Lina Brockdorff illum hija magħrufa sewwa f’rabta
mal-kitba tal-proża. Għandha ppubblikati żewġ ġabriet ta’ novelli bl-isem ta’ Il-Bieb Numru Ħdax (2007) u Bellus u Bizzilla (2008), ktieb ta’
tifkiriet f’rabta mat-Tieni Gwerra Dinjija
bl-isem ta’ Sireni u Serenati (2004),
u anki żewġ rumanzi bl-isem ta’ Kien
Kwinta l-Qamar (1974 u 2008) u La
Jerġa’ Jasal Diċembru (2010).[i]
Meta Jħammar il-Pepprin mela huwa t-tielet rumanz ta’ Brockdorff li jinqasam
f’ħamsa u għoxrin kapitlu. L-istil huwa wieħed mexxej u l-lingwa mħaddma hija
dik ta’ kuljum, mingħajr l-esaġerazzjonijiet u l-bassezzi li qed jintużaw minn
għadd ta’ kittieba żgħażagħ minħabba raġunijiet ta’ sensazzjonaliżmu. Dak li
niltaqgħu miegħu hawn jaqbel ħafna ma’ dak li patri Henry Born O.P. kien kiteb
fil-Kelmtejn Qabel għall-ewwel rumanz ta’ Brockdorff: “ġrajja ħelwa [...] bla
ma titgħabba b’komplikazzjonijiet u intriċċi żejda, tibqa’ għaddejja”; u ftit
aktar tard, “Lina Brockdorff hija mbierka minn fantasija ħajja [...] għandha
tajjeb ħafna wkoll li ma tħallix lill-fantasija tagħha tiġri biha b’mod li
taqlagħha barra minn triqtha. Bil-maqlub, Lina taf trażżan din il-fantasija u
żżommha fit-triq dritta tar-realtà...”[ii]
Mekkaniżmi stilistiċi:
Meta Jħammar il-Pepprin jiftaħ b’data speċifika li hija l-ewwel Ġimgħa tax-xahar
ta’ Diċembru: lejn l-aħħar tal-ewwel kapitlu Brockdorff tikteb hekk: “Kienet
il-lejla tal-Ġimgħa, l-ewwel Ġimgħa tal-Avvent, il-5 ta’ Diċembru, 1975.” Din
id-data nerġgħu mmorru lura għaliha fil-bidu ta’ Kapitlu 8 (wara flashback twila). Minn dawn ir-referenzi
temporali għandna ħafna f’dan ir-rumanz ġdid ta’ Brockdorff, u dan huwa wieħed
mill-mekkaniżmi li tuża l-awtriċi biex iżżommna marbutin mar-realtà. Hekk f’Kapitlu 2 tikteb “... dak in-nhar tat-8 ta’
Diċembru”, u “Kien wasal Frar”, “Fl-aħħar ta’ Frar” u “Frar ma damx u nbidel
f’Marzu” (Kapitlu 3), “Wasal l-aħħar ta’ Lulju”, “kien jonqos jumejn
għall-festa ta’ Santa Marija” (Kapitlu 5), “Bdiet il-ħarifa” u “Beda x-xahar
ta’ Diċembru” (Kapitlu 6), “Konna f’nofs Diċembru”, “Kien qorob il-Milied”,
“Wasal jum il-Milied” u “Għal nofs Frar” (Kapitlu 7), sakemm fl-aħħar kapitlu
(25) naqraw, “kelli biċċa xogħol delikata li tfisser l-għeluq ta’ battalja ta’
kważi ħmistax-il sena”. Daqshekk tifrex
bħala żmien il-fabula (jew “id-damma
tal-ġrajjiet fihom infushom, kif iseħħu bħala sensiela ta’ episodji marbutin
ma’ xulxin u mnisslin minn xulxin.”[iii]). Hemm
siltiet bħal dawn: “Lourdes u Laurie kienu rranġaw bejniethom [...] Iżżewġu
għaxar snin ilu u mbierek Alla kellhom żewġt ibniet.” (Kapitlu 8), u “Kont ili
ma nkellem lill-ġenituri aktar minn għaxar snin [...] għax qaluli ċar u tond
biex lilhom ninsiehom.” (Kapitlu 10). Dawn jagħmlu parti min-nisġa tar-rakkont,
jew “ir-rikostruzzjoni suġġettiva, letterarja li joħloq l-awtur.” [iv] Dan
huwa tagħrif mogħti ħafna snin wara li l-fatt ikun seħħ.
Hemm
imbagħad partijiet (aktar ’il quddiem fir-rakkont) fejn iż-żmien jibda miexi
bil-mod. F’Kapitlu 16 naqraw hekk: “Kien għadhom għaddew sitt ijiem biss minn
mindu telqu Daniel u Melanie. Mamma mia! Possibbli sitt ijiem biss?”; biex
imbagħad kapitlu 17 jiftaħ hekk, “Kienu waslu l-aħħar erbat ijiem biex jiġu
lura.” Dan jirrifletti l-qagħda psikoloġika li tinsab fiha Alexia, mikula
mill-istennija. Iż-żmien bħal jimxi bil-mod anki lejn l-aħħar tar-rumanz meta
jkunu qed isiru l-preparamenti għal jum għeluq snin Melanie.
Brockdorff
tħaddem kemm il-flashforward (fejn
tagħtina ħjiel ta’ dak li se jseħħ aktar tard fir-rakkont), imma iktar u iktar
il-flashback (fejn in-narratriċi
tieħu lill-qarrej lura fl-imgħoddi, mela ħarsa lejn dak li jkun diġà seħħ). Il-flashforward
niltaqgħu magħha fi tmiem l-ewwel kapitlu: “Min kellu jgħidli li b’dik
id-deċiżjoni li ħadet Madre Lyġia dik il-lejla, u li lili tant ħasditni u
nkwetatni, li dik kellha tkun pedina deċissiva li tat bidu għall-proċess ta’
bidla kbira għalija? Kellha taqlibli ħajti ta’ taħt fuq!” Tip ta’ flashforward jinħass f’Kapitlu 12 meta
l-qarrej bħal iħoss ħjiel ta’ dak li jista’ jseħħ fil-ġejjieni, mela aktar tard
fir-rakkont: il-mistoqsija li tiġi f’moħħ il-qarrej hija, “Omm u bint għad
jerġgħu jiltaqgħu?”. Is-suspetti li setgħu ġew lill-qarrej matul ir-rakkont
jissaħħu f’Kapitlu 19. Huwa f’dan il-kapitlu fejn toħroġ il-verità u jibda jinstab it-tarf tal-kobba.
Il-flashback jiftaħ u jagħlaq f’partijiet
differenti tar-rumanz: hemm il-preżent, meta l-protagonista narratriċi tinsab
fil-kunvent bħala soru, u hekk il-passat meta Suor Alessia kienet għadha
Alexia, studenta universitarja li tħobb lil student Ġermaniż, Werner Rechel.
Parti minn dan il-passat huwa anki ż-żmien meta Alexia toħroġ tqila u tagħti
t-tarbija tagħha għall-adozzjoni, u anki t-traġedja li tolqot lil Werner
bil-konsegwenza li Alexia tidħol fil-kunvent. Hemm passat ieħor li jmur aktar
lura: dak ta’ meta Alexia kienet għadha tifla u kienet tieħu ħsiebha “il-governanti”
Liża. Dak huwa wkoll iż-żmien li fih twieldet relazzjoni ta’ antipatija bejn
Alexia u Gustav (is-segretarju ta’ missierha), dak li n-narratriċi tgħid li
qatlilha l-kelb li kien tant għal qalbha, Muċċu. Aktar ’il quddiem niltaqgħu
ma’ preżent ieħor, jiġifieri meta Alexia tieħu deċiżjoni li ma tibqax għal soru
u tmur lura d-dar tal-ġenituri tagħha u ssir tħobb lil Daniel Calleja.
Element
narrattiv ieħor li jintrabat mal-immedjatezza li trid twasslilna l-awtriċi huwa
l-indirizz dirett lill-qarrej biex b’hekk tagħmlu parti mir-realtà tal-istorja li qed tirrakkonta. Hekk insibu partijiet
bħal “Tippretendix li għandha lesta għalik...”, “Nassigurak...”, “...stenna
ftit għax għandu jkun insejt nintroduċik...”, “imma ladarba nixtieqek li
tifhem”, “Għandek mnejn tistaqsini...”, “Ser nipprova ngħidlek...” u bosta
oħrajn. Permezz ta’ dan Meta Jħammar
il-Pepprin isir għamla ta’ qrara li permezz tagħha n-narratriċi tasal
għat-tisfija jew katarsi finali.[v]
In-narrattiva
ta’ Brockdorff hija magħmula wkoll minn deskrizzjonijiet dettaljati li jkopru
ġesti u movimenti partikolari marbutin ma’ personaġġi partikolari. Għalhekk
dawn jirriflettu sewwa l-karattri differenti. F’dan il-każ għandna aspett
estern (il-ġest u l-moviment) li jirrifletti aspett ġewwieni (il-karattru). Hekk,
per eżempju, diġà f’Kapitlu 1,
Brockdorff tagħti titwila dettaljata lejn x’inhu għaddej ġo moħħ in-narratriċi,
u anki lejn dak li saħansitra għaddej f’ruħha. Hawn jidħol l-aspett
psikoloġiku, il-ħsieb li jitturmenta lill-bniedem, u dan kollu fis-siegħa
tal-Adorazzjoni filgħaxija.[vi]
Brockdorff
tħaddem ukoll għadd ta’ mistoqsijiet rettoriċi li jirriflettu l-inċertezzi li
minnhom tgħaddi omm xebba li tiddeċiedi tagħti għall-adozzjoni lit-tarbija
tagħha. Dan jitwassal ukoll permezz ta’ numru ta’ analoġiji meħudin mid-dinja
naturali: “Imma għidli ftit, min jista’ jtawwal il-proċess tan-natura? Kif
taqbad tipperswadiha lin-natura? Jista’ xi ħadd iwaqqaf iż-żmien minn fuq
blanzun ta’ warda, lewn il-berquq, magħluq qalb il-weraq ħodor weqfin li
jħaddnuh, bil-petali marsusin; tawwali, blanzun mimli wegħda ta’ fwieħa, lewn u
sbuħija? Qed tgawdih żgur waqt li jdum magħluq. Tixtiequ ma jieqaf qatt. Imma,
b’xorti ħażina, fi ftit jiem ser jiftaħ, jikber, jiċċattja, jitlef il-fwieħa,
il-petali jimbarmu u minn lewn il-berquq isiru jagħtu fil-griż u l-kannella,
il-weraq qishom tilfu l-ħeġġa u tbielu jħarsu ’l isfel, u int tirrealizza li
dik il-warda tilfet il-gost tagħha.” (Kapitlu 6) F’Kapitlu 18 naqraw hekk:
“Tlaqt il-kotba fuq mejda u ntfajt minn tuli fuq is-sodda nħares lejn dak
is-sema ċar u sabiħ tal-aħħar siegħa tal-jum. Kien hemm is-sħab veru, sħab
abjad bil-griż imlewwen f’xi bnadi bir-roża jagħti f’lewn dehbi”. Mill-ġdid
l-elementi u l-ilwien naturali jirriflettu l-burdati u l-ħsus ġewwiena ta’
Alexia. Is-sħab jistgħu jkunu l-problemi, il-griż jirrifletti d-dubji, ir-roża
l-imħabba ġdida għal Daniel u d-deheb forsi jirreferi għal ġejjieni pożittiv.
L-importanza tax-xbihat naturali terġa’ tispikka fl-għeluq tar-rumanz fejn
il-ħajja tiġi mqabbla ma’ waqtiet ta’ rwiefen u uragani u oħrajn fejn tonfoħ
żiffa.
Il-ħsus
jew burdati ta’ Alexia jitwasslu wkoll permezz tal-mużika. Hekk f’kapitlu 15
naqraw: “Ħsibt li jekk ninsab tant kuntenta stajt inkompli nitla’ aktar
fis-seba’ sema jekk indoqq ftit mużika favorita tiegħi. Soltu ferm għal qalbi
Mozart, Bach, Chopin u Vivaldi. Xtaqt xi ħaġa aktar romantika... Ennio
Morricone.”
Apparti
n-narrazzjoni fl-ewwel persuna singular (xi ħaġa li Brockdorff għamlet sa
mill-ewwel rumanz tagħha, stil li patri Henry Born O.P. isejjaħlu metodu “tqil
u mimli diffikultajiet”[vii]) u
l-partijiet deskrittivi jew introspettivi, Brockdorff tinkludi wkoll partijiet
twal ta’ djalogu li jispikkaw l-iktar aktar ma wieħed jimxi ’l quddiem fil-qari
tar-rumanz.
L-ispazji u l-personaġġi:
Dawk
li tippreżentalna Brockdorff huma dejjem personaġġi umani, tad-demm u l-laħam, bit-tajjeb
u l-ħażin tagħhom. Min qed jirrakkonta hija soru, eżattament Suor Alessia, li
tinsab ġewwa kunvent Franġiskan. Għalkemm soru, u marbuta bil-vot
tal-ubbidjenza, Suor Alessia tgħaddi minn bosta waqtiet ta’ dubji. Aktar tard
matul ir-rakkont hija ssostni, “xtaqt lil Daniel b’ruħu u b’ġismu, xtaqt li
b’xi mod jurini li jħobbni mqar b’ħarsa waħda biss [...] sibt ruħi mitlufa wara
Daniel.”, u “Kont qisni f’limbu fejn jgħidu li m’hemm xejn...” (Kapitlu 14).
Hemm
il-personaġġ snob ta’ omm Alexia (karattru li niltaqgħu miegħu anki fi Kien Kwinta l-Qamar) li aktar tard, wara
l-marda li tgħaddi minnha, bħal tikkonverti u dan iwassal għal relazzjoni aħjar
bejn omm u bint. Dan it-titjib fir-relazzjoni bejn Alexia u ommha jilħaq
il-quċċata tiegħu fl-aħħar paġna fejn l-omm tistqarr quddiem bintha, “Kieku taf
Alexia kemm-il darba ddispjaċini talli kont ġegħeltek tabbandunaha! Ħajti saret
infern minn dak in-nhar ’l hawn. Għall-erwieħ! Sadattant... int taħseb li
tista’ xi darba taħfirli, Alexia?” (Kapitlu 25).
L-atmosfera
li wieħed isib f’kunvent hi mwassla b’mod effettiv tassew: naqraw dwar grupp
ta’ nisa reliġjużi maqfulin f’ambjent limitat fejn jaħkmu skiet, dlam, u
suġġezzjoni lejn il-Madre Superjura li fil-kunvent hija preżenza omnipreżenti,
kważi prepotenti u żgur b’saħħitha. L-ispazju
tal-kunvent jintrabat ma’ sens ta’ sliem, ma’ “dak li jmiss lill-ispirtu”. Għal
Suor Alessia dan hu l-ispazju fejn issib “il-familja li qatt ma kelli [...]
