Wednesday, July 20, 2011

Żwiemel tar-Riħ, Ġabra ta’ novelli ta’ Joe Camilleri

(2010, Għawdex)

Żwiemel tar-Riħ tal-kittieb minn Għawdex, Joe Camilleri, huwa t-tielet ġabra ta’ novelli wara Solitudni fil-Folla (2007) u Fir-Rokna tas-Silenzju (2008). Żwiemel tar-Riħ jiġbor fih 15-il rakkont li jifirxu fuq ftit inqas minn 200 paġna. Il-ktieb għandu “Kelmtejn lill-Qarrejja” miktuba mill-awtur stess.

Spazji:

Matul ir-rakkonti jissemmew irkejjen bħalma huma l-Ponta ta’ San Mitri, is-Sellum tax-Xagħra, il-Ponta ta’ Santa Marija, Wied Sara, Wied il-Kapuċċini, Għar Qawqla, l-Għasri u Gelmus, imma anki s-sagħtar u leħjet ix-xiħ, kollha tipiċi tal-gżira ta’ Għawdex. L-ewwel rakkont, Qabda Fanfri, jiġi ambjentat f’Marsalforn. F’Sardanaplu ta’ Wied il-Qalba Camilleri jqiegħed l-azzjoni fil-qalba tar-raba’ Għawdxi. Permezz tad-deskrizzjonijiet dettaljati tiegħu jġagħalna naraw b’għajnejna l-ħajja tal-bidwi, l-għodda li juża, il-bhejjem u x-xogħol tiegħu matul il-jum. U f’nofs dan kollu, “ir-riħa aċiduża tad-duħħan tad-diżel” tal-“mutur tar-raġel tal-gvern” tinftiehem bħala barranija u t-theddida li jittiħidlu dak li ilu f’idejn ir-razza tiegħu għal snin twal.

L-azzjoni f’Il-Madonna li kienet Għabet isseħħ fl-għeluq ta’ uffiċju għall-ewwel (dan l-ispazju niltaqgħu miegħu wkoll fi ‘Scrooge’ bl-Ingwanti tal-Ħadid), u aktar tard ġo kamra ċkejkna f’raħal Għawdxi.

F’Kemm Bogħod mis-Setaħ għall-Awstralja! hemm l-ispazju ġewwieni tal-moħħ li jirbombja bil-ħsejjes tat-tifkiriet; u hemm l-ispazji esterni – ir-razzett – fejn jaħkem biss is-skiet. Il-bogħod bejn l-Awstralja u Għawdex mhuwiex biss spazjali imma anki temporali; hemm il-bogħod ta’ bejn żewġ kulturi u modi t’għajxien differenti.

Stil:

Fl-ewwel rakkont, Qabda Fanfri, jispikka l-lessiku marbut mas-sajd u l-baħar. Id-deskrizzjonijiet huma ħajjin qatigħ: bosta huma l-verbi li jwasslulna sens ta’ moviment, l-ilwien u l-irwejjaħ – dawn kollha b’xi mod jirriflettu r-ritmi differenti tal-baħar li jaf ikun kalm jew kattiv. U dan kollu biex joqrob lejn sens ta’ drammatiċità li Camilleri jibni u jżid magħha ftit ftit. Element rikurrenti f’dan ir-rakkont huwa r-riħ. F’ħin minnhom ir-ritmi tal-baħar jirriflettu wkoll dawk tal-passjonijiet kuntrastanti tal-bniedem li jalternaw bejn estremi bħalma huma l-imħabba u l-mibegħda.

Hemm ukoll it-tħaddim tal-flashback lejn nofs ir-rakkont, li tinfetaħ u tingħalaq permezz tal-puntini. Fl-intern tal-flashback hemm in-narratur li jsir wieħed mill-persunaġġi u li jirrakkonta mill-perspettiva tiegħu fatt drammatiku.

Lejn l-aħħar Camilleri jintroduċi laqtiet mill-makabru. Fuq kollox hemm il-ħakma tan-natura li taf tibdel f’diżordni fejn hemm l-ordni, imma anki viċiversa. Jistgħu jinħassu reminixxenzi tal-buffu f’Hamlet, fejn fl-aħħar mill-aħħar anki l-bniedem jittiekel min-natura u jsir parti miċ-ċiklu tagħha.

