L-awtriċi tinnarra l-istorja tal-familja tagħha, imma anki dik tal-gżejjer Maltin. Kienu żminijiet koroh fejn eluf batew il-ġuħ, il-firda, il-għaks, il-bard, il-mard, il-mewt u l-bqija. Lina Brockdorff jirnexxielha ttina deskrizzjonijiet ħajja billi tappella għas-sensi imma anki billi ttella’ fil-wiċċ numru ta’ tifkiriet li setgħu ntilfu kieku ma ddeċidietx tniżżilhom fuq il-karta. Il-Maltin irnexxielhom jgħaddu minn dil-prova anki permezz tal-fidi qawwija li kellhom u permezz tas-sens tas-sopravivenza.
Fost il-ħwejjeġ li l-qarrej jiltaqa’ magħhom hemm il-ħajja fix-xelters u fil-katakombi kontra l-bombi tal-għadu, il-ħajja tar-refuġjati fl-irħula ’l bogħod mill-bliet, in-nuqqas tal-ikel u r-razzjonament, il-logħob li bih kienu jgħaddu ż-żmien it-tfal ta’ dari, il-mard li kien jolqot l-aktar lit-trabi, is-solidarjetà bejn nies li jinsabu fl-istess ċirkostanzi mwiegħra, il-praspar li l-awtriċi għaddiet minnhom flimkien ma’ oħtha, ir-relazzjoni mal-Ingliżi u mal-emigrati Maltin fil-Mediterran, il-perikli li għaddew minnhom il-ħaddiem tat-Tarzna waqt l-attakki mill-ajru, u bosta episodji oħrajn.
Sereni u Serenati ma jinnarrax biss stejjer ta’ diqa, imma anki ta’ ferħ. Issib episodji li jnikktuk u oħrajn li jdaħħquk bla ma tkun taf. Huwa ktieb li tista’ taqrah f’nifs wieħed miktub minn kittieba li taf kif tħaddem il-pinna fis-sengħa tal-kitba bil-Malti.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment