Dan huwa rumanz storiku ta’ 280
paġna u li jinqasam f’27 kapitlu. Huwa t-tieni wieħed minn triloġija bl-isem
ta’ “Patrijotti u Ġakbini”. Bħal kull rumanz storiku hawn insibu taħlita
bbilanċjata bejn fatti storiċi li seħħew fir-realtà (fejn jissemma fost l-oħrajn Dun Gejt Mannarinu, u
anki Mattew Callus li sefa vittma ta’ La Vallette bosta snin qabel) u fatti
mistħajlin. F’kapitlu 26 jissemma Napuljun, imma anki Mikiel Anton Vassalli
bħala wieħed mill-Ġakbini li ħejjew it-triq għall-ġeneral Franċiż, u Bosredon,
il-kmandant u ex-kavallier li ħalla warajh Napuljun. Hawn ningħataw tagħrif
storiku dwar it-Terrur Franċiż, ir-Rivoluzzjoni, Robespierre u Nelson. Dan
kollu biex Mallia jdaħħalna dejjem iktar fl-ispirtu taż-żmien.
Il-leħen narranti f’ċerti
każijiet hu dak ta’ Pupull Barbone, iben familja ta’ barunijiet. Mallia
jintroduċi l-idea tad-djarju li jikteb Pupull stess. Dan il-leħen narranti
spiss jieqaf biex jirrifletti dwar aspetti differenti. Hemm drabi oħrajn meta
l-awtur, permezz tal-vuċi narranti, jipprepara lill-qarrej għal dak li jista’
jseħħ fil-ġejjieni, fosthom f’rabta mal-persunaġġ ta’ Mannarinu. Dan
in-narratur iħares lejn spazji u persunaġġi differenti biex fl-aħħar jerġa’
jorbot kollox ħaġa waħda. Intant, xejn ma jaħrab l-attenzjoni tiegħu - huwa
narratur onnixxenti –, lanqas dak li qed iseħħ fuq livell ta’ mikrokożmu: hekk,
per eżempju, waqt li Mina (bint il-baruni) u Kris (li jingħad għandu demmu
Franċiż) jinħabbu għal waqtiet qosra fil-ġnien, il-ħarsa tan-narratur taqa’ fuq
żewġ bebbuxiet li donnhom waqfu jaraw x’qed iseħħ (Kap. 3, p. 38). Hemm drabi
meta n-narratur jipprova jidħol f’moħħ il-kavallieri preżenti (eż. Kap. 8,
f’San Ġwann) u fl-istess ħin jiddeskrivi xi wħud mill-opri tal-arti li hemm
fil-kattidral. Hawn jissemmew Mattia Preti u Giuseppe Mazziuoli.
Xi ħaġa simili ssir f’kapitlu 13
meta n-narratur onnixxenti jidħol f’moħħ l-Isqof Pellerano u anki f’moħħ Dun
Gejt u l-vuċi narranti donnha ssir il-leħen tal-kuxjenza. Dan jinġieb permezz
ta’ parti stampata fil-korsiv. Hija wkoll silta mimlija b’punti esklamattivi u
interrogattivi, rifless tal-istat emozzjonali u psikoloġiku li fih jinsab
Pellerano qabel ma jitlaq minn Malta għal Ruma. Il-korsiv jerġa’ jidher
f’kapitlu 15: wieħed jistaqsi ta’ min huwa l-leħen? Huwa tan-narratur
onnixxenti li jindirizza direttament lil dawk prezenti fil-knisja ta’ San Ġorġ?
Hawn – waqt id-deskrizzjoni tal-purċissjoni tal-vari – is-sagru u l-profan
jitħalltu flimkien. Dan kollu jagħti iktar ħajja lil dak li qed jiġi deskritt.
Anki hawn però, dak li
naqraw hu biss tal-wiċċ, u jservi bħala passatemp: fil-qiegħ jinħass dejjem
iktar li daqt tinqala’ waħda kbira, mela hemm it-tensjoni drammatika. Anki
l-istil kif inhu miktub kapitlu 16, minkejja li jispiċċa b’nota ta’ ottimiżmu,
iġiegħel lill-qarrej iħoss ċerta tensjoni u biża’ minn dak li jista’ jġib
miegħu l-jum ta’ wara, jum ir-rewwixta. Il-korsiv bħala leħen il-kuxjenza
jerġa’ f’kapitlu 17: naqraw dwar l-umiljazzjoni tal-poplu fqir taħt
il-Kavallieri.
Deskrizzjoni ħajja u dettaljata
oħra hija dik ta’ dak li kien qed iseħħ barra fi Pjazza S. Ġwann min-naħa
tal-popolin waqt il-quddiesa fejn kellu jingħażel Gran Mastru ġdid. Nerġgħu
naraw lil Mallia mgħarraf sewwa dwar l-isfond storiku u tradizzjonijiet
partikolari. Huwa kontinwu l-appell għas-sens viżiv u udittiv. F’kapitlu 20
naqraw dwar it-traduzzjoni tan-newwieħa u fil-ħerba u d-diqa li kienu jħallu
warajhom.
L-aspett deskrittiv jerġa’ jaħkem
f’kapitlu 13 fejn naqraw dwar it-tieġ bejn Kris u Mina. Hawn Mallia jiddeskrivi
f’dettall kbir kif kien iseħħ tieġ tas-sinjuri fis-seklu 18, u dan f’San Ġwann
il-Belt. Kienet tkun okkażjoni ta’ ferħ fejn nies minn klassijiet soċjali
differenti kienu jiltaqgħu u jifirħu flimkien.
Kapitlu 7 jserraħna mill-istorja
ewlenija u jerġa’ joħodna għad-djarju ta’ Pupull Barbone, bin il-baruni. Pupull
jgħix fuq il-baħar u għalhekk hu għatxan għal dak li jseħħ fuq l-art.
Il-kapitlu jieħu l-għamla ta’ taqsira ta’ bosta ħwejjeġ li diġà qrajna fil-kapitli li għaddew. Anki f’kapitlu 18,
permezz tad-djarju tiegħu Pupull Barbone jikkummenta dar ġrajjiet Malta, imma
minn ċerta distanza, kemm fiżika kif ukoll temporali. Anki dan iservi bħala
waqt ta’ mistrieħ mill-azzjoni ewlenija, imma fl-għeluq terġa’ tissemma
r-ribelljoni li tinħass imminenti. Pupull u d-djarju tiegħu jidhru wkoll
f’kapitlu 23: insiru nafu li għandu 35 sena u ilu 15-il sena fuq il-baħar. Hawn
jikteb dwar il-bidla għall-aħjar li donnu qed iġib miegħu Rohan. Isemmi wkoll
żewġ sunetti li nkitbu f’ismu biex ifaħħruh. Id-djarju ta’ Pupull jerġa’
f’kapitlu 26 fejn huwa jagħtina ħarsa retrospettiva tal-ġrajjiet li minnhom
għaddiet Malta, fosthom id-9 ta’ Ġunju 1798 meta Napuljun resaq bil-flotta
tiegħu qrib Malta.
Dak li jħaddem Mallia huwa Malti
idjomatiku u mexxej fl-istess ħin. Il-lingwa hija mexxejja, ħafifa, toħroġ
l-isbuħija tal-Malti fis-sempliċità tiegħu,
anki fl-użu tal-ixbihat: “telqet tgħaġġel qisha frilla” jew “ħmar taż-żurbett”.
Naqraw ukoll bi frażijiet idjomatiċi bħal din: “ma riedx għad-dinja jaqla’ xi
ċmoss.” (p. 120) Imlewnin huma wkoll il-laqmijiet: il-Pasass, il-Barżoqq,
Sufarina. Jinħass li l-awtur għamel riċerki kbar rigward l-Ordni minħabba bosta
dettalji, fosthom tipi differenti ta’ biċċiet tal-baħar. Jintużaw ukoll idjomi
mil-Latin li tagħhom Mallia jagħtina tifsira f’tarf il-paġna. Interessanti
s-snajja’ jew xogħlijiet li niltaqgħu magħhom fir-rumanz: il-pastaż, il-kjeriku
(nies bħal dawn kienu ppatentati mill-Isqof, u ma kinux jistgħu jqaddsu),
il-buttar (jagħmel il-btieti), il-barbier. Ningħataw tagħrif dwar il-kappella
ta’ San Publiju tal-Furjana u r-rabta tagħha ma’ San Pawl tal-Belt u l-qrubija
ma’ tad-Duluri Tal-Pietà,
flimkien mal-bini ta’ knisja ġdida u ikbar. Naqraw anki dwar superstizzjonijiet
u bosta qlajjiet min-naħa tal-popolin, bħal per eżempju dwar l-aħħar kliem li
tenna Pinto qabel ma miet. F’kapitlu 22 ningħataw tagħrif
storiko-artistiko-arkitettoniku dwar il-knisja ta’ S. Pawl tal-Belt: jissemmew
il-pittur Mattew Perez d’Aleccio, il-koppla ta’ Gafà, u anki Gran Mastri bħal La Cassière u Gregorio Caraffa, flimkien mal-Isqof Gargallo,
kollha nies li għexu fir-realtà. Hu
f’dan il-kapitlu fejn isseħħ quddiesa solenni f’isem il-Gran Mastru l-ġdid, De
Rohan.
Diġà mit-tieni kapitlu jidħol l-użu tad-diskors dirett. Hawn
ximindaqqiet jidħol l-użu tad-djalett. Hemm ukoll il-mod partikolari jew
idjosinkratiku li bih jitkellem in-Nutar li kellu difett f’ilsienu. Dan żgur
joħloq tbissima fil-qarrej. Id-djalogar ukoll huwa mexxej u mill-iktar
naturali, imżejjen b’Malti anki idjomatiku, b’xi laqtiet ironiċi ’l hawn u ’l
hinn, u anki waqtiet komiċi. Fid-diskors djalogat Mallia jinkludi bosta
frażijiet kemm mit-Taljan kif ukoll mil-Latin, rifless tal-influwenza
tal-kultura Taljana li daħlet u ssaħħet f’Malta permezz tal-Kavallieri: eż. “ci
vuole”, “Caro barone”, “Buon giorno”, “a distanza”, “maggiordomo”. Dawn huma
wkoll rifless tal-klassi soċjali ta’ dak li jkun.
Matul ir-rumanz hemm ukoll bosta
partijiet ta’ digressjoni u b’hekk għal waqtiet nitbiegħdu min-narrazzjoni biex
taħkem id-deskrizzjoni. Per eżempju, kapitlu 11 iserraħ mir-ritmu mexxej
tan-narrazzjoni ewlenija biex l-attenzjoni tinxteħet biss fuq it-taħdita bejn
l-Isqof Pellerano u l-baruni. F’partijiet oħra tar-rumanz hemm ukoll inklużi
siltiet f’għamla ta’ għana bil-vers ottonarju rrimat.
Hemm waqtiet meta tinħass
distanza bejn żmien il-ġrajjiet li dwarhom in-narratur qed jirrakkonta, u
ż-żmien li fih qed jikteb dan kollu: “Dik kollha kemm hi kienet l-arma ta’
Pinto, li llum tilmaħha fuq ħafna bini li kien ħalla warajh.” (p. 22)
Hemm dawk il-waqtiet matul
il-ġrajja li wieħed jibqa’ jiftakar iktar minn oħrajn u li joħolqu ċerta
tensjoni drammatika. Hekk f’kapitlu 6 wara l-funeral ta’ Pinto u waqt
id-diżordni u l-maltempata li nqalgħu fuq barra, Dun Gejt u sħabu jitilgħu fuq
nett tal-kampnari biex jibdlu l-mota ta’ diqa f’waħda ta’ ferħ bħala turija ta’
protesta kontra Pinto u l-Ordni. Huwa hawn fejn naraw lil Dun Gejt u Ximenes
f’konfront silenzjuż fuq l-għatba ta’ San Ġwann huma u ħerġin.