Bħal dejjem Camilleri juri sengħa kbira fit-tħaddim tal-ilsien Malti. Dan jurih anki permezz tal-użu ta’ kliem li m’għadux jintuża daqstant fost iż-żgħażagħ, imma xorta waħda huwa parti minn dak l-ilsien li jekk ma nibżgħux għalih jintilef. Il-lingwa ta’ Camilleri għandha mis-sengħa tal-filugranu: hija mħaddma b’reqqa kbira, b’sabar u minn min verament hu midħla sew tagħha tant li jirnexxilu jagħtiha l-għamla u l-laqta li jrid hu u juri kemm taf toqgħod u hija flessibbli. Dawk ta’ Camilleri huma wkoll rakkonti mimlijin b’Malti idjomatiku u jħaddmu anki bosta reġistri lessikali (sajd, biedja, arkitettura, arti, ħsus ġewwiena). Huma wkoll rakkonti skola fl-ilsien Malti, prova ta’ kemm jista’ jkun mexxej, ħafif u abbundanti dan ilsienna.

Camilleri juri r-rabta tiegħu ma’ u l-għarfien tad-dinja li jgħix fiha billi jsib il-kelma t-tajba għal dak kollu li jaraw għajnejh, dak kollu li jgħaddi minn moħħu u li jħoss f’qalbu. Kull ħlejqa, naturali u artifiċjali, kull ħoss, kull moviment u l-bqija għandhom kelma partikolari, dik Maltija.

Camilleri jaf ukoll joħloq xbihat mill-isbaħ bħalma naraw f’Sardanaplu ta’ Wied il-Qalba: “Ftit ieħor, u s-saqajn goffi u ġganteski tal-ispekulazzjoni jiġu jgħaffġu l-art qaddisa.” (p. 41) Aktar xbihat interessanti jidhru f’Meta Miet Ġinġer: “U kif tatni l-aħbar oħti, kulma seħħ dakinhar reġa’ tfaċċa. Rampil mill-imgħoddi li jitla’ jfaqqa’ b’ħasda fid-diwi tal-bir ta’ ruħi.” (p. 141), jew “Imma l-ħamrija fuq qabar Ġinġer baqgħet bla mittiefsa. Iż-żahar tal-larinġ li tfarfar mis-siġra ta’ fuqha kiteb epitaffju b’kaligrafija li kienet tifhimha biss qalbi muġugħa.” (p. 146)

F’Il-Madonna li kienet Għabet Camilleri jħaddem id-djalett. Din id-darba jispikkaw l-għarfien, ir-reqqa u d-dettall f’rabta mad-dinja tal-antikitajiet, tal-istorja tal-arti u l-pittura. Dan kollu joħroġ permezz ta’ deskrizzjonijiet mill-iprem. Jinżamm ekwilibriju bejn il-partijiet djalogati u dawk li jikxfu x’inhu għaddej minn moħħ il-protagonist, miġjuba fil-korsiv.

Fir-rakkont Fil-Barumbara ta’ Moħħ jispikkaw l-osservazzjoni minuzzjuża, il-ġibda għad-dettall, u d-deskrizzjoni għandha mid-daqqa tal-istrumenti kirurġiċi. Dan kollu huwa f’rabta ma’ dak li għaddej ġewwa l-moħħ. B’hekk din hija kitba psikoloġika: hemm personalità umiljata li issa qed tgawdi l-ħlewwa tal-vendetta li ġġib magħha s-sikta u l-kesħa tal-mewt. Hawn l-għodda kirurġiċi li letteralment iqattgħu katavru jsiru l-pinna kirurġika ta’ Camilleri li jikxfu biċċa biċċa l-ħsus u l-ħsibijiet tan-narratriċi.

Il-pinna ta’ Camilleri li taħfnek u fl-istess ħin tkessħek u li ġġiegħlek tħoss l-istess uġigħ li jkun qed iħoss il-personaġġ deskritt niltaqgħu magħha wkoll f’Metamorfosi. Camilleri għandu wkoll ħabta jibdielek f’nofs l-istorja biex wara jmur lura ħalli jikxef x’seħħ diġà, biex fl-aħħar jerġa’ jgħaddi għall-waqt tal-preżent fejn ikun ħalla lejn il-bidu tar-rakkont (ara Il-Mara li Ħasbet li Messet is-Sema). F’Fewġa fuq l-Irdum Camilleri jwassal lill-qarrej għall-qofol tar-rakkont bil-mod il-mod, iħallih ibih il-ġuħ biex ikompli jaqra b’ċerta kilba, biex imbagħad jaħsad fil-laħam il-ħaj bla ma javżak minn qabel. Jerġa’ jitħaddem il-mekkaniżmu tal-flashback biex nifhmu minn fejn twieldet il-problema.

