Wednesday, March 5, 2014

MILL-KEXXUN T’ISFEL ta’ Alfred Palma, Bronk Productions, 2013.

Din hija ġabra ta’ 25 novella li tifrex fuq 173 paġna li Alfred Palma kiteb bejn l-1960 u l-preżent. It-tul ta’ kull novella jvarja minn bejn 3 paġni sa l-itwal waħda li ttul 11-il paġna. Ġeneralment l-istil huwa mexxej u b’hekk huma kollha kitbiet li tista’ taqrahom f’nifs wieħed bla ebda diffikultà.

PROTAGONISTI:

Hemm numru ta’ kitbiet li jġibu l-isem tal-protagonisti li r-rakkont idur madwarhom. Hekk f’Ċensina Palma jitlaq minn difett tat-taħdit tal-protagonista biex madwaru joħloq rakkont li fl-aħħar jifqgħek bid-daħk. Bobby hu rakkont malinkoniku li jinsisti fuq rabta bejn bniedem u kelb, relazzjoni li taf tkun iktar b’saħħitha minn dik bejn bniedem u ieħor. F’Roberta l-qarrej flimkien mal-protagonista jiskopru gradwalment li din tal-aħħar mhi xejn ħlief spirtu li qed jerġa’ jżur il-post fejn għex meta kien ħaj, jew li qatt ma telaq minnu minn jum l-inċident. Id-difett fit-tlissin tal-kliem nerġgħu niltaqgħu miegħu f’Is-Sur Karm u t-Tombla. Din hija storja ambjentata f’imgħoddi meta ftit kien hawn għarfien ta’ ċerti nuqqasijiet u b’hekk l-injoranza kienet twassal għal nuqqas ta’ rispett u intolleranza lejn dak li jkun. Hemm ukoll l-idea li mhux dejjem il-flus jagħmluk kuntent. Martin hu rakkont li jdur madwar it-tema tas-sess (bħal oħrajn f’din il-ġabra), iż-żwieġ fi kriżi jew fallut u l-omosesswalità. Elia mbagħad jikxef nuqqasijiet oħrajn f’rabta mas-soċjetà Maltija - bħall-abbuż fuq il-minorenni u d-dagħa -, u jerġa’ jittratta temi bħall-ġibdiet sesswali, l-omosesswalità, il-korruzzjoni ta’ min trabba fi stat ta’ innoċenza. Hawn Palma jiddeskrivi metamorfosi sħiħa, mid-dawl għad-dlam, mit-tajjeb għall-ħażin, skond mil-liema angolu tħares lejha. Żewġ rakkonti tewmin huma Kelina tal-Magħkus... u ...Nardu ta’ Balel. Dawn huma kitbiet li għandhom anki mill-awtobijografija, anki għax huma rakkonti tifkira ta’ karattri li ma jintesew qatt, fuq kollox minħabba t-tjubija tagħhom. Fuq naħa naqraw dwar l-illitteriżmu, l-injoranza u l-miżerja ta’ Kelina, imma fuq l-oħra hemm ukoll is-simpatija tal-karattru tagħha. Il-mod kif Palma jirrakkonta hawn hu rifless tal-istess karattru ċajtier u minn tagħna ta’ Kelina. Min-naħa l-oħra Palma jirrakkonta l-praspar u ċ-ċajt li kien iġarrab Nardu, u bosta minnhom jifqgħuk bid-daħk. Dan fi żmien meta Malta kienet inqas materjalistika u korrotta milli hi llum. Il-qarrej jifhem li Kelina u Nardu kienu żewġ persuni li warajhom ħallew biss tifkiriet sbieħ u tbissima.

SITWAZZJONIJIET U MĠIBA TIPIKA:

Hemm ukoll rakkonti b’titli li jiddeskrivu sitwazzjonijiet, imġiba jew oġġetti partikolari. Hekk Kandlier Antik hija dwar relazzjoni tajba bejn neputi u zitu, imma anki dwar kemm xi drabi hi diffiċli li ssib rigal adatt. L-Imħatra turina kemm il-bniedem jaf ikun ipokrita u biered sentimentalment, u anki kemm b’dan l-aġir hu kapaċi jweġġa’ lil min hu vulnerabbli. Ħolma... jew Realtà? tintrabat ma’ żmien speċifiku: Novembru, 4 p.m., u hija dwar is-solitudni li ġġib magħha l-mewt. Hija anki dwar xewqat moħbija ta’ dak li jkun li xi drabi jistgħu bħal isiru realtà għal waqtiet qosra biex wara jerġgħu jgħibu darba għal dejjem. Riħ ta’ Nofs Siegħa hu rakkont aħrax għax jittratta tfajla li spiċċat tqila qabel il-waqt u b’hekk tkeċċiet minn dar missierha biex b’hekk kellha tagħżel it-triq tal-abort u tal-prostituzzjoni. Hawn jiġu ttrattati temi bħall-maskra (li mhix biss dik tal-make-up) li l-bniedem jilbes biex jogħġob lil ta’ madwaru u jinsa ċerti realtajiet koroh, l-HIV u d-droga. L-aħħar parti tikkonċentra fuq raġel miżżewweġ li jdabbar l-AIDS minħabba skappatura ta’ darba: hemm id-disperazzjoni u l-għarfien li d-dinja ta’ madwaru ġġarfet, filwaqt li fi tmiem ir-rakkont jiġi mħabbar is-suwiċidju bħala soluzzjoni. U Jekk ma Tibkix... hu buzzett traġi-komiku f’att wieħed li joħodna fid-dinja tar-radju lokali. L-użu tal-laqam jintrabat spiss ma’ personaġġi jew karattri tal-klassi l-baxxa li hija nieqsa mill-edukazzjoni formali imma sinċiera. Kontra din hemm d-daħqa mqanżħa tad-DJ. Kollox jgħin biex jikxef l-injoranza grassa li ta’ kuljum titberraħ liberament fuq il-mezzi tax-xandir lokali. Phallus ukoll tittratta l-injoranza li ġejja min-nuqqas ta’ skola u li twassal għall-manipolazzjoni tad-dgħajjef. Fi Tqasqis Palma jwassal anki l-ġestwalità, flimkien ma’ frażijiet klixè, partikolari marbuta ma’ nies li tqasqas u li tilħaq salib ħaddieħor. Anki hawn Palma jiddeskrivi sitwazzjoni traġi-komika fejn jaħkmu l-għira u l-ipokrisija. Jissemmew ukoll żewġ problemi soċjali bħall-użura u l-prostituzzjoni. Anki Avviż bla Ħlas hi dwar separazzjoni, annullament, singles club u opportunitajiet ġodda ta’ mħabba. Hemm l-idea taċ-ċokon ta’ gżiritna fejn kulħadd jaf lil kulħadd. F’Eurovision Song Contest 2015 Palma jitlaq mill-preżent biex joħodna fil-ġejjieni qrib billi jgħaddi okkażjoni tant mistennija mill-Maltin kull sena mill-għarbiel tal-osservatur kritiku. Dak li jidher minfuħ u esaġarat mhu xejn ħlief realtà fejn jaħkmu fuq kollox l-artifiċjalità, il-maskri u l-kożmetika. Dan jidher ukoll fil-lingwaġġ imħallat u mkisser (psewdo Malti-Ingliż) li Palma jqiegħed fuq fomm il-personaġġi. Hemm it-tagħlima finali: minkejja l-iżbalji tal-passat qatt ma nitgħallmu. Hawn wieħed jistaqsi: “X’hemm x’nitgħallmu?”. Forsi tweġiba possibbli hi, “Nitgħallmu nkunu dak li aħna fir-realtà, jiġifieri Maltin, mela nitkellmu u nkantaw bil-Malti.”

Il-Qattus tal-Kina hija dwar ir-relazzjoni raġel-mara fiż-żwieġ bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, filwaqt li hemm is-sens ta’ misteru f’rabta mal-qattus tal-kina u l-kamra tal-bejt magħluqa. Mill-ġdid l-imħabba, it-tradiment, id-divorzju, l-annullament u d-delitt annunċjat naqraw dwarhom f’Il-Ħadida tal-Mogħdija. Inċest hu rakkont qasir imma b’saħħtu, minkejja li taħkem ċerta kalma fit-ton. Rakkont li jħallik b’togħma morra u li għandu mir-realtà kiefra tal-preżent, fejn spiss l-anzjani jispiċċaw waħedhom u vittmi tal-kriminalità, hu L-Istatwa li Bkiet. Hawn naqraw dwar kuntrast: fuq naħa hemm bniedem tal-Mużew li jemmen tassew, u  fuq l-oħra x-xettiċiżmu min-naħa tal-ġerarkija ekkleżjastika, imma anki l-bruda taż-żagħżugħ ħalliel li jidħol u joqtol bla skrupli. Il-Madonna tal-Banketta hu dokument li jiddeskrivi b’mod ħaj il-festa tar-raħal Malti bħala traġi-kummiedja oħra jew xena li għandha mill-Bolġji tal-Infern Dantesk. Sagru u profan jitħalltu flimkien biex darba fis-sena jiġi mfakkar il-qaddis patrun. Fl-aħħarnett f’Tema con variazioni Palma jiddeskrivi sitwazzjonijiet differenti mqegħdin fi spazji differenti, u dan biex jikxef l-ipokrisija grassa tal-Maltin. Anki hawn naqraw dwar tradimenti u qrati, pedofilija, omosesswalità, għira, moħqrija tal-minorenni, u qdusija finta. It-tema, tidher fl-ismijiet użati, fosthom patri Coglione, Karlu Cazzone, sor Malflarja u l-istitut ta’ Santa Sappho. Il-maskra hawn tintlibes anki minn min jiddeċiedi joħroġ għall-politika; għal dan Palma jerfa’ l-ironija l-iktar niggieża. Kollox juri li għalkemm inbidlu ż-żminijiet bosta affarijiet baqgħu mhux mittiefsa.

STIL TA’ KITBA U SPAZJI:

F’dawn ir-rakkonti Palma jħaddem stili ta’ kitba differenti filwaqt li jambjenta l-azzjoni tagħhom fi spazji differenti, għalkemm jaħkem fuq kollox l-għeluq. Spiss ir-rakkontar jitwassal fit-tielet persuna singular (“hu” jew “hi”) flimkien ma’ siltiet ta’ djalogar. Hemm drabi meta titħaddem ukoll l-ewwel persuna singular (mela l-“jien”). Hemm drabi meta l-“jien” jindirizza direttament lill-qarrejja fil-bidu tar-rakkont. F’L-Imħatra Palma jħaddem l-istruttura tal-ittra bħala parti mill-binja narrattiva tar-rakkont. Hemm numru ta’ stejjer fejn Palma jħaddem l-istil tar-realiżmu maġiku fejn ħwejjeġ li ma jistgħux iseħħu fir-realtà jsiru possibbli fil-kitbiet in kwestjoni. Dan l-istil jispikka f’kitbiet bħal Ħolma... jew Realtà? (rakkont li jtul 3 paġni u l-azzjoni tiegħu tifrex fuq sitt sigħat), Roberta (għandna s-superimpożizzjoni ta’ żewġ żminijiet differenti, jiġifieri s-sena 1993 u s-sena 2008, bil-protagonista torbothom it-tnejn flimkien), Il-Mara fil-Parapett, Il-Qattus tal-Kina u Il-Kamra Msakkra. Is-superimpożizzjoni ta’ żminijiet differenti fejn preżent u imgħoddi jissawbu flimkien tidher ukoll f’Il-Mara fil-Parapett. F’Bobby jintuża ton malinkoniku, u għalkemm itul ukoll 3 paġni, l-azzjoni tifrex din id-darba fuq sentejn jew ftit iktar. F’Kelina tal-Magħkus... insibu riferiment ta’ natura storika internazzjonali bħall-ħarba tad-Dalai Lama, jew ta’ natura kulturali bħal Carmen Carbonaro u r-Rediffusion.

Hemm drabi meta jitħaddem apposta l-Malti kollokjali: “Mhux qed ifittex xi naqa’ xogħol Kola, Lel?” (Tqasqis). Dan jintrabat ukoll mat-tħaddim tajjeb tal-Malti idjomatiku. Xi drabi tinħass ukoll l-influwenza ta’ Shakespeare għax Palma jħobb jibni r-rakkonti tiegħu anki billi jintroduċi ċerti relazzjonijiet inkroċjati bbażati fuq kumbinazzjonijiet li jaf joħloq l-awtur stess (ara Avviż bi Ħlas).

F’Eurovision Song Contest 2015 jintużaw id-didaskaliji, daqslikieku l-kitba kienet daħla għal silta teatrali. Hawn jitħaddmu wkoll l-ironija u l-grottesk. Hawn ritmikament Palma jibni ċerta tensjoni drammatika li twassal għal climax, id-diżappunt mhux-mistenni jew mistenni. Hemm drabi meta titħaddem l-analessi jew il-flasback f’nofs ir-rakkont biex nifhmu ċerti ħwejjeġ li qed iseħħu fil-preżent. Il-Kamra Msakkra hi rakkont li f’ċertu punt jissummak u jkexkxek, daqslikieku kien miktub minn xi Edgar Allan Poe.

Bosta mir-rakkonti huma ambjentati fl-ispazju limitat tar-raħal mela f’Malta (ara Is-Sur Karm u t-Tombla, u Tqasqis), u jissemmew il-każini, it-tombla, il-festa, il-Mużew id-dar, l-għalqa, il-ħanut, il-kunvent, l-orfanatrofju, u anki l-kamra mdallma u magħluqa. Dawn l-ispazji magħluqin u limitati huma rrappreżentati minn Ħal Magħluq f’Il-Madonna tal-Banketta. Spazji oħra huma l-Belt Valletta, Raħal Ġdid jew il-ftuħ u l-isbuħija ta’ Birżebbuġa. Hemm oħrajn li jagħmlu referenza għal spazji li jmorru lil hinn minn xtutna bħall-Awstralja (eż. Il-Ħadida tal-Mogħdija jew Kelina tal-Magħkus...).

GĦELUQ:

Lil Alfred Palma bosta jafuh bħala traduttur ta’ xogħlijiet letterarji universali bħad-Divina Commedia ta’ Dante Alighieri, id-drammi kollha u s-sunetti ta’ William Shakespeare, ix-xogħlijiet ta’ Oscar Wilde u Voltaire. Oħrajn jafuh bħala poeta u awtur tal-ġabra ta’ poeżiji Preludji (1993). Issa, permezz ta’ Mill-Kexxun t’Isfel Palma qed joħroġ għad-dawl kapaċità oħra minn tiegħu: dik tal-kitba tan-novelli jew stejjer qosra. Nagħlaq b’kumment li Palma stess jinkludi fil-Kelmtejn Qabel għall-ktieb: “Fil-ħajja tagħna jinbidel biss ix-xenarju; aħna ma ninbidlu qatt! U dan hu li minn dejjem xtaqt nesponi f’dawn il-kitbiet tiegħi: l-umaniżmu fir-rikkezza u fil-faqar tiegħu, fl-essenzjalità u fl-inutilità tiegħu, fl-illużjoni eterna ta’ hena li l-umaniżmu jilbes tul ħajja sħiħa li tibqa’ taħbi sal-aħħar it-traġedja li titwieled, tgħix u tmut miegħu!”

Patrick Sammut 


No comments:

Post a Comment