Saturday, March 24, 2012

SANTWARJU - Ġabra poetika ta' Joe Saliba mill-Awstralja (2011)


L-aħħar darba li stajna ngawdu mill-poeżija ta’ Joe Saliba mill-Awstralja kien fis-sena 2009 bil-ġabra poetika tiegħu ULURU (fejn ġabar poeżiji miktubin bejn l-1997 u l-2008). Hemmhekk inħass tajjeb il-livell spiritwali, flimkien ma’ ħsieb profond, sengħa fit-tħaddim tal-kelma Maltija, u mħabba kemm lejn Malta kif ukoll lejn l-Awstralja. Is-sena 2011 rat ġabra ġdida ta’ poeżiji mill-pinna ta’ Joe Saliba: SANTWARJU tiġbor fiha 65 poeżija ta’ stil differenti, 45 ħajku u talba maqluba għall-Malti mill-oriġinal ta’ Louis MacNeice. Dan kollu, flimkien ma’ taqsima qasira lejn l-aħħar fejn Saliba jiġbor għadd ta’ kummenti kritiċi li sarulu dwar il-poeżija tiegħu, miġbur fi ktieb ta’ 72 paġna. Għalkemm il-poeżiji kollha huma datati, mhumiex ippreżentati f’ordni kronoloġiku: l-eqdem waħda tmur lura għall-1985, oħra għall-1986, imma bosta nkitbu fis-snin ’90, bil-parti l-kbira wlied il-millennju l-ġdid.

Tematika:

Bħal dejjem, fil-poeżija ta’ Saliba naqraw il-versi tar-reazzjoni kontra ħwejjeġ li lill-poeta ma jogħġbuhx. Huwa jikteb kontra min irid is-sewwa biss għalih u jemmen li għal dan mhemmx maħfra (L-Għanja tal-Barrani). Armar hija poeżija qasira dwar is-soċjetà tal-lum li għadha tadura “l-għoġġiela tad-deheb”, minkejja li dan mhux fid-deher. Dwar il-millennju l-ġdid Saliba jiddubita u juża s-sarkażmu (kontra l-idea li l-millennju l-ġdid se jbiddel xi ħaġa fejn jidħlu n-nuqqasijiet tal-bniedem dwar dmirijietu lejn il-proxxmu mweġġa’ f’ħafna oqsma tal-ħajja), u minflok jiftakar fid-dgħajjef – “ir-refuġjati, il-ħabsin, l-iltiema, ta’ bla xogħol, ta’ bla dar, u l-fqar” – u jsostni li għalih ftit hemm tama. Il-poeżija Nero hija dwar il-batut, jew aħjar dwar kelb li “għandu min-nies.../ iħobb lill-proxxmu” u “jibda jingħi fit-tul/ bħallikieku qed ibati/ mal-batuti.” Ironikament hawn l-annimal għandu mill-bniedem ħanin. Il-poeta jikteb ukoll dwar in-nuqqasijiet marbutin mal-ġurnaliżmu partiġġjan:
“Kummenti bla rażan,
m’hemmx tmiemu t-tmaqdir,
ilsienhom bla ħajta,
u ftit it-tifħir.” (Kummentarju)
Bħall-Ħaxixa tas-Saqqijiet huma versi politiko-soċjali li fihom Saliba jistaqsi kemm verament inbidlet is-sitwazzjoni ta’ Malta minn żmien l-imgħoddi (taħt it-theddida tat-Torok u n-Nażisti, u l-ħakma tal-Ingliżi) għal issa (wara li saret parti mill-Unjoni Ewropea)?
F’Kukkanja jikteb dwar il-maskri u l-klikek. F’Kaldarun Saliba jingħaqad mal-bqija tal-umanità li tiġġudika lill-proxxmu u jistqarr li, “Eluf ta’ Salamuni/ sirna niġġudikaw/ minn taħt ħotobtna ’l-proxxmu,/ lilu nikkalpestaw”, u li “Kollha wiċċ wieħed għandna/ bit-tebgħa ta’ Kajjin”. Nuċċali Skur hija ispirata minn eklissi, imma fl-aħħar mill-aħħar titkellem dwar iż-żwieġ fost il-bnedmin. Saliba jistħajjel “lix-xemx u ’l-qamar/ jagħtu ċ-ċurkett,/ u b’kuruna għammiexa,/ xhieda ta’ mħabbithom,/ iħabbru/ l-għerusija.” Minkejja l-istħajjil fertili tiegħu Saliba qatt ma jitbiegħed mir-realtà: “fhimt u ndunajt-/ għax issa drajna/ naraw l-istess/ fid-dinja tal-bnedmin -/ illi dak in-namur/ u miegħu/ it-tnidija/ ma jwasslu qatt għaż-żwieġ.” Dwar l-imħabba li mhix eterna hija wkoll Dewbien.
Saliba jikteb ukoll dwar aspetti marbutin mad-dinja moderna: f’Kurituri naraw lill-poeta l-ħin kollu għaddej, bla mistrieħ. Imbagħad jikteb li bejn it-twelid u l-mewt hemm il-paradoss assurd, “Realtà Virtwali!”. Naraw lill-poeta bħala l-osservatur akut, anki tal-irkejjen moħbijin fil-bniedem fejn jistaħba l-ħażen. Tsunami hija dwar id-dinja instabbli tal-kummerċ u l-investiment, imma anki dwar il-vulnerabbiltà tal-bniedem komuni.
Fost il-poeżiji ta’ Saliba nsibu wkoll l-eleġija bħal Inti ma Tlaqtx iddedikata lil poeta Malti emigrant ukoll, Baldass Armato, li miet fis-snin disgħin. Tinħass sewwa l-idea tan-“non omnis moriar” bis-saħħa tal-versi li l-poeta jħalli warajh. Hemm ukoll is-sens ta’ identità Maltija, minkejja li Saliba ilu snin twal fl-Awstralja: “tissokta tgħix madwarna/ sal-aħħar qatra demm tagħna l-Maltin.” L-eleġija naqrawha wkoll f’L-Arloġġ mal-Ħajt tal-Isptar: ’il bogħod mill-maħbuba tiegħu l-poeta jħoss li madwaru fadal biss “lejl twil” li ma jgħaddi qatt. L-eros u t-thanatos (mela l-imħabba u l-mewt) hawnhekk jintrabtu flimkien bħalma spiss jagħmlu fil-letteratura u fit-tiġrib tal-ħajja. Il-versi tal-imħabba jinqraw ukoll fi Ħsieb mas-Sebħ: “Int biss/ tqajjimni.../ Int biss/ tħeġġiġni noħlom fuq dil-karta.”
Dwar aspetti differenti ta’ tiġrib il-ħajja hija l-poeżija Kalibrazzjonijiet: Saliba jikteb dwar l-imħabba, il-ġmiel, is-sewwa, il-fidi, it-tama u l-qlubija fuq naħa, u dwar il-vendetta, il-mard, l-uġigħ, in-niket, l-għira u l-mibegħda fuq l-oħra. L-esperjenza u l-kuxjenza juru lill-bniedem kif iġib ruħu quddiem dawn kollha. Hemm ukoll l-għarfien li joffri tama lill-poeta (ara L-Għarfien Jagħtini l-Almu).
Il-poetika hija tema oħra importanti f’SANTWARJU. F’Insonnja Saliba jikteb “Ma nistax nifhem kif qatt stajt ninfatam/ minn dak li nħobb u ngħożż – il-poeżija.”
Anki t-twemmin bħala tema huwa rikurrenti f’din il-ġabra poetika ġdida. F’L-Għarus Tiegħi Saliba jistaqsi x’inhu t-twemmin veru? Platonikament jistaqsi jekk huwiex id-dell li bosta jaraw jew ix-xemx, mela l-verità. Fi kliem il-poeta stess, “Il-poeżija L-Għarus Tiegħi ridtha tkun manifest ta’ twemmini fil-miġja lura ta’ Kristu biex isaltan fuq id-dinja meta jkun magħdud bħala l-għarus ta’ dawk kollha li jagħmlu parti mill-ġisem tal-għarusa tiegħu, inti u jiena, kif tgħallimna l-Iskrittura.” Relikwi hija poeżija li nkitbet b’ċertu kuraġġ. Saliba jikteb, “nemmnu fl-għama,/ jew mgħammdin għall-aħħar,/ bla ħsieb ta’ xejn insibu lil twemminna/ li fuqu mxejna u li fih intlifna/ qed jixwi lilu nnifsu fiż-żejt moqli”, biex wara jtemm il-poeżija hekk: “Ma nażżardax nibni l-għarix/ fuq art taflija.” Versi simili jinsabu f’Il-Ġenna Garantita: Saliba jikteb dwar l-ipokrisija ta’ min iqis ruħu qaddis miexi fl-art. Hemm min b’ilsienu jweġġagħ lil Alla u fl-istess ħin bih iweġġa’ lin-nies. Dwar l-ipokrisija hija wkoll Profanità.
Quddiem dan kollu però Saliba jesprimi l-umiltà tiegħu: “U jekk xi darba kont għasfur, emmnuni,/ aktarx kont bilbla u mhux tajra tal-priża”, b’din tal-aħħar simbolu ta’ dawk li “jħobbu l-fama u l’huma superjuri”.
Kopji hija dwar il-bidu li hemm fit-tmiem u dwar il-bidu li fih hemm it-tmiem inevitabbli. Din hi l-assurdità tal-ħajja, mifhuma anki bħala “logħba tal-ażżard” f’Kefef.  L-għarfien tal-inevitabbiltà tal-mewt naqraw dwaru f’Billejl fil-Masġar li m’Għadux. Fi Skont kif Joħduha Saliba jsemmi erba’ atteġġjamenti differenti quddiem l-aħbar tal-mewt fuq dak li jkun: ix-xħiħ, il-ħassiebi, il-beżżiegħi u l-qalbieni. Il-mewt taħkem ukoll f’Turġien: “għax minn fuq daharna/ għad jgħix id-dud bl-eluf u jibqa’ jiekol/ u jgerrem darna wara li jġorruna.” Dawn huma versi twissija kontra l-kburija, anki jekk fil-preżent nidhru b’saħħitna. Għandna nagħrfu l-mewt bħala d-destinazzjoni aħħarija.
Hekk, f’dal-Pajjiż hija poeżija li tittratta r-realtà soċjali fl-Awstralja fejn jaħkem il-multikulturaliżmu:
“Fl-isqaq fejn noqgħod b’nies ta’ ilsna mħallta
-bħal Grieg, Kroat, Ingliż, Għarbi u Ċiniż –
barra nsellmu ’l xulxin, ’mma ġewwa darna
kulħadd għal affarih... Hekk, f’dal-pajjiż!”
Saliba jikteb dwar realtà Awstraljana oħra f’Intermezz ambjentali: din id-darba jittratta d-diżastri naturali bħall-għargħar u l-foresti li ta’ kull sena jinqerdu bin-nar.

Stil:

Fil-versi tiegħu Saliba jħaddem forom kemm tradizzjonali kif ukoll moderni. Hemm il-kwartina bir-rima mqabbża, l-epigramma, il-vers riflessiv tal-endekasillabu, il-vers maħlul, u r-ritmu mexxej tas-senarju. Hemm drabi meta taħkem is-sottilità (fejn il-qarrej irid jifhem dak li jingħad minn taħt), drabi oħra jaħkem il-messaġġ dirett. Xi drabi Saliba jqiegħed l-endekasillabu u s-settenarju fin-nofs bejn sura tradizzjonali u moderna bħalma jiġri f’Insonnja. Dan jirrifletti n-natura tat-tema ttrattata: il-ħolm, jew id-dinja surreali, li spiss il-poeta jsib ruħu fiha matul l-iljieli meta ma jkunx jista’ jorqod. Il-ħolm u r-realtà jerġgħu jispikkaw f’Ir-Raddiena tal-Inxir.
It-ton sardoniku jinħass f’Billejl fil-Masġar li m’Għadux fejn Saliba jikteb:
“Mela nistabar billi nfittx lill-Maġi
mal-kwiekeb jivvjaġġaw fuq l-iġmla tagħhom
sejrin lejn arthom, sabiex forsi jfeġġu
u jħalluni għal ftit insaltan magħhom.”
Mill-ġdid it-ton sardoniku jinsab f’Mill-Knejjes għall-Pitkalija. Saliba jistaqsi kemm hu sinċier it-talb tal-fidili? It-talb hawn huwa mqabbel ma’ muniti li nużaw biex nixtru dak li rridu. Il-botta kontra riti u reliġjonijiet superfiċjali li fir-realtà huma pagani tinsab ukoll f’Wiċċ Jo’ Rġejjen.
Żgur li permezz tal-versi tiegħu Saliba jrid jgħaddi messaġġ. Għalih mhemmx kantunieri: li hu abjad abjad, u li hu iswed iswed. Hekk pereżempju ma jiddejjaqx jikteb f’Minn Taħt l-Art id-Demm Jitkellem li, “Għax il-qalb hi biċċa laħam/ li tippompja d-demm fil-ġisem;/ ma tafx tħobb, tobgħod, titmasħan,/ ma tafx taħseb, tqis jew tifhem.”
L-ironija tinħass diġà fit-titlu tal-poeżija, Dijadema: hija dwar il-psewdo-filantropiċi li jagħmlu dak li jagħmlu biex jidhru u bħala “reklam għad-ditta”. Hemm ukoll l-awto-ironija. F’Naqal Saliba jidħaq bih innifsu issa li sar jinsa malajr. L-awto-ironija terġa’ f’Kakofonija fejn Saliba jikteb dwaru nnifsu bħala bniedem li ddgħajjef fiżikament u miexi “bil-pass il-pass lejn” tmiemu. Jagħlaq il-poeżija hekk:
“Xi ħaġa stramba din:
għannej b’qalb mingħajr ritmu,
poeta li għalkemm żamm l-armonija
ta’ dawn il-vrus, qalbu kakofonija.”
Xi drabi però Saliba jaf inissel ukoll tbissima fil-qarrej. Hekk jagħmel f’Armi Konjugali fejn jikteb dwar it-tlajja’ u l-inżul tar-relazzjoni konjugali. Hemm imbagħad il-poeżija bħala esperiment divertenti fejn Saliba jimmaġina dinja fejn kollox jinqaleb ta’ taħt fuq (ara Psikoversi).
Fuq in-naħa l-oħra hemm ukoll versi sempliċi li jfakkru fir-ritmi u fl-ispiritwalità ta’ patri Marjanu Vella (ara Kif Wegħedtni Ġejt Quddiemek).
Anki fil-qosor u l-konċiżjoni tal-ħajku hemm spazju għal-logħob bil-kliem. Dan narawh f’eżempji bħal, “Żammejtlek idek/ xħin qsamna t-triq flimkien/ b’qalbna maqsuma”, jew “Mill-pjaga mberrħa/ fil-pjiegi ta’ ħajjitna/ ħerġin il-friefet”, jew “Ħarist madwari./ Għax bdejt nixjieħ nitfixkel/ bejn żîna u żina”, jew “Miet biex joħtbilna/ minn fuq il-Ħotba u aħna/ ħatab għal dahru”. Saliba jilgħab ukoll bl-alliterazzjonijiet f’eżempji bħal, “Saċ-ċedru jċedi/ taħt minġel it-tajfun/ għax l-għoli l-agħar”, jew “Bi bwieti mnittfa/ senduqi ma jserdaqx,/ bast’ għadni nqaqi”, jew “Ma’ darna kollha/ kull kamra mhix komuni.../ għandha ġrajjietha.” Hawn għandna mhux biss il-poeżija li tfisser imma anki dik li tinstema’.

Tal-aħħar:

Is-saħħa ta’ Saliba qiegħda fil-poeżiji konċiżi. Għalkemm qosra, jieħdu ħafna iktar ħin biex wieħed jiddiġerixxihom. Iħalluk tistaqsi, tħabbel rasek, tipprova tifhem u tfittex dak li jrid jgħid il-poeta. Hemm ukoll is-sinċerità diretta ta’ Saliba li xi drabi teħtieġ ukoll kuraġġ għax taf iddarras lil ċerti qarrejja. Forsi hu minħabba f’hekk li f’Imqass jikteb, “l-agħar jien bi lsieni mqass”. Fuq kollox ma ninsewx li Joe Saliba huwa wieħed minn dawk l-ilħna li tbiegħdu kemm spazjalment kif ukoll temporalment mill-gżejjer Maltin, imma li għadhom jgħannu b’ilsien art twelidhom. SANTWARJU għalhekk huwa eżempju ħaj ieħor tal-letteratura Maltija li qed tiġi miktuba llum lil hinn minn art tweildna. Id-demm qatt ma jsir semm.

Patrick Sammut


No comments:

Post a Comment