Monday, October 28, 2013

Il-ĦTIF - Rumanz ta’ Ronald Camilleri (2013)

Bejn ir-rumanz popolari u dak polizjesk

IL-ĠENERU LETTERARJU IN KWISTJONI:


Oliver Friggieri jiddeskrivi r-rumanz popolari bħala “rakkont aktarx nieqes mill-valuri letterarji tar-rumanz kolt, li jagħti l-akbar importanza lin-nisġa tal-istorja, u li jolqot il-gosti tal-kotra.”[i] Għal Charles Briffa r-rumanz popolari huwa għall-gosti tal-maġġoranza u jagħfas aktar fuq il-ġrajja, aktar milli jfittex il-letterarjetà. Briffa jikteb ukoll li tematikament ir-rumanz popolari “jikkonċentra l-aktar fuq kundizzjonijiet familjari b’impenn sensazzjonali li jqanqal il-ħrara biex wieħed jara kif se jkun it-tmiem.”[ii] Aktar tard Briffa jikteb li fid-diskussjoni tiegħu “popolari” għandu jinftiehem bħala “dak li jinftiehem mill-massa, jolqot il-gosti tal-massa, jadotta l-lingwa tal-massa, u jassumi l-attitudni tal-massa.”[iii] Biex ir-rumanz popolari jintogħġob mill-qarrejja ta’ ftit skola u għalhekk ikun faċli tifhmu jrid ikollu dawn l-elementi: m’għandux ikun ikkumplikat jew profond, ma jitlobx qari speċjalizzat, u tinħass fih l-artifiċjalità. Minkejja dan xorta huwa rilevanti għal taqsima ta’ qarrejja, l-aktar dawk li jħobbu s-sensazzjonaliżmu.[iv] Dan ir-rumanz popolari jinkludi fih ġrajja ta’ azzjoni u tensjoni. Kif se naraw aktar ’il quddiem dawn huma kollha elementi li Ronald Camilleri jinkludi fir-rumanz tiegħu IL-ĦTIF.

Fuq in-naħa l-oħra hemm ir-rumanz polizjesk. Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu hija s-sentiment tal-biża’. Charles Briffa jikteb hekk: “Il-ġrajja misterjuża tilgħab bis-sentiment tal-qarrej u l-biża’ hi l-aktar frekwenti, partikolarment il-biża’ ta’ dak li mhux magħruf, biża’ mnissla mill-inċertezza wkoll.”[v] F’IL-ĦTIF il-biża’ ma titwilidx minħabba elementi supernaturali. IL-ĦTIF jista’ jinftiehem bħala ġrajja misterjuża għax “jostor xi ħaġa mill-fehma tal-qarrej jew jaħbi l-ispjegazzjoni tagħha biex iqanqal xi suspetti jew kurżità; dak li jkun sigriet jista’ jitlob stħarriġ.”[vi] Għalhekk il-ġrajja tieħu l-għamla ta’ taħbila, ingredjent li bih jintisġu stejjer anki tad-ditektivs, tal-ħallelin u tad-delitti. Fir-rumanz ditektiv hemm l-elementi tal-istħarriġ, tat-tiftix, u l-mistoqsijiet investigattivi tad-ditektiv li jirnexxilu jħoll il-kobba mħabbla li l-awtur jirnexxilu joħloq. F’IL-ĦTIF se naraw li wieħed mill-personaġġi jingħata r-rwol tad-ditektiv, imma dan għandu ħajtu qasira fin-nisġa tar-rumanz. Minkejja dan xorta waħda l-elementi tar-rakkont detektiv jibqgħu jinħassu sal-aħħar f’dan ir-rumanz ta’ Ronald Camilleri.

