Monday, June 18, 2012

ĦAJKU TAL-PUNENT – WESTERN HAIKU ta’ Maurice Mifsud Bonnici (2011)


L-isem ta’ Maurice Mifsud Bonnici (Inġinier, minn Ħal Lija) illum mhux wieħed ġdid fil-qasam tal-letteratura lokali. Illum għandu aktar minn 85 sena imma l-pinna tiegħu għadha prolifika tassew. Mifsud Bonnici huwa l-awtur ta’ rumanzi (Gwerra ta’ Mħabba, 2005; Id-Debħa tal-Fejqan, 2020), ta’ ġabriet ta’ novelli (Il-Ħares taz-Ziju Daddu, 2007), ta’ poeżiji bl-Ingliż (In a Nutshell, 1980/1987; Zoomery, 1998) u bil-Malti (Mill-Bikri għall-Imwaħħar, 1996; L-Għanja tal-Limerikki, 2007; Weraq Sfajjar fix-Xagħri, 2009) , ta’ ġabriet ta’ esejs (Kassjopea, 2006), anki ta’ ġabriet bil-Malti u bilingwali ta’ ħajku (Bushido, 2002; Ħajkumanija, 2006) u ta’ riflessjonijiet ivversifikati (Ħsibijiet Ħarkiena/Ardent Pondering, 2011). Huwa fil-fatt membru tal-Għaqda Poeti Maltin u mhux l-ewwel darba li Mifsud Bonnici ġie ppremjat anki fuq livell nazzjonali għal pubblikazzjonijiet bħal dawn. L-iktar pubblikazzjoni reċenti tiegħu ġġib l-isem ta’ Ħajku tal-Punent-Western Haiku li ħarġet fl-2011 u li tiġbor fiha 501 ħajku bil-Malti, maqlub ukoll għall-Ingliż (mill-awtur stess).

Maurice Mifsud Bonnici jammetti li ħafna mill-ħsibijiet għall-ħajku jiġuh matul il-ħemda tal-lejl u għalhekk ma jħalluhx jorqod qabel ma jniżżilhom fuq karta li jkollu qribu biex meta jisbaħ imbagħad jirfinahom fejn ikun hemm bżonn. Kif bosta jafu l-ħajku klassiku-tradizzjonali huwa magħmul minn 17-il sillaba li jitqassmu fuq tliet versi (5-7-5). Mifsud Bonnici, membru tal-British Haiku Society, jgħid li llum qed jinkiteb ħajku differenti minn dan f’bosta pajjiżi tal-Punent. Dan jissejjaħ Western Haiku u huwa ħajku bla regola stretta ta’ rimi u ta’ għadd ta’ vrus, għalkemm l-iktar wieħed komuni huwa dak ta’ tliet versi. Ir-regoli li jiġi osservati regolarment huma dawn: li l-ħajku jkun ta’ stil sempliċi, ta’ suġġett wieħed u bl-inqas kliem possibbli, bla metafori jew figuri oħra tad-diskors u preferibblilment jitkellem fil-preżent. Tematikament mhux marbut man-natura, bħalma jobbliga l-ħajku klassiku-tradizzjonali, u lanqas mal-ħajja tal-bniedem tas-senrju. Il-ħajku tal-Punent huwa miftuħ għal kollox u ammissiv. Dan jgħidu Mifsud Bonnici fil-Kelmtejn Qabel.

