
TEMATIKA U PERSONAĠĠI:
Anton Grasso hu kittieb li jitfa’
dawl fuq l-irkejjen l-iktar imdallmin ta’ moħħ il-bniedem. Ir-rakkont Ossessjoni hu wkoll dwar ix-xewqa
għall-mewt minn min tilef id-dawl t’għajnejh. In-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’
diżabilità jinbidel
f’ġenn u fi ħtieġa li jmut kull min jipprova jidħol fil-ħajja ta’ min iħossu
kkundannat. L-Arċipriet iddur madwar
dan il-personaġġ, imma lejn l-aħħar jispikkaw iż-żewġ ajjutanti tiegħu li
jidħku daħka bis-sagristan li spiss approfitta ruħu mit-tjubija tal-arċipriet. Anki
f’Delitt ta’ Kull Wieħed Grasso
jikxef dak li qatt ma tobsor li hemm mistur f’qalb jew f’ruħ il-bniedem. Hawn
jitberrħu fatti li jwaħħxu, delitti li ilhom moħbija snin twal, weġgħat li
mhemmx duwa għalihom. Hemm ġennati li l-bniedem kapaċi jagħmel bla ma qatt
qabel ikun ħaseb fihom.
Dawra mar-Raħal hija dwar ġita mar-raħal li xiħ jagħmel ma’ wliedu
fuq karozzin qabel ma jmut. Il-mewt tasal bla ma tissemma b’isimha u lanqas
tinftiehem bħala ħaġa terribbli. Hija mewt imdawra b’sens ta’ hena u li ġġib
is-serħan aħħari. Wieħed jibqa’ jistaqsi jekk dak li qalet in-nies kienx verità.
Il-mewt, flimkien mal-kesħa,
jerġgħu jissemmew bħala tema fi Tliet
Taħbitiet. Hawn niltaqgħu ma’ tliet personaġġi, tnejn ħajjin u wieħed
mejjet li jinsabu ġo kamra għalihom. Kollox idur ma’ din is-sitwazzjoni
għalkemm Grasso jiftaħ permezz tal-analessi jew flashbacks. Ċirkostanza enigmatika li seħħet fl-imgħoddi tintrabat
mal-istess ċirkostanza fil-preżent. L-awtur ifakkarna li hemm ħwejjeġ li jseħħu
minkejja li ma nistgħux nispjegawhom: kollox hu rrakkuntat donnu minn taħt
l-ilsien. Rakkont ieħor li jdur madwar tliet personaġġi hu Dwiefer: fosthom hemm bidwi missier u bintu li sa ftit qabel kienet
biss xbieha fuq kwadru. Il-mewt
terġa’ f’Żewġ Ittri: wara dak li
jidher normali jixirfu veritajiet akbar li jinkixfu gradwalment. Hemm mewt
doppja: l-omiċidju li diġà sar u
s-suwiċidju premeditat. Anki f’Lejliet
it-Tieġ dak li għall-bidu jidher normali u parti mill-ħajja ta’ kuljum
bil-mod il-mod jinbidel f’avveniment li jaħsadna.
Ir-rakkont li jġib l-isem ta’ din
il-ġabra hu b’saħħtu tassew. Mistoqsija ċentrali hija: “Xi jwassal lil xi ħadd
isir qaddis, ieħor qattiel?” Fuq naħa hemm qattiel ta’ tfajliet li jżomm
l-irjus tagħhom; fuq l-oħra studenta tal-psikoloġija f’Londra. Hemm l-anti-climax tal-aħħar – l-iskoperta li
l-qattiel mhux wieħed -, u l-għarfien li l-ħajja għandha element qawwi
tal-assurd. Dan kollu jintrabat mal-kumplessità ta’ moħħ il-bniedem: “Il-moħħ, Sara, ma tistaħ
teħodlu kopja.” Il-kumplessità
tan-natura tal-bniedem toħroġ ukoll f’Baqra:
il-bniedem jinftiehem bħala ħlejqa maħkuma mill-passjoni u mill-ġibdiet
istintivi, imma anki bħala kreatura b’moħħ li jirraġuna, jhewden u jara kif
jeħles minn sitwazzjoni li ma togħġbux biex
jakkwista oħra aħjar.
Il-bniedem bħala ħlejqa kumplessa
u l-għarfien eċċellenti tal-psike umana jerġgħu jispikkaw f’Għibien, ir-rakkont li jagħlaq din
il-ġabra. Qatt ma nistgħu nkunu ċerti minn bniedem jew nafuh mija fil-mija.
