Saturday, November 16, 2013

IRDIEDEN - ġabra ta' poeżiji ta' Jonathan Balzan (2013)

Irdieden hija l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Jonathan Balzan: ħaddiem f’wieħed mill-banek lokali, diplomat fil-Youth Studies, maratoneta magħruf u ppremjat, miżżewweġ u missier ta’ żewġ ulied, imma anki membru tal-Għaqda Poeti Maltin. Hawn insibu ġabra ta’ mitt poeżija li temporalment jifirxu bejn wieħed u ieħor fuq 14-il sena, miktubin eżattament bejn is-sena 1994 u s-sena 2012. Fost it-temi li jittratta naqraw dwar imħabba, familja, natura, twemmin, wirt artna, postijiet lil hinn minn xtutna, u futbol, imma anki dwar gwerra, terroriżmu, ċaħda tal-imħabba, vjolenza domestika, ġuħ u inugwaljanza, u l-bqija. Dik ta’ Balzan hija poeżija miktuba b’lingwa li tinftiehem bla ħafna diffikultajiet, għalkemm mhijiex nieqsa mill-idjosinkraziji u mill-isbuħija tagħha.

Tematika:

Kull bniedem huwa tad-demm u l-laħam, għandu qalb tħabbat, moħħ jaħseb u ruħ li spiss jew rarament tfakkru li huwa mhux etern. Il-poeta huwa bniedem b’dawn il-karatteristiċi wkoll imma jħoss il-bżonn li jesterna dak li jħoss ġewwa fih permezz tal-poeżija. F’waqtiet Balzan jinħass fi ġlieda ġewwiena u jfakkarna fil-kundizzjonijiet ta’ natura eżistenzjali li spiss ninqabdu fihom anki bla ma rridu. Hekk f’Aħna t-Tnejn jikteb, “Ninsabu msakkrin fiċ-ċella tad-destin.”

Mat-tema li tiddiskuti l-“jien”, mela l-kundizzjoni li jinsab fiha l-poeta bħala bniedem, tintrabat ukoll it-tema tal-poetika, mela l-kundizzjoni ta’ min qed jikteb bħala poeta. Hekk f’U Għax Jien Poeta... Balzan ifakkar li dik tal-poeta mhix kundizzjoni komda, għalkemm partikolari. Hawn wieħed jistaqsi jekk hux il-poeta li jikteb il-poeżija, jew jekk hix il-poeżija li ġġagħlu jikteb meta u fejn trid hi? Karatteristika importanti oħra li toħroġ f’dawn il-versi huwa l-fatt li l-poeżija tesprimi l-verità: “il-lapes u jdejja imwaħħdin fl-ispirtu/donnu ma jwaqqafhom ħadd,/jgħidu l-verità fuq karta silenzjuża b’kuxjenza.”

Balzan iqis il-poeżija bħala “furċina s-sena kollha”, u jkompli, “ma npartek qatt, għal dejjem dil-lealtà.” (Furċina) Il-poeżija takkwista t-tifsira ta’ qawmien mir-raqda u reazzjoni kontra l-istat ta’ waqfien; hija wkoll mezz kif jistgħu jinħallu ċerti għoqod. (Persjana)

Il-kundizzjoni ta’ skumdità li fiha jinsab il-poeta terġa’ tinħass fil-versi F’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, fejn Balzan jikteb “Jien xhud ta’ kollox”, u ftit qabel, “Fuq l-imħadda widnejja żżarżar bit-tnehid/ t’ilħna infantili nġazzati bla tort,/ isaħħnu l-kustilji b’subgħajhom xijplin.” Mela l-poeta mhux biss jikteb dwar ħwejjeġ li jweġġgħuh, imma jħossu parti mid-destin ta’ dawn il-“popli żvinturati” li jbatu l-ġuħ, u fl-istess ħin jaf li hu parti minn soċjetà differenti li tinħakem minn indifferenza totali quddiem din it-traġedja. Dan jesprimieh b’lingwaġġ mill-iktar b’saħħtu u  permezz ta’ xbieha effettiva: “Jien xhud ta’ kollox./ Xemgħa għassa b’żewġt uċuħ./ Fuq naħa qalbi xemgħa titbellah b’dal-frugħat./ Fuq naħa qalbi xemgħa tmajna hienja,/ għax midinba minn dat-tnawwir.”

