INTRODUZZJONI:
Emmanuel Attard Cassar ilu snin twal impejat fil-qasam tal-letteratura
bil-parteċipazzjoni tiegħu f’numru ta’ għaqdiet letterarji, fosthom l-Għaqda
Poeti Maltin. Xtaqt niftaħ dan il-kumment tiegħi bi kliem Emmanuel Attard
Cassar stess f’intervista li kont għamiltlu fl-2012: “... inħobb inkun ċar
f’dak li nikteb. Meta naqra niddejjaq meta ma nifhimx u allura niddejjaq jekk
xi ħadd ma jifhimx dak li nikteb. Hawn min jgħid li kitba jrid jinterpretaha
min jaqraha qisu li tnejn jistgħu jinterpretaw b’mod oppost l-istess kitba. Dan
l-istil modern lili ma jogħġobnix. Kif
għidt qabel, meta naqra rrid nifhem u meta nikteb irrid min jifhimni.
Ma naqbilx mal-ermetiżmu. Jista’ jkun eżerċizzju akkademiku interessanti.
Jista’ jipprovoka analiżi psikoloġika li twassal għal xi għarfien. Iva. Imma ma
naħsibx li barra ċ-ċirku tal-istudjużi din it-tip ta’ kitba għandha xi
validità.
Għalija l-kitba trid tkun mifhuma minn kulħadd. Dan ma jfissirx li se tkun
mifhuma minn kulħadd fuq l-istess livell.”[1]
DWAR IR-RITMU U L-ESPRESSIVITÀ Attard
Cassar jgħid ukoll, “Poeżija tajba nħoss li għandu jkollha ritmu u espressività
li jridu jikkumplimentaw lil xulxin. Ir-ritmu hu importanti bħalma hi
importanti l-vuċi meta titkellem. Tista’ tkun vuċi baxxa imlissna b’dispjaċir
jew għolja mlissna bir-rabja. Dan, naturalment, irid jinħass fil-kitba.
Imbagħad hemm l-espressività. Hawn tgħin ħafna l-metafora għalkemm mhix
bilfors neċessarja dejjem. Naħseb li kittieb jew poeta kbir hu f’dan il-qasam
li jinqata’ mill-oħrajn f’dak li hu livell letterarju. Tnejn jistgħu
jikkundannaw il-gwerra, per eżempju, imma wieħed jista’ jesprimi dak li qed
jgħid b’lingwaġġ superjuri.”
FUQ DIN L-ART ĦELWA – POEŻIJI SATIRIĊI U OĦRJN SKONT
IL-BURDATA huwa t-tieni ktieb ta’ Emmanuel Attard Cassar, wara li fl-2013 ħareġ Vacanze romane. Fuq Din l-Art Ħelwa jiġbor fih poeżiji li nkitbu fuq medda ta’ 25
sena, mela bejn l-1992 u l-2016. Huwa ktejjeb ta’ 51 paġna li jiġbor fih mal-120
poeżija.
Fl-intervista li semmejt ftit ilu, Emmanuel Attard Cassar kien qalli hekk
dwar l-istil li jħaddem u t-tematika: “L-istil tal-poeżija tiegħi hu l-aktar
dak tal-vers ħieles. Il-poeżiji tiegħi normalment ikunu qrib it-tletin vers u
ġieli anki iqsar. Nikteb l-aktar dwar it-temi li wara kollox huma universali:
il-familja, l-imħabba u temi soċjali. Fil-proża nikteb l-aktar dwar temi
soċjali b’referenzi politiċi. Nikteb ukoll stejjer umoristiċi.”
F’din il-ġabra ġdida ta’ poeżiji l-għażla ta’ Attard Cassar ġeneralment
m’għadhiex dik tal-vers ħieles, anzi taħkem fuq livell formali d-dixxiplina
tal-poeżija tradizzjonali: hawn naqraw poeżiji ta’ tuljiet differenti, imma
l-iktar forma poetika użata minnu hija l-kwartina unika bir-rima mqabbża li
tħaddem versi sempliċi bħalma huma l-kwadernarju, il-kwinarju, is-senarju,
l-endekasillabu, id-doppju senarju, imma fuq kollox is-settenarju u
l-ottonarju. Hemm ukoll poeżiji fejn jintużaw id-distiku bir-rima mbewsa (Għalqet Mitt Sena Rożi jew Headphones), il-monorima – fejn il-versi
tal-istrofa jitqabblu kollha bl-istess ħoss – bħal f’Il-Festa (frattarija/ musketterija/ għalenija/ dija), ir-rima
ekwivoka (fejn il-poeta jqabbel bl-istess kliem f’tarf il-vers, bħalma jagħmel
f’Esperti:
immorru/drittijiet/immorru/dmirijiet).
Diġà fis-sottotitlu għall-ktieb
Emmanuel Attard Cassar jgħidilna li dawn tiegħu huma poeżiji satiriċi. Skont
id-definizzjoni li jipprovdielna l-Prof. Oliver Friggieri f’Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji[2],
is-satira hija “espressjoni letterarja li ddaħħak, jew tikkritika l-qerq u
l-bluha, miktuba biex tagħti divertiment u biex teduka. Is-satira […] għandha xeħta
nebbiexa, kritika, moralistika, xi drabi insolenti, waqt li tirrappreżenta
aspetti tar-realtà jew personaġġi
tal-epoka, biex tislet interpretazzjoni li daqskemm hi komika u ċajtiera hi
wkoll serja u mħassba. Is-satirista jintlaqat min-nuqqasijiet morali jew
nuqqasijiet oħra ta’ personaġġi pubbliiċi, jew ta’ individwi jew rappreżentanti
ta’ gruppi soċjali, jew istituzzjonijiet u l-bqija.” Hawnhekk mela, Attard
Cassar jingħaqad mat-tradizzjoni ta’ dawk li ħaddmu s-satira matul l-istorja
tal-letteratura Maltija, fosthom Luigi Rigord u Giuseppe Zammit (il-Brighella),
Ġan Anton Vassallo, Annibale Preca, Dwardu Cachia, Richard Taylor, imma anki
Ġwann Mamo (Ulied in-Nanna Venut
fl-Amerka), Tusè Costa, Anton Buttigieg,
b’ġabriet bħal Ejjew Nidħku Ftit (1962) u Ejjew Nidħku Ftit Ieħor (1965), u Oliver
Friggieri stess bir-rakkonti Fil-Gżira
Taparsi Jikbru l-Fjuri u siltiet mir-rumanz Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri.
Dwar l-aspett satiriku f’din il-ġabra ta’ poeżiji l-awtur jikteb hekk
fid-Daħla: “F’dan il-vjaġġ, iż-żagħżugħ serju u lsir ta’ darba, issa sar raġel
li ma jħarisx lejn id-dinja bħala ‘wied tad-dmugħ’ imma pjuttost iħares lejn
l-umanità b’ironija u b’sens ta’ umoriżmu defeatist, jiġifieri li jaċċetta
s-sitwazzjonijiet kif inhuma għax iħoss li ma jista’ jagħmel xejn dwarhom ħlief
jidħaq, għax l-alternattiva, hi biss li tiddispra.” Kemm hu veru dan, illum
aktar! F’dinja fejn twarrbu l-parti l-kbira tal-prinċipji u tal-valuri li kienu
jħaddnu missirijietna, f’dinja fejn jaħkem il-bully għax jaf li ħadd ma jista’ għalih, f’dinja fejn parti kbira
minna aħna mgħammdin bil-materjaliżmu, bl-egoiżmu u bil-kilba għall-poter u
l-flus, f’dinja fejn li tobdi r-regoli saret eċċezzjoni u fejn għax tgħid
il-verità tiġi msallab, filwaqt li jekk
tilbes maskra u titbissem dejjem tiġi rrispettat u tasal fejn moħħok jiddetta,
il-poeta ma jista’ jagħmel xejn ħlief jikteb.
Dawk ta’ Attard Cassar huma versi li jittrattaw aspetti differenti li
jiddefinixxuna bħala ġens, u bosta minnhom mhumiex pożittivi. Imma liema ġens
huwa perfett taħt il-kappa tax-xemx?! Huma riflessjonijiet li jintrabtu ma’
spazji differenti, spazji li nabitaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħna: id-dar,
il-post tax-xogħol, l-iskola, il-canteen,
it-triq, il-knisja, l-istadium, l-isptar, is-swali tad-divertiment, ir-raħal, u
l-bqija.
Għalhekk f’Fuq Din l-Art Ħelwa –
imma art li qed titlef parti kbira mill-ħlewwa tagħha minħabba l-korruzzjoni u
l-qerq li ġab miegħu l-progress – naqraw dwar il-falliment tas-sistema
tal-Ġustizzja; l-ipokrisija f’rabta mal-qasam tat-twemmin Nisrani u Alla
mdeffes f’ideoloġiji u politika umana; in-nuqqasijiet tas-sistema edukattiva
preżenti, u l-piki bħala għan tal-istudenti u l-ġenituri u mhux il-kisba
tal-għarfien; il-firda politika anki minn età żgħira; il-maltempati li qed jiffaċċja l-ilsien Malti; il-klandestini, ix-xenofobija
u n-nuqqas ta’ ħniena lejn min jeħtieġ l-għajnuna; il-kaos fis-sewqan;
l-abbużi, l-għażż, u l-iskartar fuq il-post tax-xogħol bil-barka tat-tabib
ħabib; ix-xeni ta’ disperazzjoni u l-indifferenza ta’ x’uħud li wieħed jiltaqa’
magħhom fl-isptar; l-ineffiċjenza tat-trasport pubbliku; il-ħajja tellieqa li
serqtilna l-“ħin biex nieqfu/ u nieħdu ħsieb xulxin”; il-garr u n-nuqqas ta’
inizzjattiva; l-opportuniżmu f’qasam bħalma hu l-futbol; il-manipulazzjoni
min-naħa tal-mass media; il-korruzzjoni u l-ipokrisija
tal-klassi politika; in-nuqqas ta’ dixxiplina u s-suppervja; l-infedeltà fiż-żwieġ u t-tbatija min-naħa tal-ulied; il-bini
sfrenat; il-kaċċa mifhuma bħala qtil u frott l-egoiżmu; l-Eurovision; l-użura; l-apparenzi, il-kożmetika, u s-superfiċjalità fil-familja Maltija; u aspetti oħrajn.
Quddiem dan kollu x-xewqa tal-poeta li jesprimiha fil-kwartina Karba:
“Jaħasra kemm nixtieq
ngħix ħajja ta’ bla nkwiet,
li fiha n-nies tad-dinja
tħallini ftit fil-kwiet.”
Attard Cassar saħansitra jaqbel mal-Professur Oliver Friggieri li sejjaħ
lill-Maltin “ġens magħdur”, lil gżiritna “gżira taparsi” u esprima l-ħtieġa ta’
“katarsi” (ara l-kwartina Gżira).
LESSIKU UŻAT:
Jekk wieħed iħares lejn il-versi ta’ Attard Cassar mill-perspettiva ta’
għażla ta’ kliem, mela l-lessiku, naraw li dik tiegħu hija għażla moderna. Għalih
l-importanti huwa li jwassal il-messaġġ jew ħsieb li għandu f’moħħu.
Għaldaqstant, flimkien mal-kliem ta’ oriġni Semitika ma jiddejjaq xejn juża
wkoll kliem Romanz u anki kliem Ingliż. Huma bosta l-eżempji ta’ kliem
mill-Ingliż u dan jintuża kemm bħala titli għall-komponimenti poetiċi diversi,
kif ukoll fil-poeżiji stess. Huwa kliem li jirrifletti mhux biss l-ilsien
imħallat li nitkellmu bih illum imma anki t-tip ta’ ħajja li ngħixu:
Headphones, hay fever, centre forward, handbag, Prayers, meeting,
boyfriend/girlfriend, right of way, Figure, dumb-bells, weights, sit-ups, gym,
slim, After-sales service, hardware, software, trouble, Take-away, Foundation,
eyelashes, revision, televsion, homework, hamburger, referee, play-station, Traffic
Jam, smart phone, u bosta oħrajn. Kull kelma tgħid storja twila!
XI MEKKANIŻMI LETTERARJI:
Hemm drabi meta l-poeta jinsisti apposta permezz ta’ ripetizzjoni ossessiva
fuq kliem jew frażijiet partikolari. L-epistrofe hija mekkaniżmu fejn il-poeta
jirrepeti l-istess kelma fit-tarf ta’ versi li jaħbtu wara xulxin bħalma
jagħmel fil-poeżija F’Xulxin:
“F’xulxin, f’xulxin
naħbtu f’xulxin,
moħħna f’xulxin
u ngħidu fuq xulxin.”
