
STRUTTURA:
Irmied għandu 113-il paġna u jinqasam f’20 kapitlu. Hija
interessanti ħafna l-binja narrattiva li Palma jagħżel għal Irmied. Jitlaq mill-preżent, il-funeral
ta’ Franco fil-kappella tal-Addolorata, biex imbagħad bħal jiftaħ l-ewwel
taqsima (kapitli 1 sa 4) fejn permezz tal-personaġġ ta’ Silvana mmorru lura fl-imgħoddi
għall-ewwel darba u naraw kif żvolġiet ir-relazzjoni Franco-Silvana, sakemm
bil-mod il-mod nerġgħu għall-punt tal-preżent, mela għall-funeral. Fit-tieni
taqsima (kapitli 5 sa 13) nerġgħu lura għall-imgħoddi u din id-darba naqraw
dwar ir-relazzjoni bejn Franco u martu Marisa (l-ewwel laqgħat, sess, tqala,
żwieġ, ulied, żmien hieni u żmien ikrah, tradiment, vjolenza domestika, birda
fl-imħabba, tbagħbis ta’ flus u tkeċċija mix-xogħol, xorb u droga mill-ġdid),
sakemm anki hawn nerġgħu naslu għall-punt tal-preżent. Fl-aħħar parti (kapitli
14 sa 20) nerġgħu lura għall-imgħoddi (l-iktar imbiegħed) u naraw ir-relazzjoni
bejn Dun Anton – kif nibtet il-ġibda fiżika lejn sieħbu - u Franco, li tibda sa
minn meta kienu studenti fis-Seminarju.
Il-personaġġ li jorbot flimkien dawn it-tliet partijiet huwa Franco stess,
bil-waqtiet sbieħ u koroh li ġarrab. Però lil Franco narawh fuq kollox f’waqtiet ta’ kriżi kbar:
qiegħed, iddrogat u bi problemi fiż-żwieġ. It-tliet taqsimiet jitwasslulna minn
tliet punti di vista differenti: dak ta’ Silvana, dak ta’ Marisa u dak ta’
Anton. Imbagħad huwa fit-tielet parti fejn niskopru anki dwar l-iktar aspetti
umani ta’ Franco, għalkemm bil-mod il-mod nassistu wkoll għat-taħsir
fiżiko-morali tiegħu li jwasslu sat-tmiem. Mela Palma bil-mod il-mod u permezz
tal-flashbacks iwassalna
għall-għarfien ta’ x’wassal għall-funeral li jiftaħ bih ir-rumanz billi għal
tliet darbiet imexxina lura fiż-żmien.
Hemm ukoll ċerti waqtiet li jservu bħala ħolqa bejn
taqsima u oħra. Pereżempju, f’kapitlu 4 Franco joħroġ mix-xena, imma qabel ikun
hemm laqgħa ambigwa bejnu u bejn Dun Anton fil-flat (mela fl-ewwel parti). Din
l-ambigwità tiġi ċċarata kompletament fl-aħħar taqsima. Ħolqa oħra sseħħ
fit-tieni parti: Marisa tirrakkonta affarijiet li l-qarrej diġà jaf dwar
l-imġiba ta’ Franco, u dan għax Franco stess, fl-ewwel parti, ikun irrakkontahom
diġà fl-ewwel parti lil Silvana waqt l-ewwel laqgħat tagħhom. Hemm ukoll
il-kwistjoni tad-dubju: l-istess dubji li jkunu għaddew minn moħħ Silvana dwar
minn fejn Franco qed iġib il-flus, jerġgħu jgħaddu minn moħħ martu Marisa
fit-tieni taqsima.
Ta’ min jiftakar però li hemm differenza fl-ordni bejn
kif Palma jippreżenta l-ġrajjiet li seħħew fuq livell ta’ narrazzjoni (dak li
l-Formaliżmu Russu sejjaħ syuzhet) –
mela Franco-Silvana (l-ewwel taqsima), Franco-Marisa (it-tieni-taqsima), u
Franco-Dun Anton (it-tielet taqsima) -, u kif l-istess ġrajjiet seħħew fuq
livell ta’ fabula (kif ġraw fir-realtà,
skond il-kronoloġija loġika passat, preżent, futur), mela Franco-Anton
(it-tielet parti), Franco-Marisa (it-tieni parti) u fl-aħħarnett,
Franco-Silvana (l-ewwel parti).