Il-poeta huwa dak li josserva dak kollu li għaddej madwaru u minn din l-osservazzjoni joħloq reazzjoni permezz tal-versi tiegħu. Balzan huwa attent għal dak li jiġri fl-ispazju fejn jgħix (mela l-Gżejjer Maltin) imma anki lil hinn minn xtutna fuq livell soċjo-politiko-ekonomiku. F’Bikja ta’ Mara Msawta jikteb dwar il-vjolenza domestika fuq naħa u l-imħabba tal-omm lejn uliedha.  Fil-Funeral hija wkoll riflessjoni dwar l-ipokrisija f’soċjetà li tippoża bħala Nisranija: “Mal-mewt ingħaqdu lkoll l-aħwa mifruda,/ taħt kappell nisrani”. Dan jidher ukoll fil-poeżija li minnha ħadet isimha din il-ġabra, Irdieden, - fejn Balzan osservatur jibqa’ sieket jipprova jifhem spettaklu tassew ambigwu: il-festa tal-patrun –, imma anki fi Kristu Rxoxt Ġerrej u Maskarati. F’Lotterija naqraw kif Balzan jara lil Alla: “Hekk narak, Alla, biljett tal-lotterija./ Nisolħok taqlagħli, l-iben il-ħali,/ mil-libsa nqattagħlek biċċa biżżejjed,/ refuġju mit-tempesti u l-kapriċċi.”

F’Fuq Xatt il-Baħar naraw lill-poeta mdawwar minn folla fejn jaħkmu l-opposti: fuq naħa tfal jilagħbu u fuq l-oħra ċorma żgħażagħ jidgħu li jkissru l-idillju u li jġagħlu lill-poeta jixtieq iktar is-“siegħa tat-tfal tal-kastelli reqdin/ u l-umbrelel fil-karozzi għadhom miġburin.” Balzan jikteb dwar il-mentalità parrokkjali u limitata tan-nies tar-raħal f’Battibekk fil-Pjazza tar-Raħal: “Pjazza għanqbuta tilħaq salib in-nies”. Hawn id-diskors dirett jew saħansitra l-iktar ħsibijiet intimi – imma anki ta’ kuljum - ta’ persuni f’sitwazzjonijiet partikolari u differenti jieħdu l-forma ta’ versi miktubin minn Balzan li jġarrab mhux minn distanza imma minn qrubija li ftit ħafna jindunaw biha. F’poeżiji bħal 26 ta’ Settembru 2003 u U r-Rota Tbqa’ Ddur, joħroġ ’il barra mill-fruntieri nazzjonali. Minkejja li spiss il-versi tal-poeta jesprimu t-tbatija tiegħu quddiem il-ħażen tal-bniedem u l-konsegwenzi li jġibu miegħu, xorta waħda Balzan jibqa’ ottimist u jixtieq il-paċi. Huwa hawn fejn il-poeżija ssir ukoll talba: “Onfħu n-nifsijiet sħan baqra u ħmara/ forsi tmissu qlub dal-bnedmin kefrija/ u fil-Milied l-awguri ta’ paċi, sliem,/ jerġa’ jkun sinċier u għal kull żmien dejjiem.” (Din Xitwa Bard Mod Ieħor). Fil-Vaguni ta’ Madrid tieħu forma ta’ talba kontra t-terroriżmu u l-ħerba li jħalli warajh. Fuq Catra naraw lill-poeta li jiftakar fil-vjaġġ ta’ periklu u fid-destin inċert tal-immigranti rregolari u jitlob: “Nitlob għalik, ħabib,/ li għada x’ħin jisbaħ/ ismek ma jkunx intilef/ f’ħalq kelb l-baħar jew wisq agħar/ f’ilsien in-nies isallbuk bla qies.”