ir-rokna li stajt insejħilha dari.” (Kapitlu 11)
Joħroġ
mill-ewwel il-kuntrast bejn il-faqar tal-ħajja fil-kunvent (imma anki “is-sliem
u sens ta’ kollox sew” li jaħkem fil-kappella) u s-sitwazzjoni li jgħixu fiha
l-ġenituri ta’ min qed jirrakkonta: dan jinftiehem diġà mill-kunjom Cassia, u anki mill-post fejn jgħixu,
jiġifieri l-villa fil-Wardija. Dan hu l-ispazju li Alexia tiddeskrivih bħala
“id-dar kbira daqs ħabs, imma daqs ħabs vojt...”, u ftit aktar ’il quddiem
terġa’ tikteb, “Indur fejn indur fid-dar tagħna bdejt insir konxja ta’ ċerta
bruda jew nuqqas ta’ mħabba u attenzjoni.” (Kapitlu 7) Fl-istess kapitlu
tqabbel lid-dar tal-ġenituri ma’ mużew tal-arti u ssostni, “Ma stajtx inħossni
li jien nappartjeni għal dik id-dar, li dawk l-affarijiet kollha prezzjużi ser
jibdlu dik ir-reżħa li kont inħoss ġo fija.” Mela l-bruda mhix biss dik marbuta
mal-ambjent estern (il-villa), imma anki kundizzjoni ġewwiena (dak li tħoss ġo
fiha Alexia). F’Kapitlu 11 terġa’ ssejjaħ lid-dar tal-ġenituri “dar bla ruħ
[...] dar rieżħa u bla qalb...” Dan jitqiegħed f’kuntrast dirett kemm mal-flett
ta’ Alexia f’Għawdex, kif ukoll mad-dar ta’ Lourdes fejn “kien hemm xi ħaġa li
tiġbdek, li ssaħħnek u li tagħtik ċerta emozzjoni li inti tinsab tajba, li ma
jonqsok xejn.” Ir-rabta bejn spazju estern u dak ġewwieni terġa’ tinħass f’Kapitlu
12 meta n-narratriċi u protagonista tidba tħares lejn id-dar tal-ġenituri
f’dawl ieħor, dak pożittiv. U dan minħabba l-preżenza f’ħajjitha ta’ Daniel.
Għawdex
jinftiehem bħala l-post tal-ħarba mir-realtà. Huwa l-imkien fejn Alexia u Werner jinħabbu, imma anki
l-ispazju fejn isseħħ it-traġedja li ġġib tant niket u tbatija fil-ħajja
tan-narratriċi. Huwa wkoll l-ispazju li jorbot lil Alexia ma’ Werner, anki wara
l-għajbien tiegħu. Lil Għawdex Alexia ssejjaħlu “il-gżira li serqithuli […] sa
dak in-nhar baqgħet dejjem għalija l-gżira tal-ħolm.” Wara l-ħlas, tixref ġewwa
Alexia x-xewqa li taħrab minn din il-gżira. Għawdex huwa l-post fejn hemm
l-akbar ħbieb sinċiera ta’ Alexia, jiġifieri Lourdes u l-familja tagħha.
Għawdex jista’ jinftiehem ukoll bħala spazju li għadu lura soċjalment jew fejn
ir-rispett lejn ċerti regoli prestabbiliti għadu b’saħħtu qatigħ: huwa diffiċli
li l-ġenituri ta’ tfalja jaċċettaw li toħroġ ma’ ġuvni b’ġenituri separati. Hemm
fost il-ġenerazzjonijiet il-kbar il-biża’ minn ilsien in-nies.
Hemm
ukoll l-ispazju tal-klassi, rifless tas-snin li matulhom l-awtriċi ħadmet bħala
għalliema. Hemm ukoll l-ispazju naturali (idilliku meta Werner ikun għadu ħaj),
imqiegħed f’kuntrast ma’ dak intimu u ġewwieni (li jirrifletti waqtiet koroh li
minnhom għaddiet Suor Alessia): “Madwari kien hemm siġar iħaddru u fjuri
mlewna, sħana ħanina tax-xemx f’sema ikħal u kollox irranġat f’ordni perfetta,
waqt li f’qalbi kien hemm reżħa, maltemp, sema griż u taħwid kbir.” (Kapitlu
11)
Xi elementi tematiċi:
L-element
reliġjuż huwa qawwi ħafna fin-narrattiva ta’ Brockdorff. Apparti l-personaġġi
ta’ Suor Alessia u ħbiebha tal-kunvent, hemm ukoll ir-rwol importanti
tal-Kuxjenza li hawnhekk issir bħal personaġġ ieħor, indipendenti, li kull tant
żmien jidħol fin-nofs u jkellem lin-narratriċi (biex iwiddibha kontra
l-passjoni u ċerti deċiżjonijiet għaġġelija): “Il-kuxjenza tiegħi [...], li
minn hawn ’il quddiem ser nittrattaha qisha personaġġ ewlieni f’dan ir-rakkont,
għalhekk jixirqilha li niktibha b’ittra K kapitali. Hi u jien spiss nillitikaw.
