Mejt tittratta tema attwali
ħafna: dik ta’ mikrobu fl-arja li jattakka l-moħħ u jġennen fi ftit minuti lil
dak li jkun billi joqtol fih kulma hu uman u jibdlu f’qattiel miġnun. Dik li
jiddeskrivi Grasso hija ċirkostanza u għajn ta’ ispirazzjoni f’bosta serje
televiżivi li għandhom mill-fantaxjenza kontemporanja bħal The Strain, The Last Ship
jew Helix. L-awtur jispira ruħu anki
minn bosta aħbarijiet ta’ kronaka sewda li nisimgħu u naqraw dwarhom ta’ kuljum
fejn naraw li l-bniedem jaf jaqa’ fil-baxx ħafna ladarba jitlef moħħu.
Stilistikament dan hu rakkont b’ritmu narrattiv jgħaġġel. Grasso jgħinna
nħarsu lejn il-ġrajja minn angoli differenti u jalterna bejn partijiet
djalogati li jseprimu biża’ u sens ta’ urġenza u l-kumment tan-narratur li
jkompli jsaħħaħ il-gravità tas-sitwazzjoni. Bil-mod
il-mod Grasso jwassalna għal climax mistenni,
biex f’daqqa waħda jaħsadna b’anticlimax
mhux daqstant mistenni, imma li żgur ifakkar f’rumanzi bħal I Am Legend ta’ Richard Matheson jew World War Z (ta’ Max Brooks), it-tnejn
magħmulin films li għamlu suċċess. Dan hu rakkont fanta-apokalittiku u
tal-biża’, imma fl-istess ħin bħal ifakkarna li dak li jidher fantaxjenza llum
jista’ jsir realtà għada stess!
Għalkemm fit-tieni rakkont, Dehra
tal-Pont, Grasso jikkonċentra fuq żewġ personaġġi, Saverju u Ninna, xorta
waħda ma jonqosx milli jiddeskrivi dak kollu li hemm mal-madwar. L-awtur
jirnexxilu jlaħħam dan kollu permezz ta’ sens qawwi ta’ osservazzjoni li żgur
bena u saħħaħ matul dawn l-40 sena li ilu jikteb u jippubblika. Dawk tiegħu
huma deskrizzjonijiet ta’ karattri li jqaxxarhom permezz ta’ ħakma assoluta fuq
l-ilsien Malti, imma anki permezz ta’ ġesti, pawsi partikolari fid-djalogi,
karatteristiċi fiżiċi idjosinkratiċi bħal tikmix fuq il-wiċċ jew qxur niexef
fuq l-id, jew teptipa tal-għajnejn.
Strutturalment Dehra tal-Pont jinqasam
f’żewġ movimenti: fl-ewwel parti hemm ċerta rutina, hena, imma fit-tieni parti
mill-ewwel jibda jinbena sens ta’ tensjoni u ta’ stennija, anki permezz ta’
bosta mistoqsijiet li jirriflettu dubji li għaddejjin f’moħħ il-protagonist.
Dan kollu jintrabat mal-maltempata li għaddejja barra. Hekk waqt li jaqra
d-djalogu li għaddej bejn Saverju u Ninna, il-qarrej iħoss li se tfaqqa’ xi
ħaġa kerha, b’atmosfera li tixbah lid-delitt ta’ Raskolnikov ta’ Dostojevskij.
Jitħaddem il-kuntrast tal-kjaroskur li hu effettiv ħafna: “Kien id-dawl
tal-fidwa għaliha; għalih id-dlam waħxi tat-telfien.”; “Dak il-fanal imdendel
f’tarf it-triq kienet se tieħdu magħha u kull darba li jaqa’ d-dlam tad-dubju, tas-suspett,
tħares lejh.”; jew “baqgħet tħares lejn il-fanal idawwal il-wesgħa mudlama ta’
madwarhom.” (pp. 50-51) Dak li Grasso jibni bil-mod il-mod fl-ewwel parti,
iżarmah daqstant bil-mod il-mod fit-tieni parti sakemm id-dawl jinbidel fi dlam
u l-ħajja u l-imħabba f’mewt.
Fir-rakkont Id-Dar fejn Tieħu Gost
Tmut storja ta’ suċċess fi ftit paġni tinbidel f’falliment totali. Il-mewt
hija mifhuma bħala l-qerrieda ta’ kull hena. Ironikament wieħed
mill-protagonisti kien id-direttur ta’ kumpanija tal-assikurazzjoni tal-ħajja.
Wieħed jistaqsi mill-ewwel: xi skop hemm li tmut meta tkun hieni u paxxut?
Fid-deskrizzjoni fiżika tas-Sur u s-Sinjura Neumberger hemm element grottesk
qawwi: huma “l-aktar koppja ħelwa fil-kruha tagħha.” (p. 68) Paradoss ieħor
huwa l-fatt li f’dar ġenna l-mewt kienet tolqot lil dak li jkun bla ma jaf kif
u meta. F’kull parti ġdida tar-rakkont Grasso jinkludi personaġġi ġodda u
b’hekk iwessa’ l-ispazju narrattiv. Dan ir-rakkont jassumi tifsiriet anki
morali: nifhmu li l-bniedem f’sensieh biss jaf japprezza l-importanza tal-ħajja
u jagħraf kemm hu żball li jarmiha. Dan jintrabat ma’ dak li naqraw f’paġna 72,
“Il-bniedem jasal għal bosta deċiżjonijiet koroh meta jkun impulsiv.” Filwaqt
li t-tmiem hu wieħed mhux mistenni tassew, min-naħa l-oħra jonora mija fil-mija
t-titlu tar-rakkont.