Drabi oħra l-pinna ta’ Camilleri tieħu mill-ħeffa tal-pinzell f’id l-iprem artist (ara ‘Scrooge’ bl-Ingwanti tal-Ħadid). L-ilwien li juża jkanġu f’mitt varjazzjoni biex fl-aħħar ipaxxu lill-qarrej u jġagħluh jinduna li quddiemu hemm kittieb misjur u mkisser fis-sengħa tal-kitba. Id-deskrizzjoni taf iddaħħlek f’labirinti li tieħu gost tintilef fihom biex tiskopri dejjem iktar irkejjen ġodda.

Il-patos huwa mekkaniżmu ieħor li jirrikorri għalih Camilleri. Apparti r-rakkont Sardanaplu ta’ Wied il-Qalba, il-patos jinħass b’saħħtu wkoll fl-aħħar rakkont, Iż-Żiemel tas-Seħer. Naqraw dwar omma marida li titkellem għall-aħħar darba ma’ wliedha ċkejknin, bla ma dawn jafu x’ġej għalihom. Il-bidla li sseħħ fid-dar meta tonqos darba għal dejjem l-omm hija rrakkuntata mill-perspettiva ta’ tifel li fi żmien qasir kellu jsir raġel żgħir u jagħlaq il-bieb b’tisbita fuq tfulitu.

Tematika:

Fir-rakkont Il-Ħrafa li Serrħet il-Qalb hemm fuq naħa r-raġel li jitlaq lil familtu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa u l-ftaħir tal-ommijiet ħaddiema li lil uliedhom jikkwitawhom bi ħwejjeġ materjali u superfiċjali. Fuq l-oħra hemm l-imħabba ġenwina ta’ omm abbandunata minn żewġha lejn it-tliet uliedha. Hija din tal-l-aħħar il-vera mħabba li ttul maż-żmien u tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.

F’Sardanaplu ta’ Wied il-Qalba joħroġ il-kuntrast bejn id-dinja tar-raba’ u dik tal-għeluq tal-uffiċini. Camilleri jispira ruħu minn leġġenda Assira li ispirat artisti kbar bħal Eugène Delacroix, Byron u Berlioz. Il-bniedem tal-belt qatt ma jista’ jifhem ir-rabta intima bejn il-bidwi, l-art u l-bhejjem tiegħu. Camilleri jittratta t-tema ambjentalistika: ir-raba’ jiġi ssagrifikat minħabba proġetti grandjużi u turistiċi. Hemm ukoll l-għerf tal-bniedem bla skola imma żgur li mhux injorant: “Aħna żgħar wisq... bħall-ħniex tal-art, u huma kbar, kbar wisq u għoljin bħall-muntanji.” (p. 41) Hawn qed jirreferi għall-kapitalisti, il-politiċi u l-avukati. Il-progress iġib it-telfien tal-“poeżija tas-seħer”. Huwa hawn fejn il-kitba ta’ Joe Camilleri minn Għawdex issir ħaġa waħda ma’ dik ta’ Paul P. Borg li jintrabat mal-ambjent ta’ Selmun. Id-“dnub tal-qerda tal-ambjent” naturali hu mifhum bħala “id-dnub tal-qerda tal-preżenza t’Alla” (p.41).

Il-kuntrast bejn Malta u Għawdex fejn jidħlu ambjent u arja nadifa naqraw dwaru f’Iż-Żiemel tas-Seħer: “Imma l-iktar li jaqbżu għand in-nanniet t’Għawdex kienu fil-btajjel tas-sajf. F’dak iż-żmien kien jitħannen u jorqod mal-lanja maqtugħa u ritmika tal-grillijiet. In-nannu kien qabdilhom żewġ grillijiet u għamlilhom żewġ oqfsa ċkejkna bil-wajer bħal tan-nemusiera. Iżda minkejja li qatt ma naqsu jagħlfuhom bil-bċejjeċ tad-tadam frisk, il-grillijiet ma felħux għall-arja tqila u mniġġsa tad-dħaħen tat-triq tagħhom f’Malta u ma damux ma mietu.” (p. 183)

Għax-xiħ il-ħlejjaq kollha tar-raba’ għandhom il-leħen u r-ruħ tagħhom u b’hekk jiksbu xejra umana. Hawn tixref l-idea Franġiskana tal-ħolqien. Ritmikament Camilleri jilħaq climax li jirnexxilu jmiss l-ibgħad irkejjen ġewwiena tal-qarrej. Hawn huwa l-bniedem sempliċi li jirbaħ għax ma jbaxxix rasu, biex fl-aħħar jinbidel f’żiemel tar-riħ. Jekk hemm imħabba ġenwina, hija dik bejn ix-xiħ u l-kelb tiegħu Ġamri li ma jinfirdux.

Anki r-rakkont Meta Miet Ġinger jittratta r-rabta kbira bejn bniedem u annimal flimkien mat-tifkira ta’ dak il-jum vjolenti meta din ir-rabta tisfaxxa fix-xejn. Hawn l-annimal jingħata xejriet umani, filwaqt li l-bniedem jikseb xejriet bestjali f’waqtiet ta’ korla inkontrollabbli.

Dwar il-paradossi li jġib miegħu l-progress Camilleri jikteb hekk fir-rakkont Fil-Barumbara ta’ Moħħ: “Illum ir-razzett m’għadux il-bejta fejn kienu jitnisslu t-tfal felħana b’wiċċhom ruxxan, fejn il-bidwi jqatta’ s-silla għall-imgħalef u fejn martu tonfod il-ħwejjeġ fuq ix-xriek tas-setaħ. Ir-razzett sar simbolu ta’ status soċjali. Min għandu l-bżar ħa jroxxu.” (p. 68) Mill-ġdid it-tema ambjentalistika u l-apoloġija favur ir-razzett oriġinali u l-arkitettura mill-isbaħ u funzjonali tiegħu. Deskrizzjoni dettaljata tal-binja arkitettonika tar-razzett naqrawha wkoll f’Kemm Bogħod mis-Setaħ għall-Awstralja!

F’Metamorfosi naqraw dwar il-biża’ u d-diqa li l-bniedem iħoss meta jiġi mhedded mill-mard u mill-mewt. Tinħass ukoll ix-xewqa tal-bniedem li wara mewtu jibqa’ jiġi miftakar u ma jintesiex. Il-mard u l-mewt jiġu ttrattati wkoll f’Iż-Żiemel tas-Seħer li huwa rakkont li jiddeskrivi l-fażijiet differenti li minnhom tgħaddi familja fejn l-omm tintlaqat mill-kanċer.

F’Il-Mara li Ħasbet li Messet is-Sema hemm narratriċi, mara miżżewġa insodisfatta u li għandha l-maħbub tagħha għax żewġha artist ma jagħtihiex l-attenzjoni meħtieġa. Camilleri jikxef il-ħsibijiet anki intimi ta’ mara ta’ dan it-tip. Hija wkoll kitba dwar l-għarfien tal-vera arti jew sbuħija, ir-ruħ tagħha. Hawn jissemmew Modigliani, Stravinski u Meissen. F’din-novella jiġu diskussi l-passjoni, l-imħabba senswali u dik platonika, l-arti u l-bqija. Camilleri hawn ifakkarna fil-fatt li l-bniedem m’hu qatt kuntent u b’hekk jidħol ġo sqaqien koroh u jġib fuqu problemi kbar. Dan hu għalhekk rakkont li jiddiskuti n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-miżżewġin.

F’Party tard Filgħaxija tiġi diskussa r-relazzjoni bejn l-ulied u l-ġenituri, partikolarment il-missier. Jiġu ttrattati d-dixxiplina fuq naħa (permezz tal-missier suspettuż), u l-atteġġjamenti aktar moderni u permissivi marbutin mal-ġenerazzjoni żagħżugħa (permezz tal-ulied makakki). Tinħass il-generation gap.

