Dan ta’ Salv Sammut huwa rumanz
ta’ 330 paġna li jinqasam fi 28 kapitlu. L-awtur, li huwa wkoll poeta,
Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin u membru tal-Akkademja tal-Malti, jinkludi
wkoll xi poeżiji minn tiegħu fl-istess ktieb.
Tematika:
Huwa interessanti l-fatt li Sammut
jittratta fir-rumanz tiegħu l-kitba tal-poeżija u l-qari, mela permezz ta’
Roland l-awtur jikteb dwar attività għal
qalbu. Jissemma kittieb ta’ statura internazzjonali
bħal Paulo Coelho. Aktar tard – f’kapitlu 12 – isseħħ it-tnedija tal-ktieb ta’
poeżiji ta’ Roland. Għall-okkażjoni jiġu ftit nies. Huwa hawn fejn Sammut
jikteb dwar in-nuqqas ta’ apprezzament tal-poeżija f’pajjiżna u dwar l-imħabba
finta tal-pubblikaturi lejn il-ktieb Malti. Naqraw ukoll dwar l-inġustizzja li
sseħħ minn xi edituri letterarji li jagħtu prijorità lill-kittieba stabbiliti filwaqt li jitfgħu
fil-ġenb oħrajn li mhumiex magħrufa, minkejja li jiktbu xogħol ta’ valur
letterarju. Jissemma wkoll ir-rwol tal-edukazzjoni u tal-kurriklu li għandhom
iqarrbu l-istudenti iktar lejn il-poeżija moderna u attwali. Wara kliem Roland
dwar il-poeżija hemm l-istess awtur, Salv Sammut jittratta wkoll iċ-ċensura u
l-poeżija bħala arti. F’kapitlu 15 jissemma l-fatt li hawn Malta ktieb jinxtara
ħafna meta tinqala’ xi kontroversja taħraq dwar il-kontenut tiegħu.
Bħal dejjem ma jonqosx l-aspett
soċjali fir-rumanzi ta’ Sammut. Jissemmew is-soap-operas u l-influwenza negattiva liberali li jistgħu jħallu fuq
it-telespettatur. Is-soċjetà tiġi
deskritta bħala waħda mimlija preġudizzji mibnija fuq prekunċetti, u tiġi
riflessa anki fil-lingwaġġ dispreġjattiv li juża Gordon fil-konfront
tal-omosesswali u n-nies b’diżabiltà. Sammut
ifakkarna li għandna nifhmu sewwa l-isfond familjari, emozzjonali u psikoloġiku
ta’ dak li jkun qabel ma naslu għal konklużjonijiet li jweġġgħu. F’kapitlu 20
nassistu għal konferenza internazzjonali fil-Latvja dwar id-diskriminazzjoni.
Hawn Sammut jiddeskrivi minn ġewwa l-atmosfera ta’ okkażjoni li taħkem:
jikkritika s-superfiċjalità
tad-diskorsi u l-monotonija waqt okkażjonijiet bħal dawn.
Is-sess huwa motiv ewlieni,
bħalma hija l-omosesswalità, li
hawn tfisser orjentazzjoni sesswali iktar milli difett jew marda. Dan b’xi mod jintrabat
mal-ġlieda bejn il-ġenerazzjonijiet (li toħroġ l-aktar permezz ta’ Gordon u
bintu Mandy), bejn ideat tradizzjonali u oħrajn moderni. It-tema tal-ipokrisija
toħroġ bis-saħħa ta’ Gordon li filwaqt li jikkundanna l-omosesswalità ta’ ibnu Norman, iħossu komdu jiffrekwenta
prostituta minkejja li miżżewweġ. Min-naħa l-oħra Mandy ma tiddejjaqx turih li
taf bil-verità kollha
u li tħoss li ħuha Norman hu iktar onest ladarba ma jibżax jikxef
l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Quddiem l-isfida u l-ironija ta’ bintu Mandy,
Gordon ma jista’ jagħmel xejn. Aktar ’il quddiem fir-rumanz naraw lil Gordon
ibatti mir-rabja tiegħu lejn ibnu hekk kif il-kundizzjoni medika tiegħu
teħżien. Gordon il-missier, li sa ftit qabel kien jiffrekwenta prostituta, bħal
jifhem ftit is-sitwazzjoni ta’ ibnu omosesswali u jagħraf li s-sitwazzjoni
tagħhom tixxiebah. Ironikament, Gordon kellu jitlef id-dawl t’għajnejh biex
jifhem il-kundizzjoni jew orjentazzjoni ta’ ibnu. Huwa hawn (kapitlu 21) fejn
jaħkem spirtu ta’ rikonċiljazzjoni: iben u missier jiżvugaw u joħorġu x’hemm
f’qalbhom u fl-aħħar bħal jintlaħaq stat ta’ ftehim u paċi.
