Thursday, July 12, 2018

L-ISTAR TAL-IMGĦODDI ta’ Alfred Massa, Horizons, 2018. ISBN 978-99957-75-18-6


Illum isem Alfred Massa huwa wieħed familjari ma’ dawk kollha li jħobbu l-letteratura Maltija. Massa stess qatta’ parti kbira minn ħajtu jagħti kontribut siewi u attiv f’dan il-qasam, kemm bħala editur ta’ paġni letterarji, bħala membru ta’ għaddiet letterarji differenti, bħala parteċipant attiv waqt programmi radjufoniċi u anki bħala President u issa President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Kif nafu, huwa wkoll kittieb u awtur ta’ numru ta’ ġabriet ta’ poeżija, ta’ rakkonti, kif ukoll ta’ għadd imdaqqas ta’ rumanzi.

L-Istar tal-Imgħoddi ra d-dawl għall-ewwel darba fis-sena 1977 u kien ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin. Dak iż-żmien it-tipa kienet kemxejn irqiqa u r-rakkont kien jifrex fuq 90 paġna filwaqt li d-dedika kienet “Lil dawk kollha mjassrin mill-barrani.” Is-sena 2018 rat it-tieni edizzjoni ta’ dan ir-rumanz u dan proprju f’għeluq il-50 sena minn mindu l-eks Unjoni Sovjetika u dawk li kienu l-Qawwiet tal-Patt ta’ Varsavja invadew dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja, bejn nhar it-Tlieta 20 u nhar l-Erbgħa 21 ta’ Awwissu 1968. F’dan ir-rumanz rivedut u mmodernizzat, Massa żamm kważi l-istess dedika: “Lil dawk il-popli mjassrin mill-barrani”, kif ukoll id-Daħla tal-Prof. Ġużè Galea li kien kiteb fl-1975. It-tipa hija ikbar u b’hekk din id-darba r-rakkont jinfirex fuq 160 paġna, filwaqt li jinżamm l-istess numru ta’ kapitli (ħdax b’kollox). Massa jinkludi fl-aħħar tal-ktieb kummenti minn personalitajiet differenti dwar l-istess rumanz meta kien ħareġ fl-1977.

Dwar dan ir-rumanz Galea jikteb li Massa jislet moral jew messaġġ li jolqot lill-qarrej u jġiegħlu jirrifletti. Jgħid ukoll li Alfred Massa għandu ħabta jinqeda bir-rakkont ħalli jistħarreġ dwar problemi li jolqtu l-ħajja tal-bniedem u fl-istess ħin biex ifisser il-fehma tiegħu u jargumenta fuq il-mottiv u l-effett ta’ dawk il-problemi. F’dan ir-rumanz storiku Massa jkteb dwar valuri li qed jiġġennbu aktar maż-żmien qed jgħaddi: familja, tjieba, irġulija, ħbiberija,u fidi fil-Ħallieq. Din ta’ Ġużè Galea hi Daħla li nkitbet 48 sena ilu imma għadha attwali sal-ġurnata tal-lum.
L-ewwel paġni jlaqqgħuna ma’ familja: in-narratur, martu Nina u ż-żewġ uliedhom, Alexander u Godfrey. Ftit wara però n-narratur, Karm, li studja l-Mediċina, iħabbar flashback li toħodna bosta snin lura. Fiċ-Ċekoslovakkja – li tinsab wara l-Purtiera tal-Ħadid - għaddejja mewġa ta’ ħelsien taħt il-President Svoboda u s-Segretarju tal-Partit Komunista, Alexander Dubcek. Massa mill-ewwel jagħtina ċerti dettalji storiċi biex idaħħalna fis-sitwazzjoni politiko-storiko-soċjali tal-mument. Ningħataw data preċiża – it-13 ta’ Lulju 1968 – meta Karm u sieħbu, li kienu għadhom żgħażagħ, waslu fiċ-Ċekoslovakkja għal btala wara li spiċċaw l-istudji universitarji tagħhom. Diġà minn hawn toħroġ għad-dawl waħda mit-temi rikorrenti fil-kitba ta’ Massa, id-Destin: “nemmen b’qalbi kollha fid-destin.”

Mekkaniżmu narrattiv għal qalb Massa huwa d-deskrizzjoni u l-attenzjoni għal dettalji anki topografiċi, fejn isemmi saħansitra momument tal-bronż iddedikat lill-poeta Ċekoslovakk Jan Kollâr. Jiġu nklużi anki referenzi intertestwali, bħal meta Massa jislet parti mill-poeżiji ta’ Dun Karm Psaila Lil Malta u aktar ’il quddiem, Spes Ultima, filwaqt li ma jonqosx l-użu tal-qwiel kemm bil-Malti kif ukoll xi wħud bil-Latin. Massa jinkludi bosta tifkiriet ta’ Malta fil-passat, fosthom tradizzjonijiet u passatempi li ntilfu maż-żmien.