MEKKANIŻMI STILISTIĊI MĦADDMIN MILL-AWTUR:

IL-ĦTIF huwa rumanz ta’ 278 paġna u jinqasam fi 28 kapitlu. Huwa rakkont kontemporanju, b’bosta dettalji marbutin mal-ħwejjeg żgħar li l-bniedem medju jagħmel jew jisma’ jew jaqra dwarhom ta’ kuljum bla ma jagħti ħafna kashom. Għalhekk Camilleri jirnexxilu jibni rakkont fuq ħwejjeg bħalma huma l-imħabba, it-tradiment, il-gideb, iż-żwieġ, il-ġlied, u l-qtil. Dak tiegħu hu rakkont li żgur iżomm attent u fuq ix-xwiek lill-qarrej li jrid jistrieħ waqt li jaqra bla ma joqgħod iħabbel rasu żżejjed.
Bosta drabi l-awtur iħaddem ritmu narrattiv mexxej, mela ritmu li jgħaġġel. Hemm l-alternanza bejn leħen in-narratur onnixxenti, mela l-użu tat-tielet persuna singular, u d-diskors dirett. Il-kapitli jorbtu tajjeb wieħed mal-ieħor. Hemm saħansitra kapitli li għalkemm mhumiex eżattament wara xulxin jillinkjaw tajjeb flimkien. Hemm kapitli fejn lejn tmiemhom jinbena sens qawwi ta' stennija u tensjoni. Huwa hawn meta l-qarrej, bħal ċerti personaġġi fir-rakkont, iħoss li se sseħħ xi ħaġa kbira u kerha.

Spiss Camilleri jagħti iktar saħħa lir-rakkont tiegħu billi jdaħħal elementi ġodda bħalma huma t-tqala, l-possibiltà ta' abort, id-deċiżjoni li t-tarbija tgħix, u anki l-marda tal-kanċer. Hija effettiva l-parti fejn wieħed mill-aħwa Magri rrabjat jhedded b'ħajjitha lil Sharon. Huwa hawnhekk ukoll fejn il-qarrej jistaqsi kif se tiżvolġi l-kura ta’ min hu maħkum mill-kanċer, jekk hux għat-tajjeb jew għall-ħażin?

Ma jonqsux dawk li se nsejħilhom scoops, jew sorpriżi fl-iżvilupp tar-rakkont, li jintrabtu mal-element tas-sensazzjonaliżmu li semmejt fil-bidu. L-azzjoni tkompli tikkomplika ruħha u tikkarga aktar ma wieħed ikompli jaqra u dan inissel dejjem iktar kurżità fil-qarrej ħa jara kif se jiżvolgi r-rakkont. Iż-żewġ każi ta' qtil (il-mara ta’ Jonathan u d-detektiv) jintrabtu flimkien permezz tal-kunjom Magri u r-rakkont jieħu dejjem iktar l-għamla ta' detective story. L-investigazzjonijiet isiru anki mill-Pulizija u jiżvolġu tajjeb matul ir-rakkont. Scoop ieħor hu meta nassistu għal attakk fuq il-pulizija (fejn jinqatlu sitt uffiċċjali tal-ordni pubblika) biex jiġu meħlusin l-aħwa kriminali waqt trasferiment bil-vann mid-Depot sal-ħabs. Fin-nofs hu involut pulizija korrott.

L-awtur jiftaħ jew iwessa’ wkoll l-ispazju tal-azzjoni tar-rakkont meta jittrasferixxi parti minnha fil-gżira ta’ Sqallija, b’wieħed mill-kriminali protagonisti jsir saħansitra kap tal-Mafja. Tidħol anki l-idea tal-“familja” permezz tal-pjan ta' wieħed mill-aħwa kriminali biex ħuh jivvendika ruħu minn min fl-imgħoddi m’għamilx kif qallu dan tal-aħħar. U dan permezz ta’ Kevin, iben u neputi. Camilleri jurina li għall-kriminal mhemmx limiti: il-ħażin jirnexxilu jippermea ruħu anki f’festa tal-Ewwel Tqarbina. Anki dan – flimkien ma’ ingredjenti bħalma huma telefonati u noti ta’ theddid, il-ħtif u l-istupru tal-innoċenti, korruzzjoni, u sensiela ta’ avvenimenti sfortunati li jwasslu sal-mewt, frott il-pjan kiefer tal-kriminali antagonisti - jgħin biex jiżdied il-livell tat-tensjoni u jiftaħ tieqa oħra fuq il-potenzjal tar-rakkont. Dan kollu jorbot mar-rumanz tal-Mafja.

