Emilia - It-Tfajla tal-Belt huwa t-tieni rumanz storiku-soċjali
miktub mill-pinna ta’ George Said-Zammit wara li s-sena 2016 rat
il-pubblikazzjoni tal-ewwel rumanz tiegħu Is-Saltna
li Jmiss, ambjentat f’Malta tas-seklu 16. Din id-darba, Emilia – It-Tfajla tal-Belt huwa
ambjentat f’Malta tas-snin Tletin u Erbgħin tas-seklu 20. Kif naqraw
fir-rumanz, li jerġa’ jħallat flimkien l-isfond storiku ma’ ġrajja mistħajla,
dawn ma kinux żminijiet faċli għal Malta u l-Maltin: kienu żminijiet ta’ qgħad
kbir, faqar, għaks, emigrazzjoni (mifhuma anki bħala t-tkeċċija ta’ bosta
żgħażagħ minn art twelidhom), inkwiet ta’ natura politika, u aktar tard,
it-theddida u l-wasla tal-gwerra li kissret familji sħaħ u ħalliet lill-pajjiż
f’rovina.
Stilistikament wieħed jinnota li
dan ir-rumanz fih ftit deskrizzjonijiet imma ħafna azzjoni, azzjoni kontinwa
fejn iż-żmien jiżloq bla ebda diffikultà. Għalhekk ir-ritmu jgħaġġel u ma
jiqafx ħafna biex jiddeskrivi spazji u persuni fid-dettall. Hekk, per eżempju,
hemm drabi meta l-vjaġġ minn Malta għall-Awstralja – vjaġġ li kien jieħu
ġimgħat twal - jiġi rrakkuntat fi ftit linji. Iż-żmien li jqatta’ Frankie
fl-Awstralja jiġi deskritt fi ftit paragrafi: mhux biss insiru nafu li għaddiet
diġà sena, imma fi ftit spazju tiġi deskritta l-istorja ta’ Frankie Vella li
għamel suċċess fl-Awstrajla, b’din tal-aħħar mifhuma bħala spazju pożittiv.
Frankie jerġa’ jidher biss fl-aħħar kapitlu. Dan hu rumanz mexxej anki minħabba
l-bosta djalogi li l-awtur jinkludi flimkien mal-bdil kontinwu ta’ spazji
differenti fejn isseħħ l-azzjoni. Dan kollu żgur li jirrendi l-ġrajja
rrakkuntata iktar verosimili u ħajja.
Id-deskrizzjoni tispikka fi ftit partijiet:
eżempju wieħed hu meta taqa’ bomba fuq xelter mimli nies u jibda l-proċess ta’
tħaffir biex jinħarġu dawk li kien hemm ġewwa (Kap. 21). Id-deskrizzjoni terġa’
tispikka f’kapitlu 23 fejn naqraw dwar jum it-tieġ bejn Vitor u Emilia,
deskrizzjoni li tieqaf ħesrem minħabba l-isfond tal-gwerra. Hawn l-awtur jagħti
spazju lill-ħsus tal-għarajjes. Jibbilanċja dan hemm fuq in-naħa l-oħra l-bosta
tagħrif ta’ natura storika li Said-Zammit jagħtina.
ŻMIEN:
Il-ġrajja tibda fix-xahar ta’
Ottubru tas-sena 1933. Naqraw li t-Tlieta, 12 ta’ Ottubru 1933 isseħħ laqgħa
tal-parlament. Ta’ min jiftakar li fis-snin Tletin Malta kellha kultura Taljana
imma taħt ħakma Ngliża. Kien ukoll żmien meta tensjoni kbira bejn il-Gvern
Malti u l-Gvernatur wasslet biex dan ixolji l-gvern u l-Assemblea tal-poplu. Kien
hemm ukoll il-ħabs u l-eżilju għal dawk li kienu juru simpatija lejn
it-Taljani. Naqraw dwar d-diskors tal-Gvernatur lill-poplu Maltin fuq ir-Rediffusion, dwar il-Kwistjoni ta’
lingwa (l-għażla bejn it-Taljan u l-Ingliż), reliġjon (Protestanti u Kattoliċi)
u politika (il-kuruna Ngliża u l-Faxxisti). Bil-mod il-mod Said-Zammit
jgħaddina minn Malta fl-1934, iwassalna sa Ottubru tal-1937, April tal-1938 –
jum l-emigrazzjoni għal Frankie u bosta Maltin oħrajn -, l-24 ta’ Novembru 1938
– is-sena meta bdiet tinħass sewwa t-theddida min-naħa tal-Faxxisti -, l-aħħar
tas-sena 1939, il-bidu tal-1940 – meta kien ippjanat li jsir iż-żwieġ bejn
Vitor u Emilia. Naqraw dwar it-12 ta’ Novembru 1940 – wasla
ta’ konvoj fil-Port il-Kbir -, l-aħħar tas-sena 1940, l-1942 – sena mill-agħar
għal Malta minħabba intensità ta’ attakki mill-ajru. Mill-15 ta’ April 1942
nimxu għall-15 ta’ Awwissu tal-istess sena – il-konvoj ta’ Santa Marija.