Kontra d-deskrizzjonijiet fit-tul
u d-dettall, f’kapitlu 19 Mallia jagħżel li proprju fil-jum tant mistenni tar-rewwixta
jagħtina ftit siltiet ta’ azzjoni u deskrizzjonijiet imlewna ta’ taqbid. Forsi
dan jagħmlu apposta biex jirrifletti l-fatt li r-ribelljoni ma kenitx daqstant
b’saħħitha u effettiva daqkemm bosta xtaqu.
Hemm ukoll waqtiet meta l-livell
figurattiv tal-lingwaġġ li juża Mallia jakkwista saħħa kbira: “Il-ħoss
tal-ktajjen kien qisu ħoss il-ġwienaħ jinkisru tat-tfajla Ħelsien, kien qisu
l-għajjat sfrenat ta’ ajkli milquta miċ-ċomb ta’ kaċċaturi bla qalb, kien qisu
l-ħoss makabru taċ-ċuqlajta f’jum il-Ġimgħa Mqaddsa, kien qisu daqq il-qniepen
jingħu għal xi ħadd fl-agunija.” (p. 230)
Interessanti wkoll is-silta
qasira fejn Dun Gejt jirrakkonta lil Zanzu d-dehra li kellu waqt il-ġuri: hija
bħal previżjoni tal-miġja ta’ Napuljun f’Malta biex ikeċċi lill-Kavallieri u
jeħles lil Mannarinu stess. Din hija ħarsa lejn il-ġejjieni.
F’kapitlu 21 Mallia jirnexxilu
jaħsad lill-qarrej: meta kollox ikun jidher sejjer għall-aħjar, isseħħ
it-traġedja. Xi ħadd jitfa’ mit-tieqa għal isfel lil De Stef. Hawn jidħol
il-korsiv mill-ġdid, imma din id-darba naqraw l-ittra li De Stef jikteb lil
Liża. Fiha jikteb dwar l-ispirtu tal-Illuminiżmu u tar-Rivoluzzjoni Franċiża li
qed jonfoħ fuq l-Ewropa kollha. F’din l-ittra De Stef iħalli wirt kemm lilha
kif ukoll lil ibnu Kris. Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 24: Dun Mannarinu fil-ħabs
tal-Gran Mastru jikteb biex iberraħ id-dwejjaq tiegħu kemm għas-sitwazzjoni li
fiha tinsab Malta, kemm għas-sitwazzjoni tiegħu li tħalla maqful hemm isfel
anki minn De Rohan. Din hija kitba testment ta’ dak li għaddew minnu Malta,
il-Maltin u Mannarinu stess mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Dan
it-testment jiġi afdat lill-baruni bis-saħħa ta’ patri Pupull Kapuċċin li jżur
lil Mannarinu fil-ħabs.
Strutturalment l-aħħar kapitlu
(kapitlu 27) għandu importanza kbira. L-azzjoni sseħħ quddiem il-Palazz fil-Belt
fejn isseħħ iċ-ċerimonja li matulha n-nobbli kellhom jaħarqu d-diplomi kif
ordna Napuljun. Hawn in-narratur onnixxenti jiddeskrivi mill-qrib u mill-bogħod
x’jiġri matul ċelebrazzjoni bħal din. Il-kmandant Bosredon jagħti lill-baruni
l-kaxxa tal-landa li fiha ibnu Pupull kien iżomm id-djarju tiegħu. Isalva
d-djarju imma Pupull le: il-baħar żaqqu ratba imma rasu iebsa.
Minkejja kollox L-IRVELL TAL-QASSISIN huwa rumanz bi
tmiem hieni u pożittiv.