IL-ĦTIF hu anki rumanz li jissejjes fuq aktar minn rakkont wieħed, però li kollha kemm huma jintrabtu flimkien jew jidħlu wieħed fl-ieħor. Hemm ir-rakkont li jiżvolġi madwar il-ħajja ta’ Sharon u l-familja Borg; rakkont ieħor huwa dak li jdur madwar il-kriminali u aħwa Magri.

Hemm ukoll it-tħaddim tal-flashback jew analessi, meta l-awtur joħodna lura fiż-żmien biex nifhmu aħjar dak li jkun seħħ u x’wassal eżattament għall-ġrajjiet fil-preżent. Insibu wkoll bosta riferimenti temporali u dan jgħin biex il-qarrej ikollu idea tajba taż-żmien li għaddej. L-azzjoni tar-rumanz tifrex fuq mill-inqas medda ta’ 18 jew 19-il sena.

F’IL-ĦTIF insibu inklużjoni u varjetà  tajba ta' personaġġi li jidħlu fin-nisġa tar-rakkont f'waqthom. Il-karatterizzazzjoni spiss hija tajba, imma l-iktar li tispikka hija l-krudeltà bla limiti tal-aħwa Magri. Minkejja li taħkem il-vjolenza, ingredient narrattiv tajjeb biex iżomm l-attenzjoni tal-qarrej, Camilleri ma jesaġerax bid-dettalji żejda u moqżieża. Il-mewt ta' waħda mill-protagonisti żgur tmiss qalb il-qarrej. Dan filwaqt li jkompli jispikka l-karattru kiefer tal-aħwa kriminali.

Lejn l-aħħar kapitli tar-rumanz kollox jieħu postu tajjeb narrattivament. Hu adatt l-istil użat - id-djalogu - għax iżomm il-qarrej attent il-ħin kollu. Imma proprju meta l-qarrej jaħseb li l-kobba se tinħall u l-ħżiena jinqabdu l-aħwa kriminali jerġgħu jaħarbu mill-Pulizija lejn Sqallija.

Huwa lejn l-aħħar parti tar-rumanz fejn bħal donnu  jibda rakkont (li jdur madwar il-persunaġġ ta’ Kevin) ieħor fir-rakkont ewlieni, u dan wara li sseħħ qabża temporali ta’ 10 jew 11-il sena. Isseħħ laqgha bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-“ħaruf” (moralment rett) u l-“lupu” (il-kriminal). Din hija xena effettiva u bżonnjuża li wasslet biex fl-aħħar Kevin (l-iben) isir jaf bl-imgħoddi tiegħu u bil-verità. Tmiem il-kapitlu jħalli lill-qarrej jaħseb dwar x'se jseħħ bejn l-iben u l-missier li bħala demm huma qraba sew imma moralment huma kilometri ’l bogħod minn xulxin.

Lejn tmiemu IL-ĦTIF jipprometti ħafna, anki permezz tal-isem tal-kapitlu, Ġustizzja. Il-ħażen tal-karattri tal-aħwa Magri jittieħed sal-estrem. L-awtur jinkludi doża qawwija ta' vjolenza anki f’dan l-aħħar kapitlu - dan jista' jogħġob lil ċerti qarrejja; għal oħrajn jista' jidher żejjed. Però wisq probabbli t-tmiem pożittiv jogħġob lil bosta wara l-ħafna tbatija li għaddew minnha nies innocenti.

Fl-aħħar tar-rumanz wieħed jistaqi x'seħħ minn Brian wara li Pietru talbu biex ikompli hu x-xogħol li kienu bdew l-aħwa Magri u biex jivvendika ruħu minn Kevin u mill-Pulizija? Jista' jkun dan bieb miftuħ għal sequel għal dan ir-rumanz?

Patrick Sammut (Ottubru 2013)

[i] Friggieri, Oliver, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji, PEG, 200, p. 685.
[ii] Briffa, Charles, Il-Letteratura Maltija – L-istorja tan-Narrattiva, Malta University Publishing, 2008, p. 609.
[iii] Ibid., p. 611.
[iv] Ibidem.
[v] Ibid. p. 623.
[vi] Ibid., p. 624

No comments:

Post a Comment