Is-sena 1943 tintrabat ma’ żmien
meta t-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha, imma anki żmien meta ħabat
it-tieġ bejn Vitor u Emilia (l-20 ta’ Frar 1943) u meta l-bumbardamenti fuq
Malta naqsu ħafna. Frar tal-1943 iġib miegħu l-mewt ta’ personaġġ ewlieni
fil-ġrajja wara attakk aħrax mill-ajru. F’Ottubru tal-1944 Emilia tkellem badessa
fil-kunvent tas-sorijiet Agostinjani u tieħu deċiżjoni importanti f’ħajjitha li
twassalna lejn l-aħħar tas-sena 1946. L-aħħar data li naqraw f’dan ir-rumanz
hija s-sena 1966. Mela mil-lat temporali Emilia
– It-Tfajla tal-Belt tifrex fuq bejn wieħed u ieħor 33 sena.
SPAZJU:
Aspett importanti ieħor rigward
il-ġrajja ta’ rumanz huwa l-ispazju fejn isseħħ l-azzjoni. Hawnhekk jaħkem fuq
kollox l-ispazju tal-Belt Valletta, sit ta’ xogħol u residenza għal bosta
Maltin. Matul il-ġrajja jissemmew bosta toroq u rkejjen oħrajn ta’ din il-belt
kapitali, fosthom, Portu Salvu, Pjazza Reġina, Triq id-Dejqa, il-Port il-Kbir,
Lascaris, il-knisja ta’ Ġieżu, ta’ Pinto, il-fortizza ta’ Sant’Iermu,
il-Mandraġġ u l-Arċipierku, Triq San Marku, il-knisja ta’ Santa Rita, Triq San
Pawl, Strada Rjali, il-Palazz tal-Gvernatur fi pjazza San Ġorġ, Triq l-Ifran,
Triq il-Merkanti, Triq San Ġwann, Triq Brittania, Bieb il-Belt, Triq
in-Nofsinhar, it-Teatru Rjal, San Federiku, u l-Berġa ta’ Kastilja.
Il-Parlament huwa spazju magħluq u
s-sit fejn tiltaqa’ l-klassi għolja u tal-mexxejja tal-pajjiż. Il-knejjes
jissemmew f’rabta ma’ attivitajiet ta’ kuljum bħall-quddiesa ta’ filgħodu, imma
anki tiġijiet u funerali. Dawn jintrabtu wkoll mal-uffiċċju tal-kappillan li
dak iż-żmien kien figura importanti li jagħti pariri siewja u jgħin fil-qari
ta’ dokumenti differenti għal min ma kienx jaf jaqra minħabba l-livell għoli
ta’ illitteriżmu. Anki l-illitteriżmu jista’ jinftiehem bħala spazju, imma din
id-darba bħala spazju astratt. Hemm ukoll il-kunvent, spazju fejn wieħed isib
ftit faraġ kontra t-tiġrib tal-ħajja. Proprju fil-bitħa tal-kunvent
tal-patrijiet Agostinjani jsir il-festin tat-tieġ bejn Vitor u Emilia. Il-knejjes
u l-kunventi jintrabtu mal-ispazju ta’ Malta Nisranija, b’personaġġi
bħall-kappillan u swor Marija Tereża li jingħataw rwol importanti.
Numru ta’ azzjonijiet jitpoġġew
fi ħwienet differenti, fosthom il-ħanut tal-kafè jew il-ħanut tal-ħaxix ta’
Ġamri. Il-Port il-Kbir, apparti li kien spazju ta’ bosta attivitajiet u fejn
bosta Maltin kienu jaħdmu bħala burdnara, kien ukoll is-sit minn fejn bosta
Maltin kienu jemigraw darba għal dejjem biex isibu ħajja aħjar barra minn
xtutna. L-awtur ifakkarna f’kemm inxtered dmugħ hawnhekk minħabba l-firda bejn
ġenituri u wlied, jew bejn maħbubin, minħabba l-emigrazzjoni. Ma ninsewx li
xatt il-Belt kien ukoll spazju li joffri serħan waqt il-ħin liberu ta’ bosta.
Spazju ieħor li jispikka f’dan
ir-rumanz hu d-dar, fejn naqraw dwar ferħ u sliem marbutin mal-aħbar ta’ żwieġ
fil-qrib. Fid-dar ta’ Emilia parti mill-azzjoni sseħħ fil-kċina fejn tinġabar
il-familja biex tiekol u titkellem flimkien, fejn hemm ir-Rediffusion bħala mezz importanti ta’ komunikazzjoni u
intratteniment u fejn jingħad ir-rużarju. Dan hu spazju li jintrabat mal-klassi
tal-ħaddiema, nies sempliċi u fqar.
Il-gwerra hija element importanti
f’Emilia – It-Tfajla tal-Belt. Ma
setax jonqos għalhekk li parti kbira mill-azzjonijiet iseħħu fi spazji li
jintrabtu mal-attività bellika. Ma’ din jintrabat l-ispazju tal-lieva
bħall-kwartieri militari f’Ħal Luqa, fl-Imtarfa, u f’Ħal Safi. Jissemmew ukoll
l-ispazji ta’ difiża kontra attakki mill-ajru, fosthom l-ajruporti militari ta’
Ħal Luqa, Ta’ Qali, Ħal Far, u l-fortizzi ta’ Sant’Iermu u Sant’Anġlu, mgħammra
bl-aqwa armamenti u truppi. Il-kwartieri ta’ Lascaris huma l-ispazju fejn
jittieħdu d-deċiżjonijiet rigward strateġiji militari partikolari.
Kif tasal il-gwerra fuq Malta
mbagħad jispikka l-ispazju tal-ħerba, bħal dik li tolqot lill-Belt Valletta -
“bini mġarraf, toroq mimlija ġebel, knejjes ħerba waħda u palazzi lanqas biss
tagħrafhom.” (Kap. 17) -, imma anki l-Furjana, il-Kottonera u l-irħula
differenti. Fi żmien ikrah bħal dan kienu importanti x-xelters li fihom kienu
jsibu kenn eluf ta’ Maltin waqt l-attakki mill-ajru. B’xorti ħażina però xi
drabi x-xelters kienu jinbidlu minn spazji ta’ kenn għal spazji ta’ mewt: dan
meta kienu jintlaqtu direttament minn xi bomba li kienet tħalli ħerba u kull
min ikun hemm taħt kien jiġi mirdum, mifgugħ u jispiċċa mejjet. Spazji ta’
rifuġju kienu wkoll l-għerien.
Il-barracks ta’ Kalafrana u l-Palazz ta’ San Anton kienu joffru ftit
mistrieħ lit-truppi waqt il-gwerra. Min-naħa l-oħra, il-Port il-Kbir kien
jinbidel minn spazju ta’ periklu minħabba li kien jiġbed fuqu bosta attakki
mill-ajru għal wieħed ta’ tama meta kien jasal xi konvoj bil-provvisti, bil-munizzjonijiet,
bi truppi u biż-żejt. Portijiet oħra li jissemmew fir-rumanz huma l-portijiet
ta’ Marsaxlokk u ta’ Bengħajsa. Spazji oħrajn li jintrabtu direttament mal-gwerra
kienu l-isptarijiet li fi żmien il-gwerra kienu importanti ferm biex joffru
kura u fejqan lil bosta suldati: hawn jissemmew l-Isptar Ġenerali fil-Furjana,
Bighi u l-Imtarfa.
L-azzjoni tar-rumanz isseħħ fi
spazji oħrajn, bħall-għelieqi lejn is-Swatar u Birkirkara, fejn dak iż-żmien
kienu jaħkmu oqsma kbar ta’ raba’ li minnhom il-Malti kien jaqla’ x’jiekol, u
l-Ħamrun u l-Imsida, l-ispazji fejn jgħixu ħut Vitor.
It-tema tal-emigrazzjoni
tintrabat ma’ spazji partikolari wkoll. Fil-Berġa’ ta’ Kastilja kien hemm
l-uffiċċju tal-emigrazzjoni. Minn jaf kemm-il Malti u Maltija ħallew lil xtutna
biex sabu ħajja aħjar f’pajjiżi oħrajn bħal Ġibiltà, l-Awstralja, l-Amerika, u l-Afrika! Il-Port il-Kbir kien l-ispazju
tal-punt tat-tluq, filwaqt li portijiet bħal Port Said fl-Eġittu u Singapore
kienu spazji ta’ waqfa matul il-vjaġġ twil lejn id-destinazzjoni aħħarija,
jiġifieri Melbourne, fl-Awstralja. Hemm parti fejn l-ispazju hu dak fuq
il-vapur waqt il-vjaġġ lejn l-Awstralja – spazju ta’ tranżizzjoni u ta’
solidarjetà kbira bejn iż-żgħażagħ Maltin -, filwaqt li l-belt ta’ Melbourne
fissret stabbiltà għal eluf ta’ Maltin.
Filwaqt li Malta tista’
tinftiehem bħala spazju negattiv fis-snin Tletin u Erbgħin, ladarba komplew
jikbru l-qgħad, il-faqar, it-theddida mill-Faxxisti mill-1938 ’il quddiem, u
aktar tard waslet ukoll il-gwerra li damet qatigħ, l-Awstralja tinftiehem bħala
spazju pożittiv għall-emigranti bħal Frankie li sabu xortihom permezz tal-kuraġġ,
l-għaqal u l-ħidma.
Ta’ min insemmu wkoll il-Mediterran
bħala spazju ta’ attività militari sfiqa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kif
ukoll l-ispazju tal-Olokawst, meta fir-rumanz jissemmew saħansitra l-kampijiet
tal-konċentrament bħal Auschwitz, Dacau u Vaivara.
ĦSEJJES:
Wieħed jista’ jgħid li Emilia – It-Tfajla tal-Belt huwa rumanz
li jissejjes ħafna fuq l-aspett udittiv. Il-ħsejjes li naqraw dwarhom waqt
il-ġrajja huma bosta. Hemm il-ħsejjes li jintrabtu mal-għodwa bħad-daqq tal-qniepen
tal-knejjes biex jistiednu lill-Maltin għall-quddiesa ta’ filgħodu, il-ħsejjes
tal-ħbabat u tal-imfietaħ, l-ilħna tal-bejjiegħa – ilkoll jgħajtu kemm jifilħu
biex ibigħu l-prodotti tagħhom -, il-ħsejjes tal-għodda tal-ħaddiema jżaqżqu
jew iħabbtu, imma anki t-tokki tal-Ave Maria, il-ġentlomi jitkellmu bl-aċċent
Taljanizzat, il-bejjiegħ tal-gazzetta b’vuċi li tidwi, id-daqq tad-diski jew
grupp mużikali fil-ħwienet ta’ Triq id-Dejqa.
It-toroq tal-Belt kienu jimtlew
b’persuni jitkellmu b’kull ilsien, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż,
il-Malti, l-Għarbi, ftit Spanjol u saħansitra l-Grieg, bil-bejjiegħa tal-ħut
jgħajtu b’ħanxra liema bħalha, bix-xjuħ jitkellmu u jqasqsu, u bin-nisa
jitkellmu mill-gallarija b’leħen għoli.
Fl-ispazju magħluq tal-Parlament
jinstemgħu l-ilħna tal-membri tal-parlament jitkellmu bit-Taljan jew bil-Malti
b’aċċent pjuttost taljanizzat, il-qanpiena ċċempel biex tħabbar bidu tas-seduta
parlamentari oħra, l-applaws tal-membri tal-Gvern u t-tisfir tal-Oppożizzjoni, l-ilħna
jogħlew u xi tisbita fuq il-mejda f’waqtiet ta’ tensjoni u teħid ta’
deċiżjonijiet varji.