Kontra l-mibegħda li Gordon juri
lejn l-omosesswali, hemm l-imħabba ta’ Norman li tibqa’ kostanti lejn missieru
u li tilħaq il-quċċata tagħha fi tmiem ir-rumanz. Din l-imħabba – li hi wkoll
rispett - tidher ukoll bejn l-aħwa Mandy u Norman. L-imħabba tispikka wkoll
bejn Tessie bħala omm u bintha Gabby li tinsab f’siġġu tar-roti.
Matul ir-rumanz wieħed jibda
regolarment jistaqsi min hu l-altruwista? Hemm Mandy li qed tistudja għal social worker, mela hi persuna li
tiddedika bosta ħin biex tgħin lil min hu fil-bżonn. Hija hi li aktar tard
titlob lil missierha biex jgħin lil Tessie u bintha Gabby. Aktar tard għalhekk
l-altruwista jsir Gordon stess. Lejn tmiem ir-rumanz naraw li l-altruwista jsir
Norman stess.
Bil-mod il-mod tissaħħaħ ukoll
it-tema tal-mard. Għall-ewwel nassoċjawha ma’ Gabby imma eventwalment tintrabat
ukoll ma’ Gordon li jibda jitlef id-dawl t’għajnejh u aktar tard ma’ Norman
stess (kapitlu 22). Huwa hawn fejn Sammut jipprova joqrob kemm jista’ jkun lejn
dak li jkun għaddej minnu l-pazjent kemm emozzjonalment kif ukoll
psikoloġikament. Bis-saħħa ta’ Norman, Sammut jittratta wkoll it-tema tal-mewt
u lil hinn minnha. Tissaħħaħ l-idea li anki l-omosesswali (u m’hu jingħad xejn
ġdid) huma Nsara u jemmnu, kontra dak li jaħsbu bosta.
Personaġġi:
Fl-ewwel kapitlu niltaqgħu ma’
Roland li jikteb il-poeżiji u jgħix waħdu għalkemm iħobb lil xi ħadd li jismu
Norma. Jinħass diġà li wara
din ir-relazzjoni ta’ mħabba hemm xi ħaġa diversa. Norma hu fil-fatt Norman,
iben Gordon, bankier, u martu, Grace, it-tnejn fuq il-50 sena, u ħu Mandy.
Norman jaħdem bħala traduttur u interpretu fil-Lussumburgu u bniedem ta’
sinċerità u
sensittività kbar.
Gordon mhuwiex sesswalment kuntent minħabba martu, u dan minkejja li jgħix
ħajja li f’fil-wiċċ tidher normali u timxi mar-regoli soċjali aċċettati.
Jiftakar fiż-żminijiet hienja u attivi ma’ Evelyn, huwa kontra l-omosesswali, u
jfittex il-kenn fis-servizzi mħallsa tal-prostituta Tessie. Aktar tard nifhmu
għaliex Tessie għażlet din it-triq. Dan jintrabat mal-aspett soċjali.
Għall-bidu nassistu għall-għadab ta’ Gordon lejn l-orjentazzjoni sesswali ta’
ibnu Norman, għadab li jesprimih quddiem Tessie. Minkejja l-firda bejniethom,
inħossu li hemm xebh bejn ir-ras iebsa ta’ Gordon u l-biża’ tiegħu
mill-operazzjoni li xi darba jrid jagħmel, u l-orjentazzjoni (iktar milli
kundizzjoni) ta’ ibnu Norman: it-tnejn huma ħwejjeġ diffiċli biex teħles
minnhom. Min-naħa l-oħra nassistu għal djalogu ċivili bejn Mandy u Tessie - konfront
li seta’ kien iktar storbjuż - li jiftiehmu bejniethom bħala żewġ nisa ċivili.