Hemm ukoll l-għarfien li l-mewt dejjem tħuf, anki jekk dak li jkun ma jkunx qed
jistennieha.
F’bosta mir-rakkonti tispikka
r-relazzjoni bejn is-sessi jew anki ż-żwieġ (ara Tfajla Miġnuna, Koxox
tat-Tiġieġ u It-Tielet Raġel).
F’dan tal-aħħar niltaqgħu mal-femme
fatale, u l-imħabba tinftiehem bħala ossessjoni u aspett kumpless li mhux
faċli għall-bniedem. Anki hawn hemm żewġ forzi mqegħdin f’kuntrast: l-eros u t-thanatos (imħabba vs mewt).
Hemm imbagħad Tliet Nisa Ħoxnin, rakkont li għandu
kemm mir-reali kif ukoll mill-inkredibbli. Huwa dwar id-dgħjufija tal-bniedem
anki minħabba r-regħba li tista’ twasslu biex jitlef ħwejjeġ li huma iktar
prezzjużi mill-flus u minn kull għana materjali.
STIL:
L-istil li juża Anton Grasso
fin-novelli tiegħu huwa wieħed mexxej. Xi drabi jħaddem l-ewwel persuna
singular, drabi oħra d-diskors dirett. Tispikka l-konċiżjoni, bi ftit
ripetizzjonijiet, ladarba l-kelma Grasso jiżinha qabel ma jniżżilha. Dawk
tiegħu huma rakkonti li jwasslulna azzjonijiet tal-waħx imma b’mod kirurġiku,
fejn apposta hija nieqsa kull tip ta’ emozzjoni. Dan jidher f’rakkonti bħal Tisjir u Dwiefer. Uħud minnhom huma stejjer li ma jitwemmnux u li jħallu
lill-qarrej jimmaġina kif jistgħu jkomplu. F’It-Tifel tal-Inċirata Sewda naqraw dwar fatti li jseħħu bejn
id-dinja reali u dik tal-ħolm. Hawn hemm elementi li jfakkru fl-istorja ta’ Bajda Silġ u s-Seba’ Nani, imma hawn
kollox hu meħud f’dinja totalment differenti fejn jaħkem l-oppost, il-waħx, u
t-tmiem hu wieħed fejn inixxi abbundanti d-demm. Id-dlam, l-għar, in-nani,
jistgħu kollha jkunu l-biżgħat li kulħadd xi darba jew oħra jinħakem minnhom.
Il-waħx li Grasso jikteb dwaru f’Lejliet
it-Tieġ hu differenti mill-waħx sopranaturali: hu dak li nġibu fuqna
minħabba l-egoiżmu tagħna. Il-biża’ u d-demm jerġgħu jispikkaw fi Tfajla Miġnuna: dan hu rakkont b’saħħtu
fejn ħajja u rreċtar isiru ħaġa waħda. Anki hawn, dik li fil-bidu tkun ħajja
normali bejn koppja żagħżugħa miżżewġa tinbidel f’film tal-biża’ li jispiċċa
jagħlaq b’tila ħamra daqs id-demm imxerred f’delitt.
L-element gastronomiku jispikka
kemm f’Tisjir, kif ukoll f’Laħam is-Sinjuri. Anki hawn Grasso
jitlaq min-normalità biex
gradwalment jibdel r-rakkont f’wieħed aħrax sakemm jilħaq tmiem li jixxokkja.
Kitba bħal din tista’ tfakkar fil-films tar-reġista Britanniku Peter Greenaway,
fosthom The Cook, the Thief, his Wife and
her Lover (1989) fejn taħkem il-metafora kulinarja. Hemm ukoll ġustizzja li
l-ebda bniedem – fqir jew sinjur – ma jaħrab minnha fl-aħħar mill-aħħar.
Ċerti partijiet tar-rakkont Karru bla Kuċċier ifakkru fil-kitbiet
ta’ Edgar Allan Poe, l-aktar l-ambjent gotiku, imdallam, imma anki l-istil li
jimbuttak taqra bla nifs, letteralment. Grasso jirrakkonta dak li jista’ jseħħ
fir-realtà,
minkejja l-inkredibiltà u
l-kruha tiegħu, jew dak li seħħ diġà u li
ħasad fil-laħam il-ħaj. Hawn titħaddem ukoll it-tielet persuna singular. Anki
f’Żewġ Ittri r-ritmu jgħaġġel tassew
sa mill-bidu nett, donnu l-qarrej qed jiġi mbuttat minn id inviżibbli li
ġġagħlu jħoss tensjoni, sens ta’ urġenza u qtigħ ta’ nifs. Drabi oħra jaħkem
sens ta’ kalma, imma anki ta’ stennija matul ir-rakkont kollu (ara Dawra mar-Raħal).
Bidu u tmiem jintrabtu flimkien
f’Tapit tal-Borra; fin-nofs hemm
ir-rakkont li jservi bħala fil li jgħaqqad kollox. Imħabba, delitt u mewt jimxu
id f’id biex joħolqu rakkont li jfakkar fi stejjer kapolavuri tal-letteratura
Russa, fosthom dawk miktubin minn Dostojevski. Bidu u tmiem jerġgħu jorbtu
flimkien f’Qed Jippruvaw Joqtluni,
b’rakkont li għandu struttura ċiklika. Fin-nofs insiru nafu l-għaliex
tat-titlu. Rakkont bħal dan ifakkarna li Grasso jirrakkonta ġrajjiet li spiss
iseħħu fi spazji mdallmin, ġrajjiet li jikxfu l-fatt li s-soċjetà hija marida. Dan u aspetti oħra bħad-delitt u
l-biża’ mill-mewt jorbtu l-kitba ta’ Grasso anki mal-giallo Taljan miktub minn kittieba bħal Carlo Fruttero u Franco Lucentini.
F’Iċ-Ċurkett il-preżent jitħallat mal-imgħoddi: hemm rakkont
(fil-preżent) ġo rakkont ieħor (fil-passat). Jitħaddmu żewġ vuċijiet narranti
differenti, filwaqt li Grasso jinkludi wkoll elementi mir-realiżmu maġiku
bħas-seħer, anki fit-tmiem, meta realtà u seħer jintrabtu flimkien. F’Iċ-Ċawlun
– rakkont li jinbena fuq kollox fuq id-djalogu - dik li tidher laqgħa
każwali bejn tfajla sabiħa u pittur għażeb f’bar tiżvolġi f’rakkont tas-sħaħar
bi tmiem imdemmi. Is-seħer jerġa’ jispikka f’Il-Ħannieqa: fih insibu t-twemmin fi ħwejjeġ li jmorru lil hinn
minn xtutna – bħat-twemmin
fil-mejtin-ħajjin -, u t-twemmin fis-seħer li għandhom oġġetti partikolari.
Anki hawn taħkem ċerta kesħa li tasal biex treżżaħ saħansitra lill-qarrej
permezz tas-sengħa li biha Grasso jibni r-rakkont.
Ċerti drabi r-rakkont – ara L-Arċipriet – jilħaq ċerta tensjoni u
jinkludi elementi li joqorbu lejn il-ġeneru tal-biża’, imma t-tmiem jerġa’
joħodna lejn in-normalità
tal-ħajja. It-taħlita bejn xeni mill-passat u oħrajn mill-preżent isseħħ ukoll
f’Żewġ Ittri, u din flimkien ma’ ingredjenti
narrattivi bħall-imħabba, l-għira, l-istint, il-qtil, il-ħbiberija, il-piż
tal-ħtija, u l-biża’ mill-konfront wiċċ imb wiċċ. Anki hawn titħaddem
il-gradazzjoni li twassal għall-climax
aħħari li jħallik bejn maħsud u bejn issummat.
Hemm drabi meta n-narratur
jindirizza direttament lill-qarrejja. Hekk f’Dinja Mudlama jikteb, “Tridu tafu l-istorja? Ngħidhielkom.” Dan hu
rakkont qasir li għandu xi ħaġa minn Misery
ta’ Stephen King li ħareġ fl-1987. Hawn il-qarrej jinżamm f’atmosfera ta’
stennija u tensjoni għalkemm fl-istess ħin iħoss x’jista’ jiġri lejn it-tmiem.
L-istennija u t-tensjoni jinħassu wkoll fi Dwiefer;
hemm ukoll ir-rakkont fir-rakkont, il-mixja minn dak li jidher normali
għall-ksur tar-regola u l-makabru.
