
Personaġġi u tematika:
La jerġa’ jasal Diċembru jiftaħ b’żewġ żgħażagħ, Irlandiża u Malti, x’imkien fuq l-irdumijiet ta’ Cork, fl-Irlanda. Għalissa ma nafux min huma eżattament. Minn kapitlu 3 niltaqgħu ma’ Marina, protagonista f’dan ir-rumanz. Dik tagħha xejn ma hija ħajja faċli. Hija tiftakar fl-ewwel imħabba tagħha, li fil-preżent hija biss tifkira. Dawk ta’ Marina huma tifkiriet ta’ erba’ snin qabel, fi żmien il-Milied, meta hija u l-maħbub tagħha (“Dak”) jinħabbu. Ironikament, l-inkwiet għal Marina jibda meta tinqabad tqila. Għalhekk hija titlob l-għajnuna ta’ żijitha fl-Isla.
Personaġġ ieħor huwa s-saċerdot żagħżugħ li miegħu tiftaħ qalbha Marina, u li jwegħedha li jgħinha. Marina tgħaddi minn ħafna waqtiet diffiċli imma hemm oħrajn li fihom ix-xorti titbissmilha. Marina tiddeċiedi li tfittex xogħol u bis-saħħa ta’ Dun Ġużepp issib wieħed f’uffiċċju ta’ neguzjant fil-Marsa.
Inħoss li tema ewlenija fir-rumanz ta’ Brockdorff hija r-rikonċiljazzjoni. Bħal sajjetta fil-bnazzi Marina tisma’ li missierha ddaħħal l-isptar (kapitlu 12) b’attakk ta’ qalb u ftit wara miet. Ftit qabel mewtu talab lil martu biex taħfirlu u biex tgħid lil bintu li kien iħobbha u anki lil binha. Toħroġ l-umanità wara l-qoxra ta’ bniedem bla qalb. Id- demm ma jsirx semm. Minkejja li kien bniedem imqit, missier Marina jħalli bħal vojt warajh. U ommha tibqa’ miġbuda lejh. Jinstabu l-flus li kien iwarrab Vitor, u anki somma mdaqqsa għal Marina.
Tema oħra hija dik tal-ġirien li jridu jilħqu salib ħaddieħor. Dan narawh meta s-Sur Peter Portelli, l-imgħallem ta’ Marina, jitlobha biex teħodlu ħsieb lil bintu għal xi jiem waqt li jkun imsiefer ma’ martu marida u Marina taċċetta. L-ilsna ħżiena jerġgħu jidħlu f’kapitlu 18, u dan anki f’waqt ta’ ferħ bħalma huwa t-tieġ bejn Peter u Marina. Jissemma l-imgħoddi ta’ Marina u l-qlajja’ li daħħlet fin-nofs mill-ġdid lil Dun Renato.
Spazji u żmien:
Il-bidu tar-rumanz jitqiegħed fil-ftuħ tal-irdumijiet ta’ Cork, fl-Irlanda. Taħkem l-isbuħija tal-ambjent naturali u l-isfond huwa dak tal-leġġendi u tat-twemmin antik. It-tieni kapitlu joħodna f’nofs is-snin 60, din id-darba fil-Mellieħa. L-ispazju issa huwa wieħed magħluq, eżattament dak ta’ ħanut tax-xorb Malti tipiku: Brockdorff tagħtina deskrizzjoni dettaljata tal-irwejjaħ, x’jingħad, l-inkwatri, l-inbid u l-kafè, il-logħob tal-karti, u ximindaqqiet, il-ġlied u l-piki.
Spazju magħluq ieħor huwa dak tad-dar ta’ Vitor u martu Tereż, flimkien ma’ binthom Marina. L-għeluq fiżiku jirrifletti b’xi mod il-ħajja miżera li kienet tgħix Marina f’dar missierha. Apparti l-Mellieħa hemm spazju ieħor li għandu rwol ewlieni fir-rumanz: l-Isla. Il-Mellieħa u l-Isla jistgħu jiftehmu bħala żewġ spazji opposti: tal-ewwel jintrabat ma’ passat mimli wġigħ, u l-ieħor ma’ preżent virtwalment stabbli.
F’rabta maż-żmien tas-sittinijiet jissemma xi inkwiet fit-Tarzna u anki l-involviment tal-union. Jissemma wkoll il-kappillan anzjan u l-biża’ mill-Infern. Aktar ’il quddiem naqraw bil-każ tal-ommijiet xebbiet, xi jħossu meta waqt il-ħlas ikunu waħedhom. Jissemmew il-festa tal-Bambina fl-Isla, imma anki l-problemi li ġabet magħha l-funzjoni tal-Magħmudija minħabba li t-tarbija kienet bla missier. Hawn wieħed jiftakar fiż-żewġ uċuħ ta’ Alla, li jaħfer skond xi wħud, u li jikkastiga skond oħrajn.
