status-conscious society.”
Versi oħra ta’ denunċja huma Corruption
(“It is there, omnipresent.../ We breathe it in and out,/ we swim in and
out of it,/ and in our daily encounters with it/ we try to keep afloat.”); imma
anki Smallness, fejn ifakkarna li nippużaw kemm nippużaw ta’ bnedmin
potenti, nibqgħu dejjem żgħar u vulnerabbli quddiem in-Natura. Din
il-vurnerabbiltà terġa’ tidher fi Scandals. Hawn naqraw dwar “Honourable
men” imma li huma fl-istess ħin:
“Men unable
to suppress a perversion,
unable to
rationalise,
unable to
think of their families,
unable.
Unable to
fight the monster within.”
Hemm
imbagħad il-poeżija Lies, fejn naqraw:
“Media,
however
accessible
has not
brought more truth
to those
who do not seek it.”
Minn
sempliċi logħba futbol Attard Cassar kapaċi joħloq ħsieb profond dwar id-dinja
kumplessa u mhix nieqsa minn azzjonijiet li jweġġgħu tal-bniedem (ara Hands
Hiding Mouths). F’The Bare Minimum Attard Cassar isammar lil min
jippoża ta’ paladin fejn tiġih l-okkażjoni biex jidher jew biex jakkwista xi
titlu utli, imma jagħlaq ħalqu u jirtira malli toħroġ talba għall-volontarjat.
F’din
il-ġabra poetika naqraw versi li Attard Cassar kiteb bħala ġenitur li jfaħħar
lil uliedu u fl-istess ħin ifakkarhom biex iħaddnu dejjem it-tajjeb (ara Your
Success, My Children, Daughter u Son), jew bħala iben
(ara Father, Mother u Some Think Afar).
Hemm ukoll
versi ta’ nostalġija fejn il-poeta jixtieq li għadu jgħix il-jiem sbieħ
tal-imgħoddi, bħal f’Claudio Villa u Cemetery.
Stilistikament, kif diġà
aċċennajt hemm il-konċiżjoni, mela ftit versi li jħalluk taħseb, tistaqsi,
thewden, żgur mhux passiv. Flimkien mal-konċiżjoni tintrabat ukoll l-ironija
taqta’, anki fl-ispazju ta’ żewġ versi bħal fi State Decleration:
“All
information is transparent
except that
which is kept secret.”;
jew f’I
Heard A Phrase Today, fejn naqraw:
“A
politician said,
‘I’m doing
this for my country.’”;
jew f’Economy,
fejn naqraw il-vers uniku f’għamla ta’ mistoqsija retorika, “She for us or us
for her?”
Hawnhekk
Attard Cassar jaf ikun dirett, bla ħajta fuq ilsienu, bħal kif naqraw f’Maltese
Poem:
“If I had
to write a Maltese poem,
I’d write a
string of a thousand fucks.
I’d do this
for many reasons,
not least
to overcome our curse
of whining
and whining
and
whining.
Then I’d
stop out of tiredness.
Then I’d
sleep a long, long sleep.”
Il-poeżiji
li naqraw f’din il-ġabra jixħtu dawl fuq il-karattru ta’ Emmanuel. Huwa jagħraf
li fil-ħajja, li hi marbuta max-xjenza, il-kimika u l-bijoloġija, hemm
is-sbuħija li neħtieġu lkoll nirrikonoxxu u napprezzaw (Ella). Hu
bniedem ta’ gratitudni (Mother), bniedem riflessiv, jaħseb qabel
jitkellem, imma li fih hemm il-ħajja, l-enerġija li jesprimi f’poeżija bħal Woman
In Red, imwassla permezz ta’ kliem bħal “Swaying and laughing heartily”,
“dancing”, “beat of the band”, “play music”, “music” u “sea”. Stanislav
Petrov tfakkarna li Emmanuel hu poeta, imma anki bniedem li jaf sewwa
d-dinja tal-kompjuters u tal-intelliġenza artifiċjali. Bħala poeta jinsisti fuq
il-bżonn li nsegwu dak li jgħidilna l-uman fina għall-benefiċċju tal-umanità
sħiħa. Mela fis-sempliċità u ġenwinità tal-versi tiegħu Attard Cassar joħroġ
ftit ftit il-karattru tiegħu. Hekk f’Roses jammetti:
“I have
brought you a bunch of red roses.
They
symbolise me -
the way you
know me.
With or
without them, life goes on,
day by day,
but they
make a difference,
a world of
difference.
Life is not
life without a bunch of roses
and the
meaning behing them.”
Huwa dak li
hu preżenti fi spazji u f’sitwazzjonijiet varji – ġo sptar, ristorant,
ċimiterju, gym, ħanut tal-merċa, raħal, knisja, mużew tal-arti f’Londra, fuq
bankina wiesgħa fejn mexjin bosta nies u oħrajn bilqiegħda madwar mejda
ċkejkna, u l-bqija. Nimmaġinah josserva fis-silenzju u jikteb biex ma jħallix
ċerti waqtiet jintilfu darba għal dejjem, imma minflok jistampahom jew
jikkonkretizzahom permezz tal-kelma miktuba. Hemm versi bħal Village Feast
fejn Attard Cassar ifakkar raħal twelidu, il-Furjana, u San Publiju, imma dan
jagħmlu anki bħala innu lil dawk li m’għadhomx magħna u anki lil dawk li
għadhom ħajjin.