Hija gwerra kontinwa.” (Kapitlu 2)
Ma’
dan tintrabat it-tema morali. Kapitlu 2 jibda billi n-narratriċi ssostni hekk
dwar xogħol l-għalliem: “Nemmen li l-ebda bniedem ma jista’ jgħallem, imqar
jekk ikun l-aqwa professur tad-dinja, ukoll jekk ikollu għexieren ta’ diplomi u
ċertifikati minn universitajiet
magħrufa, jekk f’qalbu ma jkollux doża kbira ta’ mħabba flimkien ma’ sabar u
interess ġenwin f’dawk li ser jgħallem.” Aktar tard f’Kapitlu 8, Brockdorff
tikteb, “Huma l-għalliema li jeħtieġu jkunu jafu kull iċken dettall li jista’
jgħinhom biex jifhmu lill-istudenti li jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum.” F’rabta
ma’ dan jissemmew numru ta’ problemi bħal ġenituri separati, aħwa bi problemi
fiżiċi, problemi ta’ smigħ, u ġenituri morda jew mejtin. F’Kapitlu 4 jingħad li
tarbija trid titrabba minn ommha u minn ħadd iżjed. F’Kapitlu 15 naqraw, “...
kemm hu isbaħ li tkun sinċiera u li tavda fil-ġenituri kif suppost.” Valuri
pożittivi oħra ewlenin fir-rumanz huma l-ħniena u l-maħfra.
Hemm
imbagħad it-tema tal-klassi soċjali. Fuq naħa l-klassi l-għolja, irrappreżentata l-aktar minn omm Alexia (u
l-ambjent fiżiku li tgħix fih, jiġifieri l-villa jew “palazz antik” fil-Wardija,
mimlija għamara antika u fided – simboli ta’ dak kollu li hu artifiċjali u
fieragħ - , imma anki l-komportamenti u l-ħbieb tagħha). Kif wieħed jista’
jinsa r-reazzjoni qalila ta’ omm Alexia malli ssir taf li bintha ħarġet tqila?
(Kapitlu 4) Għal ommha l-ewwel jiġi l-isem u l-preġju tal-familja. Fuq in-naħa l-oħra
hemm il-klassi l-umli jew dik tan-nofs, irrappreżentati min-nies li jaħdmu
fil-villa tal-ġenituri ta’ Alexia, imma anki mill-familja tal-ħabiba tagħha,
Lourdes, li tgħix Għawdex. Huwa f’Kapitlu 2 fejn Alexia tiddikkjara, “Għalija
dik kienet biss ħajja moħlija, ħajja vojta bla ebda skop.” Minħabba f’hekk
Alexia tirribella u tirrifjuta l-kumdità u
l-kondizzjoni kapriċċużi ta’ familtha u minflok issir soru u għalliema.
Tema
oħra fir-rumanz hija t-tiftixa tal-jien f’rabta mal-protagonista. F’Kapitlu 15
hija tistqarr: “Kont għadni mdendla fin-nofs, qisni purċinell, bejn id-dinja
tar-reliġjużi u dik tan-nies lajċi, mingħajr l-iċken idea lejn liema naħa ser
inxaqleb.”
Il-baħar
f’dan ir-rumanz mhux biss spazju imma anki preżenza jew tema rikurrenti. Hekk
f’Kapitlu 2 Alexia tgħid lil Werner, “Jiġu waqtiet meta ma nistax nifhmek,
drabi narak misterjuż daqs il-baħar li tant tħobb...” Dan jintrabat ma’ dak li
naqraw f’Kapitlu 16: “Il-qabar tiegħu kien il-baħar enormi fil-wisgħa tiegħu,
il-baħar fond li mhux għalkemm jitkejjel, il-baħar kiefer li miegħu ħadd ma
jista’ jirraġuna, waqt li jista’ kultant jidher bħal baħar sielem, kif jaf ikun
fis-sajf tagħna.” F’Kapitlu 18 il-baħar jiġi mill-ġdid ippreżentat bħala
element ta’ biża’ u tifkiriet koroh: “Għerien ta’ qiegħ il-baħar [...] Le! Ma
jmissnix insejjaħ lill-għerien sbieħ! Min jaf jekk Werner tiegħi inqabadx f’xi
waħda minnhom fejn kien hemm taħt il-baħar? [...] Dawk l-għerien tal-biża’,
dawk ikexkxuni!”
