Sunday, October 15, 2017

VAGANZI SAJFIN ta' Alfred Massa

(Alfred Massa:  Vaganzi Sajfin. Rumanz.  Horizons, 2017. ISBN 978-99957-63-84-4)
   Alfred Massa llum huwa l-awtur ta’ ġabriet ta’ poeżija – niftakru li huwa għamel żmien twil bħala l-President tal-Għaqda Poeti Maltin -, ta’ novelli u għadd imdaqqas ta’ rumanzi, bl-ewwel wieħed Is-Salib tal-Ġiżirana ippubblikat fl-1972. Dan ir-rumanz ġdid ta’ Alfred Massa għandu ftit iktar minn 200 paġna u jinqasam fi 17-il kapitlu.
  Vaganzi Sajfin mhux l-ewwel rumanz tiegħu: min jaf il-kitba tiegħu jaf li l-istil hu wieħed mexxej, b’ilsien li jinftiehem bla taħbil il-moħħ, u tematika marbuta mal-ħajja ta’ kuljum. Fiċ-ċentru hemm il-familja tradizzjonali għalkemm Massa jurina li hu konxju sew tal-bidliet li ġabet magħha l-ħajja moderna. Permezz tat-titlu, Vaganzi Sajfin jingħaqad maċ-ċiklu ta’ rumanzi ta’ Massa li jintrabtu mal-istaġuni, fosthom Weraq tal-Ħarifa (2014). It-tnejn l-oħra L-Għanja Xitwija u Rebbiegħa Kollha Lwien aktarx narawhom fix-xhur li ġejjin.
Anki f’dan ir-rumanz Massa jippreżentalna l-ħajja ta’ individwi u familji differenti u jurina safejn iwassalhom destinhom, bit-tajjeb u l-ħażin li jiltaqgħu miegħu. Mela hawn naqraw dwar il-ħajja tal-bniedem kif inhi, diretta, bla ħafna xinxilli u dekorazzjonijiet. Anki hawn – bħal f’xogħlijiet oħrajn ta’ Alfred Massa - tema ewlenija hija d-destin: “Żomm dejjem quddiem għajnejk li dak li hemm miktub, iseħħ.” (p. 160); “Kultant jiġu mumenti meta l-bniedem ikollu jagħmel li ma jridx; għax il-ħajja timponilu biex jagħmel hekk. Destin, Marisa ruħi. Destin.” (p. 162)
   L-azzjoni sseħħ fi spazji differenti, kemm lokalment kif ukoll lil hinn minn xtutna, fosthom f’Malta, fi Franza u fl-Ingilterra, kollha spazji li l-awtur ġarrab fl-ewwel persuna. Idaħħkuk il-waqtiet meta l-Maltin ikunu barra minn Malta u jintilfu: hawn joħroġ il-fatt li minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna xi drabi nikkonfondu żżejjed. Xi drabi ċ-ċokon ġeografiku jirrifletti wkoll in-nuqqas ta’ maturità mentali tagħna. Hu wkoll fatt li bħala poplu ngħaddu ġudizzju fuq l-oħrajn bla ma naħsbuha darbtejn. Huwa hawn meta Massa jikxef ukoll xi wħud min-nuqqasijiet tagħna bħala poplu.
   Temi għal qalb Massa huma s-safar, flimkien mal-imħabba, ir-rispett lejn il-ġenituri u bejn il-miżżewġin. Dan ifakkar li Massa dejjem kien favur it-tixrid ta’ valuri pożittivi - hemm min isejħilhom valuri tradizzjonali - permezz tal-kitba tiegħu.
   Naqraw dwar il-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet differenti flimkien mal-bidliet fl-attitudnijiet lejn il-ħajja li jġib miegħu ż-żmien. L-awtur iżewwaq ir-rakkont b’ingredjenti bħall-imħabba (dik li kapaċi tifred anki lill-aħwa), l-għira, il-ħbiberija, iż-żwieġ, il-libertinaġġ, ix-xewqa għall-maternità, il-biża’ mill-baħar, it-traġedja, it-twelid u l-mewt, l-uġigħ li jħossu l-ġenituri li jikbru fl-età u jaraw lil uliedhom jitilqu mid-dar, l-omosesswalità, u oħrajn.
   Stilistikament Massa jżewwaq ir-rumanz tiegħu b’siltiet narrattivi, deskrittivi (xi siltiet jixbhu lit-tagħrif li nsibu fi gwida turistika, f’oħrajn ningħataw tagħrif ta’ natura storika), riflessivi u oħrajn fejn jaħkem id-djalogu bejn il-personaġġi. Il-qarrej bħal jinħasad xi ftit f’kapitlu 8, mela lejn nofs ir-rakkont meta jseħħu żewġ affarijiet mhux mistennija. Huma avvenimenti li jkomplu jiġu żviluppati fil-kapitli ta’ wara.
   F’Vaganzi Sajfin Alfred Massa joffrilna storja sempliċi, ġeneralment b’nisġa lineari mingħajr bosta sorpriżi, li żgur tiġi apprezzata minn min iħobb tip ta’ qari mexxej. Huwa wkoll rumanz adattat għal min iħobb rakkont moqri fuq ir-radju. Matul ir-rumanz ma jintużax lingwaġġ laxk bħalma sirna nsibu normalment f’rumanzi kontemporanji. Minflok insibu wkoll l-użu kostanti ta’ Malti idjomatiku.
   Dan hu rumanz miktub minn kittieb tal-klassi 1938, mela għandna kitba li tintrabat ma’ mentalijtajiet konservattivi li jarawha diffiċli li jħaddnu użanzi u modi ġoddi li ġabet magħha d-dinja kontemporanja. Massa jesprini ruħu kontra l-abort u favur il-ħajja u l-familja tradizzjonali magħmula minn missier, omm u ulied.
   Li hu żgur hu l-fatt li Vaganzi Sajfin iġagħalna nistaqsu fejn ġabuna l-użanzi u l-modi “ġodda” tal-ħajja llum? Imxejna verament ’il quddiem jew komplejna ngħoddsu fit-tajn bla ma ħadd kapaċi jammetti dan? Wara t-taħbila u t-taħbita tal-ħajja Massa jippreferi jagħtina tmiem hieni fejn wara l-maltemp joħroġ il-bnazzi.
Patrick Sammut (Sett. 2017)



No comments:

Post a Comment