‘Scrooge’ bl-Ingwanti tal-Ħadid tittratta l-abbużi ta’ poter li ġieli jseħħu fl-ambjent tal-uffiċċju u anki t-tnassis li jgħaddi minn taħt tant li jista’ jilħaq livelli għoljin ta’ mibegħda. Il-morali hawn hi li anki l-ħażin fid-dinja għandu t-tmiem tiegħu. It-tema tas-seksik u l-qlajjiet fuq il-proxxmu nerġgħu naqraw dwarha f’Ir-Raġel li Rikeb ir-Riħ. L-ambjent huwa dak ċkejken u magħluq tar-raħal fejn iseħħ delitt tal-biża’ fuq persuna meqjusa baħbuħa minn kulħadd.

Il-monotonija u r-rutina tal-ħajja fir-raħal titwarrab fil-ġenb għal ftit permezz ta’ tfajla turista sabiħa li tixgħel il-passjonijiet u l-fantasija tal-irġiel u tiġbed l-attenzjoni tal-Għaqda Ħarsien is-Safa (ara Salomè ta’ wara l-bjut). Jissemmew il-qassis, is-surġent, il-każin, kollha simboli ta’ Malta tal-imgħoddi, dik li ma tridx bidla. Fl-aħħar mill-aħħar kollox jerġa’ għalli kien, bit-theddida għall-moralità li jkollha tħalli r-raħal bil-forza. Kollox juri li dak tagħna hu poplu immatur. Hija ttrattata wkoll l-ipokrisija ta’ soċjetà li taċċetta films ta’ vjolenza imma mhux oħrajn b’kontenut sesswali.

F’Kemm Bogħod mis-Setaħ għall-Awstralja! Camilleri joħodna fi żmien meta x-xogħol f’Malta kien ftit u bosta tħajru jemigraw. Konsegwenza ta’ dan, fejn qabel kien hemm il-ħajja u l-moviment, ma baqa’ xejn ħlief skiet, iħirsa, għanqbut, sens ta’ abbandun u omm li sfat armla u waħedha, flimkien mat-tifkiriet tal-imgħoddi u r-ritratti ta’ wliedha li jinsabu ’l bogħod.

F’Fewġa fuq l-Irdum Camilleri jittratta l-problema tal-HIV. Il-protagonist jerġa’ lura għall-irdumijiet li kien jiffrekwenta meta kien għadu tifel: imma issa li għadda ħafna żmien inbidlu ċ-ċirkostanzi, twarrbet kull safa u innoċenza, u posthom ħaduhom il-mistħija, is-sens ta’ ħtija u x-xewqa li jinbela’ “mid-dagħbien ta’ taħt” u tħaddnu t-“telfa dejjiema”. Mis-suċċess fittizzju ta’ biċċa negozju li marret tajjeb ferm għat-tkissir ta’ familja minħabba waqt qasir ta’ dgħjufija u tentazzjoni.

Konklużjoni:

Huwa pass pożittiv u kuraġġuż ħafna li kittieba bħal Joe Camilleri jiddeċiedu li jippubblikaw minn buthom dawk il-kitbiet li jkunu għaddew snin twal fil-kexxun, kitbiet mill-isbaħ, irfinati u attwali għall-aħħar. Huwa fatt li l-poplu Malti jippreferi l-proża aktar milli l-poeżija. Hemm min m’għandux ħin jew sabar biex jaqra rumanz sħiħ. Għal nies bħal dawn hemm in-novella jew ir-rakkont li jtul biss ftit paġni, imma li jiġbor fih kemm il-gost kif ukoll l-utli tat-tagħlima jew tar-riflessjoni. Huwa biss xieraq li aħna l-qarrejja nuru apprezzament lejn awturi bħal Camilleri billi nixtru u naqraw ir-rakkonti tiegħu.

Nispiċċa b’żewġ mistoqsijiet: meta se jasal iż-żmien meta l-pubblikaturi ewlenin idawru ħarsithom anki lejn kittieba bħal Joe Camilleri (u bosta oħrajn) u jippubblikaw xogħlijiethom (kitbiet li huma neqsin kompletament minn ċertu lingwaġġ maħmuġ u sensazzjonalistiku li llum bħal sar moda fost xi kittieba kontemporanji)? Meta se jasal iż-żmien meta l-membri tal-panels tas-sillabi tal-Malti jibdew jieħdu in kunsiderazzjoni anki kitbiet ta’ kittieba bħal Joe Camilleri, u ma jikkonċentrawx iktar u biss fuq is-soltu kittieba stabbiliti li llum bħal għamlu l-letteratura Maltija monopolju tagħhom?

Patrick Sammut