Il-baħar
għalhekk jintrabat ħafna mat-tema tat-tifkira u anki mal-personaġġ ta’ Werner
li jispiċċa biex isir ħaġa waħda ma’ dan l-element naturali. F’Kapitlu 21
naqraw hekk: “... morna [il-post huwa Ħondoq ir-Rummien, fejn kien għeb Werner]
u għal ftit minuti waqafna fis-skiet inħarsu lejn dik il-firxa baħar... baħar
sieket ħlief li kultant iċafċaf max-xatt ta’ taħtna [...] Fil-ftit minuti li
konna hemm poġġejna bilqiegħda fuq il-blat u kellimt f’qalbi lil Werner.”
It-tifkira
mbagħad tintrabat mat-tema tal-imgħoddi (tema ewlenija). Hekk tikteb Brockdorff
dwar dan: “Għax l-imgħoddi jgħix magħna, huwa biċċa minna. Fuq kollox, l-istess
preżent tagħna hu magħmul kollu kemm hu mill-passat; ħaġa li ħadd ma jista’
jinnega. Huwa bħal dell li jimxi kontinwament magħna.” (Kapitlu 8) Il-motiv
tat-tifkira b’xi mod jintrabat ukoll mal-proċess tal-maturazzjoni tal-istess
Alexia: hekk, wara ħafna, f’Kapitlu 15 tistqarr, “Nibża’ li fantażma ta’
tifkira ma tantx tagħtik wens.” Huwa hawn meta tibda tifhem li trid tinqata’
mit-tifkira ta’ Werner li ladarba miet mhux se jerġa’ lura. U dan jintrabat
ukoll ma’ kliem missierha ftit wara: “Eh! Dak kien żmien binti! Iż-żmien
tal-ħrejjef! Prinċpijiet fuq iż-żwiemel ma tantx nara dil-ħabta, smajthom
jgħidu fl-aħbarijiet li saru skarsi, skada ż-żmien tagħhom Alexia!”.
Għeluq:
Minkejja
dak li jgħid missier Alexia, Meta Jħammar
il-Pepprin jixbah lill-ħrafa għax għandu tmiem hieni. Brockdorff tagħlaq
b’aspetti pożittivi[viii]
bħalma huma l-għaqda, ir-rikonċiljazzjoni, il-familja, l-imħabba u l-maħfra,
kollha elementi li l-awtriċi ttrattat fil-pubblikazzjonijiet preċedenti tagħha.
[i] Interessanti dak li
jikteb il-Prof. Charles Briffa dwar il-kitba ta’ Lina Brockdorff f’Rhythmic Patterns in Maltese Literature
(Midsea Books Ltd., 2001). Huwa jinserixxi lil Brockdorff f’dik it-taqsima
tal-letteratura Maltija mistħajla li mis-snin sebgħin bdiet tesplora l-koxjenza
(jew stat ta’ min jaf x’qed jaħseb u jħoss) tan-nisa u li rriflettiet il-pożizzjoni
emanċipata tagħhom dejjem tissaħħaħ fis-soċjetà. Skond Briffa, Brockdorff kompliet fil-passi ta’ din
it-tradizzjoni li ppruvat tkejjel il-profondità tal-moħħ u tal-qalb, imma hija għamlet dan
mill-perspettiva ta’ mara. (p. 136)
[ii] BORN, H. “Kelmtejn Qabel
għall-Ewwel Edizzjoni”, fir-rumanz Kien
Kwinta l-Qamar, KKM, 2008, pp. 3-4.