Anki l-ispazju ċkejken tad-dar
għandu l-ħsejjes tiegħu, fosthom l-ilħna tal-aħwa, iċ-ċekċik tal-platti
fil-kċina, it-tpaċpiċ u t-tressiq tas-siġġijiet, il-vuċijiet minn taħt, u
l-ħoss tal-purtelli tat- twieqi jinfetħu. Ma ninsewx li dawn huma ħsejjes li
jintrabtu l-iktar ma’ żmien ta’ sliem.
Hemm imbagħad il-ħsejjes li
jintrabtu mal-uġigħ tal-bniedem u mal-ispazju tal-isptar. Nisimgħu lil Tereża
tibki wara l-aħbar ħażina tal-marda ta’ żewġha. Aktar biki u tnewwieħ min-naħa
tagħha wara l-aħbar li binha, Frankie, kien se jemigra. L-għajat u l-biki ma
jonqosx ladarba dan ta’ Said-Zammit hu rumanz li jinsisti fuq it-tbatija
tal-bniedem: hemm il-ħsejjes tad-disperazzjoni waqt il-ħin tal-addijo fil-Port
il-Kbir, tal-omm li tirċievi l-aħbar tal-mewt ta’ wliedha suldati, ta’ min
tilef ġenituri u aħwa minħabba l-gwerra, u l-karba tal-moribond.
Ħsejjes oħrajn huma l-qanpiena
ddoqq fl-isptar biex tħabbar il-ħin biex jitilqu l-viżitaturi; it-taħbita fuq
il-bieb li tħabbar traġedja, feriment jew mewt ta’ suldat; il-ħoss tas-suffara
li tħabbar ħin l-imbark għal dawk li se jħallu lil Malta, u l-ħsejjes tal-magni
tal-vapur; il-vuċi tal-iben li jiġi lura d-dar qawwi u sħiħ u li għall-omm hu
rigal u jfisser ħajja; il-ħoss tal-qniepen tal-knejjes idoqqu l-Ave Maria – ħsejjes tan-normalità – u li
aktar tard, minflokhom, jinstemgħu s-sireni jħabbru attakk wara l-ieħor
mill-ajru; it-talb fil-knejjes u fid-djar biex il-Madonna teħles lill-Maltin
mit-tiġrib tal-gwerra u l-invażjoni; is-sirena ddoqq u twerżaq bħala avviż ta’
attakk imminent mill-ajru; l-ajruplani bil-magni jvenvnu; it-tisfira tal-bombi
u wara sensiela ta’ splużjonijiet; l-isparar tal-kanuni tad-difiża Ngliżi; ir-rużarju
u talb ieħor fix-xelter - “min jitlob bil-Malti u min iredden bil-Latin” (Kap.
17) -; is-sireni tal-ambulanzi; it-tarbija tibki fix-xelter, l-unika li salvat
wara li ntlaqat direttament minn bomba; il-vuċi fid-dlam u l-persuna li
tingħaraf minn leħinha minħabba n-nuqqas ta’ dawl waqt il-gwerra; il-qanpiena
tal-bieb tal-kunvent; u fl-aħħarnett, il-waqgħa tas-silenzju.
SIMILITUDNI:
Elementi importanti fil-binja
tar-rumanz huma d-djalogi, imma anki l-użu tas-similitudnijiet li f’dan il-każ
jintrabtu ħafna mal-Malti mitkellem. Hekk f’Emilia
-It-Tfajla tal-Belt wieħed jiltaqa’ ma’ għadd ta’ similitudnijiet: il-vuċijiet
tal-bejjiegħa qishom kor ta’ ħmir jinħqu; Emilia tordna qisha kaptan ta’ bastiment; missier Vitor li
m’għadux b’saħħtu daqs iljun qalil; l-aħbar li ġriet bħal leħħa ta’ berqa; it-tifel
imqareb li beda jaqbeż u jogħla qisu xadin; il-kliem li niżel bħall-balzmu; Emilia daqslikieku kienet
anġlu nieżel mis-sema; u oħrajn bħal, żgiċċat minn quddiem bħal żiffa riħ; naħdem
daqs kelb u qiskom żewġ prinċipessi; rasu iebsa daqs iż-żonqor tal-irdum ta’
Ħad-Dingli; bil-ġagaga bajda tperper warajhom qisha xi bandiera; qishom żewġ
tigri bil-ġuħ; dan il-kliem kollu Tereża ħassitu qisu stallett; tnewwaħ qisha
sejra xi funeral; bħal merħla mogħoż; baħar kalm qisu żejt; daqslikieku kien
tilef il-boxxla; irrabjat daqs barri fferuċjat (f’rabta ma’ emozzjonijiet ta’
rabja); qisu żiemel sfrattat; infaqa’ jibki qisu tarbija (għal min tilef lil
ħuh fil-gwerra); jibku qishom żewġ trabi (wara t-telfa tal-omm); kienet qisha
bla ras, u sfaret daqs il-lellux (minħabba l-inkwiet); u bħal ruħ mitlufa. Żgur
li similitudniijiet bħal dawn jirrendu l-ġrajja mistħajla iktar ħajja u
verosimili.
L-ASPETT KROMATIKU:
Dimensjoni importanti oħra
f’rabta mal-binja tar-rakkont hija dik kromatika, mela l-aspett tal-ilwien.
B’hekk f’Emilja – It-Tfajla tal-Belt
ma jispikkawx biss il-ħsejjes, imma għandhom preżenza anki l-kuluri, anki jekk
hi preżenza minima. B’kollox niltaqgħu ma’ ħames kuluri: l-iswed u l-abjad,
l-aħmar, l-isfar u l-kannella. L-iswed jintrabat mal-lewn tal-għenejjel li
jilbsu n-nisa tad-dar, tas-suttana tal-qassis, tal-kafè, tal-ilbies tal-luttu,
u tal-maltemp, proprju fl-eqqel tal-attakki mill-ajru. L-abjad hu l-lewn
tal-ġagaga tat-tobba u tax-xugamani, mela kulur li jintrabat mal-isptar u
mal-indafa. L-abjad jintrabat ukoll ma’ stat psikoloġiku emozzjonali wara li
dak li jkun jirċievi aħbar ħażina: “Tereża kienet saret bajda karti”. L-aħmar
jintrabat ma’ stati emozzjonali ta’ mistħija (wiċċ Emilia li jsir aħmar peprin)
jew ta’ rabja (Vitor sar aħmar nar). F’waqt ieħor l-aħmar hu anki dak tal-qargħa
ħamra. Fir-rumanz jissemma wkoll il-kulur tal-ġebla Maltija li dlonk jibdel
il-lewn safrani tiegħu għal wieħed aktar bajdani. Naqraw anki dwar Ġamri,
żagħżugħ twil u samrani (Kap. 2), u dwar tifel samrani, għajnejh lewn kannella,
xagħru iswed, qmis bajda, u qalziet qasir kannella (Kap. 21). In-nuqqas u t-tip
ta’ kuluri f’dan ir-rumanz jistgħu jintrabtu direttament mal-fatt li dak li
jiddeskrivi George Said-Zammit mhux xi żmien sabiħ u ta’ abbundanza, imma żmien
il-gwerra.
KONKLUŻJONI:
Din ta’ Said-Zammit hi wkoll
ġrajja li trid twassal għadd ta’ valuri: il-familja, l-imħabba lejn il-patrija,
il-fidi Nisranija, il-qlubija ta’ min saħansitra jmut għal art twelidu, u l-imħabba
lejn il-ġenituri. Emilia - It-Tfajla
tal-Belt hi storja li tirrakkonta firdiet u wġigħat minħabba emigrazzjoni,
mard, gwerra u għajbien ta’ persuni. Minkejja t-taqtigħ il-qalb li naqraw dwaru
matul is-snin ta’ qabel u ta’ matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-aħħar
mill-aħħar dan ta’ George Said-Zammit hu rakkont bi tmiem ferrieħi. Emilia - It-Tfajla tal-Belt hu ideali
għall-qarrej li jħobb ġrajja interessanti u li taħkmek, imma fl-istess ħin
ġrajja sempliċi miktuba fi stil li jagħti gost iktar milli jgħajji lill-moħħ.
Patrick Sammut (Settembru 2016)
Smajtu jinqara fuq radju tal-komunita' u nteressani hafna. Mhux normali nixtrì kotba bil-Malti imma dan zgur li se nixtrieh ghat sfortunatament lift xi eposidji minnu. Prosit tal-kitba.
ReplyDelete