Tuesday, May 6, 2014

TQANQIL ta’ Alfred Palma, Pubblikazzjoni Minn Taħt it-Tapit, 2013


Tqanqil huwa re-editjar tar-rumanz bl-istess isem li  ħareġ fl-2010. Id-differenza hija biss fil-passaġġi erotiċi, li qabel Alfred Palma ma ssugrax jiktibhom minħabba d-daqqa taċ-ċensura pubblika li setgħet tittimbra l-kitba ta’ dan il-kittieb li ttraduċa lil Dante, Shakespeare u Wilde (fost oħrajn) għall-Malti, bħala waħda sensazzjonalistika, xokkanti, baxxa, imma anki erotika, offensiva u pornografika. F’dawn l-aħħar snin però s-sitwazzjoni nbidlet xi ftit u żgur li din it-tip ta’ kitba li naqraw fi Tqanqil illum mhix l-unika fil-qasam narrattiv lokali. Dan huwa rumanz li l-awtur jaqsam f’erba’ partijiet ta’ tulijiet differenti. Jiftaħ bl-ewwel parti, 1951 (3 paġni); it-tieni parti, 1956, ittul mal 131 paġna; it-tielet parti, 1957 (5 paġni); u l-aħħar parti, 1963 (11-il paġna). Għalhekk dan hu rumanz li jifrex fuq 12-il sena ta’ azzjoni, filwaqt li jibbaża ruħu ħafna fuq ir-relazzjonijiet umani bejn il-bnedmin.

SPAZJU:

L-isqaq hu l-ambjent fiżiku fejn Palma jqiegħed l-azzjoni ewlenija ta’ dan ir-rumanz. Hu spazju fejn kulħadd jgħix qisu familja waħda, bit-tajjeb u l-ħażin li dan iġib miegħu: tqasqis, għira, solidarjetà, għajnuna reċiproka, ġenerożità u tradimenti. Jispikka mill-ewwel il-kuntrast bejn iċ-ċokon tal-isqaq kontra dawk li jfittxu li joħorġu ’l barra billi jemigraw lejn l-Awstralja jew l-Amerka, fenomenu komuni ħafna fis-snin ħamsin u sittin. L-isqaq hu anki l-ispazju fejn xejn ma jaħrab lil ħadd u xejn, u fejn minkejja li bosta jitkażaw b’ħaddieħor, kulħadd għandu xi jxomm taħt abtu. Proprju f’dan l-ispazju jseħħ dak li Palma jsejjaħlu t-“tijatrin” tal-ħajja.

ID-DIMENSJONI UMANA:

Tinħass mill-ewwel is-saħħa li Palma se jagħti lill-personaġġi, kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll mil-lat karatterjali. Fil-Kelmtejn Qabel Palma stess jammetti li dawk tiegħu huma karattri li “għandhom mill-bieraħ, mil-lum u minn għada, minkejja kull tibdil li jista’ jseħħ madwarhom. Tabilħaqq karattri li jieħdu l-ħajja mit-tqanqil ta’ madwarhom, iżda l-aktar mit-tqanqil ta’ ġo fihom, li jżommhom ħajjin sakemm jinħatfu mir-riħ u jispiċċaw fix-xejn!” Hawn il-bniedem hu ppreżentat fuq kollox bħala ħlejqa b’ġibdiet sesswali kbar li ma jistax irażżan – ara l-figura ta’ Frans Grech. Minn hawn ġej l-isem tar-rumanz, Tqanqil, li hija wkoll waħda mill-kelmiet, flimkien ma’ “passjoni”, li tirrikorri spiss f’dan ix-xogħol. Frans huwa l-inkarnazzjoni tal-manipulatur per eċċellenza, ta’ dak li dejjem irid iktar, ma jixba’ qatt u li jara s-sess bħala l-unika ħaġa li tista’ tagħtih mistrieħ u poter fuq is-sess oppost. Dan minkejja li hu miżżewweġ bi tliet itfal. Permezz ta’ Frans Palma jġibna wiċċ imb wiċċ mal-iktar karatteristiċi baxxi tal-bniedem. Il-kilba sesswali għal Lorena li għall-ewwel tiċħdu dejjem tiżdied tant li tinbidel f’fissazzjoni.

Dora hi l-ewwel waħda li tiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà: tinqabad tqila wara l-iskappaturi ma’ Frans. Palma jidħol ’il ġewwa sewwa f’ras Dora biex iwasslilna l-inkwiet tagħha fi ħsibijietha. Dora tifhem li l-unika soluzzjoni għaliha u għal familtha kienet li temigra għand ħuha l-Awstralja. L-emigrazzjoni sservi għal Dora bħala ħarba minn ambjent ċkejken li ma jaħfirx. Għal bosta oħrajn tfisser opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.

It-tielet taqsima tikkonċentra fuq Dora u xortiha, wara li din tkun ilha ma tidher fil-plot tar-rakkont. It-tielet hija għalhekk taqsima li bħal tibbilanċja x-xorti ħażina li ħakmet fit-taqsimiet ta’ qabel. Palma bħal juri li wara kollox l-għaqal hu element li mhux ta’ min twarrbu, u d-deċiżjoni li tieħu Dora fl-Awstralja hi waħda għaqlija tassew. Dan jikkuntrastja mad-destin kiefer ta’ Lorena, minkejja li kienet iggradwata. Fl-aħħat taqsima naraw li minkejja li għaddew sitt snin, ċerti ġrieħi "kienu għadhom inixxu d-demm, u ma kien se jfiequ qatt!” (p. 155) Iż-żjara ta’ Dora f’Malta terġa’ ġġibilha l-imgħoddi ma’ wiċċha u dan inissel fiha bosta kumplessi ta’ ħtija. Għalhekk tinħass il-ħtieġa li tmur lura lejn l-Awstralja mill-iktar fis. Hemm il-biża’ li ċerti dnubiet tal-imgħoddi joħorġu fil-beraħ.