L-“għajta tal-protesta” naqraw dwarha anki f’Fuq Ħaġar u Barrieri li tieħu s-sura ta’ protesta ambjentali: “Fommok baqa’ sieket u fl-irdumijiet/ l-iskandlu kompla jiżżewwaq: skart f’widien,/ borok u tajr itturufnati, żjut fuq xtajtiet.” Quddiem dawn l-iskandli l-poeta bis-saħħa ta’ vrusu jassumi r-rwol ta’ suldat, mela gwardjan ta’ wirt artna: “waħdi suldat kontra riġment armat./ La tħallunix: dan wirtna tagħna lkoll.” Il-protesta ambjentali tinħass sewwa f’Il-Palma: “Il-palma/ fil-ġnien tas-sagħtar daħkan/ issa biss eku u misteru ħares/ f’ort ta’ pavimenti u kruha bla kuluri.” Fejn hemm il-ħolqien naturali hemm il-kuluri; fejn hemm l-għelm tal-progress hekk l-assenza tal-kuluri. Natura u wirt storiku jintrabtu flimkien f’Minn Fuq il-Victoria Lines, b’Balzan itemm din il-poeżija bi twissija-stedina: “Mhux il-konkos irid iżommok ħaj Victoria,/ ’mma għemilna u r-rispett/ jiddakkar minn fjura għal oħra bla stennejt.” Bħal kif jgħid Balzan f’Ritratt taċ-Ċittadella, wara dak li jista’ jinxtara bil-flus hemm wirt iktar rikk li jista’ jiġi akkwistat biss permezz tal-imħabba u tat-tagħlim.

Hemm ukoll poeżiji fejn Balzan jesprimi r-reazzjonijiet tiegħu quddiem il-kobor u l-isbuħija tal-univers naturali bħal f’Xewqa, Baħar (Ħdejn Għajn Tuffieħa), Bejn Sema, Sħaba u Ilma u bosta oħrajn. Hawn jispikkaw elementi naturali kemm tal-makrokożmu (il-ħolqien il-kbir) bħall-baħar, l-irdum, il-wied u x-xemx, kif ukoll tal-mikrokożmu (il-ħlejjaq iż-żgħar) abitat minn kreaturi varji li jintrabtu mal-gżejjer tagħna bħas-sagħtar, il-ħarrub, u l-Ingliża. Proprju mdawwar minn din is-sbuħija naturali Balzan jilmaħ il-preżenza divina: “Kollox f’ċirku ikkulurit/ jħares lejH, din ħolmietu mibdula f’realtà.” Żgur li versi bħal dawn ifakkru fil-poeżija ta’ Anton Buttigieg Il-Ħolma t’Alla. Il-qamar, bħal fil-każ tal-poeti Romantiċi, għadu jħalli l-benefiċċji tiegħu fuq il-poeta kontemporanju: “Fid-dawl ta’ qamar ta’ dal-lejl/ mexxejtni mid-dlam ċappa/ u mlejt qalbi b’kuraġġ/ int tiegħi l-ħolqa favorita tal-ħolqien.” (Dal-Lejl ta’ Bjuda)

Mal-idea tal-poeta bħala osservatur tal-univers naturali hemm marbutin ukoll dawk il-poeżiji li jiddeskrivu mkejjen partikolari u b’hekk it-titlu tagħhom jintrabat ma’ toponimi speċifiċi. F’din il-ġabra ta’ poeżiji Balzan isib il-wens f’postijiet bħal Għajn Tuffieħa, is-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi (is-salib mifhum bħala “l-istilla”, fis-sens ta’ direzzjoni, u “raħli l-maxtura”, kif jikteb f’Fejjaqtni Għuda f’Grigalatek), il-Ġnejna (fejn wara l-isbuħija naturali, bħal Anton Buttigieg f’Il-Ħolma t’Alla, Balzan jara “Alla l-pittur”), Lapsi (fejn il-poeta jifhem li ż-żmien ma jbiddilx biss lill-bniedem, imma anki wiċċ in-natura), id-Dwejra, iċ-Ċittadella, u Wied il-Mielaħ f’Għawdex, il-Victoria Lines, u Marsaxlokk.

Hemm toponimi li jmorru lil hinn mil-limiti nazzjonali u huwa hawn fejn għalija tidħol kategorija oħra ta’ poeżiji fejn naraw lill-poeta vjaġġjatur jew pellegrin. Fil-poeżija F’Assisi dan il-post fl-Italja jinftiehem bħala mkien spiritwali kontra t-theddida tad-dinja konsumerista u materjalistika, issimbolizzata mill-“vetrini”. Postijiet oħra li Balzan iżur u li jħallu marka fih huma Delphi, “sit ta’ qima lil Alla Apollo”, kif jikteb fis-sottotitlu għall-poeżija F’Delphi; Lourdes (“Mulej, Mulej, fakkarni f’dar-riflessi/ meta l-fidi tibda tirtogħod” – Fis-Sajf Ġewwa Lourdes); San Siro f’Milan; jinżel saħansitra Fl-Underground; jasal sa Krakovja; Kairouan; Praga; u Ruma. Waqt dawn il-vjaġġi lil hinn minn xtutna l-poeta jibqa’ jiftakar uċuħ partikolari li għad-dinja materjalista ma jfissru xejn, imma li għalih ifissru “mudell/ ta’ perseveranza/ fit-trab ta’ dinjieti vista sfukata.” (Kairouan)