Il-waqt li fih isibu ruħhom iż-żewġ żgħażagħ turisti Maltin fi Praga hu wieħed fejn jinħassu kemm tensjoni kif ukoll inċertezza, u b’hekk jgħaddulhom numru ta’ dubji u biżgħat proprju għax f’pajjiż komunista u fejn il-Knisja Kattolika hija klandestina u mxekkla mir-reġim. Minn ċertu punt ’il quddiem Massa jintroduċi storja ta’ ħbiberija u mbagħad ta’ mħabba bejn ġuvni Malti u tfajla Ċekoslovakka, Nina. Hawn l-istampa żgħira tar-rakkont fittizzju titqiegħed fuq sfond ħafna ikbar: avvenimenti storiko-politiċi ta’ natura drammatika. Huwa hawn fejn tixref tema oħra importanti fil-kitba ta’ Massa: il-fidi bħala sabar u kuraġġ f’mumenti ta’ periklu kbir.

Bħal dejjem, il-lingwa li jħaddem Massa hija waħda nadifa u l-istorja hija ġeneralment lineari b’waqtiet li jimmiraw biex jaħsdu lill-qarrej. L-Istar tal-Imgħoddi hu rumanz dwar il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-ħelsien u l-jasar ta’ poplu, imma anki dwar l-imħabba ta’ bejn ġuvni Malti u tfajla Ċekoslovakka. Massa jurina li bħala poplu ċ-Ċekoslovakki la huma poplu iblah u lanqas wieħed li tbellagħlu r-ross bil-labra, l-aktar iż-żgħażagħ.

Ir-rakkont jikseb ċerta saħħa meta naqraw bil-vjaġġ li l-protagonisti jibdew lejn il-ħelsien. Dan huwa vjaġġ fiżiku diffiċli u li jieħu ħafna żmien. Intant Massa jfakkarna li fost is-suldati invażuri kien hemm min mhux kuntent anki għax sfurzat jagħmel xogħol bħal dan. Naqraw dwar inizzjattivi min-naħa taċ-Ċekoslovakki biex ifixklu kemm jista’ jkun lill-invażuri. Hawn Massa jislet tagħrif storiku direttament minn gazzetti lokali, xi ħaġa li ġieli ttul xi ftit wisq u b’hekk tista’ ddejjaq, minkejja li wieħed irid jammetti li permezz t’hekk l-awtur jiċċara iktar il-kuntest politiko-storiku li fih qiegħed il-ġrajja fittizzja tiegħu.

Il-qarrej jingħata ftit nifs mit-tensjoni meta mir-realtà kiefra tal-belt ta’ Praga okkupata mill-forzi Sovjetiċi, Massa joħodna fid-dinja idillika tal-boskijiet u l-kampanja ta’ Pisek u l-madwar. Hawn jintroduċi nota ambjentalistika: “[F]himt kemm aħna l-Maltin neqsin minn ġmiel ta’ dik ix-xorta, imma fhimt ukoll kemm il-bniedem hu fid-dmir li jibża’ għall-ambjent, mera tal-kobor u l-imħabba tal-Ħallieq.” Minkejja sitwazzjoni nazzjonali mwiegħra, naqraw dwar aħbarijiet tajba f’rabta ma’ dak li jseħħ lill-protagonisti.

B’xi mod dan ir-rakkont ifakkar ukoll fl-ostakli, fit-tiġrib u fil-perikli li l-immigranti-refuġjati jkollhom jgħaddu minnhom anki llum: firda mill-maħbuba, biża’, inċertezza, mewt. Massa jurina kemm il-ħajja taf tkun paradossali: jorbot waqt ta’ ħelsien u ferħ ma’ wieħed fejn hi b’saħħitha l-mewt. B’hekk niltaqgħu ma’ siltiet deskrittivi (fejn jiġu alternati pessimiżmu u ottimiżmu) u oħrajn riflessivi.

148 paġna wara li tibda l-flashback Massa joħodna lura għall-preżent. Mid-dittatura mmorru lura għad-demokrazija; fuq naħa, il-mewt, il-firda mill-persuni li nħobbu, u fuq l-oħra, l-imħabba bejn mara u raġel, il-familja, l-ulied. Taħkem l-idea li l-ħajja tal-bniedem mhix waħda faċli imma min-naħa l-oħra hemm is-solidarjetà u l-fidi f’ħajja aħjar.

Għal xi wħud rumanz bħal dan jista’ ma jinżilx tajjeb għax għandu laqtiet moralistiċi, daqskemm jista’ jinżel tajjeb ma’ min iħobb rakkont nadif, bla kumplessitajiet żejda. L-Istar tal-Imgħoddi, 50 sena wara l-invażjoni tal-Unjoni Sovjetika fiċ-Ċekoslovakkja u 41 sena mill-ewwel edizzjoni tiegħu llum bħal jerġa’ jakkwista l-attwalità tiegħu f’dinja, u mhux biss ’il bogħod minna imma qrib sew tagħna, fejn il-qawwiet tal-poter għadhom jimmanipulaw l-imħuħ dgħajfin, f’dinja fejn ir-rispett lejn in-natura naqas qatigħ u f’dinja fejn il-movimenti ta’ popli sħaħ, it-tiftixa għal ħajja aħjar u l-ġlieda bejn ħażin u tajjeb għadhom b’saħħithom sew.

Patrick Sammut (Lulju 2018)

No comments:

Post a Comment