Saturday, September 27, 2014

META D-DMUGĦ MA JINXIFX ta’ Anthony Farrugia, Dom Communications, 2014

Dan ta’ Anthony Farrugia huwa t-tielet rumanz tiegħu, wara Meta l-Imħabba ma Tmutx (Horizons) u Fjuri fir-Riħ (Veritas Press). Meta d-Dmugħ ma Jinxifx jinfirex fuq kważi 120 paġna u jinqasam fi 13-il kapitlu.

PERSONAĠĠI:

It-tliet personaġġi ewlenin tar-rakkont jiġu ppreżentati diġà fl-ewwel kapitlu. Huma tliet tfajliet adoloxxenti: Angie, Nadia u Karen, kollha bi problemi serji fil-familji rispettivi tagħhom. Għall-ewwel huma jgħiru għal min ma laqtitux ix-xorti ħażina bħalhom u b’hekk bħal jiftehmu biex jirrendu l-ħajja ta’ ħaddieħor diffiċli, l-aktar lil min hu dgħajjef. Hija Karen l-ewwel waħda fost it-tlieta li tibda tniggiżha l-kuxjenza u tibda tifhem li ħażin ma jitpattiex b’ieħor. Hemm ukoll Lino, missier Angie, li hu rett u li jittama li s-sitwazzjoni titjieb. Lino, malli jsir jaf bl-infedeltà ta’ martu, jibda jaħdem ma’ bintu Angie biex jaraw ma’ min u fejn kienet ħarbet Ursula. Min-naħa l-oħra hemm Ursula, omm Angie, li titlaq mid-dar biex tibda tgħix mal-maħbub tagħha Ritchie, wara li dan jirnexxilu jimmanipulaha bil-kliem sabiħ tiegħu. Hemm ukoll il-personaġġ negattiv, makakk u manipulatur ta’ Janet li tkisser il-familja tat-tfajla Nadia. Renald hu xempju ta’ raġel mimli vizzji u dgħajjef, misjuq min Janet li ma tiddejjaq xejn tipponta sikkina lejh wara li jissuġġerilha titqaħħab għall-flus.

TEMATIKA U SPAZJI:

Dan ta’ Farrugia hu rumanz anki ta’ natura soċjali. Permezz tat-tliet tfajliet u karattri ewlenin tar-rumanz huwa jittratta problemi attwali bħalma huma l-infedeltà, id-droga, ix-xorb, il-mard terminali, l-ikkuljunar, in-nuqqas ta’ intimità bejn il-miżżewġin, is-suspett, il-bullying fl-iskejjel, il-vendetta, il-ħabs, id-dipressjoni, is-solitudni, il-vjolenza domestika u anki s-suwiċidju. Jittratta wkoll elementi pożittivi bħalma huma l-ħbiberija, ir-rieda li sitwazzjoni ħażina tissewwa bil-kelma t-tajba u l-imħabba, it-twelid ta’ tarbija ġdida fil-familja, l-adozzjoni, u d-djalogu bejn il-ġenituri u l-ulied. L-aġir ħażin tat-tliet tfajliet jinfluwenza ħażin anki r-riżultati tal-eżamijiet.

Farrugia jqiegħed il-familja fiċ-ċentru tar-rakkont tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha. L-awtur dejjem ifakkar kemm l-aġir tal-ġenituri jinfluwenza ħażin jew tajjeb dak tal-ulied. L-inkomunikazzjoni fil-familja twassal għal iktar firdiet. Wara t-tluq mid-dar ta’ omm Angie u l-mewt ta’ omm Karen, it-tliet tfajliet jiddeċiedu li ma jagħmlux iktar deni lil ħaddieħor. Farrugia jirnexxilu jidħol fl-iktar irkejjen sigrieti tal-familja, imkejjen fejn jaħkmu tbatijiet u weġgħat serji tassew.
  
SPAZJI:

L-azzjoni tal-ġrajja ta’ Farrugia titqiegħed fi spazji differenti fosthom fl-ambjent tad-dar, tal-iskola, f’Paceville u fil-Belt Valletta. Dawn huma fost l-aktar postijiet iffrekwentati miż-żgħażagħ tal-lum.

STIL:

Farrugia jirnexxilu jidħol fid-djar tat-tliet tfajliet permezz tal-kapitli differenti. Hekk kapitlu 3 jikkonċentra fuq is-sitwazzjoni domestika fid-dar ta’ Angie, filwaqt li kapitlu 4 joħodna fid-dar ta’ Karen. F’kapitlu 5 naqraw dwar il-vjolenza u l-problemi fid-dar ta’ Nadia. Imbagħad f’kapitlu 6 naqraw dwar Renald u l-inkwiet tiegħu; kapitlu 7 jiffoka fuq ir-relazzjoni missier-bint bejn Paul u Karen; kapitlu 8 joħodna fid-dar ta’ Janet u Renald, filwaqt li kapitli 9, 10 u 11 jikkonċentraw fuq il-personaġġ ta’ Angie. Kapitlu 12 jurina s-solitudni ta’ missier Angie wara li jitlef ukoll lil bintu, filwaqt li l-aħħar kapitlu jurina kif tispiċċa r-relazzjoni bejn Ursula u Ritchie.

Apparti l-partijiet fejn hemm in-narrazzjoni u d-djalogar, Farrugia jdaħħal xi drabi l-ħsibijiet personali tiegħu dwar ċertu aġir mhux korrett u l-konsegwenzi koroh li jista’ jġib miegħu. Hemm ukoll partijiet fir-rakkont meta Farrugia jdaħħal apposta l-element tad-dubju biex jagħti enerġija ġdida lin-narrazzjoni. Hekk, per eżempju, f’kapitlu 9 lil Angie jidħlilha d-dubju jekk Ursula hix verament ommha, u proprju dan id-dubju jwassal għal skoperta oħra li l-qarrej ma jobsorx.

Farrugia jinkludi matul ir-rumanz xi versi rrimati biex ifisser il-ħsus moħbijin ta’ personaġġi partikolari. Ma ninsewx li Anthony Farrugia jikteb ukoll il-poeżija u huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin.

KONKLUŻJONI:

Dan hu rumanz attwali u mera tal-preżent li faċilment jista’ jinqara wkoll miż-żgħażagħ ladarba protagonisti huma huma stess bit-tiġrib kollu li jgħaddu minnu. Il-lingwa u l-istil li juża Farrugia huma sempliċi apposta bla ebda kliem maħmuġ li jista’ jdarras bla bżonn. Jinqara malajr u filwaqt li jagħti pjaċir lil min ma jridx storja kkumplikata, jaf jgħaddi messaġġ pożittiv lil dak li jkun anki billi jittratta l-ġlieda kontinwa bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Patrick Sammut


No comments:

Post a Comment