Hemm drabi meta Irmied
jolqot anki fuq livell ta’ tħaddim ta’ xbieha. Insemmi żewġ eżempji.
F’kapitlu 11 naqraw, “Kif ħareġ, Marisa daħlet fil-kamra tal-banju u bdiet
tiġbor il-biċċiet tal-mera mill-art. Stħajlitha qed tiġbor il-biċċiet ta’
qalbha, li kienet ilha żmien li saret elf biċċa!” (p. 85) F’kapitlu 13 naqraw,
“Il-ħolm kollu tagħha kien sar irmied, u kien tar kollu mar-riħ. Kif kien qed
itir il-weraq mejjet mal-fewġa qawwija li xi waqtiet kienet tonfoħ
mill-punent.” (p. 95)
MILL-PERSPETTIVA
TEMATIKA:
Bħar-rumanz tiegħu Tqanqil
(2010, 2013), anki hawn naraw lil Palma bħala kittieb realist u soċjali:
jikteb dwar il-familja, l-imħabba (anki dik ta’ natura extrakonjugali u
omosesswali), il-problemi li jwasslu għat-tkissir ta’ dawn minħabba droga,
xorb, serq u ġlied bejn il-miżżewġin, il-qgħad, it-tradiment, flimkien
mal-waqtiet dgħajfin u mad-disperazzjoni saħansitra ta’ qassis. Anki hawn Palma
hu bla kantunieri meta jiddeskrivi lill-bniedem bħala ħlejqa ta’ passjoni u
ġibdiet sesswali qawwijin qatigħ.
Ma ninsewx li dik li jikteb dwarha Palma hawnhekk hija
storja ta’ mħabba li paradossalment
mill-bidu nett tintrabat mal-mewt. Hija mħabba fatali u minn hawn
it-titlu tar-rumanz Irmied.
Fl-aħħar taqsima wieħed jistaqsi min hu l-iktar ħati bejn
Anton u Franco? Minn naħa kien Franco ddisprat għall-flus biex jixtri d-droga
li ttanta u waqqa’ lil Dun Anton, u dan għax minn qabel kien jaf bil-punt
dgħajjef tiegħu: l-imħabba u l-ġibda fiżika lejh. Minn naħa oħra jinħass li dik
ta’ Anton għal Franco hi mħabba awtentika anki jekk hija ta’ natura
omosesswali, imma fl-istess ħin dan il-qassis kien jaf li sieħbu Franco kien
miżżewweġ u dak li kien qed jagħmel kien biss biex jikseb il-flus. Din id-darba
mela ma jitpartux il-kupuni tal-futbol, imma s-sess għall-flus! Mela dik ta’
Franco hi biss prostituzzjoni ta’ ġismu u manipulazzjoni ta’ sieħbu dgħajjef.
Huwa hawhekk fejn Palma jimraħ fi spazji jaħarqu jew perikolużi tassew:
b’kuraġġ u b’ċertu azzard jikteb ukoll dwar relazzjoni sesswali bejn żewġ
irġiel, wieħed minnhom qassis u l-ieħor isseparat u ddrogat.
KONKLUŻJONI:
F’Irmied Palma
jorbot flimkien ħsus kuntrastanti bħall-imħabba fuq naħa, u d-diqa u s-sens
tal-ħtija fuq l-oħra. Anki hawn l-awtur jikxef l-aktar irkejjen moħbija
fil-bniedem tant li nifhmu li fl-aħħar mill-aħħar dan huwa ħlejqa kumplessa
immens. Nagħlaq bi kliem Palma stess fil-Kelmtejn Qabel: “qtajtha li wasal
iż-żmien għat-tieni edizzjoni ta’ dan ir-rumanz li, b’isem ġdid, aktar imlaħħam
u aktar ‘jaħraq’ għandu mhux biss jogħġob lil min ġa qrah, li żgur se jitħajjar
jerġa’ jaqrah, iżda wkoll lil dawk li semgħu bih iżda qatt ma qrawh, u li issa
żgur li jitħajru jaqrawh.” Inħoss li għalkemm Irmied hu rumanz osé u
jappella għal pubbliku adult u matur (18+), għandu l-preġji tiegħu kemm fuq
livell ta’ plot kif ukoll fuq livell strutturali u stilistiku.
Patrick Sammut