Meta l-istess kelma tiġi rrepetuta fil-bidu ta’ versi li jsegwu lil xulxin,
dan jissejjaħ anafora. Hu mekkaniżmu li Attard Cassar juża fl-istess poeżija
f’versi bħal:
“irridu spazju, irridu nifs
irridu noqogħdu weħidna.
Irrid ’l xulxin.”
Mekkaniżmu ieħor li juża Attard Cassar fil-versi tiegħu huwa d-djalogu,
bħalma naraw f’poeżiji bħal In-Nannu and
His Grand-daughter (fejn jalterna versi bl-Ingliż mlissna min-neputija ma’
versi bil-Malti, xi drabi anki b’laqta djalettali, imlissna min-nannu), u L-Invit (fejn jalterna versi mlissnin
minn raġel u mara miżżewġa li ġew mistiedna għal tieġ).
Mekkaniżmu li jirrikorri spiss f’dan il-ktejjeb hija l-interjezzjoni, jew
kif nafuh aħjar il-punt esklamattiv. Dan jintuża f’21 mill-120 poeżija li huma
miġbura hawnhekk. Huwa mekkaniżmu li jmur id f’id mat-ton sarkastiku li spiss
iħaddem Attard Cassar biex jiddeskrivi l-aġir xejn konvenzjonali tal-poplu
Malti. Hekk il-poeta jtemm Permess Speċjali
bil-kwartina:
“Prosit kemm qegħdin sewwa!
Għal kull skuża banali
kulħadd imur jitkellem
u jġib permess speċjali!”
Żgur li dan ifakkar fi kliem il-poeta fid-Daħla: “Element li nħossu
importanti ħafna f’dawn il-poeżji tiegħi huwa l-kontradizzjoni. Inħoss li aħna
ngħixu kontradizzjonijiet il-ħin kollu.”
KONKLUŻJONI:
Wara l-versi ta’ Attard Cassar hemm l-osservatur silenzjuż li jifli u
jifhem sewwa l-bniedem minn xiex inhu verament magħmul. Jikxef dwar ċerti
idjosinkraziji jew ossessjonijiet tagħna bħala ġens. Bosta huma kwartini li
l-poeta kiteb f’dawk il-waqtiet meta kulħadd hu mgħaġġel, imma hu rnexxielu
jaqbad sitwazzjonijiet partikolari u jwaqqafhom fiż-żmien. Dawn tiegħu huma sa
mill-bidu nett versi mill-isbaħ imsejsa fuq ħsieb ċar u lingwaġġ sempliċi
b’messaġġ li jħalli eku jidwi f’moħħ dak li jkun. Kif jikteb fid-Daħla, iż-żewġ
kriterji li juża Attard Cassar fl-għażla tal-poeżiji miġburin hawnhekk huma
l-umoriżmu u t-temi soċjali. Hawn insibu versi li joqorsu u jħammrulna wiċċna
imma li fl-istess ħin joħolqu tbissima. Huma għalhekk riflessjonijiet konċiżi –
Attard Cassar huwa bniedem ta’ ftit kliem, imma mhux asoċjali – li jikxfu
l-vera natura tagħna bħala ġens. Fil-konċiżjoni tal-versi tiegħu hemm
il-profondità. B’hekk din ta’ Attard
Cassar hi poeżija li tixbah lil dak ix-xorb li jiġi servut fi grokkijiet żgħar.
Nagħlaq bi kwartina li nħoss tesprimi sewwa n-natura ta’ Emmanuel Attard
Cassar u għandha tħallina fuq nota pożittiva:
“Kemm hu sabiħ li f’ħajti
irrabbi l-attitudni
li jkunu l-ġesti tiegħi
mimlija gratitudni.”
[1]
SAMMUT, Patrick, Minn Fomm il-Kittieb,
Intervisti ma’ Għadd ta’ Kittieba u Poeti mix-Xena Lokali, L-Ewwel Volum, Horizons,
2014, pp. 30-34.
[2] FRIGGIERI, Oliver, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji: teorija, metrika, stilistika
b’eżempji mil-letteratura Maltija, L-Edizzjoni l-Ġdida Mkabbra, P.E.G.,
2000, p. 693.
No comments:
Post a Comment