[iii] FRIGGIERI, Oliver, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji –
L-Edizzjoni l-Ġdida Mkabbra, PEG, 2000, p. 248.
[v] F’rabta ma’ dan
tista’ tinqara l-osservazzjoni tal-Prof. Joe Friggieri fil-kumment kritiku
tal-bidu għall-ġabra ta’ stejjer Bellus u
Bizzilla: “... it-tiġrib tal-ħajja jservi biex id-dgħajjef jissaħħaħ, biex
l-ilma mdardar isir trasparenti, u biex minn wara ċ-ċpar tad-dubju jfiġġ
id-dawl taċ-ċertezza. Id-deheb jissaffa bin-nar, l-għarfien jiġi biż-żmien, u
l-fidwa ma ssirx mingħajr tbatija. Jekk il-firda tfisser mewt, l-imħabba u
l-maħfra jagħtu l-ħajja.” (p. viii)
[vi] Dwar l-aspett
psikoloġiku Pawlu Mizzi jikteb hekk fid-Daħla għal Il-Bieb Numru 11 u Stejjer Oħra (KKM, 2007): “L-għan fl-istejjer
ta’ Lina Brockdorff, imma, ma jidhirx li hu biss eżerċizzju psikoloġiku.
Miegħu, għalkemm minsuġ fir-rakkont, hemm għan ‘missjunarju’. Trid donnha [...]
tikxef ‘il-ħażen’ tas- soċjetà u
tikkonvertih fi tjubija.” (p. ix) Ftit iktar ’l isfel Mizzi jikteb ukoll li
Brockdorff “hija pittriċi ta’ ruħ il-bniedem. Mhix ir-ritrattista ta’ karattri
li ma jeżistux.” (p. x)
[vii] BORN, H., “Kelmtejn
Qabel għall-Ewwel Edizzjoni”, fir-rumanz Kien
Kwinta l-Qamar, KKM, 1974, p. 4.
Dwar it-tħaddim
tal-ewwel persuna singular u mekkaniżmi narrattivi oħra fil-kitba ta’
Brockdorff, il-Prof. Charles Briffa
jikteb hekk f’Rhythmic Patterns in
Maltese Literature: “Her first person narrative often alternating between
present-tense and past-tense transcription of thoughts and experiences; her
musing interior monologue [...] her hesitations; her interrogatives and
exclamations – all psychostylistically relevant features that produce a
forthright prose echoing the natural rhythms of speech. It is a convenient style
for the presentation of female lonliness and doubt.” (p. 139) Għalkemm dan
kitbu f’rabta mar-rumanz Kien Kwinta
il-Qamar, xorta nħoss li ħafna minnu għadu japplika fil-każ ta’ Meta Jħammar il-Pepprin.
[viii] Dan ifakkar f’dak li
jikteb Raymond Mahoney fil-“Kelmtejn Qabel” għar-rumanz La Jerġa’ Jasal Diċembru (KKM, 2010): “...hemm ukoll forza
ħellesija, qawwa ta’ kilba mħeġġa ta’ pożittiviżmu.” (p. 7); u lejn l-aħħar,
“kitba li taf tissensitizza mhux daqskemm tissensazzjonalizza ġrajja mħawra li
tressaq lejn xulxin karattri differenti, stili ta’ ħajja diversi u etajiet
żlivellati iżda f’armonija ta’ aċċettazzjoni, kenn, wens, ħasra u fuq kollox u
dejjem l-imħabba li ma tmut qatt...” (p. 9)
Dwar l-imħabba
fil-kitba ta’ Brockdorff jikteb ukoll il-Prof. Charles Briffa f’Ir-Rumanz Malti fit-Tieni Nofs tas-Seklu
Għoxrin (Kullana Kulturali, PIN, nu. 60, 2004): “L-imħabba, bil-forom
kollha tagħha, tant tispikka li tinħass qisha karattru sieket li jiddomina u
jikkontrolla lil kulħadd […] L-awtriċi donnha qiegħda tgħidilna li l-imħabba
għandha bosta potenzjal biex tiġġenera aktar imħabba.” (pp. 55-56)
No comments:
Post a Comment