Sunday, October 29, 2017

AFORIŻMI - ĠABRA TA’ AFORIŻMI, ASSJOMI, SKARTATURI U LOGĦOB BIL-KLIEM Alfred Palma, 2017

Isem Alfred Palma jintrabat l-aktar mal-qasam tat-traduzzjoni. Huwa qaleb għall-Malti xogħlijiet ta’ Dante Alighieri, William Shakespeare, Oscar Wilde, Voltaire, u oħrajn; u għall-Ingliż xogħlijiet ta’ għadd ta’ kittieba Maltin. Però, Palma huwa wkoll l-awtur ta’ numru ta’ xogħlijiet oriġinali, fosthom rumanzi, ġabriet ta’ novelli u poeżiji. 

Din id-darba Palma ssorprendina b’ġabra oriġinali ta’ aforiżmi, assjomi, skartaturi u logħob bil-kliem, għalkemm kif niskopru mill-Kelmtejn Qabel, din mhix l-ewwel pubblikazzjoni ta’ din in-natura ta’ Palma stess. Basta wieħed isemmi A Book of Wit, ippubblikat fl-Ingilterra fl-1990, u ...What was I saying? A Book of Wit (1996). L-aforiżma hija sentenza qasira li fiha hemm magħsurin osservazzjonijiet u tiġrib min-naħa tal-awtur. Kitbiet ta’ din ix-xeħta qrajna ħafna mill-pinna ta’ Oscar Wilde, awtur apprezzat ħafna minn Palma. 

Issa dan tal-aħħar qed jippreżentalna numru mdaqqas ta’ sentenzi jew riflessjonijiet qosra li għandhom kemm mill-umoriżmu kif ukoll mill-ispirtu pront maħsubin u miktubin b’ilsien art twelidna stess. Hekk jikteb fil-bidu tal-ktieb Palma: “F’dan il-ktieb isaltan suprem iċ-ċiniżmu, li jifforma parti integrali mill-karattru tiegħi; iżda hemm ukoll l-element qawwi ta’ umaniżmu satiriku, li jien ma nużax biex inwaġġa’ iżda biex ngħallem, u fl-istess waqt innissel tbissima jew daħka, toniċi tant meħtieġa fil-ħajja mqallba, sfrenata u kaotika tal-lum.” Palma jikteb ukoll li, “il-biċċa l-kbira tal-aforiżmi li jinsabu f’dan il-ktieb huma ħolqien tiegħi; oħrajn huma adattamenti minn awturi kbar li, minbarra dik it-tingiża għall-ġid, riedu jinqdew bihom ukoll biex jgħallmu u fl-istess ħin jiddevertu lill-qarrejja, jew lis-semmiegħa, tagħhom.” 

Nagħlaq billi nikkwota xi aforiżmi inklużi f’din il-pubblikazzjoni ġdida: “L-akbar traġedja ta’ ħajti kienet li dejjem ħabbejt lil min qatt ma seta’ jħobbni u kont maħbub minn min qatt ma stajt inħobb!”; “Raġel neħħilu l-kelma... U timmutah!”; “Illum l-ambjent sar prijorità... Għall-esplojtazzjoni!”; “Is-soċjetà normalment tinjora għal kollox lill-artist f’ħajtu, biex imbagħad tibnilu monument wara mewtu!”; u fl-aħħar nett, “Idħaq, u d-dinja tidħak miegħek; ibki u d-dinja tidħak bik!”


No comments:

Post a Comment