L-OM, li hi sillaba mistika li tippermea dawn il-poeżiji. Il-kelma tagħti ħajja lil min m’għadux fiżikament ħaj. Dawn huma poeżiji tas-‘silenzju’. Dawn li ġejjin huma xi naħiet aktar speċifiċi ta’ dawn il-poeżiji.
Om il-Vers Waħdieni
li jberraħ għal dejjem
l-Univers
(Om p. 12)
Imma, inkompli biex ngħid, li l-aħjar mod kif wieħed jintuwixxi poeżiji, jew forsi aħjar qagħdiet mistiċi ta’ dan it-tip hu billi wieħed iħallihom jidħlu fih, f’mument ta’ kontemplazzjoni. B’hekk, darba waħda wieħed jiffiltra dawn il-ħsus, emozzjonijiet, qagħdiet mentali, riflessjonijiet u jaħrab saħansitra wkoll lil hinn mill-kostrutt-lingwa, ikun jista’ aktar jieħu u jixrob minn miljithom. Lil hinn mill-kulturalità li sawrithom, u l-‘erudità’ ta’ min kitibhom u ta’ min ittraduċihom għal ilsienna, hemm spirtu li miegħu aħna nistgħu nissieħbu u f’dan il-proċess, aħna nkunu nistgħu nibnu lilna nfusna mill-ġdid, u nsawru lilna nfusna skont din il-medettività. Għax, hawnhekk m’għandniex id-discourse ‘poetiku’ ta’ min irid li jkun id-didattiku dirett, imma dak li jrid jaqsam ruħ ma’ ruħ, spirtu ma’ spirtu, skont tradizzjoni li rebħitu, sawritu u fasslitu. Il-kelma tiegħu tittraxxendi saħansitra lill-istess kelma. U l-ispirtu jirbaħ, biex b’hekk aħna nkunu nistgħu ninbarmu embrijuni fina nfusna u f’eternità kożmika nagħrfu l-ġmiel fil-ġmiel tal-ġmiel ta’ din l-uniżjoni tagħna mal-infinit.
U dan jidher sew minn dawn il-‘qagħdiet-riflessivi’, li jiena se nirriproduċi, hawnhekk, għaliex nemmen, li atti/istanti-illuminanti ta’ dan it-tip, ma jinħtieġu l-ebda kritiku, imma jinħtieġu biss, preżenza li tippreżenza ruħha fl-istess att kontempallativ. B’hekk isseħħ il-bidla. B’hekk isseħħ l-illuminazzjoni interna. U lil hinn minn kull konxjożità jew erudità ta’ espressjoni, il-meditazzjoni u l-kuntemplassjoni jwasslu biex wieħed jilħaq stat li mhux lakemm jinftiehem jew jiġi spjegat bil-kliem. Il-kliem isir superfluwità, li jinħtieġ li jitneħħa minn dan l-att daqshekk intimament u intrinsikament kożmiku. Il-waħdiżmu/it-twaħħid tal-esseri-ruħ mal-vastità eterna li tippermea ħajjitna. Dak l-att li jittraxxendi kull att ieħor.
U dawn huma xi ftit mid-dawliet—tidwil-dawl li nsibu hekk kif nissieħbu f’dawn l-illuminazzjonijiet.
Issa, sadattant ejjew nisimgħu x’kienet tgħid Amma, il-‘vuċi poetika’
tal-esseri-poeti ta’ ġo fina, u naraw jekk din iġġibx it-tasformazzjoni fina:
Amma dejjem kienet tgħid:
Kull darba, hu min hu ma’ min tiltaqa’
ftakar biex dejjem lilu tilqgħu
b’wiċċ jitbissem
u b’idejk mitnija
Jien kont inwieġeb lura:
Dak kollu li hemm bżonn ngħid hu “Sliem”:
Allura, għaliex il-bżonn
Is-sinċerità u l-onestà huma ‘perpetwi’ f’din in-‘narrattiva’, jew aħjar qagħda-kostanti ta’ meditazzjoni-trasfigurattiva, kif jidher sew minn din l-inġunzjoni:
Ħobb lilek innifsek
Billi tkun onest miegħek innisek
Tgħaġġilx biex tirreaġixxi
Għall-ewwel antiċipa u wara kkontempla
U mbagħad wieġeb
Imxi fit-triq it-tajba
Kun kuntent,
Ikseb is-suċċess. (p. 20)
U t-talb, f’din il-qagħda ta’ spiritwalità mġarrba fil-qiegħ nett ta’ ruħna jikseb ġmiel qagħditu u jinstema’ jwieġeb il-mistoqsija hu nnifsu, permezz tal-figura mitika ta’ Amma:
Itolob dejjem
Kif titlob? Kont nistaqsi
Amma kienet tispjega:
Bħala fittiex, billi taċċetta l-injoranza
ta’ min ma jista’ jagħmel xejn, il-ħlejjaq mortali
li jirraġunaw ma jistgħux jagħmlu kollox
(Għaliex titlob? p. 28)
U l-irrakkuntar fuq Amma jibqa’ jippermea dal-fluss poetiku kreattiv –
l-anima tar-ruħ – l-arketip li jsostni lill-ispirtu. U fil-flus tar-rakkont,
il-‘vuċi poetika’ tgħid:
Amma kienet tgħaddi
ħafna ħin
magħna..
Meta jien, ħuti
u l-kuġini tiegħi konna
qed nikbru, darba waħda
matul il-laqgħa estiva, Amma
ħarġet b’idea.
Qalet:
Agħlqu għajnejkom
Ġibu quddiem għajnejkom l-ilma
Ikkonċentraw
...silenzju
pawsa qasira ...
Issa rrakkontaw
esperjenzi qosra
flussi ta’ immaġni
Jal, Ilma, għatx,
sħab, leħħiet, ragħad,
xita, raxxa, nixxiegħa,
fawwara, bir, lag, għadira,
xmara, ħut, fkieren, għawm,
diga, għargħar, oċean...
Iva, tinħasel,
taħsel, issajjar,
tnaddaf, indafa, ħwejjeġ maħsula...
[...]
U jien waqaft...nifsi maqtugħ
(Kelma, p. 41)
Sadattant, madankollu ma jonqosx li jkollna noħorġu mill-fosdqa u ninnutaw li fid-dinja tal-madwar hemm il-problemi. Hemm il-pandemiji. Hemm il-beżgħat, imma fil-qiegħ tal-att poetiku tibqa’ ‘il-vuċi’ – l-Amma li tidwi u tirbombja bis-sliema tagħha l-att redentiv:
Sa minn mindu Corona
għolla rasu spettrali
għal żifna kerha
b’melodiji ta’ diżordni kbir,
kawża ta’ mewt u taħdwid,
kulħadd hu anzjuż.
[..]
Nisma’ lil Amma tirrepeti:
Ħobb lilek innifsek
Billi tkun sinċier miegħek innifsek.
(Fejqan, p. 51)
U f’dan il-proċess kollu, hemm il-ħajr, l-iżżiħajr tal-għajxien ġo ruħna. Tas-sliem. Fi sliem. Fi sliem;
Illum
jum mill-isbaħ
li ma ssibx bħalu
Jiġbor fih
it-tkomplija
u l-fraġiltà tal-ħajja
Jagħti opportunità
oħra biex napprezzaw
dak li hu quddiemna issa
Jixhed li m’hemmx
raġuni aħjar
biex tesperjenza l-ħajja
(Illum p. 72)
Jiġri wkoll, madankollu li d-discourse diskursiv jirbaħ fuq l-att poetiku nnifsu, u l-konjizzjoni konverżazzjonali tal-irraġunar tħabbat nozzjoni ma’ oħra biex ‘tirraġuna’, din id-darba, dwar il-mistiċita fiha nnifisha:
Il-Mistiku
Dak li jħobb jaqra ħafna jistgħu jaħarbulu
it-tifsiriet moħbija tal-kliem
miktub jew imlissen;
Il-mistiku jisma’ s-silenzu
Reazzjonijiet ta’ malajr u bi preġudizzju
joħorġu b’xejn
mingħand kritiċi taparsi;
Il-mistiku jibqa’ kalm
L-egoist jeħtieġ jargumenta
b’mod feroċi biex isostni punt
filwaqt li jaħbi l-ħtija u r-regħba;
Il-mistiku jitbissem b’mod għaqli
(Il-Mistiku p. 94)
Waqtiet tinsema’ wkoll il-vuċi tad-direzzjoni, li tgħidlek biex inti ‘iċċedi’...iċċedi għal ġmilijiet li huma sovrani – u li qegħdin hemm biex isostnuk:
Ċedi bl-umiltà kollha
lix-Xhud ġewwieni
l-uniku Sovran
mingħajr tfixkil
u bla inkwiet ta’ xejn
bħala l-kunċett etern
ta’ indipendenza
(Indipendenza p. 106)
U b’dan il-mod aħna nibnu l-ġenna u l-infern tagħna ġewwa fina – ġenna u infern li aħna għandna s-saħħa li nibnuhom, darba waħda nagħrfu nintelqu f’din il-kożmiċità eterna, li fiha aħna nissieħbu mat-traxxendent u niksbu uniżjoni li fiha aħna nsiru l-illuminazzjoni perpetwa.
Kemm il-ġenna u l-infern
huma eki u xbihat
li jikxfu t-temperament
tal-karattru ta’ dak li jkun
(Ġenna u Infern p. 118)
Quddiem dawn l-istanti trasfiguranti, il-poeżija ma tibqax is-sempliċi kostrutt lingwistiku li jiddibatti u li jiddelibera, imma l-att purgattiv li jsostni lill-ispirtu, f’meditazzjoni li ssostnina u li tagħti lir-ruħ tagħna enerġija kożmika. Il-meditazzjoni u aħna ninħallu f’xulxin u ma’ xulxin, biex b’hekk nittraxxendu l-waqt u ngħixu. U ngħixu. U ngħixu f’qiegħ il-ġmiel tas-sostenn etern.
Nagħlaq billi niżżiħajr lil Patrick J. Sammut, għalliem u kittieb ħabrieki,
li jagħraf b’mod konsistenti u insisteni jsostnina bi ġmilijiet ta’ dan it-tip,
u li jagħraf ukoll imexxi u jibni librirerjarità ta’ dan it-tip. Il-qasam
tal-letteratura Maltija għandha tkun grata lejh u ħidmietu.
KITBA TA' TARĊISJU ZARB