Stil:
Ir-rumanz jibda bit-tħaddim
tat-tielet persuna, mela “hu”. Leħen in-narratur mill-ewwel jieħu n-naħa ta’
min jinsab fil-marġini tas-soċjetà bħall-prostituti,
l-omosesswali, il-persuni b’disabbiltà jew affettwati b’mard partikolari bħall-kanċer. Ma jonqos lanqas it-tħaddim
tad-diskors dirett.
Hemm bosta waqtiet meta Sammut joħloq
sens ta’ misteru bħal meta jġiegħel lill-qarrej jistaqsi fejn imur darba
fil-ġimgħa wara li jqatta’ biss ftit ħin fil-klabb taċ-ċess? Naraw li din hija
teknika narrattiva li tgħin lill-qarrej ikompli jaqra b’interess matul
ir-rumanz kollu. Dan jintrabat mal-fatt li strutturalment L-Altruwista għandu nisġa narrattiva magħmula minn għadd ta’ ħoloq (li
jistgħu jkunu l-istess personaġġi u r-relazzjonijiet bejniethom) li jorbtu
kapitlu ma’ ieħor, kapitli li mhux bilfors ikunu eżatt wara xulxin. Eżempji ta’
ħoloq bħal dawn hemm bosta: waħda minnhom tinsab lejn tmien kapitlu 26 fejn
il-qarrej attent iħoss li wara t-tbissima ta’ Norman batut indirizzata lejn
missieru hemm xi ħaġa mistura li tista’ tiżviluppa wara.
Mas-sens ta’ misteru jew
mistoqsija li spiss joħloq Sammut hemm ukoll il-mekkaniżmu tas-sorpriża li biha
jaħsad lill-qarrej bla mistenni: dan iseħħ fl-aħħar tal-kapitlu 8 meta Gabby,
bl-innoċenza ta’ tifla, tikxef verità li
Gordon xejn ma jieħu gost biha. Sorpriża oħra – u anki sens qawwi ta’ stennija
- jinsabu fl-aħħar ta’ kapitlu 20, imma anki f’kapitli 23 u 24 (hawn f’rabta
mas-sitwazzjoni medika ta’ Norman). Kontra dan hemm ukoll il-mekkaniżmu
tat-tensjoni li tinbena narrattivament bil-ftit il-ftit biex fl-aħħar tfaqqa’
sitwazzjoni taħraq. Eżempju ta’ dan jidher f’kapitlu 12 fejn Gordon
jikkonfronta pubblikament u b’mod inaċċettabbli lil Roland. Dan jintrabat
mal-kapitlu ta’ wara fejn Norman jaffronta lil missieru u jiddikkjara li se
jmur jgħix ma’ Roland. Nassistu għal ġlieda fil-familja, mottiv li jħallik
taqra bla ma tieqaf. It-tensjoni terġa’ fl-aħħar tal-kapitlu 22 meta Norman
jibda jħoss uġigħ fl-istonku tiegħu, u dan paradossalment, wara waqtiet ta’
ferħ bħalma kienet il-festa fejn ġie ċċelebrat il-fejqan ta’ Gabby.
Spiss Sammut joħloq ukoll sens
qawwi ta’ stennija: dan jispikka, fost oħrajn, f’kapitlu 17, meta l-qarrej
jistaqsi x’se jsir eżattament minn Gabby u saħħitha. Ma’ dan jintrabtu numru
ta’ kapitli relattivament qosra u li jippreparaw għal dak li jista’ jseħħ
f’kapitli aktar ’il quddiem. Spiss dawn huma kapitli li ritmikament jgħaġġlu
ħafna.
It-tensjoni u l-istennija lejn
tmiem ir-rumanz jissaħħu u jieħdu l-għamla jew is-saħħa ta’ sitwazzjoni urġenti
jew imminenti, u dan iseħħ anki billi Sammut jintroduċi doża qawwija ta’ patos
li titwassal bis-saħħa ta’ taħlita ta’ emozzjonijiet imwassla sal-estrem:
il-ferħ tal-ħbiberija, tal-imħabba u tal-lealtà bejn Norman u Roland; id-diqa u l-biki ta’ omm u oħt li
jitilfu lil membru importanti fil-familja; is-sogħba ta’ missier li jara lil
ibnu jmut quddiem għajnejh.
Mekkaniżmu narrattiv għal qalb
Sammut hu dak li jikkonċentra fuq personaġġi partikolari f’kapitli speċifiċi.