F’Lejliet it-Tieġ Grasso jħaddem numru ta’ similtudnijiet wara
xulxin: “Bħal deffien jibża’ minn dellu [...] bħal għalliem imbeżża’ minn
klassi studenti [...] bħal qattiel li lejlet l-esekuzzjoni tiegħu [...]” Dan
jgħin lill-qarrej jifhem aħjar liema elementi jixtieq jinsisti fuqhom il-kittieb.
Anki hawn, għalkemm il-qarrej jistenna li x’imkien l-affarijiet se jmorru mhux
kif suppost, xorta Grasso jissorprendina proprju fl-aħħar linji tar-rakkont.
Fid-deskrizzjonijiet esterni li
jagħti Grasso tal-personaġġi strambi (ara Dwiefer)
il-qarrej mill-bidu jibda jfittex elementi speċifiċi li jistgħu
jikkaratterizzawhom kemm psikoloġikament kif ukoll il-mod kif iġibu ruħhom
aktar ’il quddiem. Hemm diġà ċerta
rabta bejn dak li qed jiġi deskritt u kif se tiżvolġi l-azzjoni jew kif jista’
jintemm ir-rakkont.
Hemm ukoll drabi meta Grasso
jitfa’ l-attenzjoni tiegħu fuq ċerti dettalji ċkejknin imma li jafu jżewqu
r-rakkont: ħsejjes, oġġetti, fwiħat partikolari (ara Il-Baqra). F’dan ir-rakkont miktub fl-ewwel persuna singular, min
qed jirrakkonta huwa wkoll il-manipolatur tal-azzjoni. Hu rakkont li ma
jispiċċax u dan iħalli lill-qarrej jhewden dwar kif jista’ jkompli. Hemm
imbagħad rakkonti – bħal Koxox tat-Tiġieġ
– fejn id-diskors idur madwar ħwejjeġ ta’ bla importanza, donnu rifless
tad-diskors li spiss nisimgħu matul parti kbira tal-jum fuq il-mezzi tax-xandir
lokali.
Fi Ħġejjeġ in-nar bħal donnu jrodd lura ċertu bilanċ ladarba permezz
tiegħu l-fqir bħal jieħu lura dak li jkun ħa qablu s-sinjur. Hawn id-delitt
makabru bħal jiġi rrakkuntat minn ċerta distanza, mela b’ċerta oġġettività.
SPAZJI:
F’Iċ-Ċurkett spazji lokali jalternaw ma’ oħrajn li jmorru lil hinn
minn xtutna (bħal Spanja). L-Arċipriet
hija ambjentata fix-xlokk ta’ Malta. Anki Dawra
mar-Raħal hija ambjentata fi spazju magħluq fejn “Ilsien in-nies iweġġa’”.
Spazji oħrajn huma l-bar (Iċ-Ċawlun),
u Londra (Ġenn fl-Aqwa Tiegħu). Anki
l-azzjoni f’Tapit tal-Borra tiżvolġi
barra minn Malta. Hawn it-ton hu wieħed melankoniku, l-istaġun hu dak xitwi
fejn jaħkmu l-lejl u l-borra. Wara l-preżenza tal-borra u l-mużika tal-vjolin
hemm ċerta poeżija. Għaxija tal-Ħarifa
hija ambjentata ħdejn il-baħar, l-ispazju fejn iseħħu laqgħat mhux mistennija
imma anki traġedji, u b’hekk fil-baħar jindifnu bosta misteri (ara wkoll Delitt ta’ Kull Wieħed). Min-naħa l-oħra
l-azzjoni ta’ Waħda Minnhom isseħħ
fl-ambjent magħluq ta’ orfanatrofju.
GĦELUQ:
Kif jidher minn hawn fuq Ġenn fl-Aqwa Tiegħu hi ġabra ta’
rakkonti li tissejjes fuq għadd sabiħ ta’ elementi li jagħmluha interessanti
ferm. Huma elementi li żgur jgħinu lill-qarrej biex jaqra l-kitbiet ta’ Anton
Grasso bla diffikultà u b’gost
kbir. Mill-ġdid Ġenn fl-Aqwa Tiegħu
hu wkoll prova li llum Grasso m’għadux biss marbut strettament mar-rakkont
tal-waħx, imma dan hu kittieb misjur u ta’ esperjenza kbira li jaf joħroġ
mill-pinna tiegħu kitbiet li jappellaw għal varjetà ta’ qarrejja. Ta’ min jiftakar li s-sena 2014 se
timmarka l-40 sena minn mindu Grasso ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu, Ilieli bla Qamar (1974), anki dak ġabra
ta’ stejjer.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment