Wednesday, September 10, 2014

L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI ta' Walid Nabhan

L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI (KKM 2013) huwa rumanz li jifrex fuq 255 paġna u huwa mqassam f’20 kapitlu. L-azzjoni ta’ dan ir-rumanz ġeneralment isseħħ f’Malta (f’rabta mal-preżent) u f’Amman (f’rabta mal-imgħoddi).

STIL:

Stilistikament dan ir-rumanz jista’ jinħass jimxi kajman mil-lat ta’ ritmu fl-ewwel parti, imma jasal punt meta l-qarrej iħoss il-ħtieġa li jkompli jaqra bla ebda diffikultà jew telf ta’ żmien proprju għax ir-ritmu narrattiv jibda jiġri. Ir-rumanz spiss jieħu l-għamla ta’ monologu twil jew djalogu ġewwieni bejn il-“jien” u l-“int” jew il-“jien” u l-“ieħor”, mela bejn il-leħen narranti u l-interlokutur. Dan il-leħen narranti hu Nabil (Nabhan ukoll?) stess, jew il-ħsieb tiegħu jħares lejh innifsu u lejn dak li qed iseħħ madwaru minn ċerta distanza.

Dan il-leħen narranti hu simili ħafna għal dak preżenti fir-rakkont ta’ Walid Nabhan Leħen tal-Fuħħar li jinsab fil-ġabra ta’ stejjer li ġġib l-istess isem u li ħarġet fl-2012 mill-KKM. Anki hemm naqraw dwar pjagi, demm u wġigħ. Hemm il-leħen narranti hu dak ta’ “raġel jitkellem waħdu fit-toroq, ġieli ma jagħrafx lilu nnifsu fil-mera [...] Raġel jibża’ mill-gazzetti u t-televixin, u l-imħabba u l-ferħ u l-mobajl ċellulari.” (p. 40) Dan hu l-leħen ta’ Palestinjan li jġorr riħa partikolari, imur fejn imur, u li jqabbel lil Gaża ma’ “bagoll imniegħel” mimli “foqra kkalzrati.” (p. 40) F’Leħen tal-Fuħħar il-leħen narranti jistaqsi bosta mistoqsijiet, waħda wara l-oħra – bħal f’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI – imma jaf li “ġieli r-risposta tigref iktar mill-mistoqsija”. Min-naħa l-oħra għandu għarfien ta’ bniedem li ġej minn sfond storiku u ġeo-politiku fejn spiss jaħkmu l-mibegħda, il-gwerra u t-tixrid tad-demm. Filwaqt li hemm min irid jaqta’ kompletament mill-iħirsa tal-imgħoddi, hemm oħrajn, bħal-leħen narranti f’Leħen tal-Fuħħar u L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI, li r-riħa tal-passat ma jista’ jeħles minnha qatt.

Jitħaddem it-ton ironiku, bħal meta jidħol il-kumment dwar il-Lhud u l-Amerikani. Il-leħen narranti, anki matul waqtiet fejn jissidkuti kwistjonijiet serji u jaħarqu, jaf isib ħin biex jgħaddi bi żmienu stess: “Iwa? Għandek il-wiċċ tikkummiedja u ddaħħak? Iġbruh mela Isa.” (p. 204) Il-perijodu sintattiku bosta drabi huwa twil, mela jmur id f’id mal-istil riflessiv tax-xogħol preżenti. Jitħaddmu bosta punti ta’ interrogazzjoni u punti esklamattivi: għandna l-awtur li jistaqsi l-ħin kollu u jagħdab, jipprotesta, drabi oħra jironizza.

Hemm drabi meta jitħaddem il-korsiv (kapitlu 19) – jindika djalogu bejn Nabil u Alla jew Allah? Il-korsiv jintuża wkoll f’kapitlu 20: waqt li Nabil jinsab fiżikament fuq conveyer belt, huwa jintilef fi tren ta’ ħsibijiet, wieħed wara l-ieħor u ma jaqtgħux, miġjubin fil-korsiv.

Ikun interessanti ferm studju tax-xbihat (metafori u similitudnijiet) li Nabhan iħaddem b’mod estensiv imma anki b’mod effettiv. Il-kitba ta’ Nabhan hija miżgħuda bi xbihat li għandhom ukoll mix-xbihat bibliċi, imma anki minn rakkonti li twieldu fost popli mġarrba, f’artijiet li jafu iktar trab u ramel milli ħamrija għammiela; twieldu fost popli nomadi li jterrqu r-rotot tad-deżert ħabib u kiefer fl-istess ħin, imma anki f’artijiet fertili li jinsabu x’imkien bejn l-Ewfrati u t-Tigris. Bosta huma wkoll xbihat f’rabta mad-dinja tal-bhejjem - ġrieden, klieb, ħamiem, qtates, nemel, ċikonji u l-bqija – u dan f’rabta mal-għemejjel tal-bniedem fid-dinja.

Fir-rumanz hemm saħansitra partijiet versifikati. Hemm bosta waqtiet meta l-proża ta’ Nabhan tilħaq livelli poetiċi, anki jekk ma jitħaddmux il-versi. Kapitlu 16 jiftaħ b’referenza poetika għal Rużar Briffa u r-rabta tiegħu mal-Barrakka ta’ Fuq. Huwa interessanti u mill-isbaħ il-mod kif Nabhan jiddeskrivi minn għajnejn ta’ wieħed li ġie mil-Lvant tal-Mediterran il-Barrakka ta’ Fuq u anki l-Birgu bil-lejl. Dan huwa kapitlu li fih partijiet kemm senswali kif ukoll poetiċi.

L-ilsien li jħaddem Nabhan huwa taħlita naturali ta’ Malti safi u modern, rifless tal-flessibilità ta’ lsienna. Għalhekk Nabhan ma jsib l-ebda diffikultà jesprimi sewwa u b’mod ċar dak li għandu f’moħħu u f’qalbu. Mhemmx tidwir u kantunieri ma’ Nabhan – dak li għandu jgħid jgħidu direttament, anki jekk xi drabi jista’ saħansitra jdarras lil ċertu tip ta’ qarrejja. Hekk per eżempju jikteb dwar l-aljenazzjoni: “pirmla li toħodha nofs Malta” (p. 204).

TEMATIKA:

Dan huwa rumanz ta’ denunċja fejn Nabhan jagħmel reviżjoni ta’ ċerti episodji storiċi li rrendew lill-poplu Palestinjan tellief u skjav (ara p. 91). Jingħad li hemm bżonn li r-responsabbiltà tittieħed minn min hu ħati u jibda l-proċess ta’ rikostruzzjoni, imma anki jieqaf kull sens ta’ ħasra u awtokommiżerazzjoni.

Fl-isfond hemm sens ta’ ħtija mitfugħ fuq ġenerazzjoni li twieldet mat-telfa tal-Gwerra tas-Sitt Ijiem (1967). Hija ħtija li tissarraf f’rabja min-naħa tal-leħen narranti. Dwar dan is-sens ta’ ħtija u l-piż mwaħħal miegħu Nabhan kien diġa’ kiteb f’Leħen tal-Fuħħar fit-tmien storja bl-isem ta’ Silta minn rakkont ġdid (pp. 81-94). Mela L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI jista’ jinftiehem ukoll bħala rumanz tal-fakra, rumanz ta’ tiftix tal-għeruq, anki tiftix il-ħelsien minn ħtijiet ta’ poplu sħiħ. Dak li jagħmel il-leħen narranti fir-rumanz hu wkoll li jimla l-vojt li ħalla warajh missier Nabil; il-kliem li ma qalx missier Nabil jinkiteb minn Nabil stess, u dan biex jipprova jifhem dak li hu fl-aħħar mill-aħħar ċar kristall u inspjegabbli.

Nabhan jirnexxilu jorbot flimkien ġrajja ċkejkna li tintrabat ma’ familja (ġrajja awtobijografika?) u mal-protagonist Nabil, u ġrajja kbira li twasslilna l-istorja mhux biss tal-poplu Palestinjan u tal-Lvant Nofsani imma anki ta’ bosta forzi internazzjonali ġganti li mmarkaw darba għal dejjem l-istorja tad-dinja. Fuq naħa naqraw dwar it-tbatija u l-umiljazzjoni taż-żgħir u fuq l-oħra dwar il-pompożità u l-ħniżrijiet tal-kbarat li jiddeċiedu huma meta jkunu ħbieb jew għedewwa ta’ xulxin, filwaqt li l-konsegwenzi jħallas għalihom id-dgħajjef: “X’taħti l-ġenerazzjoni tiegħi li wirtet minn kollox: battalji mitlufa u gwerer misħuta, u kontijiet li ilhom eluf ta’ snin ma jitħallsu? Ħafna minn dawn il-kontijiet huma divini, jiġifieri jiffurmaw parti mil-logħba tal-allat li għoġobhom joħolqu l-art u s-smewwiet u jagħmlu l-Lvant Nofsani fiċ-ċentru, l-għaksa tan-nofs, biex miegħu jdawru l-mejda tar-roulette u jilagħbu b’ħajjet in-nies imqassmin bejn Lhud u Musulmani u Nsara, u kollha jintużaw bħala ħatab għall-istess infern imwaqqaf apposta għalihom.” (p. 140). Kemm hu attwali diskors bħal dan! Fuq naħa hemm il-maskri u l-ipokrisija tad-dinja tal-Punent li tippoża bħala mudell morali filwaqt li tordna l-qtil kiesaħ u biered ta’ eluf. Fuq l-oħra hemm popli meqjusin bħala klieb, qtates u bhejjem oħra li tista’ teħles minnhom bla ħafna dispjaċiri u penitenzi.

Nabhan jattakka fuq kollox l-istat ta’ injoranza li bosta tħallew fih: “Forsi għax l-investiment kellu jsir fil-bniedem. Fil-mentalità primittiva li toqtol bniedem minn ieħor u mhux fl-akbar gallariji u fl-itwal bini mwaqqaf fuq ir-ramel instabbli...” (p. 184) U dan jgħidu f’rabta ma’ art twelidu, l-Amman, mifhuma bħala “baqra li tiekol lil uliedha u taħleb għand il-ġirien.” (p. 190). Però, ċertament din hija sitwazzjoni li tapplika wkoll għal artijiet oħrajn, anki fid-dinja “ċivilizzata”: “bqajna aggregazzjonijiet tribuċentriċi ma jitħamlux bejniethom iżda joqogħdu tajjeb għal-lembuba ta’ Ruma u dik Persjana.” (p. 184)

Nabhan jiddenunċja wkoll il-korruzzjoni morali li fiha jinsabu l-ħakkiema u l-klassi tas-sinjuri. Hija korruzzjoni li laħqet il-qiegħ, u kontra dan Nabhan jesprimi ruħu b’lingwaġġ b’saħħtu u li ma jaħfirx imma li jibqa’ jidwi f’moħħ il-qarrej. Hija rabja li fl-aħħar mill-aħħar tissarraf f’biki u wġigħ. Il-korruzzjoni hija ssimbolizzata mit-trab abjad, kontra “il-ħobża nadifa allavolja magħġuna bl-għaraq u d-demm” tan-“nies fl-għelieqi u l-barrieri u l-fabbriki”. (pp. 187-188) Aktar tard Nabhan jikteb, “Fil-fatt, l-istess diskors japplika għall-mexxejja u l-primi. Huma wkoll fdajniehom fuq ħobżna u ħaduha li jistgħu jbigħu l-futur ta’ wliedna.” (p. 203) Nerġa’ ngħid, x’attwalità f’dan id-diskors ta’ natura politiko-soċjali!

F’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI naqraw ukoll dwar is-saħħa tal-poeta u tal-poeżija li tista’ tumilja jew tiżola tribujiet kbar u tkissrilhom id-dominju tagħhom (ara p. 186) F’post ieħor Nabhan iqiegħed lill-poeti, il-politiċi u l-avukati f’qoffa waħda: “Il-lingwa meta tiġi fl-ilsien ta’ wieħed minn dawn tiġi proprja qaħba.” (p. 204) Joħroġ ukoll il-kuntrast bejn id-deżert kiefer imma nadif u l-belt maħmuġa u makakka.

XI PERSONAĠĠI:

Parti mill-uġigħ ta’ Nabil ġej miċ-ċaħda tal-imħabba ta’ tfajla mix-Xewkija, u dan minħabba omm u kappillan li ma aċċettawx imħabba bejn Nisranija u Musulman (p. 146). Nabhan ifakkarna li l-kruċjati u l-mibegħda kontra l-infidil għadha tkaxkar fis-seklu 21.

Hemm il-ġurnalist impenjat Muhammed Tummaleh, li għandu pinna b’saħħitha u li miegħu jiltaqgħu Nabil u Musa f’kapitlu 19. Il-personaġġ ta’ Simon ifakkar fis-Samuraj ta’ Frans Sammut: Simon huwa xjenzat, “poeta minsi” u “bniedem imdawwal”. Dan huwa l-istess personaġġ li f’kapitlu 16 Nabil jibki t-telfa tiegħu, sieħbu, u għal waqtiet ifittex il-kenn f’figura materna li ilu li tilef għal snin twal.

Kapitlu 17 jirrakkonta l-istorja ta’ mħabba bejn Musa u Rukajjah; wara l-qtil tal-imħabba din tispiċċa wkoll b’suwiċidju. Rukajjah hija poetessa bħal Simon; it-tnejn imutu qasir il-għomor. Wieħed jistaqsi għaliex? Ma ninsewx li s-suwiċidju u l-mewt huma topoi fil-letteratura, mela motivi li jirrikorru. Anki Musa jsir poeta wara t-traġedja ta’ Rukajjah.

XI MISTOQSIJIET LI JITQAJMU:

Il-qari ta’ L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI jġiegħel lill-qarrej jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet: X’inhi letteratura Maltija? Hija dik li twieldet f’Malta? Din ta’ Walid Nabhan twieldet Malta jew fil-Lvant Nofsani, eżattament f’Amman? (ara pp. 149-150) Minkejja li hu rumanz miktub bil-Malti, ruħu hija Maltija? Jew rumanz bħal dan qed jirrifletti l-qagħda tal-letteratura Maltija llum, mhux biss dik etniko-kulturali? Rumanz bħal dan seta’ faċilment inkiteb b’ilsien ieħor (bħall-Franċiż) u nqaleb għall-Malti bla ma jitlef xejn minn ruħu jew mill-essenza tiegħu?

GĦELUQ:

Il-kulur li jaħkem f’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI huwa l-griż. Parti minn dan ix-xogħol kienet diġà dehret fil-ġabra Leħen tal-Fuħħar permezz tar-rakkont Mar-Re (rakkont numru 6 minn 9). Hemmhekk Nabhan f’nota f’tarf il-paġna kiteb li din il-kitba “tispjega kif il-karattru politiku Għarbi kontemporanju jiġi mmutilat f’età żgħira... żgħira ħafna.” (p. 69)

F’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI Nabhan jirrakkonta l-ġrajja ta’ Nabil (l-“alter”, l-“ieħor”?) li kien għaddej minn “Gwerra interna. Gwerra ta’ bniedem li għex ħajtu kollha mingħalih li hu kien hu. Għexha kollha bil-maqlub.” (p. 252) Mela dan ir-rumanz hu wkoll ħarsa ġewwinija lejn min hu tassew min qed jikteb, mhux biss ħarsa esterna lejn avvenimenti li jbikku u jgħaddbu, ladarba Nabhan jirnexxilu anki jwassal l-għajta tal-EDP, jew Externally Displaced People, li jinsabu f’limbu etern. Nabil jiġi deportat f’Amman wara 20 sena fejn “il-ħajja saret idjaq minn qabar.” (p. 251) Wieħed jistaqsi jekk din hijiex saħta jew barka? Fl-aħħar tar-rumanz jinħass ċertu sens ta’ tisfija: hija l-katarsi li jgħaddi minnha Nabil permezz ta’ dan ir-ritorn lejn l-għeruq tiegħu wara li minn distanza fiżiko-temporali seta’ jaħseb u jipprova jifhem dan l-istess għeruq tiegħu. L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI jgħin lilna nifhmu ftit aħjar sfond storiko-soċjo-kulturali ta’ popli u qagħdiet li mhumiex ’il bogħod minna.

________________________o _____________________

No comments:

Post a Comment