Sunday, November 6, 2011

Aktar ġabriet ta' poeżija ġodda

  • Meta tkellimni hi... ta’ Therese Pace hija ġabra poetika li għadha ħierġa mill-forn. L-ewwel ġabra poetika ta’ Pace kienet Arpeġġi (2003) li kienet rebħet l-ewwel premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għas-sena 2004. Fl-2009 ħarġet il-ktejjeb ta’ poeżiji bit-Taljan, Sfumature. Meta tkellimni hi... għandu daħla kritika mill-Prof. Charles Briffa. Therese Pace hija waħda mill-vuċijiet poetiċi femminili ewlenin fil-preżent. Favurha għandha t-tħaddim ta’ Malti mirqum, inkluż Malti arkajk u anki Malti aktar modern, flimkien ma’ xbihat mill-isbaħ u oriġinali għall-aħħar, u ritmi mexxejja u naturali. Fil-“Kelmtejn Qabel” Pace tikteb: “It-tema prinċipali f’din il-ġabra hija r-relazzjoni fid-diversità tagħha, dik tal-poeta miegħu nnifsu, dik intima ta’ bejn il-koppja, dik bejn ġenituri u wlied, bejn iċ-ċittadin u l-patrija, ir-relazzjoni tal-preżent mal-passat u mal-futur kif ukoll tal-poeta man-natura u l-ambjent.” Apparti dan hemm temi sekondarji oħra bħat-tama, il-protesta, id-diżillużjoni, l-ambizzjoni, l-umiltà, is-senswaliżmu u l-imħabba. Il-versi ta’ Therese Pace huma garanzija ta’ poeżija awtentika.

  • Spiral ta’ Joe Saliba hija t-tieni ġabra poetika tiegħu wara Vjaġġ (1995). Dan huwa ktieb ta’ 170 paġna li jiġbor fih mal-133 poeżija u mitejn ħajku li l-poeta kiteb mill-1995 ’l hawn. Il-ġabra għandha wkoll żewġ daħliet kritiċi, waħda tal-Prof. Joe Friggieri u l-oħra tar-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott. Joe Saliba għażel li jaqsam din il-ġabra f’erba’ partijiet ewlenija: 1. “Passejn lejn il-Pietà u lura”; 2. “Passejn fil-ġnien tal-Mulej”; 3. “Spiral”; u 4. “Ħajku u mitejn oħra”. Il-qarrej ta’ SPIRAL mill-ewwel jinnota li fil-versi tiegħu Saliba jorbot l-aspetti tradizzjonali ma’ oħrajn moderni. Il-poeżiji tiegħu huma ta’ tulijiet u forom varji, skond il-lehma tal-waqt. Tonalment m’hemmx rabja fil-versi tiegħu. Naraw lill-poeta osservatur tad-dinja umana u anki tal-kożmos li jdawwarha, u dan f’ambjent fejn spiss jaħkem is-skiet. Temi ewlenin fil-poeżiji ta’ Saliba huma l-imħabba, il-familja, ir-relazzjonijiet differenti, il-poetika, it-twemmin, u preżenzi rikorrenti huma l-baħar u anki x-xbieha tal-ispiral. Hija xbieha li tispiċċa biex kważi tistordi lill-qarrej attent, titilfu minn sensih biex tieħdu fuq vjaġġ lil hinn mid-dinja tal-konxju u tħallih jimraħ waħdu f’labirinti li jkexkxuh xi drabi, imma drabi oħra jgħinuh jagħraf aktar lilu nnifsu, min hu, l-għeruq tiegħu. L-ispiral li jikteb dwaru Saliba huwa anki dak li jitfa’ lill-qarrej fih ladarba jibda jaqra u jifli l-versi tiegħu, versi li għandhom kemm mill-utli, kif ukoll mill-pjaċevoli. Quddiem dan l-ispiral m’għandniex ninħakmu mill-biża’, kif bosta jagħmlu malli jilmħu ġabra ta’ poeżiji. F’dan l-ispiral magħmul minn paġni u kliem wieħed għandu jogħdos bil-garanzija li kif jiftaħ għajnejh għandu jsib baħar ta’ għarfien li għandu jagħmlu iktar għani bħala bniedem bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu.
  • Katarsi ta’ Andrew Sciberras hu ktieb li jiġbor fih 50 poeżija ġdida ta’ dan il-poeta żagħżugħ illum stabbilit. Għandu “Daħla” mill-poeta Achille Mizzi. Dik ta’ Andrew Sciberras mhix poeżija li tpaxxik u sserħek. Anzi hija poeżija li tittikak, tisfidak, twasslek għal uġigħ ta’ ras jekk verament tħalliha ssir ħaġa waħda miegħek u tinħakem mir-ritmi daqqiet ta’ martell tagħha. Huma ritmi li jmorru lura fiż-żmien u jfakkru fit-tnabar tribali, fil-gladjaturi jew fil-ħajja iebsa tal-qaddiefa fuq ix-xwieni tal-Ordni. Sciberras iħaddem ritmi mexxejja u rimi interni u dan jikkontribwixxi biex il-poeżija tiegħu ma tinftiehemx biss imma anki tinstema’. Dawk ta’ Sciberras huma wkoll poeżiji li jissejsu fuq xbihat numerużi li jsegwu waħda lill-oħra. Tinħass ħakma eċċellenti tal-ilsien Malti, anki dak ta’ nisel Semitiku. Min-naħa l-oħra huwa ma jiddejjaqx jesperimenta bi kliem ta’ nisel aktar modern. Anki hawn Sciberras jikteb dwar it-twemmin, dwar kwestjonijiet politiko-soċjali, anki internazzjonali, jipprova jagħti awto-definizzjoni permezz tal-versi tiegħu. Il-poeżija hija wkoll vjaġġ fiżiku, vjaġġ ġewwieni u anki vjaġġ fl-istħajjil. Spazjalment Sciberras jimraħ spiss fl-irkejjen tal-moħħ u tar-ruħ, tal-“jien” (spazji ġewwiena), imma anki f’irkejjen marbutin mal-ġejografija tad-dinja. Achille Mizzi fid-Daħla jikteb hekk: “Kollox ma’ kollox meta wieħed jaqra x-xogħol tal-poeti kontemporanji wieħed ma jistax ma jasalx għall-konklużjoni li l-poeżija Maltija issa tbiegħdet ħafna mill-kitba tal-poeti li faqqsu taħt id-dell ta’ Dun Karm - il-poeti tal-erbgħinijiet u l-ħamsinijiet. Bla dubju ta’ xejn li l-Qawmien Moviment Letterarju tas-Sittinijiet u l-esponenti tiegħu ħallew impatt enormi fuq il-poeti ta’ żmienna, impatt li l-kittieba tal-lum qajla jistgħu jinfatmu minnu. Tisma’ ’l hinn u ’l hawn diwi ta’ motivi, tixbihat, espressjonijiet kif ukoll tagħqid ta’ kliem li mid-dehra daħal fis-subkonxju tal-poeti ta’ żmienna u sar parti mill-wirt letterarju Malti. Ta’ dan Sciberras huwa, flimkien ma’ xi oħrajn minn sħabu, eżempju ċar.”

PATRICK SAMMUT

No comments:

Post a Comment