Sunday, September 29, 2013

GĦANJIET IL-QALB ta’ Charles Mifsud

Espressjoni ta’ leħen sinċier imma qalbieni

Introduzzjoni:

Il-poeta huwa konxju ta’ dak kollu li jgħaddi minnu l-bniedem u li bosta lanqas biss jagħtu kasu. Mela l-poeta huwa dak li jara, jifli, jaħseb u jikteb dwar dawk il-ħwejjeġ jew tiġrib li lkoll kemm aħna ngħaddu minnhom mingħajr ma nindenjaw ruħna nieqfu u nagħtuhom ftit ħin. Charles Mifsud dan diġà għamlu f’ġabriet poetiċi bħal Tnejn Flimkien (2003), In-Nisġa tal-Għanja (2006), Mid-Djarju ta’ Ġensna (2007), U Ġejt Terġa’ Tħabbatli (2009), u Il-Blata Tiegħi (2011). Issa qed jagħmlu mill-ġdid f’dan il-ktieb li jiġbor fih mal-157 poeżija, iżda din id-darba jagħtiha dehra differenti ladarba ma jorbotx il-poeżiji magħżula ma’ tema waħda, imma jittratta temi differenti. Il-varjetà tispikka wkoll fil-fatt li dawk ta’ Mifsud huma poeżiji li jintrabtu ma’ spazji, ħinijiet tal-jum, staġuni, burdati, żminijiet tas-sena (il-Milied, l-aħħar u l-bidu tas-sena, l-Għid, Jum San Ġwann, u l-bqija) u anki lwien differenti. Hawn naraw lil Mifsud bħala dak li jidħol fi spazji – fuq kollox astratti u emozzjonali - fejn il-parti l-kbira tal-bnedmin ma jazzardawx jersqu. Huwa dak li jġorr il-piżijiet li ħadd ma jridhom, apparti dawk li nsiethom ix-xorti t-tajba.

Stil:

Dawk ta’ Charles Mifsud huma poeżiji li fil-maġġoranza tagħhom itulu bejn 20 u 30 vers. Fihom jiġbor jew irekken riflessjonijiet dwar aspetti differenti u anki veritajiet li mhux kulħadd kapaċi jinnota, iniżżel jew jammetti.

Charles Mifsud għandu l-għeruq tiegħu fl-ewwel nofs tas-seklu 20, mela ma setax jonqos li l-metrika u l-prosodija tradizzjonali jħallu l-marka tagħhom fil-versi tiegħu. Minkejja dan hemm bosta drabi meta l-poeta jħaddem il-vers ħieles.  Dan hu prova tal-fatt li Mifsud ma jiddejjaqx jesperimenta billi jlaqqa’ fuq livell ta’ prosodija u ta’ metru t-tradizzjoni mal-modern. Hemm darbi meta jħaddem l-għamla tas-saffika klassika (Mal-Milja ta’ Diċembru u Il-Ħuġġieġa), oħrajn meta jħaddem is-settenarju u l-kwartina bir-rima mqabbża biex jikteb taħnina (Ninni Katrina, Ninni). Drabi oħra l-poeżija tieħu l-għamla tal-ħrafa tal-Milied (Ejja Mmorru Naraw lill-Bambin), imma hemm poeżiji fejn fuq naħa jalterna b’versi tradizzjonali u regolari bħall-ottonarju u l-kwaternarju, fi strofi mhux regolari, u fuq l-oħra jinserixxi wkoll versi ta’ tulijiet oħra biex b’hekk il-poeżija la tissejjaħ tradizzjonali imma lanqas strettament moderna. Spiss Mifsud iħaddem ir-rima mqabbża, anki jekk l-istrofi jkunu miktubin bil-vers ħieles u ma jkunux kwartini. Drabi oħra jikteb poeżiji fejn jaħkmu versi bħas-settenarju, l-endekasillabu, jew kombinazzjoni ta’ senarji/novenarji/doppji-senarji (biex hawn joħloq ritmi mexxejja), għalkemm ma jkunux l-uniċi versi li jintużaw fil-poeżija. Rima oħra għal qalb ħafna Mifsud hija dik imbewsa, mela fejn insibu koppji ta’ versi wara xulxin li jaqblu flimkien (eż. fuqha/senduqha; nies/qjies; ħsieb/ħbieb; ħlewwa/dnewwa; iżuruni/ikellmuni; ġmielek/kliemek; kbir/tkissir; u bosta oħrajn). Għalkemm spiss dawn ir-rimi mhumiex regolari daqskemm fil-poeżija strettament tradizzjonali, xorta waħda jgħinu b'saħħa fir-ritmu u fil-mod kif il-poeżija ddoqq aħjar għall-widna, mela f’rabta mad-dimensjoni udittiva. Dan iseħħ anki permezz ta’ bosta rimi ġewwiena u alliterazzjonijiet.

L-appell għas-sens tas-smigħ jinħass qawwi f’poeżiji bħal It-Tfajla tal-Vjolin u Iddoqx Aktar Qanpiena. Fl-ewwel waħda poeżija u mużika jitwaħħdu b’sengħa kbira, filwaqt li fit-tieni poeżija l-ħoss tal-qanpiena jnissel sens ta’ ħtija fil-poeta. Fiż-żewġ poeżiji jitħaddem ritmu “ħarkien”. In-“noti mill-kampnar” nerġgħu nisimgħuhom fi Sbieħ il-Jum. Il-ħsejjes tad-dinja naturali (“tħaxwix”, “għana”, “ċenċil”, “tgelgil”) li minnha hija ispirata l-isbaħ poeżija jaħkmu f’Poeżija l-Isbaħ Sinfonija.
Hemm drabi meta Mifsud iħaddem mekkaniżmi bħalma huma l-antiteżi jew il-paradoss biex iwassal aħjar it-tifsira tal-ħajja (ara Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, fejn paradossalment Mejju jfakkru fil-mewt taż-żewġ ġenituri tiegħu).

Il-reġistru lessikali li spiss jaħkem hu dak naturali. Dak tiegħu hu lessiku li għandu kemm mill-Malti safi, imma fejn meħtieġ ma jiddejjaqx juża l-Malti Romanz. Il-lessiku sempliċi jirrifletti anki l-imħabba safja bejn il-missier u l-bint. Hemm drabi meta Mifsud juża saħansitra kliem li għandu iktar mill-proża milli mill-poeżija, anki biex jirrifletti l-ħajja ta’ kuljum bin-nuqqasijiet kollha tagħha.

Fil-versi tiegħu Mifsud juża toni differenti: pożittiv, dikjarattiv, drabi oħra anki ċelebrattiv (li jinħass spiss f’rabta mat-tema tal-mħabba, fejn il-poeta juri l-apprezzament tiegħu lejn żwieġ li rnexxa u li jifrex fuq medda ta’ 40 sena), assertiv (f’rabta mat-tema soċjali), drabi oħra gravi (meta jittratta l-agunija tal-bniedem minħabba mard gravi). Hemm drabi meta Mifsud inissel anki tbissima minkejja li jikteb dwar il-mewt: hekk f’L-Għolja tal-Ħorr jikteb li “min jorqod hawn, moħħu mistrieħ,/ li ebda sid il-kera ma jkeċċih.” Bosta drabi Mifsud juża t-ton ta’ protesta f’rabta mat-tema soċjali, drabi oħra jħaddem it-ton konfessjonali bħal f’Qabel Intemm il-Vjaġġ, u f’waqtiet oħrajn jitħaddem it-ton eleġijaku meta jikteb dwar persuni għeżież li m’għadhomx magħna.

Hemm versi li jfakkru f’poeżiji ta’ poeti Maltin oħra li jintrabtu fuq kollox mal-ewwel nofs tas-seklu 20. Charles Mifsud huwa wkoll poeta nostalġiku u spiss iħares lejn dak l-imgħoddi safi – anki t-tfulija - li llum għadda u ntesa. Hekk il-poeżija Dgħajjes tal-Karti tfakkar f’poeti bħal Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo u Marjanu Vella. Anki Mirkeb Tlettax, iddedikata lin-neputija Martina, tfakkar fil-versi Il-Ġerrejja u Jien ta’ Dun Karm, ladarba ż-żewġ poeti jiktbu dwar il-vjaġġ tal-ħajja matul il-fażijiet differenti tagħha. Wieħed Biss żgur li tfakkar fl-istess poeżija miktuba minn Rużar Briffa: hawn wieħed jistaqsi jekk il-leħen ewlieni fil-poeżija hux dak ta’ Kristu jew tal-mara midinba, imma mbagħad bħal iħoss li f’partijiet differenti tal-poeżija huma t-tnejn. Mifsud għandu poeżija mnebbħa mill-poeżija ta’ Briffa Il-Kotra u Jien: din hija Bl-Għanja Tiegħi, fejn jikteb dwar ir-relazzjoni poeta-poeta, imma anki dwar il-poeżija bħala rigal lill-batut. Hemm drabi meta l-versi tal-imħabba ta’ Mifsud jistgħu jfakkru fil-versi tal-poeta Cilen, Pablo Neruda (ara Estasi). Mifsud għandu wkoll eleġija ddedikata lill-għannej magħruf, il-Budaj: “Dabet il-kisra tal-leħen/ li għaxqet tant nies,/ ħemdet l-għanja minsuġa,/ mirquma b’tant qies.” Il-poeżija Sħabiet tinbena minn versi li jfakkru fis-safa, fis-sempliċità u fin-naturalezza tal-poeżiji ta’ Mary Meilaq.

Fis-sempliċità tal-lingwaġġ ta’ Mifsud hemm imħaddma metafori effettivi: f’Dgħajjes tal-Karti d-dgħajsa li salvat hija l-poeżija. F’Jekk Ħajtek bħal Murtal... il-qosor tal-ħajja mhix rifless biss permezz tax-xbieha tal-murtal li hu sabiħ imma jispiċċa malajr, imma anki permezz tal-konċiżjoni li biha hija miktuba l-poezija (11-il vers kollox). Dan huma biss żewġ eżempji.

Dan ifakkarni wkoll fid-dimensjoni kromatika (dik tal-kuluri) fil-versi ta’ Mifsud. Hemm l-iswed li spiss jintrabat mal-lejl u mal-mewt, imma anki l-“Murtali kkuluriti,/ ħomor, koħol, ħodor, vjola,/ taħlita ta’ lwien sbieħ li jpaxxu l-għajn” (Jekk Ħajtek bħal Murtal...). Hemm l-ilwien tas-sardinella fejn l-aħmar ifakkru fid-demm tal-eroj Maltin u l-abjad fis-safa tat-tfulija (Sardinella). L-ilwien (l-aħmar, l-iswed, l-ikħal u l-abjad) jerġgħu jispikkaw f’Mera tal-Imgħoddi, fejn Mifsud jagħtina għadd ta’ ritratti mill-ħajja tal-imgħoddi li llum għebet totalment. F’Picasso jfakkarna fir-rabta bejn il-poeżija u l-pittura; isostni wkoll li anki Picasso pitter kwadri ta’ natura soċjali fejn pinġa l-ikrah, imma għenna wkoll naraw is-sabiħ tal-ħajja.

Dan kollu jgħin biex jagħmel mill-versi ta’ Mifsud huma poeżiji li jinqraw bla diffikultà u b’hekk jagħtu pjaċir. Dan jintrabat mal-idea tal-poeżija bħala terapija, serħan, u mhux uġigħ ta’ ras.

Tematika:

It-tema li taħkem f’din il-ġabra hija dik soċjali (b’31 poeżija li jittrattaw aspetti differenti tal-istess tema). Charles Mifsud jikteb dwar realtajiet familjari ġodda li tbiegħdu ħafna mill-mudelli tradizzjonali. Hawn m’għandux kantunieri u dak li jħoss ġewwa qalbu jgħidu bla tidwir mal-lewża. Hekk il-poeta jikteb kontra l-abort (hemm drabi meta jingħata leħen lill-istess tarbija li sfat vittma ta’ din l-atroċità), id-divorzju, u l-konkubinaġġ. Min-naħa l-oħra, f’Lill-Kelb, jikteb dwar il-lealtà li tista’ turi bhima lejn il-bniedem, lealtà li xi drabi lanqas il-bniedem mhuwa kapaċi jżomm. Mifsud jikteb ukoll kontra l-ħela tad-dinja sinjura (mela dwar il-faqar), kontra l-qirda ta’ ħlejjaq innoċenti li ġġib magħha l-kaċċa, kontra l-gwerra, l-anarkija u l-armamenti, ir-regħba, l-ipokrisija, l-isfruttament tal-ħaddiem (anki tat-tfal ħaddiema), il-ħitan ta’ firda u mibegħda li nbnew f’imkejjen differenti tad-dinja matul l-istorja tal-bniedem, imma anki dwar it-tradiment, dwar min jinħakem mid-disperazzjoni tanti li jikkommetti suwiċidju, dwar is-solitudni li jbatu ċerti anzjani u l-ingratitudni tal-ulied, dwar il-bniedem “marjunetta” li jiġi mmanipulat mill-politiċi, u dwar il-kożmetika qarrieqa tal-festi reliġjużi llum (Profanità). Id-dgħjufija tat-twemmin tagħna terġa’ tidher f’Illum il-Ġimgħa l-Kbira, fejn Mifsud jikteb:

“Illum qed jisgħobina, għax qtilna ’l Kristu,
għada x’aktarx ninsew, nerġgħu noqtluh.”

Mifsud hu konxju ta’ dawn ir-realtajiet x’uħud minnhom qodma u oħrajn ġodda li ma jagħmlu xejn ħlief inisslu tbatija fil-bniedem. F’Nota ta’ Qsim il-Qalb il-poeta jqiegħed lill-omm fiċ-ċentru tal-vers għax hija ċ-ċentru tal-familja, imma dan mhux aktar f’din id-dinja imperfetta, imma fil-ġenna: “Nittama li xi darba,/ għad nerġgħu niltaqgħu.../ fil-ġenna flimkien,/ int, ommok u jien.” Mifsud għandu wkoll versi kontra l-egoiżmu tal-bniedem, versi li żgur ifakkru fil-poeżija Ħbiebi ta’ Karmenu Vassallo: hekk jikteb fl-poeżija Egoiżmu:

“Il-bniedem li ġie mżejjen bl-altruwiżmu,
Ġie mxekkel bl-għerq spjetat tal-egoiżmu.”

F’rabta mat-tema soċjali Mifsud spiss jikteb dwar il-bidla li ġab miegħu ż-żmien. Hekk b’sens qawwi ta’ nostalġija għall-imgħoddi, il-poeta jqiegħed f’kuntrast il-passat u l-preżent, l-ambjent tar-raħal u dak tal-belt, filwaqt li jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet rettoriċi mmirati biex iġagħlu lill-qarrej jirrifletti dwar dan kollu (Tfajla Raħlija). Filwaqt li Mifsud jagħraf li kollox għandu tmiemu, f’Mera tal-Imgħoddi jistaqsi, “Imma tgħid liem żmien kien l-isbaħ,/ dak iż-żmien jew il-modern?”  Fit-tifkira hemm il-ferħ, u l-poeżija tgħin biex dan il-ferħ ma jintesiex. Fl-imħabba hemm is-soluzzjoni (li donnu ħadd ma jrid jaċċetta jew iħaddan) għall-mibegħda u l-għira li jaħkmu lill-bniedem (Bl-Imħabba Nibnu Pont). Fil-poeżija tat-twemmin, imbagħad, hemm il-kenn u d-duwa għal min hu mgħaffeġ bi problemi diversi (Jekk Trid). Hemm ukoll il-possibbiltà li l-poeta jerġa’ jgħix l-imħabba u l-valuri pożittivi li għaddietlu ommu. Valuri bħal dawn jissemmew f’Paċi?: huma l-verità, is-sinċerità, l-imħabba, it-tolleranza u l-maħfra, imma anki l-ħbiberija u l-irġulija (Stedina).

Tema oħra importanti hija dik tal-familja, u din titqiegħed f’oppożizzjoni tal-versi li jittrattaw il-problemi tal-familja tal-lum. Naqraw poeżiji li Charles Mifsud jiddedika lil ommu (5 b’kollox), lil missieru (4), imma anki lil uliedu, lin-neputijiet, u fuq kollox lil martu (21), ladarba l-ġabra Għanjiet il-Qalb hija ddedikata lil mart il-poeta f’għeluq l-40 sena minn żwieġhom. Dejjem f’rabta mal-poeżiji ddedikati lil martu, Mifsud iqiegħed f’kuntrast l-eternità tal-imħabba vera kontra s-sbuħija materjali għaddiena (Il-Ġmiel li Skoprejt). F’dawn il-poeżiji ddedikati lil martu Mifsud jikteb dwar l-imħabba mhix mittiefsa minn tendenzi moderni li kkorrompew dak li xi darba kien iktar safi. Il-missier huwa figura mudell li għadda lill-poeta l-valuri Nsara. L-omm tfisser għaqda, ġid, imħabba, ferħ u għaqal.

F’rabta mat-tema tal-mewt spiss tintrabat dik tat-twemmin (li hu ttrattat f’mill-inqas 15-il poeżija). Charles Mifsud huwa l-poeta Nisrani li ma jiddejjaqx iberraħ twemminu u jippreżentah bħala dik it-tarka kontra l-piżijiet u l-ostakli tal-ħajja. Żewġ versi li jispikkaw huma dawk li jtemmu l-poeżija Għada Niġi Narak, fejn Mifsud jikteb, “Il-lejla nieħu ħsieb nitlob lil Alla,/ ngħidlu x’irrid, għax miegħi qatt ma falla.” It-twemmin hu wkoll mifhum bħala l-unika duwa kontra l-kefrija tal-firda li ġġib magħha l-mewt, filwaqt li Kristu jinftiehem bħala d-dawl f’waqtiet ta’ dlam u qtigħ il-qalb. Hemm poeżiji, bħal Idden is-Serduq, li jieħdu l-forma ta’ stedina biex il-bniedem jindem billi jħares lejn “Kristu kurċifiss”. F’Agunija naraw lill-poeta osservatur quddiem bniedma li sfat vittma ta’ agunija minħabba marda terminali. Mifsud jirrifletti quddiem il-bidla li jġib miegħu l-mard fil-bniedem. Anki hawn l-uniku sabar hu t-twemmin.

Il-poeżija hija fuq kollox riflessjoni dwar il-ħajja li nġarrbu lkoll kemm aħna. Kontra dak li jaħsbu bosta, Mifsud poeta mhux xi ħalliem li jinqata’ mir-realtà tad-dinja, imma jżomm saqajh mal-art: quddiem kwadru vojt lewn iswed jikteb, “Dak il-kwadru jekk tixtarru fih tifsir,/ li trab kont u trab issir.” (Dendilt Kwadru mal-Ħajt). Minkejja dan, f’Żewġ Rigali, il-poeta jemmen li bħall-ħajja anki l-mewt hija rigal ladarba “tista’ tkun tieqa/ li tħares lejn il-ġenna.”

Qasam tematiku ieħor għal qalb il-poeta huwa dak tad-dinja naturali. Fil-versi ta’ Charles Mifsud jispikkaw l-istaġuni bil-burdati differenti marbutin magħhom, il-ħlejjaq ċkejknin, il-baħar. Hemm elementi li huma parti mid-dinja taċ-ċokon (il-mikrokożmu)  - bħal qatra nida, pitirross, sardinella, warda, naħla, farfett, sturnell, dielja, amorin, lellux, peprin, ġarġir – li jwasslu lill-poeta biex fl-aħħar mill-aħħar jirrifletti dwar il-kobor tal-ħallieq stess, imma anki dwar il-kenn mid-diżordni li ħoloq il-bniedem li toffri l-istess natura. Imbagħad, permezz tat-topografija naturali – magħmula minn widien u għaqbiet, fost oħrajn – il-poeta jikteb dwar tiġribu matul fażijiet differenti ta’ ħajtu (Minn Wied għall-Ieħor).

Hemm ukoll waqtiet meta Charles Mifsud jikteb dwar il-“jien”. Hawn il-versi jinftiehmu bħala awtodefinizzjoni min-naħa tal-poeta. Hekk f’Jien, Min Jien? Jikteb dwar tliet pedestalli li jsawruh: l-imħabba lejn art twelidu, it-twemmin u l-poeżija. Il-poeżiji patrijottiċi, fis-sens dejjaq tal-kelma, mhumiex ħafna hawn (ara l-aħħar poeżija Abjad u Aħmar Biss), imma l-kitba tal-poeżija bl-ilsien nattiv hija fiha nnifisha turija ta’ mħabba min-naħa tal-poeta lejn art twelidu. Hija mħabba li, kif rajna, toħroġ anki permezz ta’ lingwaġġ eleganti, magħżul, mirqum, u mżejjen ukoll minn kliem li għaddewlna missirijietna, u li lista tagħhom bit-tifsiriet rispettivi tinsab fl-aħħar parti tal-ktieb.

Bla poeżija Mifsud iħossu “bħal qisni pellegrin tilef it-triq” (Pellegrin Mitluf). Dwaru nnifsu bħala poeta jikteb hekk f’Min Jien?: “Jien għasfur tal-għana/ bi vrus is-sliem fuq fommi,/ nissieġ il-ħsieb fil-kelma/ bl-ilsien li tatni ommi”, imma anki, “Jien sieħeb in-natura, ninnamra mas-sbuħija,/ għassies ħerqan tal-Muża,/ ilsir tal-poeżija.” Ma’ dawn tintrabat sewwa l-poeżija L-Għanja tal-Btieti, li huma versi li jfakkru fi tradizzjoni partikolari għal qalb min kien jgħix fir-raħal: dik meta n-nisa tad-dar kienu jgħannu waqt il-faċendi tagħhom. Mifsud isostni li jista’ jkun li kienet din it-tradizzjoni li kebbset fih il-ġibda lejn il-poeżija. Dejjem f’rabta mat-tema tal-poetika, f’Min Hu Poeta?, Mifsud isostni li, “Poeta hu kull bniedem,/ li jinseġ tifħir ’l Alla,/ l-Awtur ta’ ġmiel il-ħajja.”

L-ispazji:

Matul il-poeżiji tiegħu l-poeta ma jimraħx biss fi spazji ġewwiena u b’hekk astratti (bħal dawk tal-qalb, tar-ruħ, tat-tifkira), imma anki fi spazji fiżiċi marbutin mar-realtà li nġarrbu bis-sensi. Hekk jissemmew iċ-ċimiterju (f’L-Għolja tal-Ħorr, f’rabta mat-tema eleġijaka, imma anki f’Sagħtejn l-Addolorata, fejn ras il-poeta tfur bil-ħsibijiet dwar dak li kien u dak li għad irid ikun), l-Imdina, il-kampnar tal-knisja ċkejkna, irkejjen naturali bħal Wied Għammieq u Wied il-Qlejgħa – fejn fuq il-passi tal-poeti Romantiċi jsib serħan mill-problemi tal-belt, kif jagħmel Ġorġ Zammit f’poeżija bħal Gelmus -, is-sala ta’ sptar, id-dar (fejn spiss jiddeskrivielna l-familja miġbura), is-suq, il-knisja, jew quddiem il-mafkar ta’ Dun Karm Psaila fil-Furjana. F’Fuq il-Kaptelli, f’San Ġwann Mifsud jikteb dwar il-Katidral ta’ San Ġwann bħala mafkar lil dawk kollha li wrew qlubija fl-imgħoddi. Fi Qniepen Karkariżi Mifsud joħodna dawra ma’ raħal twelidu billi jsemmagħalna l-qniepen tal-knejjes differenti li jinsabu f’dan l-imkien li hu ħaġa waħda mat-twemmin Nisrani. Għalhekk jissemmew is-Santwarju tal-Ħerba, il-Knisja Kolleġġjata, il-Kunvent ta’ Santa Tereża, San Ġużepp, Sant’Antnin, tal-Karmelitani u ta’ Santa Marija.

Konklużjoni:

Dik ta’ Charles Mifsud hija poeżija li fiha x’tixtarr, iġġegħlek tirrifletti dwar ħwejjeġ differenti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-qarrej fl-ebda waqt ma jħossu mitluf minħabba ċertu ermetiżmu li jħaddmu poeti kontemporanji oħrajn u li spiss jgħajja lil dak li jkun tant li jispiċċa jwarrab il-poeżija. Anzi s-sempliċità u l-kjarezza tal-versi ta’ Mifsud jistiednu lill-qarrej ikompli jaqra u jqalleb il-paġni. Waqt li kont qed naqra l-versi tiegħu jiena stħajjiltni ħiereġ minn kamra u dieħel f’oħra biex niskopri dejjem iktar dwar il-bniedem u d-dinja li jgħix fiha.

Ħafna mill-poeżiji ta’ Charles Mifsud jesprimu s-sodisfazzjon ta’ min matul ħajtu kien jaf jimxi ’l quddiem b’ottimiżmu, minkejja li l-ħajja ma kenitx faċli. Jinħass ukoll fil-versi ta’ Charles Mifsud il-fatt li l-poeta jaġixxi bħala l-leħen tal-kuxjenza. Fil-versi tiegħu Mifsud jistqarr għadd ta’ prinċipji sodi li llum qed jiddgħajfu. Wieħed jista’ jgħid, kulma huma dawn huma versi. Imma jinħass spiss li huma versi li kapaċi joħolqu eku li jtarrax u li jħarrek lill-ġewwieni tal-qarrej rieqed minħabba l-piż tal-indifferenza u l-apatija.


Patrick Sammut 

No comments:

Post a Comment