Kull bniedem matul ħajtu jgħaddi minn ċerti esperjenzi partikolari li wħud minnhom donnhom jibqgħu stampati f’moħħu aktar minn oħrajn. Iżda mhux kull bniedem kapaċi jintebaħ b’dawn il-leħħiet li jolqtuh ġieli bħal sajjetti fil-bnazzi. Irid ikun poeta biex dak li jgħaddi minnu jġorru miegħu għal numru ta’ snin, jekk mhux ukoll għal għomru. Dan aktarx minħabba s-sensibiltà li l-poeta għandu magħġuna miegħu.
Ġa
rajna lil Patrick Sammut jikteb f’oqsma oħra tal-letteratura. Rajnieh kemm bħala prożatur, kritiku, saġġista
u anki poeta. Ma ninsewx is-sehem li
Sammut ta fit-tmexxija tar-rivista Versi
(Leħen l-Għaqda Poeti
Maltin). Illum huwa l-edftur tar-rivista
virtwali Il-Pont. Permezz ta’ Dr Andrew
Sciberras ftit ilu wasal f’idejna ktieb voluminuż li jħaddan għadd ta’ kritika
ta’ kotba li għaddew mill-iskrutinju t’ dan il-kittieb.
Issa waslet il-Ġabra poetika tiegħu bl-isem Leħħiet. Ġabra li tħaddan mal-40
poeżija minsuġin bejn l-2012 u l-2020.
Bħala kittieb Sammut huwa osservatur ta’ dak kollu li jseħħ madwaru, kif
ukoll ħassieb dwar dak li jara quddiemu jew li jkun għadda minnu. Ngħid għalija
l-aktar li laqatni f’din il-Ġabra hija s-sinċerità tal-poeta. Dak li jħoss li għandu jgħidu, jgħidu bla
tlaqliq u mingħajr tidwir mal-lewża.
Donnu ftakar fil-qawl Ċiniż li
il-poeta għandu dejjem jgħid il-verità.
Il-kritika tal-poeta hi r-ritratt ta’ dak li jkollu quddiemu; hi
frott ix-xewqa għas-sewwa. Mhix kritika
distruttiva, imma pjuttost kostruttiva. Fil-fehma tiegħi f’dan il-każ, kollox
hu bbażat fuq żewġ kelmiet: iż-żmien
u l-imħabba. It-tnejn huma importanti fil-mixja li
l-bniedem jagħmel fuq din l-art.
Id-dimensjoni tal-żmien tgħinu jħares lejn
il-preżent bħala l-aktar importanti. Dan
ifisser li Patrick Sammut iħossu kuntent bil-preżent li għaddej minnu? It-tweġiba jagħtihielna f’diversi poeżiji
bħal L-Olokawst tas-Siġar, U Ġġarrfet it-Tieqa u Le Norqod; kollha versi li
jikkundannaw il-qerda tal-ambjent li qiegħda sseħħ f’pajjiżna quddiem poplu xurban, poplu li jibqa’ passiv u
sieket quddiemha. Hawn tidħol il-poeżija
satirika Fuq dan l-Iskoll.
Dan donnu jimbotta lill-poeta biex imur
lura fiż-żmien. Dikment jinbet fih sens ta’ nostalġija għall-imgħoddi. Versi bħal Ma baqa’ Xejn, Mena f’Tarf
l-Isqaq, Ħsieb Innoċenti tal-Ħadd Imxarrab u Xi darba l-Blata kienet Bajda, kollha
jitfgħu dawl fuq l-għażla ta’ Sammut bejn ilbieraħ u llum. L-istess jista’ jingħad għall-mod kif
iħares lejn il-qagħda preżenti tal-Kapitali ta’ pajjiżna, li jseħilha Belt muġugħa għall-qagħda li tinsab
fiha.
Patrick ma jonqosx li jikkundanna
l-ipokresija li ssaltan fost uħud mill-poplu tagħna (1984 + 33). Huwa jirreferi
għall-ktieb 1984 tal-awtur ċelebri
Ingliż George Orwell (1903-1950). U dan
kollu hu effett tal-ġirja sfrenata għall-voti tal-politikanti ( Aħmar Demm u Iswed Dlam). Effett ukoll
għax il-poplu tagħna warrab il-valuri tal-imgħoddi u ntilef wara l-aħħar alla l-ġdid
li ħoloq hu stess: Il-Flus!
Sammut jemmen sħiħ fl-imħabba. Imħabba f’sens wiesa’ tal-kelma. Forsi dan jidher l-aktar fit-telfa ta’ ommu u
ta’ zitu li trabba magħha. Il-versi Għalik,
Posti Ħdejk, Tifkira u Tifkira 2 u Gallarija
Mixgħula ifissru dan il-ħsieb b’mod ċar ħafna. Imma l-imħabba ddur ukoll lejn martu (Mingħajrek), lejn il-poplu Palestinjan (Fil-Bitħa ta’ Gaża) u lejn kulmin qed
ibati. Bir-raġun kollu huwa jistenna
żmien aħjar (Rebbiegħa Splużjoni) kemm għalih kif ukoll għal uliedu.
Patrick Sammut f’din il-Ġabra jħaddem il-vers ħieles
ħlief f’xi żewġ poeżiji biss. Il-messaġġ
tiegħu jipprova jwasslu b’mod ċar, ir-ritmu tal-vrus hu limitat ħafna. Naturalment għax hekk titlob il-poeżija
moderna. Il-Malti hu sabiħ bla użu ta’ kliem stramb jew mhux użat.
Il-ktieb għandu wkoll numru ta’ disinji
marbutin ma’ wħud mill-poeżiji. Dan
barra żewġ Studji Kritiċi minn Ċisju Zarb u Andrew Sciberras. Jinkludi wkoll bijografija dettaljata
tal-poeta u kummenti qosra ta’ Flores, Friggieri u Briffa.
Min hu interessat jakkwista kopja ta’ din
il-Ġabra poetika miġbura fi ktieb ta’ daqs ħelu u bi preżentazzjoni sabiħa
jista’ jikkuntattja lill-awtur fuq dan l-Email: sammutpatrickj@gmail.com
ALFRED MASSA