SPAZJI
Spazju li fih titpoġġa l-azzjoni
huwa Balzunetta, fil-Furjana. Il-kunvent u l-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana
huma spazju li joffri kenn anki għal min irid jieħu deċiżjoni importanti.
Hemm ukoll il-Kattidral ta’ San
Ġwann, il-Belt, fejn tiġi ċċelebrata l-quddiesa funebri ta’ Pinto li kien ilu
30 sena Gran Mastru jaħkem b’id tal-ħadid.
Hawn ningħataw deskrizzjoni ħajja ta’ x’seħħ matul il-quddiesa min-naħa
ta’ dawk preżenti, donnu l-istess awtur kien preżenti u osserva x’kien qed
iseħħ. Hawn Mallia jiddeskrivi anki bawxati min-naħa tal-Kavallieri li wara
l-quddiesa ħarġu jiżżuffjettaw b’Pinto mejjet, ferħanin li kienu ħelsu minnu.
Kien proprju l-balliju Ximenes li reġa’ ġab l-ordni fil-Kattidral.
Id-data 24 ta’ Jannar 1773 terġa’
toħodna fil-Kattidral ta’ San Ġwann fejn din id-darba ssir quddiesa li matulha
jingħażel Gran Mastru ġdid.
Spazju ieħor fejn isseħħ
l-azzjoni huwa l-Palazz tal-Isqof fl-Imdina: hawn iseħħ il-konfront bejn
l-isqof Pellerano u Dun Gejt Mannarino. F’kapitlu 10 u f’dan il-palazz iseħħ
il-laqgħa bejn l-Isqof Pellerano u l-kjeriċi. Sadanittant barra ċorma nies
tistenna u tara kif tgħaddi l-ħin, fosthom permezz tal-għana u d-daqq
tal-kitarri. Permezz tal-għana tiegħu Kris jesprimi l-inkwiet li l-Maltin
jinsabu fih anki taħt Ximenes. Kapitlu 11 joħodna fil-kappella privata ta’
Pellerano, fl-istess Palazz tal-Imdina, u dan waqt il-laqgħa bejnu u l-baruni.
Huwa f’dan l-ispazju ċkejken u silenzjuż fejn l-Isqof Pellerano jikxef
l-inkwiet ġewwieni tiegħu mal-Mulej: fih għaddejja battalja ġewwiena li
tirrifletti wkoll il-ġlieda bejn il-Maltin u l-Gran Mastru, imma anki bejn
il-Knisja Maltija u l-Ordni.
Jissemmew ukoll il-Fosos
tal-Furjana fejn hemm il-ħaddiema tal-qamħ, filwaqt li l-knisja ta’ San Publiju
tinsab fl-ewwel fażi tal-bini tagħha.
Mill-Furjana mmorru f’Ħal Qormi
waqt l-Għid tal-1775 u fil-knisja waqt il-Via Sagra. Anki hawn ningħataw
deskrizzjoni dettaljata tal-atmosfera li hemm ġewwa, ximindaqqiet solenni u
tbeżża’, daqqiet oħrajn komika u għandha mill-grottesk.
Id-data tad-9 ta’ Settembru
toħodna lura fil-Belt, fejn tibda r-rewwixta. L-ambjent huwa wieħed imdallam u
suspettuż, u jaħkmu sens ta’ tensjoni u stennija. Kapitlu 20 joħodna fi spazji
differenti: it-tribunal u ċ-ċella a’ Mannarinu, u aktar tard dar il-baruni
fil-Furjana fejn mewt (ta’ Delina) u twelid (Gejtu, iben Kris u Mina), ferħ u
diqa, jimxu id f’id taħt l-istess saqaf.
IL-ĠRAJJA
Il-ġrajja ta’ L-IRVELL TAL-QASSISIN isseħħ snin wara
l-istorja li Mallia rrakkonta fl-ewwel rumanz ta’ din it-triloġija, bl-isem ta’
Il-Baruni ta’ Ħal Qormi. Iż-żmien li
fih Pupull qed jikteb id-djarju tiegħu hu bosta snin wara l-Assedju l-Kbir,
żmien meta l-Ordni u t-Torok ma baqgħux miklubin għal xulxin. Hu żmien meta
l-Ordni qabad in-niżla. Il-Kavallieri huma meqjusin bħala barranin li jagħmlu
l-arja mal-Maltin u għalhekk mhumiex milqugħin iktar tajjeb. Teżisti wkoll
rivalità kbira
bejn il-Knisja ta’ Ruma u l-Ordni ta’ San Ġwann. Dan hu wkoll żmien meta Malta
ħelset mit-theddid estern (it-Torok) u nħakmet minn inkwiet intern: naraw
lill-Maltin magħkusin minn tliet forzi li huma l-Gran Mastru, l-Isqof u
l-Inkwiżitur. Leħen Mannarino hu favur id-dgħajjef, mela favur il-poplu
mgħakkes u mhedded minn dawn il-forzi barranin. Tissemma spiss ukoll ir-rabta
li Malta kellha ma’ Sqallija anki f’dak iż-żmien.
F’kapitlu 2 tissemma data
preċiża: it-23 ta’ Jannar 1773, marbuta mal-aħbar li Pinto qed imut. Dan hu
żmien fejn taħkem ukoll atmosfera ta’ suspett u fejn ħadd ma jafda f’ħadd. F’kapitlu
10 insiru nafu li l-azzjoni qed isseħħ fis-sajf tal-1774. F’kapitlu 13 jissemma
x-xahar ta’ Frar. Il-Maltin lanqas huma kuntenti b’Ximenes. Tissemma l-ġlieda
bejn l-Isqof u Ximenes dwar il-kaċċa tal-liebru. Kapitlu 15 joħodna fi żmien
il-Għid, 1775.
F’kapitlu 16 nifhmu li għadda
ż-żmien: jingħad li Pellerano ilu li telaq minn Malta minn Mejju ta’ qabel.
Ikomplu l-preparamenti kontra Ximenes. Tissemma d-data tat-8 ta’ Settembru, u
l-jum t’għada se jkun jum ir-rewwixta. Din tasal fid-9 ta’ Settembru u ddum xi
sigħat imma minħabba li l-għajnuna mistennija ma tasalx tispiċċa fi żmien
qasir. Carmel Mallia hawn jinkludi bosta tagħrif ta’ natura storika, mela anki
ħwejjeġ li seħħew fir-realtà.
Iż-żmien jimxi b’xahar ’il
quddiem f’kapitlu 20: wara li l-kastell ta’ Sant’Iermu jaqa’ lura f’idejn il-Kavallieri,
jissemma d-9 ta’ Ottubru, meta jmut Ximenes u jilħaq minfloku De Rohan. Kollox
jingħad fil-qosor permezz tal-kumment tan-narratur. Fl-20 ta’ Ottubru jibda
t-tribunal tar-ribelli li żammew iebes. Għal ftit jinstema’ leħen Dun Mannarinu
jiddefendi l-kwistjoni tal-irvell, u dan permezz tad-diskors dirett.
Is-sentenza tingħata fil-25 ta’ Ottubru. Mallia hawn jibbaża ħafna mhux fuq
l-istħajjil imma fuq fatti storiċi li seħħew verament. Kapitlu 20 bħal jilħaq
il-quċċata fl-għajat patrijottiku ta’ Veffa: “Għad tasal is-siegħa tagħkem, ja
qabda ħallilin ta’ Malta. Viva Mannarinu u sħabu.” (p. 227) U anki permezz
tal-għana ta’ Kris:
“‘Int eroj ta’ Malta tagħna’
għad jgħajtulek żgħar u kbar;
għad il-Ġrajja tqimek f’għanja
li tgħannilek fuq is-swar.” (p. 229)
Mannarinu bħala eroj jidher ukoll f’kapitlu 24: huwa hu li qed ibati
l-konsegwenzi tar-rewwixta li fiha ftit Maltin biss taw sehemhom.F’kapitlu 25
jidħol fir-rakkont Napuljun u l-bidliet li se jġib miegħu. Insiru nafu li
għaddew 22 sena mill-irvell. Din hija qabża temporali konsiderevoli.
Il-Kavallieri m’għadhomx il-ħakkiema ta’ Malta u l-ispirtu tar-Rivoluzzjoni
Franċiża bħal qed jibda jindara mill-Maltin. Hawn tiġi l-aħbar tal-ħelsien ta’
Dun Gejt Mannarinu.
Kapitlu 27 jispiċċa b’definizzjoni ta’ xi jkun eroj u dan f’rabta
mal-personaġġ ta’ Dun Mannarinu li jibqa’ juri mħabbtu lejn Malta sal-aħħar tant
li jgħajjat, “Vive Napoléon, imma Viva din l-art li tatni l-ħajja, Viva Malta.” (p.
284)
XI XEJRIET TEMATIĊI OĦRA
F’kapitlu 7 hemm l-idea
tad-destin, imma jiġu ttrattati anki ż-żewġ forżi opposti, imħabba u mewt. Dan
hu rumanz mhux biss storiku imma anki soċjali ladarba jissemmew spiss
it-tbatijiet tal-poplu Malti. Hemm ukoll it-tema patrijottika. F’kapitlu 12
jispikka kliem Zanzu: “Aħna hawn Malta ma nistgħux nieħdu ruħ qabel ma jkollna
rajna f’idejna.” (p. 147) Tispikka l-idea li m’għandniex ninsew dak li tant
tqabdu għalih missirijietna: “Ara kemm batew missirijietna! Jekk inkomplu fejn
ħallew huma, ma jkunux batew għalxejn. Iberkuna minn qabarhom.” (p. 148)
L-importanza ta’ kliem bħal dan tibqa’ tidwi anki għalina li qed ngħixu
fil-preżent: donnu jfakkarna li llum qed ngħixu ħajja komda għax xi darba kien
hemm Maltin li tqabdu kontra min ħaqarhom u użahom bla rispett; donnu jfakkarna
biex ma nserrħux rasna u b’xi mod nerġgħu lura għal żminijiet koroh bħal dawk.
Twelid, mewt u patrijottiżmu
jerġgħu b’saħħithom f’kapitlu 17: kontra l-irwiefen tar-rewwixta hemm Mina li
tistieden lil żewġha Kris imiss żaqqha ħalli jħoss il-ħajja ġdida li hemm fiha.
Mina taf bir-rewwixta u hi favur li żewġha jkun fost dawk li jitqabdu għal
Malta ħielsa mill-Kavallieri. Jispikkaw żewġ tipi ta’ mħabbiet: dik bejn
il-miżżewġin u familjari, u dik lejn il-patrija. Nifhmu li familja hienja ma tistax
teżisti f’art maħkuma minn barrani ħajjen. Il-mewt tiġi deskritta bħala
“s-sultana waħdanija, is-sultana ta’ kulħadd, is-sultana li quddiemha kulħadd
ikollu jbaxxi rasu, kemm jekk ikun sultan, kemm jekk ikun tallab.” (p. 202)
In-narratur dejjem ifakkar li
“kien hemm ħafna wkoll li ma kellhomx għaxja ta’ lejla u kienu jittallbu.” (p.
201) Dan jintrabat mat-tema soċjali u l-faqar taħt il-Kavallieri.
F’kapitlu 21 tidħol ukoll it-tema
tar-rikonċiljazzjoni. Wara r-ribelljoni Zanzu jintbagħat fl-eżilju Sqallija.
Isseħħ laqgħa bejnu u bejn De Stef li joffri li jreġġa’ lil Zanzu lura Malta.
Apparti r-rikonċiljazzjoni bejn partijiet opposti, hemm ukoll
ir-rikonċiljazzjoni mal-verità:
bis-saħħa tal-kavallier De Stef, Zanzu jerġa’ jingħaqad ma’ familtu f’Malta u
Kris isir jaf fiċ-ċert min hu l-veru missieru.
It-tema tal-patrijottiżmu tagħlaq
dan ir-rumanz. Infatti f’kapitlu 27 Mallia jfakkarna fl-imħabba li għandna nuru
lejn art twelidna, u dan jagħmlu permezz tal-kwartina ta’ Kris:
“Kemm hi sbejħa Malta tagħna!
Ħabib tiegħi, tmaqdarhiex;
uri dejjem li taf tħobbha,
aħlef li ma tinsihiex.
U kif tista’ qatt tinsieha
jekk int tqum u torqod fiha!”
IL-PERSONAĠĠI
Minn kif jitkellem Pupull Barbone
jidher li hu qrib il-fqir u l-batut, ta’ natura ġeneruża meta jkun hemm bżonn.
Jagħżel ħajja ta’ avventura fuq ix-xwieni tal-Ordni u jqis lil Malta bħala
għeluq u gaġġa.
Niltaqgħu sa mill-bidu ma’ Dun
Mannarinu li ma jaħmilx lill-Ordni għax korrott, u l-kavallier Franċiż De Stef.
Lil dawn narawhom f’konfront dirett li jseħħ fid-dlam tal-lejl. Huwa ironiku
l-fatt li Dun Mannarino ma jifhimx il-Latin.
Permezz ta’ Liża, Mallia
jittratta r-rabtiet illeċiti bejn tfajliet u nisa Maltin, anki miżżewġin, ma’
bosta barranin. Hemm ukoll il-biċċa ta’ Kris, iben Liża, imma li aktar tard
jinkixef li missieru mhux Zanzu imma l-Kavallier De Stef.
Persunaġġ ieħor hu Dun Ġużepp Zahra,
mill-Furjana, anki hu kontra l-aġir ta’ Pinto. Hemm ukoll Pasass li huwa parti
mir-rewwixta. Aktar persunaġġi huma l-baruni Baskal u bintu Gelsomina, u
l-pastaż Kristofru, fil-palazz tal-Furjana. Reliġjuż ieħor huwa Patri Pupull,
imfittex għall-pariri tiegħu minn kulħadd. Fid-djalogu bejn Dun Gejt u Patri
Pupull jinħass sewwa l-ispirtu u l-ambjent Franġiskan li bih huma mdawrin:
faqar, sempliċità u
altruwiżmu kemm lejn il-bniedem kif ukoll lejn l-annimal, anki ħlejjaq ċkejknin
bħall-werżieq.
Mallia jaf kif jagħti tassew
il-ħajja lill-personaġġi tiegħu, anki billi jorbot magħhom ġestwalità u atteġġjamenti partikolari: hekk l-Isqof Pellerano
jidher nervuż quddiem iż-żjara mhix mistennija ta’ Dun Mannarinu u ħbiebu;
tolqot ukoll id-deskrizzjoni ta’ Barbaġann.
Lil Dun Gejt Mannarinu narawh
anki f’kapitlu 15 f’Ħal Qormi waqt funzjoni tal-Via Sagra, żmien qrib il-Ġimgħa
l-Kbira: dak tiegħu huwa kliem ta’ twissija u ta’ biża’ u rifless ta’ soċjetà “medjevali” fejn kienet għadha taħkem l-injoranza
fost il-parti l-kbira tal-poplu.
GĦELUQ
Bħal dejjem Karmenu Mallia
permezz ta’ L-IRVELL TAL-QASSISIN
jagħtina fuq naħa xogħol mimli tagħrif interessanti dwar epoka storika ewlenija
fl-istorja ta’ pajjiżna, u fuq l-oħra, xogħol li żgur jagħti pjaċir lil min
jaqrah permezz ta’ mekkaniżmi narrattivi differenti, imma anki bis-saħħa ta’
lingwaġġ mill-isbaħ u mżewwaq anki b’partijiet li għandhom mill-poeżija.
_____________ o _____________
No comments:
Post a Comment