Sunday, October 29, 2017

QASAB IĊAQĊAQ - L-EWWEL VOLUM ta’ Raymond Grech, 2017. 116-il-paġna, ISBN 978-99957-1-104-7

Minkejja li Qasab Iċaqċaq hija l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ppubblikata minn Raymond Grech, dan ma jfissirx li huwa poeta li beda jikteb ilbieraħ. Huwa kiteb eluf ta’ poeżiji sa minn mindu kien ħafna iżgħar, uħud minnhom stajna ngawduhom fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook u oħrajn moqrija waqt serati letterarji diversi, fosthom dawk organizzati mill-Għaqda Poeti Maltin.

Din l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħu tiġbor fiha mal-mitt poeżija. Għandha Daħla mill-Prof. Oliver Friggieri, Kelmtejn Qabel mill-istess awtur, u żewġ kummenti kritiċi minn Alfred Massa u Tarcisio Zarb. Fi tmiem il-ktieb Grech inkluda wkoll taqsima b’Tifsir il-Kliem: lista ta’ kliem arkajku li juża fil-poeżiji tiegħu bit-tifsiriet rispettivi. Dwar l-użu fil-versi tiegħu ta’ Malti safi l-poeta jistqarr hekk: “Rigward l-għażla ta’ kliem arkajku ġejja mill-fatt li nħobb ħafna l-Malti semitiku u dak li tgħallimt tista’ tgħid li joħroġ naturali fil-kitba tiegħi. Min xi daqqiet nużah ukoll fit taħdit ta’ kuljum, u sintendi jistaqsuni b’liema lingwa qed nitkellem; wara li ngħidilhom xi tfisser il-kelma, l-għaxqa tiegħi narahom jieħdu gost jitgħallmu. Hemm ukoll raġuni akbar, il-fatt li li l-Prof. Saydon qaleb il-Bibbja mill-ilsna oriġinali f’Malti safi (hekk inħobb ngħidlu) u dan m’għandhux jintilef sabiex il-Kelma ta’ Alla tibqa’ tinqara’ bil-Malti. Qasab Iċaqċaq għandu glossarju ta’ dan il-kliem użat.”

 L-istil li juża Grech huwa ġeneralment wieħed tradizzjonali, mela jitħaddmu forom metriċi u prosodiċi regolari bħall-kwartina jew l-ottava bir-rima mqabbża, imma anki t-terzina, is-sunett Ingliż (fosthom dak iddedikat lill-Għaqda Poeti Maltin li tagħha Raymond Grech ilu membru snin twal u jieħu ħsieb ukoll is-sit elettroniku tagħha) u dak Taljan, is-senarju, is-settenarju, l-ottonarju u l-endekasillabu. Minkejja dan hemm drabi meta l-poeta jitbiegħed jew jeħles mill-irbit tradizzjonali u jħaddem forom ħielsa. Hemm drabi meta joqrob ħafna lejn il-vers projettiv, fejn il-forma b’xi mod tirrifletti t-tematika tal-poeżija, bħal f’Ix-Xita. Kull poeżija hija ddatata, mela wieħed jista’ jara kif il-poeta żviluppa minn sena għall-oħra. Hemm poeżiji fejn Grech jinkludi wkoll fl-aħħar kwotazzjoni mill-Bibbja u anki xi tagħrif miżjud minnu stess li jintrabat mal-kuntest meta nkitbet jew inqrat il-poeżija partikolari. Numru minnhom rebbħuh saħansitra għadd ta’ Premji Letterarji.

Metaforikament Grech jixrob l-iktar mid-dinja naturali u dik Biblika jew tal-Apokalissi. Pereżempju f’Il-Lejl Sar Ħmar il-Lejl naqraw dwar “Id-dwiefer tad-dragun” jew “il-bhima kerha”, u f’Mal-Miġja tar-Rikkieb naqraw b’“Rikkieb fuq żiemel bajdani”. Huma versi li fihom ma jonqosx is-simboliżmu.  Fost it-temi ttrattati hemm dik soċjali (ara Il-Milied taż-Żigarelli), it-twemmin, l-eleġija (Missieri – Tliet Ġrajjiet), u l-poetika (poeżiji sbieħ ferm huma Il-Ġawhar Tiegħi u Granit). Hemm drabi meta l-poeżija ta’ Grech tieħu xejra konfessjonali iktar b’saħħitha bħal f’Ommi – Tliet Firdiet, drabi oħra xejriet nostalġiċi bħal Ix-Xatt ta’ Kususana Tas-Sliema jew Ix-Xalè (“Tgerbu s-snin mingħajr ma belgħek il-Grigal,/ mafkar l-imgħoddi tixxaħxaħ f’Għar-id-Dud./ Ġrajja ta’ nofs is-seklu l-ieħor għoxrin,/ li għaddiet fil-hena fuq żmienek magħdud.”), u oħrajn xejriet patrijottiċi bħal Il-Minsija (“B’dehwa nistaqsik, ‘Għażiża Malta, int/ xi tħoss f’qalbek f’dis-siegħa ewforika?’/ Uliedek għebu. Triqatek stramani./ Insew għall-waqt li int il-blata storika.”)

Alfred Massa, fil-kumment tiegħu għall-poeżija Djalogu ta’ Raymond Grech, ifakkarna fir-rabta bejn il-passat, il-preżent u l-futur, imma anki fl-importanza tat-tfittxija għall-verità: “It-tiftix tiegħu donnu effett tal-kilba li għandu għall-kisba tal-verità. Hawn allura wieħed jifhem għaliex jagħti daqstant importanza lill-Ħallieq li hu l-qofol tad-dimensjoni sħiħa taż-żmien. […] il-poeta jidher kemxejn xettiku dwar il-prezent. Ħtija ta’ dan ġieli jbati minn nostalġija għall-passat. B’danakollu, it-tama dwar il-ġejjieni ma tonqsux.”

F’rabta mat-titlu tal-ġabra u t-twemmin il-poeta jistqarr hekk: “Għammidt din il-ġabra ta’ poeżiji Qasab Iċaqċaq għax inħoss li d-dinja waqgħet f’nixfa kbira fejn jidħol il-galbu u s-sewwa, fejn f’dak li nara u li nisma’, nintebaħ li l-ħajr lejn il-Ħallieq, tal-ħolqien madwarna u lil hinn, huwa nieqes sew. Fil-fehma u l-ħsus tiegħi, ir-raba’ saqwi u l-art għammiela saru xagħri, fejn nittama li b’dawn il-versi tinħoloq kuxjenza għas-sewwa u s-sabiħ, sabiex l-għarfien tal-Mulej jikber. Nemmen li kelma tajba meta toħroġ ma tiġix lura b’xejn. Tassew li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.” Hawn il-poeżija sservi bħala twissija jew għallinqas tipprova tiftaħ għajnejn il-bniedem biex jipprova jkun aħjar milli hu bħalissa. Mela dik ta’ Raymond Grech mhix biss art for art’s sake, imma iktar minn hekk. F’rabta ma’ dan u f’rabta mal-poeżija Is-Sahrin, Tarcisio Zarb jikteb hekk fil-kumment tiegħu: “Immexxi min-nisġa narratorja Biblika, il-poeta joħloq huwa l-mitopoeia tiegħu, il-mitopoeia, ta’ min ma jridx li jħalli il-kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid, ’il barra minnu. Imma għall-kuntrarju, huwa jissiehem fihom, u jagħmilhom tiegħu. Huwa jishar fl-istess xewqat tiegħu bil-għan li jara li s-sewwa u t-tajjeb jirbħu.”

F’rabta mal-aspett konfessjonali l-Prof. Oliver Friggieri jikteb hekk fid-Daħla: “Aktar ma jgħaddi ż-żmien, ir-rabta mal-Poeżija aktar tissaħħaħ u ssir bħallikieku l-fakultà li biha l-awtur, huwa u jikteb, ikun kapaċi janalizza lilu nnifsu, jagħraf il-bilanċ meħtieġ bejn l-emozzjoni u r-raġuni, u jsib sodisfazzjon fil-fatt li għallinqas, minkejja t-tiġrib kollu, il-Poeżija trodd il-possibiltà li l-ħajja tkun irrakkontata. F’termini prattiċi, il-kitba tal-Poeżija tieħu l-funzjoni ta’ djarju li jinbena ftit ftit, storja waħda b’diversi naħiet.”

Qasab Iċaqċaq hija perfetta bħala ġabra biex tintroduċina għall-poeżija riflessiva u bnina ta’ dan il-poeta li, kif għedt, ilu jikteb il-versi sa minn ċkunitu. Din mhix ġabra li għandha tinqara f’nifs wieħed, imma l-qarrej jista’ jaqbad tnejn jew tliet poeżiji kuljum, f’ħinijiet differenti tal-jum u jaqrahom u jixtarrhom bil-mod. Hekk jew hekk jaqta’ ftit mill-ġirja tal-ħajja u jsib ftit ħin biex jieqaf u jirrifletti fil-kwiet dwar ħwejjeġ li ma jidhrux importanti għall-ewwel imma fil-verità jagħtu l-vera tifsira lill-ħajja.

Nispiċċa b’dawn il-kliem ta’ Raymond Grech stess: “Bdejt nikteb il-poeżija meta kont għadni żgħir, żgħir wisq biex niftakar l-ewwel versi li ktibt. Niftakar li l-ewwel poeżija li ħriġt mill-kexxun kont urejtha lill-għalliem tiegħi s-Sur Frans Sammut. Wara li fela l-poeżija sew, dar fuqi u qalli, ‘prosit Raymond, poeżija tajba u sabiħa.’ Dawk kienu waqtiet li saħħuni sabiex inkompli nikteb.”


Patrick Sammut (Sett. 2017)

No comments:

Post a Comment