Il-wens għal dan il-poeta ma jinsabx biss fin-natura imma anki fit-twemmin. Huwa twemmin li jintrabat ma’ mkejjen partikolari bħal Assisi u Delphi, u anki s-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi. Kemm is-Salib – “Għuda ta’ tjieba, ħarsien, stilla ta’ direzzjoni” - kif ukoll l-ispazju fiżiku naturali fih innifsu – magħmul minn “medda t’art maħduma, taflija,/ saqwija, għammiela, mdemma bis-silla,/ milqugħa bil-ġebel tal-ħajt tas-sejjieħ” - hawn jinftehmu bħala fejqan (Fejjaqtni Għuda b’Grigalatek).

It-twemmin fil-versi ta’ Balzan jinftiehem ukoll fuq livell temporali, proprju għax naqraw numru ta’ poeżiji li jintrabtu ma’ żminijiet partikolari matul is-sena: F’Ħamis ix-Xirka kull Sena, Fil-31 ta’ Diċembru 2000, F’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, u l-Milied

Kif wieħed jara tajjeb hawn it-twemmin jippermea sewwa parti sostanzjali mill-versi ta’ Balzan. Il-kelma “Nixtieq” fil-poeżija Fil-Presepju tiftaħ kull waħda mis-sitt kwartini li fuqhom tinbena u tenfasizza l-fatt li l-poeta hu idealist, mela dak li jixtieq verament ibiddel ir-realtà umana kif inhi. B’xi mod jew ieħor din ir-ripetizzjoni fuq “Nixtieq” tfakkarni fid-diskors “I Have a Dream...” li Martin Luther King kien għamel proprju 50 sena ilu fil-Lincoln Memorial f’Washington. Hawn Balzan jikteb: “ħa nkun jien l-ewwel xhud li nwassal l-aħbar,/ fl-għerien, fil-presepji u f’qalb il-bnedmin!”

Hemm ukoll il-versi fejn naraw lil Balzan missier li jilmaħ il-poeżija f’ibnu tarbija (F’Nofs ta’ Lejl x’Ħin Ittawwaltlek jew Stennija). Versi oħra huma ddedikati lill-imħabba kif se naraw fit-taqsima li jmiss ta’ din l-introduzzjoni.

Jonathan Balzan kiteb ukoll l-eleġija, mela versi li jreġġgħu lura għall-ħajja persuni li m’għadhomx magħna, bħal meta tħares f’mera u tara preżenzi li m’għadhomx fid-dinja tal-ħajjin imma qed jgħixu fil-poeżija, fil-kelma u fix-xbieha tagħha. Dan jidher fil-poeżija Għalxejn Ittamajt.

Xbieha:

Sa mill-bidu nett jinħass li fil-versi ta’ Balzan hemm ċertu fond jew spessur anki fuq livell figurattiv-metaforiku. Dan jitwassal permezz tald-dimensjoni kromatika (kuluri), imma anki permezz ta’ lingwaġġ ġdid. F’Baħar (Ħdejn Għajn Tuffieħa) jikteb, “Baħar blu/ baħar isfar/ baħar aħdar./ Anke baħar iswed jitqawwa”. Hawn il-baħar jiġi mogħti karatteristiċi umani (“jitfissed”, “jitmiegħek”, “jerġa’ jibdielu”, “jsabbat bir-rabja”), filwaqt li xbihat antiki jiġu mogħtija libsa ġdida minn dan il-poeta tal-ġenerazzjoni ’72: “Mill-pern irid jaqla’/ u jilgħab nintendo tal-metejoriti/ mal-blat, bil-blat.” F’Bejn Sema, Sħaba u Ilma naqraw dwar “il-ħdura tal-għelieqi”, “ix-xemx dehbiena”, il-“wied fiddien” u d-“dellijiet fuq l-irdum sonżi, issa oskur”. F’Din Xitwa Bard Mod Ieħor naqraw b’“Xemx tisreġ fuq kowtijiet vetrinati”, filwaqt li f’Facelift naqraw dwar dan it-“trapjant tal-vanità”. Fil-poeżija Fil-31 ta’ Diċembru 2000 jikteb versi ta’ twemmin mill-isbaħ permezz tas-similitudni: “Bħal demgħat tax-xita mdendla ma’ travu/ b’kejl joqtru muti fuq l-art kollha passi,/ b’tama nistenna sena wara oħra/ ħajti tinbidel”. F’rabta mat-tema tal-poetika Balzan juża din ix-xbieha f’Fit-Tlieta ta’ Filgħodu: “Bdilt stokk il-ħolm fil-kitba/ għax vrusi telqu lsienhom/ u tkellmu fuq elf ispirazzjoni.” Fil-versi ta’ mħabba bl-isem ta’ Fir-Raġġ tax-Xemx naqraw, “ġismi bħal dixx il-forn jikwi nar.” F’imkien ieħor jikteb, “Nħartet qalbi, felli bħal patata/ tintradam minsija fil-ħamrija.” (Ħarbana Qalbek); f’Ja Tulipana jikteb, “qalbi pallida tokrob,/ għalik ixxerred minaretti ta’ dmugħ./ Minn idejk arkett jinbtu ċrieki ħelwin/ jittajru fl-arja u jinfetħu jferrxu/ mużika tixxeblek ma’ ġismi”; u f’Kien Miktub naqraw, “Id-dijanjosi li ħallejna fil-fliegu/ ddub bħas-silġ skopert taħt xemx tirranka./ U jifdal... jibqa’ biss,/ Għall-klieb il-baħar, għadam l-ebusija ta’ qlubna fatat.” F’wieħed mill-ħajku jikteb: “Waqt li kont naqra/ nemus daħal bejn il-paġni/ jerda’ demm l-għerf”. F’Ġa l-Ħdax jikteb dwar “vrus mill-garigori ta’ ħajti”. Dawn kollha huma eżempji (marbutin l-aktar mat-tema tal-imħabba) ta’ lingwaġġ poetiku frisk li għandu mid-dinamiżmu ta’ min jaf iħaddem sew l-ilsien Malti u anki dak tal-poeżija. L-imħabba takkwista dimensjoni senswali f’Meta Jkollok: “U ngħawwar/ f’tanbur widnejk b’ilsieni/ immellsek trapan/ u nifsi jonfoħ/ fil-garigori/ ta’ ġismek għatxan.” Min-naħa l-oħra, kemm huma sbieħ u profondi versi bħal dawn li naqraw fi Kbir il-Baħħ ta’ Ftit Sekondi Bejn: “Kbir il-baħħ ta’ ftit sekondi, tqil is-silenzju/ nagħfasx enter, telqet u tirċievi l-emejl/ u l-baħħ ta’ ftit sekondi jinbidel f’baħħ ta’ dejjem.”

Aktar dwar l-aspett kromatiku. F’Camera 19: Qed Nistennik naqraw, “xbihatek quddiemi:/ liebsa l-oranġjo u l-iswed”. Il-kulur aħdar f’Din Xitwa Bard Mod Ieħor jakkwista tifsiriet figurattivi negattivi: “riesaq Milied ieħor jitlef sensu/ fejn il-ħdura, vendetta u għira/ saru r-rigali tal-Maġi tas-seklu għoxrin.” L-aspett kromatiku jerġa’ jaħkem fi Ġnejna: “oranġjo tal-Kolorado”, “blu l-ibħra oċeaniċi”, “roża taż-żigarelli”, “griż is-sema f’taqlib it-temp”. Din hija poeżija kwadrett (u li lili tfakkarni f’Selmun ta’ Daniel Massa) li faċilment tista’ tiġi tradotta f’arti viżiva. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-versi u kuluri li jiddeskrivu t-traġedja tal-kaċċa: “Rajt rmiedkom, ġwenħajkom/ qalb l-ingliża ħamra fl-għelieqi.” (Tliftek Għasfur Ċkejken)

Teknika:


Il-vers li jħaddem l-aktar Jonathan Balzan huwa dak ħieles, mela nsibu l-parti l-kbira tal-poeżiji tiegħu li jissejsu fuq versi ta’ tulijiet differenti. Anki bħala tul ta’ strofi ġeneralment mhemmx regolarità, għalkemm wieħed jiltaqa’ ma’ poeżiji magħmula minn kwartini bħal Wied il-Mielaħ (bir-rima mbewsa, AABB), Talba ta’ Mara Msawta, Għalxejn Ittamajt, Siġra u Lotterija. Ftit oħrajn jissejsu fuq it-terzina bħal Fakkartni, Kieku Llum ma Ġejtx Narak...,  u Kliemi. Hemm xi drabi meta Balzan jibni poeżija fuq strofi ta’ żewġ versi bħal Ħarbana Qalbek u Jekk Qalbek... F’din il-ġabra hemm ukoll waqt meta l-poeta jesperimenta bil-ħajku.

