Tuesday, September 10, 2013

TĦARBIX – Poeżiji ta’ Salv Sammut (2013)

Tematika:


F’din id-damma ta’ 34 poeżija wieħed jiltaqa’ ma’ varjetà sabiħa – anki mil-lat tematiku – li ma ddejqek xejn, anzi tistiednek tkompli taqra.

Frażi li tirrikorri fil-versi ta’ Salv Sammut hija “Kieku nista’...” Din tintrabat mhux biss mal-poeta ħalliem, imma anki mal-poeta li jixtieq jaġixxi, ibiddel, jirranġa dak li fid-dinja tal-bniedem hu żlugat. Hawn Sammut jinħass nostalġiku – bħal bosta poeti oħrajn, l-iktar dawk Romantiċi - għal żmien l-imgħoddi, żmien li jintrabat mat-tfulija li, flimkien mal-ispazju naturali, ukoll tfisser safa.  Il-ħolqien naturali (kemm il-mikro-, kif ukoll il-makrokożmu), bl-armonija u s-safa li fuqhom hu msejjes, inissel dawl u tama fil-poeta li bħala bniedem spiss jinħakem minn rabja u dlamijiet. F’dan id-dawl, l-illum, jinftiehem bħala kunċett temporali mhux stabbli, imma biss punt li jinsab imdendel x’imkien bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni, bejn “L-Alfa u l-Omega”, li huwa wkoll isem ta’ waħda mill-poeżiji li naqraw f’din id-damma. Li hu żgur hu li l-illum inissel bħal uġigħ fil-poeta li jiġi espress permezz tal-frażi “Kieku nista’...”

L-idea tal-“Kieku nista’...” tintrabat ukoll mat-tema politiko-soċjali. Bosta mill-poeżiji ta’ Sammut huma għajta ta’ protesta kontra l-manipolazzjoni fid-dinja tal-bniedem, l-ipokresija, l-emarġinazzjoni tad-dgħajjef, il-ġudizzji għaġġelija u żbaljati li spiss ngħaddu dwar ħaddieħor, l-individwaliżmu, in-nepotiżmu, l-oppotuniżmu, l-għaks u l-ħala, l-inugwaljanza bejn il-klassijiet soċjali, il-ġuħ u l-ġenoċidju. Dan kollu jfakkar fl-imgħoddi ta’ Sammut bħala uffiċjal fil-qasam tat-trejdjunjoniżmu, mela bniedem direttament involut fid-difiża tad-drittijiet umani.

Hemm imbagħad dawk li jiena nsejħilhom il-versi tad-“definizzjoni tal-jien”, fejn Sammut jixħet dawl fuq il-karattru tiegħu ta’ bniedem sensittiv u “sod daqs il-blat samm”. Hekk f’Riflessjoni quddiem il-mera (li lili b’xi mod tfakkarni fil-monologu ta’ Amletu, “To be or not to be...”) jikteb dwar, “bniedem solitarju.../ Vjaġġatur li terraq fis-solitudni/ Tal-kotra għaġġelija fit-triqat.” Anki f’Meta... jikteb, “Bħal stranġier, waħdu jterraq f’nofs il-kotra.” L-istess idea naqrawha f’Fl-ikħal t’univers infinit: “Hemm waħdi nintilef fil-baħħ/ Tal-kotra għaddejja mitlufa”. Huma versi li jfakkru fil-versi tal-vjaġġ li Salv Sammut spiss kiteb u ppubblika f’ġabriet poetiċi oħrajn.

F’L-Alfa u l-Omega jikteb, “Jien hu l-Alfa w l-Omega ta’ kull kejl/ L-eżistenza u l-eternità/...Għax minni jibda kollox/ U minni wkoll, kollox jintemm.” Huwa permezz tal-poeżija, jew tal-kelma, li l-poeta jħalli warajh kull limitazzjoni umana biex jakkwista kwalitajiet li jmorru lil hinn minn kull ilġim spazjo-temporali. Il-“jien” hawn jista’ jinftiehem bħala l-Verb, il-kelma, li hi s-sisien tal-istess ħolqien. Mela l-kelma – jew f’dan il-każ, il-poeżija – mhix biss espressjoni ta’ ħalliem, imma ta’ min irid fatti mhux kliem fieragħ. F’Meta... tidħol ukoll l-idea tal-poeta bħala “ħlejqa ta’ rieda/ Soda li lesta tirbaħ kull ostaklu.” Anki hawn jinħass li l-kelma hija setgħa, filwaqt li l-poeta huwa dak li jagħti għamla lill-verb, lill-kelma. Sammut huwa wkoll dak li jifhem il-vera natura tal-bniedem, u li permezz tal-kelma jipprova jwassalha lilna u saħansitra jbiddilha.

Ma’ din l-awtodefinizzjoni tal-jien tintrabat ir-realtà l-oħra ta’ Sammut bħala poeta. F’Bil-varloppa ninċana poeżija jikteb hekk: “Hekk il-poeżija!// Bil-varloppa ta’ ruħi ninċanaha/ biex id-dubji nillixxalha/ u bil-lostru tal-kelma mirquma/ intihielkom ħa taqrawha!”

Hemm ukoll il-versi familjari fejn Sammut jikteb dwar ir-rabta bejnu u missieru (It-tieni żjara), jew dwar ir-rabta tiegħu ma’ ommu (Lament lil Ommi), imma anki dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-maħbuba tiegħu (Dakinhar – tibqa’ tħobbni? u Deċennji).

Qasam tematiku ieħor huwa dak spiritwali. Paradossalment Sammut jilmaħ il-preżenza tal-Mulej fl-assenza tal-bniedem: “Fittixtek u sibtek/ Fl-aħħar fil-ħolqien/ L’int ħloqtu għalija.” (Fittixtek) Il-preżenza tal-Mulej Sammut isibha wkoll ġewwa fih, fejn jisimgħu isejjaħlu “Bil-leħen sottili fil-ħemda/ Ta’ ljieli bla ħolm.” (Ġewwa s-sikta ta’ ruħi sejjaħtli) Dawn kollha huma versi li jieħdu l-forma ta’ talba u dikjarazzjoni ta’ fidi. Huma wkoll versi li jfakkru fl-ispiritwalità ta’ poeti bħal Dun Karm Psaila, patri Marjanu Vella u anki Ġorġ Zammit.

Aspetti stilistiċi:

Għalkemm l-għażla ta’ Salv Sammut hija favur il-poeżija moderna, mela favur it-tħaddim tal-vers ħieles, xorta waħda nsibu waqtiet fejn dan il-poeta kontemporanju jħadem mekkaniżmi bħalma huma r-rima fl-aħħar tal-vrus imma anki r-rima ġewwiena, l-onomatopea u l-alliterazzjonijiet. Dawn kollha jikkontribwixxu biex il-poeżija tinstema’ aħjar mil-lat udittiv.

Anki lessikalment Sammut jingħaqad mal-poeti kontemporanji li ma jiddejqu xejn iħaddmu kemm il-Malti Semitiku kif ukoll dak Romanz.   Jaħkem spiss ir-reġistru naturali, proprju għax in-natura hija l-ispazju fejn il-poeta jilmaħ u jsib is-safa u l-armonija. Il-lessiku naturali spiss jintuża biex Sammut iwasslilna r-riflessjonijiet tiegħu ta’ natura soċjali. Ħlejqa ċkejkna bħalma hija werqa ġġiegħel lil Sammut jirrifletti dwar ħwejjeġ bil-bosta ikbar u usa’ bħall-impermanenza tal-bniedem fuq din id-dinja.

Bħala tonalità niltaqgħu ma’ versi romantiċi u nostalġiċi fejn il-poeta jiddeskrivi spazji, sitwazzjonijiet u ambjenti li xi darba kienu imma llum għebu kważi kompletament. Ton ieħor li jiddomina huwa dak tal-protesta fejn il-poeta jirrabja kontra kull tip ta’ ipokresija u qerq f’rabta mad-dinja tal-bniedem. Ma’ dan jintrabat ukoll it-ton ta’ kundanna fejn Sammut ma jiddejjaqx jgħajjat “Boloh!” kontra min jidħol fil-qasam tal-politika biex jimmanipola u mhux biex iservi. Kontra dan hemm drabi meta Sammut jħaddem ton patetiku – minn patos, jew dik il-karatteristika li trid tqanqal sens ta’ ħasra, sogħba jew mogħdrija fil-qarrej – bħal kif naqraw f’Għasfur refuġjat.

Mekkaniżmi oħra li jħaddem Salv Sammut fil-versi tiegħu huma l-ossimoru (“d-dawl sewdien tal-ħajja”), il-binja simmetrika fi ħdan l-istess poezija (ara Dimensja ta’ konvenjenza). Hemm ukoll l-umanizzazzjoni ta’ elementi mhux umani (ir-riħ li jingħi f’Ir-riħ li jibqa’ jingħi), u min-naħa l-oħra d-diżumanizzazzjoni tal-bniedem, spiss imqabbel ma’ bhejjem differenti – bla ebda nuqqas ta’ rispett lejn id-dinja tal-bhejjem – minħabba li nħakem mill-ħażen. Hawn il-bniedem jitqabbel ma’ ħlejjaq bħall-kamaleonte, is-serp, il-far jew l-iskorpjun.

Konklużjoni:

Bħal bosta poeti oħrajn Salv Sammut jitlaq mill-personali biex imbagħad jilħaq livelli universali ladarba dak li jikteb jaf jolqot lil kull bniedem. Sammut hu dak li joħroġ saħansitra mill-parrokkjaliżmu ta’ gżirtu biex iħares lil hinn u jilmaħ aktar atroċitajiet “bla sens”. Dan jagħmlu billi jiddistakka ruħu u jżomm ċerta distanza bejnu u d-dinja bħal jkif jagħmel l-“[i]spirtu misterjuż” f’Minn fuq il-Pol tat-Tramuntana. Lura għall-idea tal-“Kieku nista’...”: il-poeżija tagħti lil Salv Sammut l-opportunità li jesprimi dak li qatt ma esprima fil-ħajja, imma li tant xtaq. Il-poeżija ta’ Sammut titwieled x’imkien bejn ir-realtà u spazju li jmur lil hinn minn din. Zġur, però, il-poeżija tiegħu hija ħafna iktar minn “tħarbix”, ladarba hija frott moħħ li jirrifletti bla heda. Jinħass li fis-solitudni, fin-natura (dak l-ispazju fejn ir-rabja li hemm fil-poeta kontra d-dinja umana “tisfuma fix-xejn”), fil-fidi u fir-riflessjoni hemm it-tweġiba siekta għal bosta “mistoqsijiet bla tweġiba”, imma anki soluzzjoni għal dik il-“Kieku nista’...” li tant iħobb jirrepeti Sammut fi vrusu.


Patrick Sammut (Ġunju 2013)

No comments:

Post a Comment