Bħal taħsad il-laqgħa mhix mistennija bejn Dora u Frans fil-Belt Valletta. Jinħass li f’Dora għad hemm ċerta mħabba lejn Frans, minkejja dak li għamel. Frans jidher li nbidel ħafna minħabba marda li ħakmitu. Jolqot ħafna l-waqt meta Frans jitlob maħfra lil Dora, u min-naħa tagħha lil Dora bla ma turih, jaqbżulha d-dmugħ, bla ma tgħidlu li Lisa hi bintu wkoll. Huma dawn l-ingredjenti li Palma jinkludi apposta biex joħloq anki sens ta’ patos fir-rakkont tiegħu u b’hekk bħal iħalli tip ta’ marka fuq il-qarrejja tiegħu.

ELEMENTI STILISTIĊI:

Ir-rumanz jinbena fuq alternanza bejn partijiet narrati fit-tielet persuna singular u oħrajn djalogati. Insibu bosta ripetizzjonijiet ta’ sitwazzjonijiet li jitwasslu lilna minn punti di vista differenti. B’xi mod dan irid jirrifletti t-thewdin li jimla moħħ il-bniedem li jiffissa fuq ħwejjeġ jew persuni partikolari.

Hemm drabi meta l-ambjent ta’ barra jirrifletti l-ħsus ġewwiena tal-personaġġi, bħat-triq imqallba li jkollha timxi Dora sakemm tasal ħdejn il-garaxx ta’ Frans, u d-dalma li taqa’ ftit wara li tara lil Frans u Lorena ħerġin flimkien minnu (pp. 67-68).

L-ilsien li Palma juża fid-djalogi hu dak użat mill-popolin, mela mill-klassi tal-ħaddiem, u dan jintrabat ukoll mas-snin ħamsin. Insibu anki kliem baxx fejn hemm bżonn, għalkemm mhux oxxen. F’dan ir-rigward hija effettiva ħafna u mimlija ħajja x-xena li tiddeskrivi l-ġlieda bejn Delina u Mananni fl-isqaq. Palma għalhekk jirnexxilu mija fil-mija jidħol kemm f’moħħ l-individwi kif ukoll fil-psikoloġija tal-popolin biex b’hekk iwasslilna b’mod ġenwin il-mod kif jirraġunaw, jaħsbu, jinteraġixxu u l-bqija. F’dan jispikka realiżmu qawwi.

Jinħass spiss it-ton ironiko-sarkastiku min-naħa ta’ Palma fid-deskrizzjonijiet ta’ mġibiet u atteġġjamenti soċjali tagħna l-Maltin u li għadhom ikaxkru magħna sal-preżent, minkejja li għaddew iktar minn ħamsin sena miż-żmien li fih hi ambjentata l-azzjoni ta’ dan ir-rumanz.

Bħala parti mill-ingredjenti li Palma juża biex iħalli lill-qarrej interessat fir-rakkont jintroduċi lejn l-aħħar anki t-traġedja. Fl-aħħar taqsima mbagħad Palma bħal jgħaqqad flimkien bosta trufijiet tar-rakkont.

ASPETTI TEMATIĊI:

Apparti s-sess li hija tema ewlenija fi Taqnqil, hemm l-ipokrisija. Palma jiddeskrivi soċjetà li tippoża bħala Nisranija u tal-Knisja, imma dan hu biss fil-wiċċ. Għalkemm spiss il-protagonisti fir-rumanz jixtiequ u jiksbu l-mistrieħ tal-ġisem, rari jiksbu s-serħan tal-ispirtu. Dan in-nuqqas ikompli jniżżilhom fl-abissi tat-telfien u d-disperazzjoni. Palma jittratta wkoll is-separazzjoni fiż-żwieġ u l-konsegwenzi li ġġib magħha, l-iktar fuq it-tfal. Ironikament dan kollu jseħħ fi żmien il-Milied.

Fl-aħħar parti Palma jirreġistra wkoll bosta bidliet politiko-soċjali li seħħew fis-snin ħamsin u bidu tas-snin 60 fil-gżejjer Maltin. Fost l-oħrajn naqraw dwar il-ġlieda politiko-reliġjuża ta’ dak iż-żmien.

KONKLUŻJONI:

Dan ta’ Palma hu rakkont sabiħ li jista’ jappella għal bosta qarrejja, basta ma jkunux jiskruplaw minn ċerti deskrizzjonijiet ta’ natura erotiko-sesswali. Hemm patos fl-aħħar, u dan hu tqanqil differenti ħafna minn dak sesswali li madwaru jdur ir-rumanz Tqanqil. Nagħlaq bi kliem Palma stess fil-Kelmtejn Qabel: “Erġajt ktibt kif ħassejt li kelli nikteb, għal qarrejja maturi, li jafu l-ħajja x’taf tagħti, u li ma jissarrsu jaqraw u jidentifikaw ma’ dak kollu li jagħmel lil kull wieħed u waħda minna bnedmin, umani, dgħajfin; bnedmin li xebgħu jxiddu l-maskra li taħbihom mill-oħrajn, iżda mhux minnhom infushom.”

PATRICK SAMMUT 





No comments:

Post a Comment