Minħabba l-fatt li strutturalment l-għażla ta’ Balzan ixxaqleb iktar lejn il-modern (għalkemm ma jonqsux l-influwenzi tal-poeżija tradizzjonali), wieħed jiltaqa’ ma’ ħafna waqtiet meta tispikka l-poeżija fuq livell udittiv, mela anki bħala kreazzjoni li tħalli effett fuq il-widna. Dan iseħħ permezz tat-tħaddim ta’ mekkaniżmi bħar-rima ġewwiena, jew imbewsa, l-alliterazzjonijiet konsonantali u vokaliċi (li jaħkmu b’saħħa f’Monti Marsaxlokk), u l-onomatopea.

Lessikalment – mela rigward it-tħaddim tal-kelma – Balzan juża lingwaġġ li jinftiehem, ibbażat fuq taħlita bbilanċjata bejn il-Malti Semitiku (li ġej mill-Għarbi) u dak Romanz (il-Malti modern li ġej mit-Taljan). Ma jonqosx lanqas, fejn tinħass il-ħtieġa, kliem Anglo-Sassonu bħal “facelift”, “out of bounds”, “integer”, “T Bone”, “Ticket booths” u oħrajn. F’Bħal Ħrafa Balzan jirrakkonta tiġrib l-imħabba fiż-żmien modern permezz tal-lingwaġġ tal-ħrafa tradizzjonali: “Mela bħal ħrafa, prinċipessa tiegħi,/ la l-mostru, il-maltemp, il-magħmul,/ la l-għadu bil-lanza, l-iħirsa miċ-ċelel,/ ma nħallu jmissulna xagħarna.”

Hemm drabi meta taħkem il-konċiżjoni fl-aqwa tagħha u li ssir l-aqwa espressjoni tal-poeta bħala osservatur attent. Dan joħroġ sewwa f’poeżiji bħal Għoġġiela (disa’ versi b’kollox), Hemm Biss Ankri Rumani (fejn it-tingiża soċjali kontra mentalitajiet qodma fi gżiritna tiġi ppakkjata fi tmien versi), u anki f’Naqtgħu t-Tokk (tmien versi dwar il-vjaġġ fuq il-baħar tal-immigranti irregolari).

Titħaddem ukoll it-teknika tal-kwadrett f’rabta ma’ spazji rurali fir-rebbiegħa (Qabel il-Breakfast), imwassal lilna permezz tas-sensi: ix-xamm – “b’riħet il-bukketti/ tan-narċis fix-xagħri u l-ġiżi fil-btieħi”; is-smigħ – “tħaxwix fis-siġar” jew “nisma’ ż-żunżan ħabrieki”; il-viżjoni – “Mill-ibgħad xefaq ballun jogħla ’l fuq/ ibiddel kuluru”; u l-ħass – “Mis-siġar laħqet żiffa/ taħsilli għadmi”.

Għeluq:

Kif il-qarrej se jara huwa nnifsu f’din il-ġabra poetika, Jonathan Balzan, ġenerazzjoni ’72, għandu ħafna kwalitajiet li jippromwovuh bħala bniedem sensittiv, osservatur attent, kapaċi jieqaf u jirrifletti dwar oqsma differenti mill-ħajja tal-bniedem, mela anki bħala poeta. Favurih għandu wkoll l-għarfien tas-sengħa tat-tħaddim tal-ilsien Malti li permezz tiegħu jinseġ versi li għandhom kemm mill-imgħoddi u mit-tradizzjoni imma anki mill-preżent u mill-modern. Nistieden lill-qarrej ta’ Rdieden jaqra ftit poeżiji kuljum u jgawdihom bil-mod il-mod daqslikieku kienu tazza ta’ nbid mqaddem kif suppost u tajjeb.


No comments:

Post a Comment