Bħala
bniedem li jħobb jivvjaġġa, Attard Cassar jikteb dwar imkejjen lil hinn minn
xtutna bħal Matera, Rome u Valtellina, fejn dan il-poeta
Malti fl-aħħar mill-aħħar iħossu parti minn xi ħaġa ħafna ikbar li tgħaqqad
lill-bnedmin ilkoll flimkien.
Hemm
imbagħad personalitajiet partikolari li Attard Cassar jiddedika versi lilhom,
bħal- logotenent Russu Stanislav Petrov, li fis-snin ’80 evita gwerra nukleari;
jew Peter Norman, l-atleta Awstraljan li fis-snin ’60 esprima ruħu pubblikament
kontra d-diskriminazzjoni razzjali u minħabba f’hekk twarrab mill-qasam sportiv.
Personalitajiet oħrajn li naqraw dwarhom huma Alan Turing, il-ġenju
tal-matematika li minkejja li ta kontribut tad-deheb waqt it-Tieni Gwerra
Dinjija, sefa vittma ta’ preġudizzji omofobiċi, Stephen Hawking, u l-futboler
Eġizzjan Mohamed Salah.
Kif rajna,
Attard Cassar hu l-bniedem li jaf bl-inġustizzja tal-Ġustizzja (ara The
Witness) u jweġġa’ quddiem in-nuqqasijiet tas-soċjetà kontemporanja, b’hekk
jikteb dwarhom biex nagħrfuhom. Huma nuqqasijiet bħall-assenza tal-awtentiċità,
il-korruzzjoni, il-parrokjaliżmu, il-perverżjoni, is-solitudni tal-imwarrbin,
in-nuqqas ta’ trasparenza fost min imexxi, il-klikek, ir-razziżmu, il-faqar,
il-gideb u l-falsità fil-qasam tal-mezzi tax-xandir, l-għatx għas-setgħa, u
l-ġustizzja li tippremja lill-kriminal. Fuq in-naħa l-oħra Attard Cassar jikteb
ukoll dwar dawk il-valuri li jagħmluna verament bnedmin ta’ rieda tajba,
bħal-lealtà, l-imħabba, il-perseveranza, is-sagrifiċċju, il-familja,
il-gratitudni, ir-rispett lejn dawk ta’ madwarna, u l-bqija. Huwa konxju saħansitra
tal-modi ġodda ta’ għajxien li daħlu anki fil-familja matul iż-żmien (ara The
Agreement u The Singer). Żewġ poeżiji li jolqtu fil-laħam il-ħaj u
jmissu lill-qarrej daqslikieku qala’ daqqa fl-istonku huma The Automated
Hotel u Where Has Humanity Gone?: il-poeta induna diġà li llum
il-bniedem qed jagħmel minn kollox biex jinża’ mill-umanità tiegħu u minflok
iħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-baħħ indifferenti tal-magni u l-brochures
imlewna.
Emmanuel
Attard Cassar jikteb bħala maħbub, missier, ċittadin Malti u dinji, membru
tal-familja (ara What is Life?, iddedikata lil ħuh Godwin, u Aunt),
għalliem, eżaminatur, iben, fuq kollox bħala bniedem attent, li jintriga ruħu u
jaġixxi permezz tal-pinna. “The best poems come out of suffering” jikteb f’Oh
Lord. Huwa jikteb dwar it-tbatija tiegħu, ta’ ħaddieħor, dik li tidher u
dik ikbar li tistaħba f’irkejjen differenti bħal fis-swali tal-isptarijiet jew
kull fejn hemm bnedmin ibatu fis-silenzju. Għalhekk, dawn il-poeżiji ta’
Emmanuel Attard Cassar huma dokument tal-kwotidjanità tal-ħajja tal-bniedem, u
huwa proprju hawn meta jitilqu mil-livell awtobijografiku u personali biex
jilħqu livell usa’, dak universali, ladarba dak li jikteb il-poeta jistgħu
faċilment iħossuhom parti minnu wkoll il-qarrejja.
Effettiva Silence,
il-poeżija li tagħlaq din il-ġabra poetika ta’ Emmanuel Attard Cassar. Apparti
tikxef aspett importanti fil-ħajja personali tiegħu, turina bħala qarrejja u
bnedmin il-bżonn li nitwarrbu mill-istorbju u l-ħsejjes żejda li ninsabu
mdawrin bihom, xi wħud għax irriduhom, oħrajn għax ta’ bilfors, u minflok
inħaddnu s-silenzju, u dan fuq kollox biex nerġgħu niskopru dak li jagħmilna
verament bnedmin, bnedmin b’ruħ, fuq kollox fi żminijiet imwiegħra bħalma qed
ngħixu fihom fil-preżent:
“We need
silence to focus
on humanity.
...
For the
benefit of our soul.
For the
benefit of humanity.
Silent
silence.”
Patrick Sammut (Mejju 2022)