Hekk, per eżempju, kapitlu 3 jiffoka fuq Tessie l-prostituta, kapitlu 4 fuq
Mandy, kapitlu 5 fuq Norman, kapitlu fuq Mandu u Gabby. Fl-istess waqt nassistu
għat-tisħiħ regolari tan-nisġa tal-karattri.
Sammut ma jiddejjaqx juża kliem
ikkunsidrat baxx fid-djalogi bejn Tessie u Gordon fil-waqtiet ta’ għadab
tiegħu. Drabi oħra l-awtur juża lingwaġġ infantili bl-Ingliż biex jirrifletti
l-lingwa tat-tfal: nassistu għalih meta Mandy tistieden lil Gabby d-dar u tuża
kliem bħal “mummy”, “work” u “mannijiet”. Dan kollu jintuża biex jirrifletti
r-realtà
f’ċirkostanzi bħal dawn.
Hemm drabi meta taħkem id-deskrizzjoni
li għalkemm hija miktuba fl-istil tal-proża għandha ħafna mill-poeżija.
F’kapitlu 15 Sammut jiddeskrivi spazju naturali mill-isbaħ (l-Imġarr u l-baħar)
mhux mittiefes mill-bniedem, isemmi l-ismijiet ta’ bosta pjanti u ħlejjaq li
jgħixu f’dan l-abitat. Huwa f’dan l-ispazju fejn il-poeta jinħakem
mill-ispirazzjoni. Parti bħal din tiġi segwita minn poeżija miktuba minn
Roland: fiha d-deskrizzjoni tal-ambjent naturali titħallat mat-tiġrib u l-ħsus
personali. Deskrizzjoni li m’għandha xejn mill-poeżija imma mill-kesħa
tal-aħbar mhix mistennija nsibuha f’kapitlu 23 fejn naqraw dwar l-ambjent u
s-sitwazzjoni fi klinika. Fil-kapitlu 24 Sammut jirnexxilu saħansitra jkessaħ
minn ġewwa lill-qarrej, iktar u iktar jekk dan tal-aħħar ikun għadda mill-istess
tiġrib deskritt mill-awtur, bħall-esperjenza diffiċli tal-kemjoterapija (ara wkoll
kapitlu 25). Sammut jippreżenta b’mod effettiv it-tiġrib u l-uġigħ ta’ familja
sħiħa li tintlaqat iktar minn darba mill-mard u jkollha saħansitra taffaċċja
l-firda minħabba l-mewt.
Eżempju ta’ analessi (jew flashback) nsibuh f’kapitlu 7 fejn
insiru nafu kif iltaqgħu Norman u Roland (lekċerer fl-Università ta’ Malta). L-istess teknika terġa’ titħaddem
f’kapitlu 15 fejn naraw minn fejn twieled il-ħsieb li Mandy u ħuha Norman
jitilgħu Kopenhagen biex ikellmu speċjalista.
Kapitlu 20 bħal jintroduċi aktar
mekkaniżmi narrattivi. F’xi partijiet naqraw eżattament x’inhu għaddej minn
moħħ il-personaġġ, bħal, per eżempju, x’jaħseb u xi jħoss Roland waqt li qed
jistenna li jaqra d-diskors tiegħu -
huma partijiet miġjuba fil-korsiv – u r-reazzjoni tal-pubbliku li jisma’ attent
id-diskors tiegħu. Hawn Sammut iżomm lill-qarrej aġġornat minn żewġ lati: dak
li qed jgħid Roland, u kif qed jintlaqa’ d-diskors tiegħu mill-platea.
Spazju u żmien:
Għall-bidu l-azzjoni sseħħ
f’villaġġ bla isem qrib il-baħar ikħal, imma jissemmew ukoll Brussell u
l-Lussumburgu bħala btala, fejn hemm jaħdmu bosta ċittadini tal-istess pajjiż
ta’ Roland. Mela mill-ewwel nindunaw li l-azzjoni ta’ L-Altruwista se sseħħ bejn it-territorju nazzjonali u lil hinn
minnu. Fuq livell lokali jissemmew Ċentru Nazzjonali għal Persuni b'Diżabbiltà, il-ġnien ta’ Sant’Anton, l-Imġarr (il-villaġġ li
jissemma fil-bidu), l-Auditorium tal-Università ta’ Malta, ġo bank fejn jaħdem Gordon, id-dar ta’
Gordon, ġo klinika, fl-Isptar Mater Dei u oħrajn. Fuq livell internazzjonali
jissemmew ristorant fil-Lussumburgu u naqraw diversi deskrizzjonijiet ħajja
tal-bliet Ewropej, tal-istazzjonijiet tal-ferrovija, tat-toroq differenti
mimlijin nies mgħaġġla. Deskrizzjoni dettaljata ta’ mkejjen magħrufin tal-belt
ta’ Trier tingħata f’kapitlu 7 fejn jiltaqgħu Norman u Roland, dan tal-aħħar
minħabba konferenza tal-Akkademja tal-Kittieba Ewropew. Fi Trier Norman u
Roland jidħlu ġo katidral: filwaqt li tal-ewwel jitlob, bejn it-tnejn jaqa’
s-skiet. Hawn bħal niftakru fir-relazzjoni attwali bejn il-Knisja Kattolika u
l-omosesswali. Huwa f’partijiet bħal dawn ukoll fejn L-Altruwista jissellef mill-gwida turistika: tissemma d-dar ta’
Karl Marx u l-persekuzzjoni tal-Protestanti min-Nażi fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’kapitlu
16 imbagħad ningħataw deskrizzjoni tal-belt ta’ Kopenhagen. F’kapitlu 19 naraw
lil Roland u Norman fl-ajruport ta’ Heathrow u wara f’Riga, il-Latvja. Hawn
wieħed jiftakar fil-ħajja personali tal-awtur fil-qasam tal-unions, karriera li
kienet iġġagħlu jivvjaġġja ħafna u jiltaqa’ ma’ nies u ambjenti differenti,
anki fl-Ewropa tal-Lvant.
Anki ż-żmien huwa aspett
importanti fin-nisġa ta’ rumanz. Huwa f’kapitlu 6 fejn jissemma l-istaġun
tal-ħarifa, filwaqt li f’kapitlu 11 l-azzjoni sseħħ ftit jiem qabel il-festa
ta’ San Martin. Kapitlu 18 jwassalna lejn l-aħħar tar-rebbiegħa, x’imkien ħdejn
il-baħar. Għalkemm f’kapitlu 26 ma tissemma l-ebda data, nifhmu li għaddew
bosta xhur. Il-marda terminali mxiet ’il quddiem, tant li l-personaġġ in
kwestjoni fadallu xahar ħajja l-aktar. L-Epilogu jġib miegħu qabża temporali
ta’ sena. F’dan il-perijodu, li Sammut jaqbeż apposta, nifhmu li seħħew bosta
żviluppi li jagħtu laqta pożittiva lit-tmiem ta’ L-Altruwista: min inħakem mid-dlam jerġa’ jibda jara permezz
tal-altruwiżmu ta’ personaġġ partikolari; ir-relazzjoni bejn iben u missier
tissaħħaħ minkejja l-mewt; u jaħkem sens ta’ rikonċiljazzjoni bejn min qabel ma
setax jissaporti l-preżenza ta’ ħaddieħor.
Għeluq:
Fuq kollox L-Altruwista huwa rumanz
li jagħlaq fuq nota tajba. Dan wara li Salv Sammut ilaqqagħna ma’ numru ta’
esperjenzi li għandhom kemm mill-ħelu kif ukoll mill-morr, kollha parti
mit-tiġrib li minnu jgħaddu bosta fil-ħajja ta’ kuljum. L-Altruwista huwa wkoll, f’ċertu sens, rumanz ta’ impenn li jrid
jinsisti fuq il-fatt li persuni ta’ tendenzi jew orjentazzjoni sesswali
differenti min-norma – imma anki persuni b’diżabiltà jew b’mard speċifiku - huma bnedmin tad-demm u
l-laħam bħal kulħadd, xi drabi iktar sensittivi. Hu rumanz li jsammar fuq l-għarfien
u l-aċċettazzjoni tad-diversità. Dan huwa
rumanz ieħor ta’ Salv Sammut – wara Fid-Dell
tal-Pellikan (1982), Staqsi lir-Riħ (2010),
Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar (2011) – li
fih jittratta temi attwali li jorbtuh man-narrattiva Maltija kontemporanja u li
għalhekk m’għandux jonqos fil-librerija ta’ kull min għandu għal qalbu
l-letteratura ta’ pajjiżna.
Patrick Sammut (Settembru 2013)
No comments:
Post a Comment