Tuesday, December 6, 2016

KAĊĊA - ġabra ta' poeżiji editjata minn Patrick J Sammut, 2016.

Bħala bniedem li nħobb ħafna l-annimali u assolutament kontra kull forma ta’ moħqrija fuq dawn il-ħlejjaq, ma stajtx ma nilqax bil-ferħa dan il-ktejjeb ta’ poeżiji,  editjat mill-poeta Patrick J. Sammut, b’għadd ġmielu ta’ versi minn 15-il-poeta ieħor, ilkoll stabbiliti fil-Letteratura Maltija.

Kaċċa hu ktieb ta’ poeżija b’differenza; huwa sforz nobbli kunċertat ta’ numru ta’ poeti kontra l-abbuż insensat tal-kaċċa u l-qerda minn wiċċ is-sema ta’ wħud mill-isbaħ krejaturi li ħalaq Alla, sempliċiment għall-gost tal-qerda!

Minn dejjem kont nobgħod dak l-hekk imsejjaħ ‘sport’ li jinvolvi l-qtil u l-moħqrija  ta’ annimali u għasafar, kienx kaċċa għall-volpi, tortura ta’ orsijiet, ġlied mal-barri u, mhux inqas, kaċċa irresponsabbli u abbużiva. Dan l-‘isport’ huwa assolutament despikabbli, u joħloq tbatija bla tarf (u għalxejn) lil dawn il-ħlejjaq innoċenti, sempliċiment  biex ikun sodisfatt l-istint  kattiv u primittiv ta’ ċerti bnedmin.

Fortunatament, is-sentimenti tiegħi qasmuhom miegħi il-poeta Patrick J. Sammut u 15-il poeta ieħor f’Kaċċa, li mhix biss hija ġabra ta’  poeżiji, iżda hija wkoll għajta mill-qalb bħala protesta għall-mod atroċi kif l-għasafar spiss  jispiċċaw meqruda minn wiċċ is-sema minħabba kaċċa irresponsabbli. 

Fil-Kelmtejn Qabel, Sammut ifisser fil-wisa’ l-għan ta’ din il-ġabra: dak li titnissel kuxjenza dwar it-tbatija li jġarrbu  tant għasafar sbieħ   huma u jobdu l-istinti naturali tagħhom huma u jpassu minn wiċċ is-sema; il-qtil bla sens sempliċiment għall-gost, ħajr għall-imġieba irresponsabbli ta’ xi kaċċaturi egoisti, li jkunu lesti jisfidaw il-liġi biex jissodisafw l-istinti primittivi taghom.

Hawnhekk, il-poeżija tgħanni fl-aqwa tagħha; is-16-il poeta: Mario Attard, Mario Azzopardi, Jonathan Balzan, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Stephen Cachia, Carmel G. Cauchi, Alfred Grech, John Mallia, Alfred Massa, Charles Mifsud, Patrick J. Sammut, Salv Sammut, Mark Schembri, Carmel Scicluna and Omar Seguna, bl-istil personali tagħhom,  jikkundannaw b’mod unanimu u assolut l-abbuż fil-kaċċa u jgħannu foħrija  lil dawk l-għasafar kollha li jġarrbu tmiem miżerabbli f’idejn kaċċaturi irresponsabbli. Dawn il-poeti jingħaqdu f’kor wieħed kbir ta’ kundanna li, aktarx iva milli le, l-awtroitajiet jinjoraw, iżda hija xorta waħda verità reali,  li biss il-poeżija tista’ tesprimi b’mod assolut.

Minbarra l-kontribut poetiku, delikatament sabiħ u mqanqal, il-ktieb fih ukoll bijografija ta’ kull poeta u għadd ġmielu ta’ illustrazzjonijiet suwed u bojod  ta’ Hilary Spiteri,  li ħa ħsieb ukoll is-setting u l-qoxra eleganti li żżid issebbaħ dan il-ktejjeb, li għandu jsib postu għand kulmin huwa kontra l-kaċċa fil-forom koroh tagħha u għalmin  japprezza poeżija tal-ogħla livell.


Alfred Palma

No comments:

Post a Comment