F’Il-Ġar it-tagħrif dwar il-protagonisti
jew personaġġi Grasso jagħtih gradwalment, mela f’dożi żgħar li jħalluk tixtieq
dejjem iktar. Fl-iżvilupp tar-rakkont huwa jħallat partijiet li għandhom
mit-tiġrib pożittiv u oħrajn mit-tiġrib negattiv. Hawn hija ttrattata bil-mod
partikolari ta’ Grasso t-tema tal-familja, fejn l-omm hija armla u b’iben
waħdieni. Anki hawn Grasso jaħsad permezz ta’ waqt ta’ waħx mhux mistenni
għalkemm ikun diġà pprepara lill-qarrej għalih. Sintattikament (it-tul
tas-sentenzi) titħaddem il-konċiżjoni fuq naħa (“Moħħha werżaq f’sikta.”), fuq
l-oħra perijodu sintattiku twil fejn jaħkem ċertu dettall deskrittiv, anki ta’
ħsus u ħsibijiet ġewwiena.
Jidħol l-element psikoloġiku: għaliex il-protagonista wara l-mewt ta’
żewġha u dik friska ta’ binha titkellem iktar dwar ommha milli dwarhom? Grasso
jinsisti ħafna fuq l-importanza ta’ din ir-rabta speċjali bejn l-omm u l-bint.
Interessanti l-parti ta’ omm il-protagonista, l-aktar meta tieħu r-rwol ta’
investigatur biex tipprova titkixxef dwar min seta’ qatel in-neputi tagħha.
Meta r-rakkont jibda jinħass qed jitwal bla bżonn u n-narrazzjoni tibda
tgħajjik, Grasso jintroduċi żvilupp narrattiv ieħor li jaħsad u b’hekk jerġa’
jixgħel l-interess tal-qarrej li għal waqt qasir jista’ jkun batta. Fil-finali
mhux mistenni Grasso jinkludi l-element tas-sopranaturali u jfakkar li “hemm
awtorità oħra li taħkem fuq kollox u fuq kulħadd.” (p. 121)
L-aħħar rakkont huwa Ir-Raġel ta’
Novembru. Hu miktub fl-ewwel persuna singular. Il-“jien” hawn hu Judy ta’
23 sena. Jinqasam f’żewġ partijiet:
fl-ewwel parti hemm l-istennija, ix-xewqa u l-laqgħa; fit-tieni parti naqraw
dwar il-bidu tar-relazzjoni, u wara l-kixfa ta’ ħwejjeġ mhux daqstant sbieħ.
Anki hawn hu preżenti l-motiv tal-familja u r-relazzjonijiet umani. Anki hawn
strutturalment Grasso jiftaħ bħal rakkont sekondarju ġor-rakkont ewlieni, ġieli
anki iktar. Grasso ma jiddejjaq xejn jikxef l-irkejjen imdallmin u koroh tan-natura
umana. Mill-ġdid ir-rivelazzjoni li taħsdek hija merfugħa għall-aħħar linji
tar-rakkont, rivelazzjoni li żgur tintrabat mal-istess titlu.
Għal darb’oħra f’Mejt Grasso jħaddem
stil ta’ kitba li jaħkmek u jimbuttak tkompli taqra bla heda, bi djalogi
mexxejja u ritmu naturali. L-għajn ta’ ispirazzjoni huwa t-tiġrib tal-ħajja
tal-bniedem (jinsab fejn jinsab, Malta jew barra minn xtutna) ta’ kuljum.
Grasso mbagħad jaħsad anki permezz ta’ frażi qasira, ta’ atteġġjament jew ġest
partikolari li jġiegħel lill-qarrej jibda jiddubita mis-sabiħ tas-sitwazzjoni
li jkun għadu kemm ippreżenta u b’hekk joħloq sens ta’ stennija. Anki hawn
għandna rakkonti fejn fiċ-ċentru u taħt lenti għarriexa titqiegħed in-natura
umana biex b’hekk Grasso jurina li jaf sewwa minn x’inhu magħmul il-bniedem (ruħu,
qalbu, il-psike tiegħu) bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu, bil-punti b’saħħithom u
bid-dgħjufijiet tiegħu. Permezz tal-kitbiet ta’ Anton Grasso niskopru kemm dak
li jidher għax fil-wiċċ, imma iktar u iktar dak li hu fil-fond, moħbi u ma
jidhirx. Huwa lejn dan li Grasso jimmira u li b’sengħa kbira jikxef permezz
tal-kelma, tad-deskrizzjonijiet u tad-djalogi li jinseġ. Li hu żgur li min
jaqra r-rakkonti ta’ Grasso qatt ma jista’ jserraħ rasu u jieħu nifs ’il ġewwa
lanqas għal waqt qasir.
Patrick Sammut