Spazju ieħor huwa l-gżira ta’ Għawdex. Marina tikkonvinċi lil ta’ madwarha jmorru jum f’din il-gżira. Kollox ikun sejjer tajjeb sakemm il-mawra tispiċċa ħesrem hekk kif Marina tilmaħ lil “Dak” fl-istess ristorant, u dan 10 snin wara li tkun ratu l-aħħar.
Stil:
Parti mill-istil hija l-lingwa li tuża Brockdorff. Interessanti hija l-espressjoni li tintrabat ma’ epoka partikolari, “Kienet taf ben tajjeb...” (kapitlu 4). Idjomi interessanti oħra huma “ma kellhiex ta’ uffu” (kapitlu 13), u “ma tvinċihiex” (kapitlu 14). Apparti d-deskrizzjonijiet ta’ ċerta qawwa ta’ Brockdorff, l-awtriċi jirnexxilha tidħol f’moħħ Marina u tiddeskrivi l-beżgħat li jaħkmuha - l-aktar kif hija taħseb f’missierha -, it-tamiet, it-tifkiriet, l-inċertezzi u s-sodisfazzjonijiet tagħha. Brockdorff tirrakkonta sal-iċken irqaqat, anki ċerti ħwejjeġ li nagħmlu ta’ kuljum bħax-xirja tas-Sibt u n-naxra. Wieħed jistaqsi jekk dawn humiex dettalji żejda jew għelm ta’ realiżmu fir-rumanz.
Hemm l-għadab tal-missier (deskritt b’mod tajjeb ferm) malli jsir jaf mingħand Dun Renato bl-inkwiet ta’ bintu. Marina titlaq minn dar il-ġenituri u ssib kenn fid-dar ta’ zijitha. Mill-ġdid niskopru li dan kollu hu flashback, mela diġà seħħ.
Il-flashback hija għaddejja matul parti kbira mir-rumanz. Anki f’kapitlu 11 Brockdorff tfakkarna li dak kollu li qed jiġi rrakkontat seħħ diġà. L-aħħar parti ta’ dan il-kapitlu bħal tintrabat temporalment mal-bidu tar-rumanz. Jingħad li issa Franco, bin Marina, għandu tliet snin.
Aktar ’il quddiem naqraw bil-ħsibijiet jew bit-thewdin ta’ omm li daqt waslet biex twelled. Mill-ġdid taħkem ċerta profondità psikoloġika.
Kull kitba għandha r-ritmi u t-tonalità jew tonalitajiet tagħha. Brockdorff tgħaddina minn estrem għal ieħor apposta: mill-qilla tal-missier, il-malafama u t-theddid tiegħu, għall-imħabba taz-zijiet, Ċikka u Toni fl-Isla. Minn waqtiet ta’ tensjoni għal oħrajn ta’ sliem u mistrieħ. Anki f’kapitlu 15 isseħħ traġedja li bħal tibdel id-destin ta’ Marina: tmut mart is-Sur Portelli barra minn Malta.
Ma jonqsux lanqas ir-riferimenti għaż-żmien għaddej. Naqraw ukoll dwar l-ewwel ċaqliq tat-tarbija. Nafu li f’kapitlu 8 diġà għaddew ħames xhur minn mindu Marina telqet minn dar missierha. F’kapitlu 13 għaddew 8 snin minn mindu Marina ħabbet lil “Dak”. Aktar referenzi temporali jinsabu f’kapitlu 18: meta Peter u Marina jiżżewġu, Juliette (bint Peter) ikollha 5 snin, u issa għaddew 5 snin oħra. Franco għandu 17-il sena. F’temp ta’ kapitlu wieħed jgħaddu wkoll 7 snin oħra li Franco jgħaddihom fl-Università biex jilħaq tabib. Mela sal-kapitlu 18 l-azzjoni tar-rumanz tifrex fuq bejn wieħed u ieħor 25 sena. F’kapitlu 19 tissemma sena partikolari, Diċembru tal-1999. Jissemmew ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-bidu tal-millennju l-ġdid.
Lanqas jonqsu partijiet li għandhom mill-poeżija, fejn jaħkmu wkoll xbihat u analoġiji mill-isbaħ.
Il-patos huwa element ieħor li Brockdorff spiss tirrikorri għalih. Hawn l-awtriċi tipprova tmiss il-qlub tal-qarrejja billi tirreferi għal ħsus qawwija bħall-ħniena, il-ħasra u l-bqija. Dun Renato jmur iżur lil Marina għand zijietha. Jistqarr l-inkwiet li missierha u ġara tagħhom tefgħuh fih u jitlob l-għajnuna ta’ Marina. L-inkwiet ma jehdiex: Marina titla’ quddiem l-arċisqof biex tiddefendi lil Dun Renato, imma ma tisma’ bl-ebda aħbar. Missierha jhedded liz-ziju Toni.
Aktar qsim il-qalb jasal mal-mewt taz-ziju Toni. Franco, iben Marina, jibqa’ jistaqsi ċerti mistoqsijiet dwar il-mewt u dwar missieru.
Jitħaddem ukoll l-istil tal-ittra: fiha omm Marina twissiha kontra missierha u turi x-xewqa li tisma’ b’aħbarha.
Huwa f’kapitlu 16 meta l-qarrej jibda jħoss kif se jispiċċa r-rumanz jew kif se tiżvolġi l-azzjoni. Wieħed jistaqsi jekk kollox hux se joqgħod u jsib postu fl-aħħar. Madankollu f’kapitlu 17 Brockdorff terfagħlna bħal climax u ftit wara anti-climax. Dak tagħha hu rumanz li jimxi ’l quddiem permezz ta’ nżul u tlajja’, b’alternanza bejn waqtiet sbieħ u oħrajn koroh.
Kapitlu 20 hu wieħed li bħal jerġa’ jqajjem il-fantażmi tal-imgħoddi: Marina, Dun Renato u “Dak” (Michael, li hu wkoll missier Franco) jerġgħu jiltaqgħu, u dan 26 sena wara li seħħew ħwejjeġ li biddlu l-ħajja ta’ Marina minn lejl għal nhar. Stilistikament dan iservi biex jinxteħet dawl fuq avvenimenti li fil-passat jew f’kapitli bikrija kienu tħallew bħal mhux mitmuma. Hemm ukoll skoperta li taħsad lill-qarrej. Il-wasla ta’ Franco tispjega ’l għaliex ta’ din iż-żjara misterjuża. Hemm l-ironija tad-destin – dak li xi darba ried joqtol lil Franco, ibnu, billi ma jħallihx jitwieled (l-abort), jiġi salvat minn ibnu stess wara inċident tat-traffiku, u dan bla ma Franco jaf li dak li salva hu l-veru missieru.
Kapitlu 21 jixħet dawl fuq l-imgħoddi ta’ Dun Renato. Imma fl-istess ħin jerġa’ jorbot flimkien żewġt itruf li kienu ilhom mifrudin 26 sena. Imbagħad kapitlu 23 jintrabat strutturalment mal-ewwel kapitlu. Insiru nafu eżattament x’rabta kellhom u min huma dawk iż-żewġ żgħażagħ li fetħu r-rumanz. Il-bikja aħħarija ta’ Michael bħal issaffih u tgħinu jaċċetta r-realtà u jimmatura biex fl-aħħar jibni ġejjieni sod. U dan jagħmel minn La jerġa’ jasal Diċembru rumanz bi tmiem pożittiv.
Għeluq:
F’kapitlu 21 naqraw hekk: “Kemm taf tkun stramba u misterjuża n-nisġa tal-ħajja tal-bniedem!” Huwa proprju dan dak li r-rumanz ta’ Lina Brockdorff juri. Naqraw ukoll li, “Fuq kollox huwa l-passat dak li jagħmilna aħna llum.” Il-ħajja tiġi ppreżentata bħala konkatenazzjoni ta’ kawża u effett, ta’ avvenimenti li spiss il-bniedem m’għandux kontroll fuqhom. La jerġa’ jasal Diċembru ta’ Lina Brockdorff għandu jintlaqa’ tajjeb minn min iħobb jaqra storja interessanti msejsa fuq ħsus u tiġrib pożittivi mingħajr ma jirrikorri għal ċerti bassezzi li donnhom illum saru moda għal ċerti kittieba emerġenti. Inħoss li, apparti struttura tajba, dan ta’ Brockdorff jibbaża fuq l-aspett uman, aktar milli l-aspett tas-sensazzjonaliżmu rħis, u dan għandu jkun l-element li jagħmel minn dan ir-rumanz apprezzat minn min iħobb letteratura ġenwina.
PATRICK SAMMUT