Meta wieħed jibda jaqra Ħajku tal-Punent-Western Haiku ta’ Maurice Mifsud Bonnici jinduna minnufih li dak tiegħu hu ħajku magħmul minn ftit kelmiet li jiftħu tieqa fuq orizzont illimitat ta’ għarfien u tiġrib, sensazzjonijiet u perċezzjonijiet. Huwa ħajku li jinkiteb orizzontalment fuq żewġ dimensjonijiet, imma jakkwista profondità multidimensjonali. Jitwieled fi ftit sekondi, imma jħallik tirrifletti għal sigħat twal. Dan iseħħ għax hu frott il-pinna ta’ min għex ħajja twila, u minkejja li hu misjur fiż-żmien hu frisk fi ħsiebu, jaqta’ daqs sikkina misnuna fl-osservazzjonijiet u fl-analiżi tiegħu. Minkejja dan kollu l-lingwa li juża hija sempliiċi, meħuda mill-ħajja ta’ kuljum, dik tal-belt u tal-kampanja, tal-jum u tal-lejl, tal-ħsejjes u tas-skiet, u l-bqija.
Il-ħajku tal-Punent ta’ Maurice Mifsud Bonnici jispira ruħu mill-ħlejjaq iċ-ċkejknin (il-mikrokożmu) u mill-ħolqien bla tarf (il-makrokożmu). Il-poeta jissaħħar u jispira ruħu l-iktar min-natura: tjur, siġar, pjanti, insetti, baħar, sħab, xemx, qamar u l-bqija. Id-dinja tal-bniedem tixxebbah ma’ dik tal-ħlejjaq naturali, u drabi oħra l-ħlejjaq naturali jingħataw karatteristiċi umani. Mifsud Bonniici għalhekk jikteb dwar l-għabex u l-mewt, imma element b’saħħtu tassew huwa l-Fidi. Naqraw fil-ħajku stess li l-kitba tiegħu sseħħ anki matul is-sigħat bikrija tal-lejl u b’hekk isservi bħala kumpanija. Il-ħajku b’hekk jinftiehem bħala ħsieb għammiel li jferra’ frott mill-itjeb (dawn it-tliet versi, ulied il-konċiżjoni pura).

Dan kollu huwa mwassal bis-saħħa tal-appell għas-sensi – il-viżjoni, it-togħma, is-smigħ, il-mess u x-xamm -, imma anki permezz tar-referenzi kontinwi għad-dinja tal-ilwien u tal-ħsejjes naturali. Huwa ħajku li għandu ħafna mill-pittura.

Il-ħajku hawn jista’ jinftiehem ukoll bħala epifanija jew rivelazzjoni: jurina li dik li ngħixu fiha hi dinja meravilja, miraklu, don mill-isbaħ, minkejja li ftit minna jaslu biex jagħrfu dan. Permezz tal-ħajku tiegħu Mifsud Bonnici jġagħlek tħares f’kull rokna u f’kull direzzjoni, tqalleb sewwa dak kollu li hemm madwarek biex tagħraf dejjem iktar is-sabiħ li nqumu u norqdu mdawrin bih.

Hemm ukoll il-versi soċjali li jittrattaw aspetti bħall-abort, il-qirda tal-ambjent naturali, l-ispekulazzjoni fil-bini, il-qgħad, il-ġustizzja finta tal-bniedem, l-għaġla tal-ħajja. Interessanti wkoll tara d-data meta nkiteb kull ħajku li spiss jintrabat ma’ staġuni u żminijiet partikulari matul is-sena, bħalma huma l-Milied, ir-rebbiegħa u l-Għid. Mela data u tema spiss jintrabtu intimament flimkien.

Kienet idea oriġinali dik li Maurice Mifsud Bonnici din id-darba juża font li jimita l-kalligrafija: hekk bħal titnaqqas dik id-distanza bejn il-waqt u l-post meta nkiteb il-ħajku u l-waqt u l-ispazju meta l-qarrej qed jaqra dak li l-poeta kiteb. L-idea tal-tipa kalligrafika tagħti iktar sens ta’ ġenwinità u sinċerità li dak li wieħed qed jaqra f’ Ħajku tal-Punent-Western Haiku, sens li dak li nkiteb ħiereġ direttament mill-qalb jew mir-ruħ. Hemm ukoll l-idea tal-kitba-kalligrafija bħala arti – xi ħaġa li hija komuni fil-pajjizi tal-Lvant fejn twieled il-ħajku – bħalma arti huma l-ħsibijiet li fl-aħħar mill-aħħar isiru ħajku u poeżija. Hekk jikteb Mifsud Bonnici fuq il-qoxra ta’ wara tal-ktieb: “Il-Ġappuniżi antiki ppubblikaw l-ewwel ħajku tagħhom miktuba bl-idejn, u jien għamilt bħalhom għall-ħajku tiegħi.”

Xi ħaġa tal-aħħar: Ħajku tal-Punent-Western Haiku għandu l-istess format ta’ kotba ta’ Maurice Mifsud Bonnici li ġew qabel (bħal L-Għanja tal-Limerikki, Ħajkumanija, u Ħsibijiet Ħarkiena/Ardent Pondering), jiġifieri dak tal-pocket book biex dak li jkun ikun jista’ jġorru miegħu daqslikieku kien vademecum tal-poeżija. Prosit tassew Maurice anki għal din l-aħħar pubblikazzjoni.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment